Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R0302

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 tat-8 ta' Frar 1993 dwar it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għal Sorveljar dwar Droga u l-Vizzju tad-Droga

OJ L 36, 12.2.1993, p. 1–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 15 Volume 012 P. 71 - 77
Special edition in Swedish: Chapter 15 Volume 012 P. 71 - 77
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 001 P. 236 - 243

No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Imħassar b' 32006R1920 . Latest consolidated version: 07/10/2000

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/302/oj

31993R0302



Official Journal L 036 , 12/02/1993 P. 0001 - 0008
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 12 P. 0071


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93

tat-8 ta' Frar 1993

dwar it-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għal Sorveljar dwar Droga u l-Vizzju tad-Droga

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, fil-laqgħa tiegħu f'Dublin fil-25 u s-26 ta' Ġunju 1990, il-Kunsill Ewropew:

- irratifika l-"Linji ta' Gwida għal Pjan Ewropew ta' Ġlieda kontra d-Droga" li kien sottomess lilu mill-Kumitat Ewropew għal Ġlieda kontra d-Droga (Celad), u partikolarment ir-rakkomandazzjoni li "għandu jsir studju minn esperti dwar is-sorsi eżistenti ta' informazzjoni, il-kwalità tagħhom u kemm jistgħu jkunu utili, u dwar il-ħtieġa għal u l-possibbilità ta' skop għal Ċentru Ewropew għas-Sorveljar ta' Droga u l-implikazzjonijiet finanzjarji tat-twettiq ta' Ċentru bħal dan, bil-ftehim li l-istruzzjonijiet lil dan iċ-Ċentru jkunu jkopru mhux biss l-aspetti soċjali u ta' saħħa imma wkoll aspetti oħra konnessi mad-droga, inkluż it-traffikar u r-repressjoni",

- saħaq li kienet ir-reponsabbilità ta' kull Stat Membru li jiżviluppa programm xieraq għat-tnaqqis fit-talba tad-droga u jikkunsidra li azzjoni effettiva minn kull Stat Membru, mgħejjuna minn azzjoni konġunta tat-Tnax u l-Komunità, għandha tkun il-priorità ewlenija tul is-snin li ġejjin;

Billi s-sejbiet ta' l-istudju dwar il-prattiċità taċ-Ċentru u l-Pjan Ewropew għal Ġlieda kontra d-Droga li kien sottomess lill-Kunsill Ewropew ta' Ruma fit-13 u l-14 ta' Diċembru 1990 għandhom jibqgħu jkunu kkunsidrati;

Billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu nhar it-28 u d-29 ta' Ġunju 1991, "approva l-istabbilir ta' Ċentru Ewropew għas-Sorveljar ta' Droga bil-ftehim li l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tiegħu, eż. id-daqs tiegħu, l-istruttura istituzzjonali u s-sistemi tal-kompjuter, għad iridu jiġu diskussi u ta struzzjonijiet lil Celad biex ikomplu bix-xogħol għal dak il-għan u biex iwassal għal konklużjoni tajba u ta' malajr, b'kuntatt mal-Kummissjoni u mal-korpi politiċi relevanti l-oħra';"

Billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgha ta' Maastricht nhar id-9 u l-10 ta' Diċembru 1991, "stieden lill-istituzzjonijiet tal-Komunità biex jużaw il-mezzi kollha biex jassiguraw li l-att ta' l-istabbilir taċ-Ċentru Ewropew ta' Droga għandu jkun adottat qabel it-30 ta' Ġunju 1992";

Billi l-Komunità kkonkludiet, b'Deċiżjoni 90/611/KEE [4], il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illegali fi Droga Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, minn hawn ‘il quddiem imsejjħa l-"Konvenzjoni ta' Vjenna", u ddepositat dikjarazzjoni ta' kompetenza rigward l-Artikolu 27 tagħha [5];

Billi l-Kunsill adotta Regolament (KEE) Nru 3677/90 [6] għall-implimentazzjoni mill-Komunità tas-sistema li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna msemmija hawn fuq għal sorveljar ta' kummerċ f'ċerti sustanzi;

Billi l-Kunsill adotta Direttiva 91/308/KEE tal-10 ta' Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta' ħasil ta' flus [7], li għandha l-għan partikolari li tiġġieled it-traffikar tad-droga;

