Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0092

Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku

OJ L 27, 30.1.1997, p. 20–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Estonian: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Latvian: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Lithuanian: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Hungarian Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Maltese: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Polish: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Slovak: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12
Special edition in Slovene: Chapter 12 Volume 002 P. 3 - 12

No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004; Imħassar b' 32003L0054

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/92/oj

31996L0092



Official Journal L 027 , 30/01/1997 P. 0020 - 0029


Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’ mod partikolari l-Artikolu 57(2), l-Artikolu 66 u l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

(1) Billi huwa importanti illi jkunu adottati miżuri biex jiżguraw it-tħaddim sewwa tas-suq intern; billi s-suq intern għandu jikkonsisti f’żona mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u l-kapital huwa żgurat;

(2) Billi t-tlestija ta’ suq kompettitiv ta’ l-elettriku huwa pass importanti lejn it-tlestija tas-suq intern tas-suq ta’ l-enerġija interna;

(3) Billi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni sħiħa tat-Trattat, b’ mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern u kompetizzjoni;

(4) Billi t-twaqqif tas-suq intern ta’ l-elettriku huwa b’ mod partikolari importanti sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ dan il-prodott, filwaqt illi tittejjeb is-sigurtà tal-produzzjoni u l-kompettitività ta’ l-ekonomija Ewropea u r-rispett tal-protezzjoni ambjentali;

(5) Billi s-suq intern fl-elettriku għandu bżonn ikun stabbilit bil-mod, sabiex l-industrija tkun tista’ taġġusta b’mod flessibbli u ordnat għall-ambjent il-ġdid tagħha u biex jittieħed kont tal-metodi differenti illi bihom sistemi ta’ l-elettriku huma organizzati fil-preżent;

(6) Billi l-istabbiliment ta’ suq intern fis-settur ta’ l-elettriku għandu jiffavorixxi l-interkonnessjoni u interoperabbilità tas-sistemi;

(7) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/547/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1990 dwar it-transitu ta’ l-elettriku minn grids ta’ trasmissjoni [4] u Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1990 dwar proċedura Komunitarja biex ittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet ta’ gass u elettriku mitluba lill-utenti ta’ l-aħħar industrijali [5], jipprovdu għall-ewwel fażi għat-tlestija tas-suq intern fl-elettriku;

(8) Billi issa huwa neċessarju illi jittieħdu aktar miżuri bl-iskop illi jitwaqqaf is-suq intern fl-elettriku;

(9) Billi, fis-suq intern, imprizi ta’ l-elettriku għandhom ikunu kapaċi joperaw, mingħajr preġudizzju għall-konformità ma’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, bl-iskop illi jilħqu suq kompettitiv fl-elettriku;

(10) Billi l-Istati Membri, minħabba differenzi strutturali fl-Istati Membri, bħalissa għandhom sistemi differenti biex jirregolaw is-settur ta’ l-elettriku;

(11) Billi, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, prinċipji ġenerali li jipprovdu għal struttura għandhom ikunu stabbiliti f’livell Komunitarju, iżda l-implimentazzjoni dettaljata tagħhom għandhom titħalla għall-Istati Membri, għalhekk tippermetti lil kull Stat Membru illi jagħżel il-liġijiet illi jikkorrispndu l-aħjar għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu;

(12) Billi, tkun xi tkun in-natura ta’ l-organizzazzjoni tas-suq f’dak il-mument, l-aċċess għas-sistema għandu jkun miftuħ skond din id-Direttiva u għandu jwassal għal riżultati ekonomiċi ekwivalenti fl-Istati u b’hekk għal livell direttament komparabbli mal-ftuħ tas-swieq u grad direttament komparabbli ma’ aċċess ta’ swieq ta’ l-elettriku;

(13) Billi għall ċerti Stati Membri l-imposizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jkunu neċessarji biex jiżguraw is-sigurtà ta’ produzzjoni u protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ambjent, li, fl-idea tagħhom, il-kompetizzjoni libera, jekk titħalla weħedha, ma tistax neċessarjament tiggarantixxi;

(14) Billi ppjanar fit-tul jista’ jkun wieħed mill-mezzi biex jitwettqu dawk l-obbligi ta’ servizz pubbliku;

(15) Billi t-Trattat jistabilixxi regoli speċifiċi fir-rigward ta’ restrizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u dwar kompetizzjoni;

(16) Billi l-Artikolu 90(1) tat-Trattat, b’mod partikolari, jobbliga l-Istati Membri illi jirrispettaw dawn ir-regoli fir-rigward ta’ impriżi pubbliċi u impriżi illi ngħataw drittijiet speċjali jew esklussivi;

(17) Billi l-Artikolu 90(2) tat-Trattat jissoġġetta impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku għal dawn ir-regoli, taħt kondizzjonijiet speċifiċi;

(18) Billi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jkollha impatt fuq l-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi;

(19) Billi l-Istati Membri, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tas-settur ta’ l-elettriku, għandhom għaldaqstant jirrispettaw ir-regoli relevanti tat-Trattat kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja;

(20) Billi, fl-istabbiliment tas-suq intern fl-elettriku, kont sħiħ għandu jittieħed ta’ l-oġġettiv Komunitarju ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, b’ mod partikolari fis-setturi bħal infrastrutturi, nazzjonali jew intra-Komunitarji, illi huma użati għat-trasmissjoni ta’ l-elettriku;

(21) Billi d-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 1996 li tistabbilixxi sensiela ta’ gwidi għan-networks trans-Ewropej ta’ enerġija [6] ikkontribwew għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi integrati għat-trasmissjoni ta’ l-elettriku;

(22) Billi huwa għaldaqstant neċessarju illi jkunu stabbiliti regoli komuni għall-produzzjoni ta’ l-elettriku u għat-tħaddim ta’ trasmissjoni ta’ l-elettriku u sistemi ta’ distribuzzjoni;

(23) Billi hemm żewġ sistemi illi jistgħu jkunu applikati għall-ftuħ tas-suq ta’ produzzjoni, proċedura awtorizzata jew proċedura ta’ offerti, u dawn għandhom joperaw skond kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji;

(24) Billi għandu jittieħed kont tal-pożizzjoni ta’ l-awtoprodutturi u produtturi indipendenti f’dan il-qasam;

