EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31995R2988

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea

OJ L 312, 23.12.1995, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 001 P. 340 - 343
Special edition in Bulgarian: Chapter 01 Volume 001 P. 166 - 169
Special edition in Romanian: Chapter 01 Volume 001 P. 166 - 169
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 007 P. 5 - 8

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj

31995R2988



Official Journal L 312 , 23/12/1995 P. 0001 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95

tat-18 Diċembru 1995

dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-estimi ġenerali tal-Komunità Ewropea huma ffinanzjati mir-riżorsi tagħhom stess u amministrati mill-Kummissjoni fil-limiti ta' l-approprijazzjonijiet awtorizzati u skond il-prinċipju tat-tmexxija finanzjarja serja; billi l-Kummissjoni taħdem f'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għal dak l-iskop;

Billi aktar minn nofs in-nefqa tal-Komunità titħallas lil benefiċjarji tramite l-Istati Membri;

Billi regoli dettaljati li jirregolaw din l-amministrazzjoni deċentralizzata u l-osservazzjoni mill-qrib ta' l-użu tagħhom huma s-suġġett ta' dispożizzjonijiet dettaljati li jvarjaw skond il-politika Komunitarja involuta; billi atti li huma ta' ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta' regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;

Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f'regoli settorjali skond dan ir-Regolament;

Billi l-imġieba hawn fuq imsemmija tinkludi azzjonijiet frodulenti kif definiti fil-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea;

Billi l-penalitajiet amministrattivi tal-Komunità għandhom jipprovdu protezzjoni adegwata għal dawk l-interessi; billi huwa meħtieġ li jiġu definiti r-regoli ġenerali applikabbli għal dawn il-penali;

Billi l-liġi tal-Komunità stabbiliet il-penali amministrattivi tal-Komunità fil-qafas tal-politika agrikola komuni; billi dawk il-penali jridu jiġu stabbiliti f'oqsma oħra wkoll;

Billi l-miżuri u l-penali tal-Komunità stabbiliti skond l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mis-sistemi ta'l-għajnuna; billi dawn isegwu l-għanijiet tagħhom li ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-kondotta ta'l-operaturi ekonomiċi involuti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri mill-aspett tal-liġi kriminali; billi l-effikaċja tagħhom għandha tiġi żgurata mill-effett immedjat tar-regoli tal-Komunità u billi jiġu applikati bis-sħiħ il-miżuri Komunitàrji kollha, fejn minkejja li jiġu adottati l-miżuri preventivi ma saritx ħaġa possibbli li jintlaħaq dak l-għan;

Billi mhux biss taħt il-prinċipju ġenerali ta' l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta'

ne bis in idem

, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati filwaqtli jiġi rrispettat l-

acquis communautaire

u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'regoli speċifiċi tal-Komunità li kienu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta' penali finanzjarji tal-Komunità u penali kriminali nazzjonali imposti fuq l-istess persuni għall-istess raġunijiet;

Billi, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-proċeduri kriminali jistgħu jitqiesu bħala li jkunu ngħalqu meta l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-persuna interessata jkunu waslu fi ftehim;

Billi dan ir-Regolament għandu jgħodd mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Istati Membri;

Billi l-liġi tal-Komunità timponi fuq il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-obbligazzjoni li jivverifikaw li riżorsi tal-budget tal-Komunità jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom; billi hemm il-ħtieġa ta' regoli komuni sabiex isaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti;

Billi t-Trattati ma jagħmlu ebda dispożizzjoni għall-poteri speċifiċi meħtieġa biex tiġi adottata l-liġi sostantiva ta'l-iskop orizzontali fuq il-verifiki, il-miżuri u l-penali bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità; billi għalhekk għandu jkun hemm rikors għal Artikolu 235 tat-Trattat tal-KE u għal Artikolu 203 tat-Trattat tal-KEEA;

Billi d-dispożizzjonijiet ġenerali addizzjonali dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post ser jiġu adottati fi stadju ieħor,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

I IT-TITOLU

Il-prinċipji ġenerali

Artikolu 1

1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta' verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2. "Irregolarità" għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux ġustifikata.

Artikolu 2

1. Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2. Ebda penali amministrattiva ma tista' tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta' emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b'mod retroattiv.

3. Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta' l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta' erba' snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f'Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F'każ ta' irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f'kull każ jibqa' jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta' l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x'taqsam ma' l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

2. Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta' tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta' interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.

II IT-TITOLU

Il-miżuri amministrattivi u l-penali

Artikolu 4

1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b'mod skorrett:

- permezz ta' obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b'mod skorrett,

- bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta' l-aċċettazzjoni ta' ħlas antiċipat.

2. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista' jiġi stabbilit abbażi ta' rata fissa.

3. L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta' vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4. Il-miżuri kif hemm provdut f'dan l-Artikolu m'għandhomx jitqiesu bħala penali.