Billi informazzjoni oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u komparabbli rigward id-droga, il-vizzju tad-droga u l-konsegwenzi tagħhom hija meħtieġa fil-livell tal-Komunità biex tgħin fil-forniment lill-Komunità u lill-Istati Membri b'aspett ġenerali u b'hekk tagħtihom aktar valur meta, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jieħdu miżuri jew jiddeċiedu dwar azzjoni għal ġlieda kontra d-droga;

Billi l-fenomenu tad-droga jikkonsisti f'diversi aspetti komplessi u marbutin mill-qrib ma' xulxin li ma jistgħux ikunu isseparati faċilment; billi, għalhekk, iċ-Ċentru għandhu jkun fdat bid-dover li jforni informazzjoni ġenerali li għandha tgħin biex tipprovdi lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha b'aspett ġenerali ta' droga u l-fenomenu tal-vizzju tad-droga; billi dan ix-xogħol m'għandux jippreġudika l-allokazzjoni ta' poteri bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha f'dak li għandu x'jaqsam ma' dispożizzjonijiet leġislattivi li jikkonċernaw il-fornitura u t-talba għad-droga;

Billi l-organizzazzjoni u l-metodi tax-xogħol taċ-Ċentru għandhom ikunu konsistenti man-natura oġġettiva tar-riżultati mfittxa, jiġifieri l-komparabbilità u l-kompatibbilità ta' sorsi u metodi b'konnessjoni ma' informazzjoni dwar id-droga;

Billi l-informazzjoni miġbura miċ-Ċentru tkun tikkonċerna oqsma ta' priorità li l-kontenut, l-iskop u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu definiti;

Billi, matul il-perjodu ta' l-ewwel tliet snin, attenzjoni speċjali għandha tingħata dwar it-talba u t-tnaqqis fit-talba;

Billi, fir-resoluzzjoni tagħhom tas-16 ta' Mejju 1989 rigward in-network Ewropew dwar data tas-saħħa dwar l-abbuż tad-droga [8], il-Kunsill u l-Ministri tas-Saħħa ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattivi possibbli f'dan il-qasam;

Billi qafas Ewropew ta' informazzjoni dwar id-droga u l-vizzju tad-droga għandu jkun stabbilit, biex ikun ikkordinat u mmexxi fil-livell tal-Komunità miċ-Ċentru Ewropew għas-Sorveljar ta' Droga;

Billi l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għal Protezzjoni ta' Individwi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Dettalji Personali (1981) għandu jitqies;

Billi diġa jeżistu organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali u korpi li jfornu din it-tip ta' informazzjoni, u billi ċ-Ċentru għandu jkun jista' jwettaq id-doveri tiegħu b'koperazzjoni mill-qrib magħhom;

Billi ċ-Ċentru għandu jkollu personalità legali;

Billi huwa meħtieġ li jkun assigurat li ċ-Ċentru jwettaq id-doveri tiegħu dwar l-informazzjoni u li tingħata ġurisdizzjoni għal dan il-għan lill-Qorti tal-Ġustizzja;

Billi huwa mixtieq li tingħaraf il-possibbilità tal-ftuħ taċ-Ċentru lil pajjiżi li m'humiex membri tal-Komunità li jaqsmu l-istess interessi tal-Komunità u tal-Istati Membri għall-kisba ta' dawn l-għanijiet, permezz ta' ftehim li għandu jkun konkluż bejniethom u l-Komunità;

Billi dan ir-Regolament għandu, jekk meħtieġ, ikunu adottat wara perjodu ta' tliet snin bil-għan ta' deċiżjoni dwar il-possibbilità ta' estenzjoni tad-doveri taċ-Ċentru, billi titqies, partikolarment, l-evoluzzjoni tal-poteri tal-Komunità;

Billi, għall-addozzjoni ta' dan ir-Regolament it-Trattat ma jipprovdi l-ebda poteri biex jaġixxi ħlief dawk stabbiliti fl-Artikolu 235,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għal Sorveljar ta' Droga u l-Vizzju tad-Droga (EDMC), minn hawn "il quddiem imsejjaħ" iċ-Ċentru'.

2. L-għan taċ-Ċentru huwa li jipprovdi, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4, lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha b'informazzjoni oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u kumparabbli fil-livell Ewropew rigward droga u l-vizzji tad-droga u l-konsegwenzi tagħhom.