(25) Billi kull sistema ta’ trasmissjoni għandhom tkun suġġetta għall-immaniġġjar ċentrali u kontroll sabiex tkun żgurata is-sigurtà, kemm tista’ toqgħod fuq l-effiċjenza tas-sistema fl-interessi ta’ produtturi u l-klijenti tagħhom; billi min iħaddem sistema ta’ trasmissjoni għandu għaldaqstant ikun innominat u fdat bl-operazzjoni, bil-manutenzjoni, u, jekk ikun hemm bżonn, bl-iżvilupp tas-sistema; billi l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jġib ruħu b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju;

(26) Billi r-regoli tekniċi għat-tħaddim ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u linji diretti għandhom ikunu trasparenti u għandhom jiżguraw interoperabbilità;

(27) Billi kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji għandhom ikunu stabbiliti għad-dispaċċ ta’ stazzjonijiet ta’ l-elettriku;

(28) Billi, għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali, għandha tingħata prijorità lill-produzzjoni ta’ sorsi illi jistgħu ikunu mġedda;

(29) Billi, fil-livell ta’ distribuzzjoni, konsumaturi illi jinsabu f’ċerta żona jistgħu jingħataw drittijiet ta’ provvisti u għandu jkun innominat maniġer biex jiġġestixxi, imantni u, jekk ikun neċessarju, jiżviluppa kull sistema ta’ distribuzzjoni;

(30) Billi, sabiex tkun żgurata trasparenza u illi ma jkunx hemm diskriminazzjoni, il-funzjoni ta’ trasmissjoni ta’ impriżi integrati b’mod vertikali għandha tkun operata indipendentement minn attivitajiet oħra;

(31) Billi xerrej waħdieni għandu jopera separatament mill-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ impriżi integrati vertikalment; billi t-tixrid ta’ informazzjoni bejn attivitajiet ta’ xerrej waħdieni u din il-ġenerazzjoni u distribuzzjoni ta’ attivitajiet għandha bżonn tkun ristretta;

(32) Billi l-kontijiet ta’ l-imprizi ta’ elettriku integrati kollha għandhom jipprovdi għat-trasparenza massima, b’ mod partikolari biex ikunu identifikati abużi tal-pożizzjoni dominanti, illi jikkonsistu per eżempju f’tariffi għoljin b’mod mhux normali jew f’tariffi baxxi jew fi prattiċi diskriminatorji li jirrelataw għal transazzjonijiet ekwivalenti; billi, għal dan l-iskop, il-kontijiet għandhom ikunu separati għal kull attività;

(33) Billi huwa wkoll neċessarju illi jkun ipprovdut aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-kontijiet interni ta’ impriżi b’ħarsien xieraq għall-kunfidenzalità;

(34) Billi, minħabba d-differenzi ta’ strutturi u l-karatteristiċi speċjali tas-sistema ta’ l-Istati Membri, għandu jkun hemm għażliet differenti illi joperaw skond il-kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji;

(35) Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ kostruzzjoni u użu ta’ linji diretti;

(36) Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għas-salvagwardji u proċedura ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet;

(37) Billi kwalunkwe abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jew kwalunkwe attitudni abbużiva għandhom ikunu evitati;

(38) Billi, hekk kif ċerti Stati Membri x’aktarx għandhom jesperjenzaw diffikultajiet speċjali meta jkunu qed jaġġustaw is-sistemi tagħhom, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal rikors għal-liġijiet transizzjonali jew derogi, speċjalment għat-tħaddim ta’ sistemi iżolati żgħar;

(39) Billi din id-Direttiva tikkonstitwixxi fazi oħra ta’ liberalizzazzjoni; billi ġaladarba din ingħatat effett, ċerti ostakli għall-kummerċ fl-elettriku bejn Stati Membri għandhom jibqgħu xorta waħda; billi, għaldaqstant, proposti għat-titjib ta’ l-operazzjoni tas-suq intern fl-elettriku tista’ tkun magħmula fid-dawl ta’ esperjenza; billi, għaldaqstant, proposti għat-titjib ta’ l-operazzjoni tas-suq intern fl-elettriku tista’ tkun magħmula fid-dawl ta’ esperjenza; billi l-Kummissjoni għandha għaldaqstant tirraporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Kamp ta’ applikazzjoni u tifsiriet

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku. Din tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u funzjoni tas-settur ta’ l-elettriku, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċedura applikabbli għas-sejħiet ta’ offerti u l-provvista ta’ awtorizzazzjonijiet u l-operazzjoni ta’ sistemi.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ dan id-Direttiva:

1. "generazzjoni" għandhom tfisser il-produzzjoni ta’ l-elettriku;

2. "produttur" għandha tfisser persuna naturali jew legali illi tiġġenera l-elettriku;

3. "awtoproduttur" għandha tfisser persuna naturali jew legali illi tiġġenera elettriku bżonnjuż għall-użu tagħha;

4. "produttur indipendenti" għandha tfisser:

(a) produttur illi ma jwettaqx funzjonijiet ta’ trasmissjoni ta’ l-elettriku jew ta’ distrubuzzjoni fit-territorju kopert mis-sistema fejn huwa stabbilit;

(b) ġewwa Stati Membri li fihom impriżi integrati vertikalment ma’ jeżistux u fejn proċedura ta’ sejħiet għall-offerti hija użata, produttur illi jikkorrispondi mat-tifsira ta’ punt (a), illi ma’ jistax ikun esklussivament suġġett għall-preċedenza ekonomika tas-sistema interkonnessa;

5. "trasmissjoni" għandha tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq sistema interkonnessa b’ vultaġġ għoli bl-iskop tal-konsenja tagħha lill-konsumaturi ta’ l-aħħar jew distributuri;

6. "distribuzzjoni" għandha tfisser it-trasport ta’ l-elettriku fuq sistemi ta’ distrubuzzjoni ta’ vultaġġ medju jew baxx bl-iskop tal-konsenja tagħha lill-konsumaturi;

7. "konsumatur" għandha tfisser il-konsumatur bl-ingrossa jew ta’ l-aħħar ta’ elettriku u kumpanniji ta’ distribuzzjoni;