Artikolu 5

1. L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

(a) il-ħlas ta' multa amministrattiva;

(b) il-ħlas ta' ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m'għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

(ċ) it-tneħħija totali jew parzjali ta' vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

(d) l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta' l-irregolarità;

(e) l-irtirar temporanju ta' l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent meħtieġ għall-parteċipazzjoni fi skema ta' għajnuna tal-Komunità;

(f) it-telf ta' garanzija jew depożitu provdut għall-iskop tal-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli jew ir-riforniment ta'l-ammont tal-garanzija lliberata bla jedd;

(ġ) penali oħra ta' tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta' applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta' l-oqsma involuti u b'konformità mal-poteri ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m'humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.

Artikolu 6

1. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali tal-Komunità adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta'penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista' tiġi sospiża b'deċiżjoni ta' l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f'Artikolu 3.

2. Jekk il-proċeduri kriminali ma jitkomplewx, il-proċeduri amministrattivi li jkunu ġew sospiżi għandhom jerġgħu jinbdew.

3. Meta l-proċeduri kriminali jintemmu, il-proċeduri amministrattivi li jkunu ġew sospiżi għandhom jerġgħu jinbdew, ħlief meta l-prinċipji legali ġenerali jimpedixxu dan.

4. Fejn il-proċedura amministrattiva terġa' tinbeda, l-awtorità amministrattiva għandha tiżgura li piena li talanqas tkun ekwivalenti għal dak stipulat mir-regoli tal-Komunità tiġi mposta, li tista' tieħu tieħu in konsiderazzjoni kull penali imposta mill-awtorità ġudizzjarja fuq l-istess persuna fir-rigward tal-istess fatti.

5. Paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx japplikaw għal penali finanzjarji li jifformaw parti integali mis-sistemi ta' appoġġ finanzjarju u jistgħu jiġu applikati indipendentement minn kull penali kriminali, jekk u sakemm ma jkunux ekwivalenti għal dawk il-penali.

Artikolu 7

Il-miżuri amministrattivi tal-Komunità u l-penali jistgħu jiġu applikati għall-operaturi ekonomiċi li għalihom issir riferenza f'Artikolu 1, jiġifieri l-persuni naturali jew legali jew l-entitajiet l-oħra li l-liġi nazzjonali tagħtihom kapaċità legali u li jkunu kkommettew l-irregolarità. Jistgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.

III IT-TITOLU

Il-verifiki

Artikolu 8

1. Skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-regolarità u r-realtà tat-transazzjonijiet li jinvolvu l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2. Il-miżuri li jipprovdu l-verfiki għandhom ikunu adattati għan-natura speċifika ta' kull settur u fi proporzjon għall-għanijiet segwiti. Dawn għandhom iqisu l-prattika u ta' l-istrutturi amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri u għandhom jiġu stabbiliti biex ma jkkawżawx xkiel ekonomiku jew spejjeż amministrattivi eċċessivi.

In-natura u l-frekwenza tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li għandhom isiru mill-Istati Membri u l-proċedura biex dawn iwettquhom għandhom jiġu stabbiliti kif meħtieġ minn regoli settorjali b'tali mod li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u effettiva tar-regoli relevanti u partikolarment sabiex jiġu evitati u innotati l-irregolaritajiet.

3. Ir-regoli settorjali għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw verifiki ekwivalenti permezz ta' l-approssimazzjoni tal-proċeduri u l-metodi tal-verifika.

Artikolu 9

1. Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Komunità skond it-Trattat tal-KE, u partikolarment Artikolu 188ċ tiegħu, il-Kummissjoni għandha, fuq ir-responsabbiltà tagħha, tordna li jitwettqu verifiki fuq:

(a) il-konformità ta' prattiċi amministrattivi mar-regoli tal-Komunità;

(b) l-eżistenza tad-dokumenti meħtieġa li jissostanzjaw u l-konkordanza tagħhom mad-dħul u l-infiq tal-Komunità kif imsemmi f'Artikolu 1;

(ċ) iċ-ċirkostanzi li fihom dawk it-transazzjonijiet finanzjarji jitwettqu u jiġu verifikati.

2. Barra minn hekk, din tista' twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli settorjali.

Qabel twettaq dawk il-verifiki u l-ispezzjonijiet, skond ir-regoli fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tinforma b'dan lill-Istat Membru involut sabiex tikseb kull għajnuna meħtieġa.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet oħra ġenerali li għandhom x'jaqsmu mal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jiġu adottati aktar tard skond il-proċeduri stabbiliti f'Artikolu 235 tat-Trattat tal-KE u Artikolu 203 tat-Trattat tal-KEFA.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-18 Diċembru 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Borrell Fontelles

[1] ĠU Ċ 216, tas-6.8.1994, p. 11.

[2] ĠU Ċ 89, ta' l-10.4.1995, p. 83 u l-opinjoni mogħtija fit-30 ta' Novembru 1995 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

Top