3. L-informazzjoni statistika, dokumentarja u teknika proċessata jew prodotta hija maħsuba biex tgħin tipprovdi lill-Komunità u l-Istati Membri b'aspett ġenerali dwar is-sitwazzjoni tad-droga u l-vizzji tad-droga meta, fl-oqsma ta' kompetenza rispettiva tagħhom, jieħdu miżuri jew jiddeċiedu dwar azzjoni.

4. Iċ-Ċentru ma jistax jieħu xi miżura li b'xi mod tmur lill-hinn aktar mill-isfera ta' informazzjoni u l-ipproċessar tagħha.

5. Iċ-Ċentru m'għandux jiġbor dettalji li jagħmluha possibli li jkunu identifikati individwi jew gruppi żgħar ta' individwi. Għandu jibqa' lura milli jittrażmetti informazzjoni li għandha x'taqsam ma' każi speċifiċi msemmija b'isimhom.

Artikolu 2

Dmirijiet

Sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 1, iċ-Ċentru għandu jwettaq dawn id-dmirijiet fil-qasam ta' l-attività tiegħu:

A. Ġbir u analiżi ta' dettalji eżistenti

Għandu:

1. jiġbor, jirreġistra u janalizza informazzjoni, inklużi dettalji li jirriżultaw minn riċerka, ikkomunikati minn Stati Membri kif ukoll li joħorġu mill-Komunità, sorsi nazzjonali mhux governattivi u organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali;

2. jwettaq stħarriġ, studji preparatorji u studji fejjieda, flimkien ma' xi proġetti pilota meħtieġa ħalli jilħaq id-dmirijiet tiegħu; jorganizza laqgħat ta' esperti u kull meta jkun meħtieġ jistabbilixxi gruppi ad hoc ta' xogħol għal dan il-għan; għandu jistabbilixxi u jagħmel disponibbli riżorsi miftuħa ta' dokumentazzjoni xjentifika u jgħin fil-promozzjoni ta' attivitajiet ta' informazzjoni;

3. jipprovdi sistema organizzattiva u teknika li tkun tista' tforni informazzjoni dwar programmi simili u kumplimentarji jew azzjoni meħuda mill-Istati Membri;

4. jistabbilixxi u jikkordina, b'konsultazzjoni u koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri, in-network imsemmi fl-Artikolu 5;

5. jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, speċjalisti u dawk involuti fil-ġlieda kontra d-droga fl-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi;

B. Titjib fil-metodi ta' paraguni tad-dettalji

6. jassigura l-komparabbilità mtejba, l-oġġettività u l-fejda ta' dettalji fil-livell Ewropew billi jistabbilixxi indikaturi u kriterji komuni ta' natura li ma torbotx, konformità li magħha tista' tkun rakkomandata miċ-Ċentru, bil-għan ta' akbar uniformità mal-metodi ta' kejl użati mill-Istati Membri u l-Komunità;

7. jiffaċilita u jistruttura skambju ta' informazzjoni, f'termini kemm ta' kwalità u wkoll ta' kwantità (databases);

Ċ. Disseminazzjoni ta' dettalji

8. jagħmel l-informazzjoni miġbura minnu disponibbli lill-Komunità, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet kompetenti;

9. jassigura disseminazzjoni wiesa' tax-xogħol magħmul minn kull Stat Membru u mill-Komunità nnifisha, u, fejn xieraq, minn pajjiżi mhux tal-Komunità jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

10. jassigura disseminazzjoni wiesa' ta' dettalji mhux konfidenzali li jkunu ta' min joqgħod fuqhom, fuq il-bażi ta' dettalji li hu jiġbor, għandu jippublika ta' kull sena rapport dwar l-istat tal-problema tad-droga;

D. Koperazzjoni ma' korpi u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u ma' pajjiżi li m'humiex membri tal-Komunità

11. jikkontribwixxi għal titjib fil-kordinazzjoni bejn azzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità fl-oqsma ta' l-attività tiegħu;

12. mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' Stati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasmissjoni ta' informazzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar droga, iħeġġeġ l-inkorporazzjoni ta' dettalji dwar id-droga u l-vizzji tad-droga miġbura fi Stati Membri jew li joriġinaw mill-Komuità f'sorveljar internazzjonali ta' programmi għal kontroll tad-droga, partikolarment dawk stabbiliti mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha;

13. jikkopera mill-qrib mal-korpi msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 3

Metodu ta' xogħol

1. Iċ-Ċentru għandu progressivament iwettaq id-dmirijiet tiegħu fid-dawl ta' l-għanijiet adottati fil-programmi ta' xogħol ta' tliet snin u ta' kull sena billi jkunu kkunsidrati r-riżorsi disponibbli.