8. "konsumatur bl-ingrossa" għandha tfisser kwalunkwe persuni naturali jew legali, jekk l-Istati Membri jirrikonoxxu l-eżistenza tagħhom, illi jixtru jew ibigħu elettriku u li ma jagħmlux funzjonijiet ta’ trasmissjoni, ġenerazzjoni jew distribuzzjoni ġewwa jew barra s-sistemi fejn huma stabbiliti;

9. "konsumatur finali" għandha tfisser konsumattur illi jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

10. "interconnectors" għandha tfisser apparat użat biex jgħaqqad ma’ xulxin sistemi ta’ l-elettriku;

11. "sistema interkonnessa" għandha tfisser numru ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni mqabbda flimkien permezz ta’ waħdieni jew aktar interconnectors;

12. "linja diretta" għandha tfisser linja ta’ l-elettriku kumplimentarja għas-sistema interkonnessa;

13. "preċedenza ekonomika" għandha tfisser il-klassifikazzjoni ta’ sorsi ta’ provvista ta’ elettriku skond il-kriterji ekonomiċi;

14. "servizzi anċillarji" għandhom ifissru s-servizzi kollha għall-operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni;

15. "sistema ta’ utent" għandha tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali illi tagħti lil, jew illi tirċievi, trasmissjoni jew sistema ta’ distribuzzjoni;

16. "provvista" għandha tfisser il-konsenja u/jew bejgħ ta’ elettriku lill-konsumatur;

17. "impriża integrata ta’ elettriku" għandha tfisser impriża vertikali jew orizzontali integrata;

18. "impriża integrata vertikalment" għandha tfisser impriża illi twettaq tnejn jew aktar tal-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, trasmissjoni u distribuzzjoni ta’ l-elettriku;

19. "Impriża integrata b’mod orizzontali" għandha tfisser impriza illi twettaq ta’ l-inqas waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni għall-bejgħ, jew trasmissjoni jew distribuzzjoni ta’ l-elettriku, u attività mhux ta’ l-elettriku oħra;

20. "proċedura ta’ sejħiet għall-offerti" għandha tfisser il-proċedura illi biha rekwiżiti ppjanati addizzjonali u l-kapaċità ta’ rimpjazzament huma koperti minn provvisti li jkopru kapaċità ġdida jew eżistenti ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku;

21. "ippjanar fit-tul" għandha tfisser ippjanar tal-bżonn ta’ investiment f’kapaċità ta’ ġenerazzjoni u trasmissjoni fuq bażi fit-tul, bl-iskop illi jintlaħqu d-domanda għall-elettriku tas-sistema u biex jiżguraw provvisti lill-konsumaturi;

22. "xerrej waħdieni" għandha tfisser kwalunkwe persuna legali illi, fl-ambitu tas-sistema fejn huwa stabbilit, huwa responsabbli għall-immaniġjar unifikat tas-sistema ta’ trasmissjoni u/jew għax-xiri u bejgħ ta’ elettriku ċentralizzat;

23. "sistema iżolata żgħira" għandha tfisser kwalunkwe sistema b’konsum ta’ anqas minn 2500 GWh fis-sena 1996, fejn anqas minn 5 % tal-konsum totali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra.

IL-KAPITOLU II

Regoli Ġenerali għall-organizzazzjoni tas-settur

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fuq bażi ta’ l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’rigward xieraq tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, illi, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi ta’ l-elettriku huma mħaddma skond il-prinċipji ta’ din id-Direttiva, bl-iskop illi jinkiseb suq kompettitiv fl-elettriku, u ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi fir-rigward kemm ta’ drittijiet kif ukoll ta’ obbligi. Iż-żewġ approċċi għall-aċċess ta’ sistema msemmija fl-Artikoli 17 u 18 għandhom iwasslu għal riżultati ekonomiċi ekwivalenti u għaldaqstant għal livell ta’ ftuħ tas-swieq u għal grad komparabbli ta’ aċċess fis-swieq ta’ l-elettriku.

2. Wara li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 90, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi illi joperaw fis-settur ta’ l-elettriku, fl-interess ġenerali ekonomiku, obbligi tas-servizz pubbliku illi jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluż sigurtà ta’ provvista, ir-regolarità, il-kwalità u prezzijiet tal-provvisti u għall-protezzjoni ta’ l-ambjent. Tali obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhumiex diskriminatorji u li jistgħu jkunu vverifikati; huma, u r-reviżjoni tagħhom, għandhom ikunu ppublikati u nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri mingħajr dewmien. Bħala mezz ta’ kif isiru l-obbligi ta’ servizz pubbliku hawn fuq imsemmija, Stati Membri illi jixtiequ hekk jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar fit-tul.

3. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu illi ma japplikawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 17, 18 u 21 sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ixxekkel it-twettieq, fil-liġi jew fil-fatti, ta’ l-obbligi imposti fuq l-impriża ta’ l-elettriku fl-interess ġenerali ekonomiku u sakemm l-iżvilupp tal-Kummerċ ma jkunx affettwat sal-punt illi jmur kontra l-interessi Komunitarji. L-interessi tal-Komunità jinkludu, inter alia, kompetizzjoni fir-rigward ta’ konsumaturi skond din id-Direttiva u l-Artikolu 90 tat-Trattat.

IL-KAPITOLU III

Ġenerazzjoni

Artikolu 4

Għall-kostruzzjoni ta’ kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni, Stati Membri jistgħu jagħżlu bejn proċedura ta’ awtorizzazzjoni u/jew proċedura ta’ sejħiet għall-offerti. Awtorizzazzjoni u proċedura ta’ sejħiet għall-offerti għandhom ikunu kondotti skond kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji.

Artikolu 5

1. Fejn huma jagħżlu proċedura ta’ awtorizzazzjoni, Stati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-provvista ta’ awtorizzazzjonijiet għall-konstruzzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni fit-territorju tagħhom. Dawn il-kriterji jistgħu jirrelataw għal:

(a) is-sigurtà tas-sistema ta’ l-elettriku, l-istallazzjonijiet u l-apparat assoċjat;

(b) il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

(ċ) l-użu ta’ l-art u lokalità;

(d) l-użu ta’ art pubblika;

(e) l-effiċjenza ta’ l-enerġija;

(f) in-natura tas-sorsi primarji;

(g) karatteristiċi partikolari lill-applikant, bħal kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji;

(h) id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3.

2. Il-kriterji dettaljati u proċeduri għandhom ikunu magħmula pubbliċi.

3. L-applikanti għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet, liema raġunijiet għandhom ikunu oġġettivi u mhumiex diskriminatorji, għal kull caħda illi tingħata awtorizzazzjoni; ir-raġunijiet għandhom ikunu raġunati u msaħħa; huma għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-informazzjoni. Proċeduri ta’ l-appell għandhom ikunu disponibbli għall-applikant.

Artikolu 6

1. Fejn huma jagħżlu l-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, Stati Membri jew kwalunkwe għaqda kompetenti nnominata mill-Istat Membru kkonċernat għandhom jagħmlu inventarju ta’ mezzi ġodda ta’ produzzjoni, inkluza l-kapaċità ta’ rimpjazzament, fuq bażi ta’ stima regolari msemmija fil-paragrafu 2. L-inventarju għandu jieħu kont tal-bżonn ta’ l-interkonnessjoni tas-sistemi. Il-kapaċità rekwiżita għandhom tkun allokata permezz ta’ proċedura tas-sejħiet għall-offerti skond il-proċedura mniżżla f’dan l-Artikolu.

2. L-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra nnominata mill-Istat Membru kkonċernat għandhom jagħmlu u jippublikaw taħt sorveljanza ta’ l-Istat, ta’ l-inqas kull sentejn, stima regolari tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni u trasmissjoni li x’aktarx hija mqabbda mas-sistema, bil-bżonn għal interconnectors ma’ sistemi oħra, tal-kapaċità potenzali ta’ trasmissjoni u tad-domanda għall-elettriku. L-istima għandhom tkopri perjodu definit minn kull Stat Membru.

3. Dettalji tal-proċedura tas-sejħiet għall-offerti għall-mezzi ta’ produzzjoni għandhom tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-inqas sitt xhur qabel id-data ta’ l-għeluq għall-proċedura tas-sejħiet għall-offerti.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura ta’ l-offerti għandhom tkun disponibbli għal kwalunkwe impriża interessata fit-territorju ta’ l-Istati Membri sabiex ikollha ħin suffiċjenti li fih tagħmel l-offerta.

L-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-offerta għandhom ikollhom deskrizzjoni dettaljata ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-proċedura illi għandhom tiġi segwita mill-persuni illi jitfgħu l-offerti kollha u lista kompleta tal-kriterji illi jirregolaw is-selezzjoni tal-persuni illi jitfgħu l-offerti u l-provvista tal-kuntratt. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jirrelettaw ukoll għall -oqsma msemmija fl-Artikoli 5(1).

4. Fis-sejħa għall-offerti għall-kapaċità rekwiżita għall-ġenerazzjoni, għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll lill-offerti għall-provvista ta’ elettriku b’garanziji fit-tul minn unitajiet ta’ ġenerazzjoni eżistenti, sakemm rekwiżiti addizzjonali jistgħu jintlaħqu b’dan il-mod.

5. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità jew korp pubbliku jew korp privat indipendenti mill-ġenerazzjoni, t-trasmissjoni u l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku biex ikun responsabbli għall-organizzazzjoni, it-tħaris u l-kontroll tal-proċedura tas-sejħiet għall-offerti. Din l-awtorità jew dan il-korp għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni li tkun fl-offerti.

6. Madankollu, għandu jkun possibbli għal-awtoprodutturi u l-produtturi indipendenti illi jiksbu awtorizzazzjoni, fuq bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji kif mniżżla fl-Artikoli 4 u 5, fl-Istati Membri illi għażlu l-proċedura ta’ l-offerti.

IL-KAPITOLU IV

Operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew għandhom jitolbu impriżi illi għandhom sistemi ta’ trasmissjoni illi jinnominaw, għal perjodu ta’ żmien li għandhu jkun determinat minn Stati Membri wara li jikkunsidraw kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku, sistema ta’ operatur li għandhom tkun risponsabbli għall-operazzjoni, waqt li tiżgura l-manutenzzjoni ta’, u, jekk neċessarju, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trasmissjoni f’ċerta lokalità u interconnectors tagħha ma’ sistemi oħra, sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi regoli tekniċi li jistabbilixxu disinn tekniku minimu u rekwiziti ta’ operazzjoni għall-konnessjoni mas-sistema ta’ istallazzjonijiet ġenerali, sistemi ta’ distribuzzjoni, direttament kkunettjati ma’ l-apparat tal-konsumatur, ċirkwiti interconnector u linji diretti huma żviluppati u ppubblikati. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw l-interoperabilità tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji. Huma għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-provvista ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ normi tekniċi u regolamenti [7].

3. Is-sistema ta’ operazzjoni għandhom tkun risponsabbli għall-immaniġġar ta’ tixrid ta’ enerġija, waqt li jittieħed kont ta’ bdil ma’ sistemi oħra interkonnessi. Għall dik il-fini, l-operatur tas-sistema għandu jkun risponsabbli illi jiżgura sistema ta’ l-elettriku żgura, ta’ min joqgħod fuqha u effiċjenti u, f’dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbilità tas-servizzi anċillarji kollha.

4. L-operatur tas-sistema għandu jippvovdi lill-operatur ta’ kwalunkwe sistema oħra illi biha s-sistema tagħha hija interkonnesa informazzjoni suffiċjenti biex jiżgura l-operazzjoni sikura u effiċjenti, żvilupp koordinat tas-sistema interkonnessa.

5. L-operatur tas-sistema ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi, b’ mod partikolari favur is-sussidjarji tiegħu jew ta’ min għandu l-ishma.

6. Salv jekk is-sistema ta’ trasmissjoni hija diġà indipendenti minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni, l-operatur tas-sistema għandu jkun indipendenti ta’ l-inqas f’termini ta’ immaniġġjar minn attivitajiet oħra li ma għandhomx x’jaqsmu mas-sistema ta’ trasmissjoni.

Artikolu 8

1. L-operatur tat-trasmissjoni għandu jkun risponsabbli għad-dispaċċ ta’ l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fil-lokalità tiegħu u biex jistabbilixxi l-użu ta’ interconnectors ma’ sistemi oħra.