2. Fl-insegwiment ta' l-attivitajiet tiegħu, iċ-Ċentru għandu, sabiex jevita duplikazzjoni, jieħu kunsiderazzjoni ta' dawk diġa' mwettqa minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra eżistenti jew futuri, l-aktar ta' l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), u għandu jassigura li hu jżid mal-valur tagħhom.

Artikolu 4

Oqsma ta' attività ta' priorità

L-għanijiet u d-dmirijiet taċ-Ċentru, kif definiti fl-Artikoli 1 u 2, għandhom ikunu implimentati skond ordni ta' prioritajiet indikati fl-Anness.

Artikolu 5

Qafas Ewropew ta' Informazzjoni dwar id-Droga u l-Vizzji tad-Droga (Reitox)

1. Iċ-Ċentru għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-network Ewropew ta' Informazzjoni dwar id-Droga u l-Vizzji tad-Droga (Reitox), qafas ta' kompjuter li jifforma l-infrastruttura għal ġbir u t-tpartit ta' informazzjoni u dokumentazzjoni; in-network għandu jagħmel użu, inter alia, ta' sistema awtonoma ta' kompjuter li torbot n-networks nazzjonali ta' informazzjoni dwar id-droga, iċ-ċentri speċjalizzati fl-Istati Membri u s-sistemi ta' l-informazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali jew Ewropej li jikkoperaw maċ-Ċentru.

2. Sabiex jiffaċilitaw li n-network ikun stabbilit malajr u b'effiċjenza kemm jista' jkun, l-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jinnotifikaw liċ-Ċentru bl-elementi prinċipali tan-networks nazzjonali tagħhom ta' informazzjoni, inkluż fejn xieraq iċ-ċentri nazzjonali ta' sorveljar, f'oqsma ta' attività msemmija fl-Artikolu 4 u jsemmi xi Ċentri speċjalizzati li fil-ġudizzju tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni utili għax-xogħol taċ-Ċentru.

3. Iċ-ċentri speċjalizzati għandhom ikunu magħżula bil-kunsens ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu, b'deċiżjoni unanima tal-membri tal-bord tat-tmexxija, imsemmi fit-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 8(2), għal perjodu li ma jeċċedix it-tul ta' kull programm ta' xogħol multi-annwali msemmi fl-Artikolu 8(3). Din l-għażla tista' tiġġedded.

4. Iċ-Ċentru jista', bil-kunsens tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ċ-ċentru jkunu jinstabu, jidħol f'relazzjonijiet kontrattwali, partikolarment arranġamenti ta' sub-kuntratti, ma' ċentri speċjalizzati governattivi u mhux governattivi msemmija fil-paragrafu 3, sabiex iwettaq id-dmirijiet li hu jkun jixtieq li jgħaddi lilhom. Bil-kunsens ta' l-Istati Membru rispettivi, jista' jidħol f'kuntatt, fuq bażi ad hoc u għal dmirijiet speċifiċi, ma' korpi li ma jkunux parti minn Reitox.

5. L-allokazzjoni ta' dmirijiet speċifiċi lill-ċentri speċjalizzati għandhom jidhru fil-programm tax-xogħol multi-annwali taċ-Ċentru kif imsemmi fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 6

Protezjoni u kunfidenzalità ta' dettalji

1. Meta fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament dettalji personali li ma jkunux possibbli li jidentifikaw persuni jintbagħtu wkoll liċ-Ċentru bi qbil mal-liġi nazzjonali, dawk id-dettalji jistgħu jintużaw biss għall-iskopijiet mistqarra u skond il-kondizzjonijiet preskritti mill-awtorità li twassalhom. Dan għandu japplika mutatis mutandis meta d-dettalji personali jkunu komunikati miċ-Ċentru lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet oħra Ewropej.

2. Dettalji dwar id-droga u l-vizzji tad-droga provduti lil jew miċ-Centru jistgħu jkunu pubblikati suġġetti għal konformità mar-regoli tal-Komunità u nazzjonali dwar id-disseminazzjoni u l-kunfidenzalità ta' informazzjoni. Data personali ma jistgħux ikunu pubblikati jew li jsiru aċċessibli għall-pubbliku.