2. Mingħajr preġudizzju għall-provvisti ta’ elettriku fuq bażi ta’ obbligi kontrattwali, inkluż dawk illi jiġu minn speċifikazzjonijiet ta’ l-offerti, id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interconnectors għandhom ikunu stabbiliti a bażi ta’ kriterji li jistgħu jkunu approvati minn Stat Membru u li għandhom ikunu oġġettivi, ippublikati u applikati b’manjiera mhux diskriminatorja illi tiżgura t-tħaddim xieraq tas-suq intern fl-elettriku. Huma għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika ta’ istallazzjonijiet illi jiġġeneraw l-elettriku disponibbli ta’ trasferimenti ta’ interconnector u r-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

3. Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku.

4. Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ produzzjoni, jitlob illi tingħata prijorità lill-provvista ta’ stallazzjonijiet illi jiġġeneraw illi jużaw sorsi ta’ enerġija primarja indiġena, b’ tali mod illi f’sena kalendarja ma jinqabizx il-15 % ta’ l-enerġija primarja li tinħtieġ tiġi prodotta biex tiġi kkunsmat a fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 9

L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jippreserva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjali miksuba fil-kors tat-twettieq tal-kummerċ tiegħu.

IL-KAPITOLU V

Operazzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni

Artikolu 10

1. Stati Membri jistgħu jimponu fuq kumpanniji ta’ distribuzzjoni obbligazzjoni illi jagħtu provvista lil konsumaturi li jinsabu f’ ċerta lokalità. It-tariffa għal provvisti bħal dawn tista’ tkun regolata, per eżempju biex tiżgura trattament ugwali għall-konsumaturi kkonċernati.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew għandhom jitolbu impriżi illi għandhom jew illi huma responsabbli mill-operazzjoni, waqt li jiżguraw il-manutenzjoni ta’ u, jekk neċessarju, jiżviluppaw is-sistema ta’ distrubuzzjoni f’ ċerta lokalità u l-interconnectors tagħha ma’ sistema oħra.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operatur tas-sistema jaġixxi skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 11

1. L-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jżomm sistema ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku żgura, ta’ min joqgħod fuqha u effiċjenti fil-lokalità tiegħu, wara li jieħu konsiderazzjoni xierqa ta’ l-ambjent.

2. Fi kwalunkwe każ, huwa ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi, b’ mod partikolari favur is-sussidjarji tiegħu jew ta’ min għandu ishma.

3. Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku.

Artikolu 12

L-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jħares il-kunfidenzzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva miksuba fil-kors tat-twettieq tal-kummerċ tiegħu.

IL-KAPITOLU IV

Tneħħija ta’ rabta u trasparenza ta’ kontijiet

Artikolu 13

L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti illi huma jinnnominaw kif ukoll awtorittajiet biex isolvu kwistjonijiet msemmija fl-Artikolu 20(3) għandhom ikollhom dritt ta’ aċċess għall-kontijiet ta’ ġenerazzjoni, trasmissjoni jew distribuzzjoni ta’ l-impriża illi huma jkollhom bżonn jikkonsultaw meta jkunu qed jagħmlu l-inspezzjonijiet tagħhom.

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw illi l-kontijiet ta’ l-impriża ta’ l-elettriku kollha jinżammu skond il-paragrafi 2 sa 5.

2. Impriżi ta’ l-elettriku, kwalunkwe mod tkun is-sistema tagħhom jew forma legali għandhom jagħmlu, reviżjoni u jippubblikaw il-kontijiet tagħhom ta’ kull sena skond ir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kontijiet annwali ta’ kumpanniji b’risponsabbilità limitata skond ir-rabà Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 bbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet ta’ kull sena ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji [8]. Impriżi illi ma humiex legalment obbligati jippublikaw il-kontijiet annwali tagħhom għandhom iżommu kopja ta’ dawn għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-uffiċju prinċipali tagħhom.

3. Impriżi integrati ta’ l-elettriku għandhom, fil-kalkolazzjoni inizjali tagħhom, iżommu kontijiet separati għall-attivitatjiet ta’ ġenerazzjoni, trasmissjoni u distribuzzjoni tagħhom, u, fejn jixraq, kontijiiet ikkonsolidati għal attivitajiet oħra mhux ta’ l-elettriku kif huma jkunu mitluba illi jagħmlu jekk l-attivitajiet in kwistjoni kellhom isiru minn impriża separata, bl-iskop illi jevitaw diskriminazzjoni, cross-subsidization u tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni. Huma għandhom jinkludu record ta’ bilanċ u kalkolazzjoni ta’ qligħ u telf għal kull attività fin-noti tal-kontijiet tagħhom.

4. L-impriżi għandhom jispeċifikaw fin-noti tal-kontijiet annwali r-regoli għall-allokazzjoni ta’ assi u djun u spejjeż u dħul illi huma jsegwu meta jkunu qed jagħmlu l-kontijiet separati msemmija fil-paragrafu 3. Dawn ir-regoli jistgħu jkunu emendati biss f’każijiet eċċezzjonali. Dawn l-emendi għandhom ikunu msemmija fin-noti u għandhom ikunu msaħħa kif meħtieġ.

5. Il-kontijiet ta’ kull sena għandhom jindikaw fin-noti kwalunkwe transazzjoni ta’ ċertu daqs li saret ma’ impriżi affiljati, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 41 tas-seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 bbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet ikkonsolidati [9], jew ma’ impriża assoċjata, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 33(1) tiegħu, jew, ma’ impriżi illi jappartjenu għall-istess azzjonisti.

Artikolu 15

1. L-Istati Membri illi jinnominaw bħala xerrej waħdieni impriza ta’ l-elettriku vertikalment integrata għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet illi jirrikjedu li x-xerrej waħdieni illi jħaddem separatement l-attivitajiet tal-ġenerazzjoni u tad-distribuzzjoni ta’ l-impriża integrata.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi ma jkunx hemm tixrid ta’ l-informazzjoni bejn l-attivitajiet tax-xerrej waħdieni ta’ l-impriża vertikalment integrata u l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni, salv għall-informazzjoni neċessarja biex iwettqu r-risponsabbilitajiet ta’ xerrej waħdieni.

IL-KAPITOLU VII

Organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema

Artikolu 16

Għall-organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema, Stati Membri jistgħu jagħżlu bejn il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 17 u/jew fl-Artikolu 18. Iz-zewġ proċeduri għandhom joperaw skond kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji.

Artikolu 17

1. Fil-każ ta’ aċċess negożjat għas-sistema, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-produtturi ta’ l-elettriku u, fejn Stati Membri jawtorizzaw l-eżistenza tagħhom, jissuplixxu impriżi u konsumaturi eliġibbli kemm ġewwa kif ukoll barra t-territorju kopert mis-sistema biex ikunu jistgħu jinnegozjaw aċċess għas-sistema sabiex jikkonkludu kuntratti ta’ provvista ma’ xulxin fuq bażi ta’ ftehim kummerċjali voluntarju.

2. Fejn konsumatur eliġibbli huwa kkonness mas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-aċċess għas-sistema għandu jkun is-suġġett ta’ negozjati ma’ l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni relevanti u, jekk ikun neċessarju, ma’ l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni kkonċernat.

3. Biex jippromuovu trasparenza u jiffaċilitaw negozjati għall-aċċess għas-sistema, operaturi tas-sistema għandhom jippubblikaw, fl-ewwel sena wara l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, ambitu ta’ prezzijiet indikattivi għall-użu tas-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni. Kemm jista’ jkun possibbli, il-prezzijiet indikativi ppubblikati għas-snin sussegwenti għandhom ikunu ibbażati fuq medja ta’ prezzijiet miftehma fin-negozjati fil-perjodu ta’ 12-il xahar ta’ qabel.

4. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu ukoll għal sistema regolata ta’ proċedura ta’ aċċess, waqt li jagħtu konsumaturi eliġibbli dritt ta’ aċċess, fuq bażi ta’ tariffi ppubblikati għall-użu ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, li huma ta’ l-inqas ekwivalenti, f’termini ta’ aċess għas-sistema, lill-produturi oħra għall-aċċess imsemmi f’dan il-Kapitolu.

5. L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni jista’ jirrifjuta aċċess fejn hu ma’ għandux il-kapaċità neċessarja. Raġunijiet għandhom jingħataw għal dan ir-rifjut, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 3.

Artikolu 18

1. Fil-każ ta’ proċedura ta’ xerrej waħdieni, Stati Membri għandhom jinnominaw persuna legali biex tkun ix-xerrej waħdieni fit-territorju kopert mill-operatur tas-sistema. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għal:

(i) pubblikazzjoni tat-tariffi li mhumiex diskriminatorji għall-użu tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni;

(ii) konsumaturi eliġibbli illi jkunu liberi illi jikkonkludu kuntratti ta’ provvista biex ikopru l-bżonnijiet tagħhom stess ma’ produtturi u, fejn Stati Membri jawtorizzaw l-eżistenza tagħhom, ma’ impriżi ta’ provvista barra t-territorju kopert mis-sistema;

(iii) konsumaturi eliġibbli illi jkunu liberi illi jikkonkludu kuntratti ta’ provvista biex ikopru l-bżonnijiet tagħhom stess ma’ produtturi fit-territorju kopert mis-sistema;

(iv) produtturi indipendenti biex jinnegozjaw aċċess għas-sistema ma’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni sabiex jikkonkludu kuntratti ta’ provvista ma’ konsumaturi eliġibbli barra s-sistema, jew fuq bażi ta’ ftehim kummerċjali volontarju.

2. Ix-xerrej waħdieni jista’ jkun obbligat illi jixtri elettriku kkuntrattat minn konsumatur eliġibbli minn produttur ġewwa jew barra t-territorju kopert mis-sistema bi prezz illi huwa ekwivalenti għall-prezz ta’ bejgħ offrut mix-xerrej waħdieni lill-konsumaturi eliġibbli wara li jitnaqqas l-prezz tat-tariffa ppubblikat imsemmi fil-paragrafu 1 (i).

3. Jekk l-obbligazzjoni ta’ xiri taħt il-paragrafu 2 ma hijiex imposta fuq ix-xerrej waħdieni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw illi kuntratti ta’ provvista msemmija f’paragraafu 1 (ii) u (iii) huma implimentati jew permezz ta’ aċċess għas-sistema fuq bażi tat-tariffi ppubblikati msemmija fil-paragrafu 1 (i) jew permezz ta’ aċċess innegozjat għas-sistema skond il-kondizzjonijiet ta’l-Artikolu 17. F’dan l-aħħar każ, ma jkunx hemm obbligazzjoni għax-xerrej biex jippubblika tariffa li mhijiex diskriminatorja għall-użu tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni.

4. Ix-xerrej waħdieni jista’ jirrifjuta aċċess għas-sistema u jista’ jirrifjuta illi jixtri elittriku mill-konsumatur eliġibbli meta ma għandux it-trasmissjoni neċessarja jew il-kapaċità tad-distribuzzjoni. Għandhom jingħataw raġunijiet għal dan ir-rifjut, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 3.

Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-ftuħ tas-swieq ta’ l-elettriku, sabiex kuntratti skond il-kondizzjonijiet mniżżla fl-Artikolu 17 u 18 jistgħu jkunu konklużi ta’ l-inqas sa livell sinifikkattiv, li għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Is-sehem tas-suq nazzjonali għandu jkun ikkalkulat fuq bażi tas-sehem Komunitarju ta’ l-elettriku ikkunsmat mill-konsumatur finali li jikkonsma aktar minn 40 GWh kull sena (fuq bażi ta’ sit ta’ konsum u jinkludi awtoproduzzjoni).

Is-sehem medju Komunitarju għandu jkun ikkalkulat mill-Kummissjoni fuq bażi ta’ informazzjoni regolarment mogħtija lilha mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandhom tippublika dan is-sehem Komunitarju medju li jispjega l-grad tal-ftuħ tas-suq fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel Novembru ta’ kull sena, bl-informazzjoni xierqa kollha li tispjega l-kalkolazzjoni.