3. Stati Membri u ċ-ċentri speċjalizzati m'humiex obbligati li jipprovdu nformazzjoni klassifikata bħala kunfidenzali taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

Artikolu 7

Status legali

Iċ-Ċentru għandu jkollu personalità legali. Għandu jgawdi, f'kull Stat membru, l-istatus legali l-aktar estensiv mogħti lill-persuni legali permezz tal-liġijiet tagħhom, jista' jixtri u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jistitwixxi proċeduri legali.

Artikolu 8

Bord tat-tmexxija

1. Iċ-Ċentru għandu jkollu bord tat-tmexxija li jkun jikkonsisti f'rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni u żewġ xjenzati li jkunu partikolarment ikkwalifikati fil-qasam tad-droga, innominati mill-Parlament Ewropew fuq il-bażi tal-kwalifiki partikolari tagħhom f'dak il-qasam.

Kull membru tal-bord tat-tmexxija jista' jkun assistit jew rappreżentat minn membru alternattiv. Fin-nuqqas ta' membru sħiħ, il-membru alternattiv jista' jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu. Il-bord tat-tmexxija jista' jistieden bħala osservaturi li ma jivvutawx lil rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li ċ-Ċentru jikkopera magħhom skond l-Artikolu 12.

2. Il-President tal-bord tat-tmexxija għandu jkun elett mill-membri tiegħu għal perjodu ta' tliet snin: It-terminu tiegħu fil-kariga jista' jkun imġedded darba. Il-president għandu jieħu parti fil-votazzjoni. Kull membru tal-bord tat-tmexxija għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-bord tat-tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, ħlief fil-każi msemmija fl-Artikolu 5(3), li għalihom hija meħtieġa deċiżjoni unanima mill-membri tiegħu, u fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Il-bord tat-tmexxija għandu jħejji r-regoli għal proċedura tiegħu.

Il-bord tat-tmexxija għandu jiltaqa' mill-anqas darba kull sena.

3. Il-bord tat-tmexxija għandu jadotta programm ta' xogħol għal tliet snin fuq il-bażi ta' abbozz preżentat mid-Direttur taċ-Ċentru, wara li jikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u jfittex l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. L-ewwel programm ta' xogħol ta' tliet snin għandu jkun adottat unanimament, fi żmien disa xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-bord tat-tmexxija, li jaġixxi b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu, għandu jiddeċiedi jekk programmi ta' tliet snin sussegwenti għandhomx ikunu adottati bil-maġġoranza stabbilita fit-tieni sub-paragrafu ta' paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew b'unanimità.

4. Permezz tal-programm ta' tliet snin, il-bord tat-tmexxija għandu kull sena jadotta l-programm annwali tax-xogol fuq il-bażi ta' abbozz preżentat mid-Direttur, wara li jikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm jista' jkun aġġustat matul is-sena b'konformità ma' l-istess proċedura.

5. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena, il-bord tat-tmexxija għandu jadotta rapport ġenerali annwali dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru. Id-Direttur għandu jwassal ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 9

Direttur

1. Iċ-Ċentru għandu jkun immexxi minn Direttur maħtur mill-bord tat-tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin, u jista' jerġa jinħatar mill-ġdid. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal:

- preparazzjoni u implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u programmi adottati mill-bord tat-tmexxija taċ-Ċentru,

- l-amministrazzjoni minn jum għal jum,

- it-tħejjija tal-programmi tax-xogħol taċ-Ċentru,

- it-tħejjija ta' stqarrija ta' d-dħul u n-nefqa u dwar l-implimentazzjoni tal-budget,

- it-tħejjija u l-pubblikazzjoni tar-rapporti li hemm dispożizzjoni dwarhom f'dan ir-Regolament,

- il-materji kollha ta' l-impjegati,

- it-twettiq tad-dmirijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2.

2. Id-Direttur għandu jwieġeb għall-attivitajiet tiegħu lill-bord tat-tmexxija u għandu jattendi l-laqgħat tiegħu.

3. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-Ċentru.

Artikolu 10

Kumitat Xjentifiku

1. Il-bord tat-tmexxija u d-Direttur għandhom ikunu mgħejjuna minn Kumitat Xjentifiku li għandu jwassal opinjoni meta hemm dispożizzjoni dwar dan fir-Regolament u dwar kull materja xjentifika li tirrigwardja l-attività taċ-Ċentru li l-bord tat-tmexxija jew id-Direttur Eżekuttiv jista' jissottomettu lilu.