2. Is-sehem tas-suq nazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’mod progressiv matul perjodu ta’ sitt snin. Din iż-żjieda għandha tkun ikkalkolata billi jitnaqqas il-minimu ta’ konsum Komunitarju ta’ 40 GWh, imsemmi fil-paragrafu 1 minn 40 GWh sa livell ta’ 20 GWh konsum ta’ elettriku annwali tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u sa livell ta’ 9 GWh konsum ta’ elettriku annwali sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dawk il-konsumaturi ġot-territorju tagħhom li jirrappreżentaw l-ishma kif speċifikati f’paragrafi 1 u 2 illi għandhom kapaċità legali illi jikkontrattaw l-elettriku skond l-Artikoli 17 u 18, peress illi l-konsumaturi finali kollha kkonsmaw aktar minn 100 GWh kull sena (fuq sit ta’ bażi ta’ konsum u jinkludi awtoproduzzjoni) għandhom ikunu inklużi f’din il-kategorija.

Kumpanniji ta’ distribuzzjoni, jekk mhux diġà speċifikati bħala konsumaturi eliġibbli taħt dan il-paragrafu, għandhom ikollhom il-kapaċità legali illi jikkontrattaw taħt il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17 u 18 għall-volum ta’ elettriku li qed ikun ikkonsmat mill-konsumaturi tagħhom innominati bħala eliġibbli fis-sistema tad-distribuzzjoni tagħhom, sabiex jissuplixxu dawk il-konsumaturi.

4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar kull sena il-kriterji għad-definizzjoni ta’ konsumaturi eliġibbli li huma kapaċi jikkonkludi kuntratti skond il-kondizzjonijiet msemmija fl-Artikoli 17 u 18. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ informazzjoni xierqa oħra biex tiġġustifika t-twettieq ta’ ftuħ tas-suq skond paragrafu 1, għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni biex tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni tista’ titlob Stat Membru biex jimmodifika l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 3, jekk huma joħolqu ostakoli għall-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern ta’ l-elettriku. Jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jikkonformawx ma’ din it-talba fi żmien tliet xhur, għandha tittieħed deċiżjoni finali skond il-Proċedura I ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/373/KEE tat-13 ta’ Lulju 1987 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni [10].

5. Biex ikun evitat żbilanċ fil-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 26:

(a) kuntratti għall-provvista ta’ l-elettriku skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17 u 18 ma’ konsumatur eliġibbli fis-sistema ta’ Stat Membru ieħor ma għandux ikun ipprojbit jekk il-konsumatur hu kkunsidrat bħala eliġibbli fiż-żewġ sistemi involuti;

(b) f’każijiet fejn transazzjonijiet kif deskritti f’subparagrafu (a) huma rrifjutati minħabba l-konsumatur huwa eliġibbli biss f’waħda miż-żewġ sistemi, il-Kummissjoni tista’ tobbliga, waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni fis-suq u l-interess kommuni, lill-parti illi qiegħda tirrifjuta biex tissuplixxi l-provvista ta’ elettriku mitlub fuq talba ta’ l-Istat Membru fejn il-konsumatur eliġibbli jinsab.

L-istess bħall-proċedura u ż-żmien imsemmi fl-Artikolu 26, u mhux aktar tard minn wara nofs il-perjodu msemmi f’dak l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha terġa’ tara l-applikazzjoni tas-subparagrafu (b) ta’ l-ewwel subparagrafu fuq bażi ta’ l-iżviluppi tas-suq waqt li jittieħed kont ta’ l-interess komuni. Fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata, il-Kummissjoni għandha tivvaluta din is-sitwazzjoni u tirrapporta fuq żbilanċ possibli fil-ftuħ tas-swieq ta’ l-elettriku fir-rigward ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 20

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri neċessarji biex jgħinu:

(i) produtturi indipendenti u l-awtoprodutturi biex jinnegozjaw aċċess għas-sistema sabiex jissuplixxu l-fondi tagħhom stess u fondi sussidjarji fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor permezz tas-sistema interkonessa;

(ii) Produtturi li jkunu jinsabu barra t-territorju kopert mis-sistema biex jikkonkludu kuntratt ta’ provvista wara sejħa għall-offerti għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, u biex ikollhom aċċess għas-sistema biex iwettqu l-kuntratt.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-partijiet jinnegozjaw b’rieda tajba u illi ħadd minnhom ma jabbuża mill-pożizzjoni tan-negozjar tiegħu billi jippreveni r-riżultat b’suċċess tan-negozjati.

3. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti, illi għandha tkun indipendenti mill-partijiet, biex issolvi kwistjonijiet li jirrelattaw għall-kuntratti u n-negozzjati in kwistjoni. B’ mod partikolari, din l-awtorità għandha ssolvi kwistjonijiet li jikkonċernaw kuntratti, negozjati u rifjut ta’ aċċess jew rifjut ta’ xiri.

4. F’każ ta’ kwistjonijiet illi jaqsmu l-fruntieri, l-awtorità illi ssolvi kwistjonijiet għandha tkun l-awtorità illi ssolvi kwistjonijiet li tkopri s-sistema tax-xerrrej waħdieni jew l-operatur tas-sistema illi jirrifjuta l-użu tas-sistema jew l-aċċess għaliha.

5. Rikors għal din l-awtorità għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ appell taħt il-ligi Komunitarja.

Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri neċessarji taħt il-proċeduri u drittijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18 biex jgħinu:

- il-produtturi ta’ elettriku u impriżi ta’ provvista ta’ l-elettriku kollha, fejn Stati Membri jawtorizzaw l-eżistenza tagħhom, stabbiliti fit-territorju tagħhom biex jissuplixxu l-fondi tagħhom stess, sussidjarji u konsumaturi eliġibbli permezz ta’ linja diretta;

- kwalunkwe konsumatur eliġibbli fit-territorju tagħhom illi jingħata permezz ta’ linja diretta permezz ta’ produttur u impriżi ta’ provvista, fejn dawn li jissuplixxu huma awtorizzati minn Stati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-provvista ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ linji diretti fit-territorju tagħhom. Dawn il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

3. Il-possibbilità ta’ provvista ta’ l-elettriku permezz ta’ linja diretta kif imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandhiex taffettwa l-possibbilità ta’ kuntratt fl-elettriku skond l-Artikoli 17 u 18.

4. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-konstruzzjoni ta’ linja diretta suġġetta jew għar-rifjut ta’ aċċess għas sistema fuq bażi, kif xieraq, ta’ l-Artikolu 17(5) jew l-Artikolu 18(4) jew għall-ftuħ ta’ proċedura biex issolvi kwistjonijiet skond l-Artikolu 20.

5. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jawtorizzaw linja diretta jekk il-provvista ta’ din l-awtorizzazzjoni toħloq ostakolu għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3. Għandhom jingħataw raġunijiet għal dan ir-rifjut.

Artikolu 22

L-Istati Membri għandhom joħolqu mekaniżmi xierqa u effiċjenti għar-regolazzjoni, il-kontroll u t-trasparenza sabiex jevitaw kwalunkwe abbuz tal-pożizzjoni dominanti, b’ mod partikolari għad-detriment tal-konsumaturi, u kwalunkwe mġiba abużiva. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’ mod partikolari ta’ l-Artikolu 86 tiegħu.

IL-KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 23

Fil-każ ta’ kriżi illi tinqala’ ta’ malajr fis-suq ta’ l-enerġija u fejn il-ħarsien fiżiku jew is-sigurtà ta’ persuni, l-apparat jew l-istallazzjonijiet jew l-integrità tas-sistema huma mhedda, Stat Membru jista’ temporarjament jieħu l-miżuri ta’ salvagwardjar neċessarji.

Dawn il-miżuri għandhom jikkawżaw l-anqas disturbi possibbli fit-tħaddim tas-suq intern u ma għandhomx ikunu akbar minn dak illi huwa bżonnjuż biex ikunu solvuti d-diffikultajiet ta’ malajr illi jkunu nqalgħu.

l-Istat Membru kkonċernat għandu mingħajr dewmien jinnotifika dawn il-miżuri lill-Istati Membri l-oħra, u lill-Kummissjoni, illi tista’ tiddeċidi illi l-Istat Membru kkonċernat għandu jemenda jew ineħħi dawn il-miżuri, sakemm dawn jiddisturbaw il-kompetizzjoni u jaffettwaw ħażin in-negozju b’mod illi jvarja mill-interess komuni.

Artikolu 24

1. Dawk l-Istati Membri fejn rabtiet jew garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu mwettqa minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu japplikaw għal reġim transitorju illi jista’ jingħata lilhom mill-Kummissjoni, waqt li jittieħed kont, fost affarijiet oħra, tad-daqs tas-sistema kkonċernata, il-livel ta’ interkonnessjoni tas-sistema u l-istruttura ta’ l-industrija ta’ l-elettriku tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk l-applikazzjonijiet qabel hija tieħu deċiżjoni, waqt li tieħu kont tat-tħaris tal-kunfidenzalità. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjail tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Ir-reġim transitorju għandu jkun ta’ durata limitata u għandu jkun marbut ma’ l-iskadenza tar-rabta jew garanziji msemmija fil-paragrafu 1. Ir-reġim transitorju jista’ jkopri derogi minn Kapitoli IV, VI u VII ta’ din id-Direttiva. Applikazzjonijiet għal reġim transitorju għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri illi jistgħu juru, wara li d-Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, illi hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistemi żgħar iżolati tagħhom, jistgħu japplikaw għal derogi mid-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitoli IV, V, VI, VII, li jistgħu jingħataw lilhom mill-Kummissjoni. Din ta’ l-aħħar għandha tinforma l-Istati Membri b’ dawk l-applikazzjonijiet qabel tieħu deċiżjoni, waqt li jittieħed kont għar-rispett għall kunfidenzjalità. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan il-paragrafu għandu japplika ukoll għal-Lussemburgu.

Artikolu 25

1. Il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, qabel l-aħħar ta’ l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, dwar rekwiżiti ta’ armonizzazzjoni illi ma humiex marbuta mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandhom tannetti mar-rapport kwalunkwe proposti ta’ armonizzazzjoni neċessarji għall-operazzjoni effettiva tas-suq intern fl-elettriku.

2. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jagħtu l-ħsibijiet tagħhom fuq dawn il-proposti fi żmien sentejn mill-provvista tagħhom.

Artikolu 26

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tagħti rapport fuq l-esperjenza miksuba mill-funzjoni tas-suq intern fl-elettriku u l-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 sabiex iħallu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-dawl ta’ esperjenza miksuba, biex jikkonsidraw, fi żmien propizju, il-possibbilità ta’ aktar twessiegħ tas-suq illi jkun effettiv disa’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva waqt li jittieħed kont tal-koeżistenza tas-sistemi msemmija fl-Artikoli 17 u 18.

Artikolu 27

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mid-19 ta’ Frar 1999. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

2. Il-Belġju, il-Greċja u l-Irlanda jistgħu, minħabba l-karatteristiċi tas-sistema ta’ l-elettriku tagħhom, ikollhom perjodu addizjonali ta’ sena, sentejn u sena rispettivament biex japplikaw l-obbligazzjonijiet illi jemerġu minn din id-Direttiva. Dawn l-Istati Membri, meta jagħmlu użu minn din l-għażla, għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

3. Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jagħmlu riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn riferenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-riferenza għandhom ikunu mniżżla mill-Istati Membri.

Artikolu 28

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 29

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-19 ta’ Diċembru 1996.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

S. Barrett

[1] ĠU. C 65 ta’ l- 14.3.1992, p. 4, u ĠU nru. C 123 ta’ l- 4.5.1994, p. 1.

[2] ĠU. C 73 tal- 15.3.1993, p. 31.

[3] L-opinjoni tal-Parlement Ewropew tas-17 ta’ Novembru (ĠU Ć329, tas- 6.12.1993, p. 150). Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1996 (ĠU C 315, ta’l-24.10.1996, p. 18) u d-Dećiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Dićembru 1996 (għada mhix ippubblikata filĠrnal Uffiććjali). Dećiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Dićembru 1996.

[4] ĠU L 313, tat-13.11.1990, p. 30. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 95/162/KE (ĠU nru. L 107, tat-12.5.1995, p.53.).

[5] ĠU L 185, tas-17.7.1990, p. 16. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 93/87/KEE (ĠU nru. L 277, ta’ l- 10.11.1993, p.32).

[6] ĠU L 161, tad-29.6.1996, p. 47.

[7] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[8] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11. Id-direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[9] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1. Id-direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994

[10] ĠU L 197, tat-18.7.1987, p. 33.

--------------------------------------------------

Top