L-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu pubblikati.

2. Il-Kumitat Xjentifiku għandu jikkonsisti f'rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru. Il-bord tat-tmexxija jista' jaħtar sa sitt membri wara li jikkunsidra l-kwalifiki partikolari tagħhom.

3. Il-Membri għandhom iservu fuq il-Kumitat Xjentifiku għal perjodu ta' tliet snin, li jista' jerġa jiġġedded.

4. Il-Kumitat Xjentifiku jista' jeleġġi lill-president tiegħu għal perjodu ta' tliet snin.

5. Il-Kumitat Xjentifiku għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu mill-anqas darba fis-sena.

Artikolu 11

Budget

1. Estimi għandhom isiru dwar d-dħul kollu u tan-nefqa taċ-Ċentru għal kull sena finanzjarja, li għandha tikkorrispondi mas-sena kalendarja, u għandhom ikunu nklużi fil-budget taċ-Ċentru.

2. Sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur għandu jhejji abbozz preliminari tal-budget li jkopri n-nefqa operattiva u l-programm tax-xogħol antiċipat għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jwassal dan l-abbozz preliminari lill-bord tat-tmexxija flimkien ma' pjan ta' twaqqif.

3. Dħul u n-nefqa għandhom ikunu bilanċjati.

4. Dħul taċ-Ċentru għandu, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, jikkonsisti minn sussidju mill-Komunità mdaħħal taħt intestatura speċifika fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Sezzjoni tal-Kummissjoni), pagamenti għal servizzi mogħtija u xi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-organizzazzjonijiet u korpi u minn pajjiżi li m'humiex fil-Komunità msemmija fl-Artikoli 12 u 13 rispettivament.

5. In-nefqa taċ-Ċentru għandha tinkludi, inter alia:

- remunerazzjoni ta' l-impjegati, spejjeż amministrattivi u infrastrutturali, u spejjeż operattivi,

- in-nefqa biex issostni n-networks nazzjonali ta' informazzjoni li jifformaw parti min-network Reitox u spiża li għandha x'taqsam ma kuntratti ma' ċentri speċjalizzati.

6. Il-bord tat-tmexxija għandu jadotta abbozz ta' budget u jwasslu lill-Kummissjoni, li fuq dik il-bażi għandha tistabbilixxi l-estimi relevanti fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, li hi għandha tressaq quddiem il-Kunsill bis-saħħa ta' l-Artikolu 203 tat-Trattat.

7. Il-bord tat-tmexxija għandu jadotta l-budget finali taċ-Ċentru qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, jaġġusta dan fejn meħtieġ skond is-sussidju tal-Komunità u r-riżorsi l-oħra taċ-Ċentru.

8. Id-Direttur għandu jimplimenta l-budget.

9. Sorveljar tal-impenji u l-pagamenti ta' l-ispejjeż kollha taċ-Ċentru u l-istabbilir u l-akkwist ta' l-irkupar kollu u d-dħul kollu taċ-Ċentru għandu jsir mill-kontrollur finanzjarju tal-Kummissjoni.

10. Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena d-Direttur għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-bord tat-tmexxija u lill-Qorti tal-Awdituri l-kontijiet kollha ta' d-dħul u n-nefqa taċ-Ċentru f'dak li għandu x'jaqsam mas-sena finanzjarja preċedenti.

Il-Qorti tal-Awdituri għandu jeżamina dawk il-kontijiet f'konformità ma' l-Artikolu 206a tat-Trattat.

11. Il-bord tat-tmexxija għandu jagħti r-rilaxx lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-budget.

12. Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għal budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għaċ-Ċentru. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lil Parlament Ewropew u lill-bord tat-tmexxija, jista' jagħti deroga mir-Regolament Finanzjarju meta ħtiġijiet speċifiċi tal-funzjonament taċ-Ċentru hekk jeħtieġu.

Artikolu 12

Koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u korpi oħra

Mingħajr preġudizzju għal relazzjonijiet li l-Kummissjoni tista żżomm bis-saħħa ta' l-Artikolu 229 tat-Trattat, iċ-Ċentru għandu jħabrek li jfittex koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' oħrajn, partikolarment aġenziji kompetenti Ewropej, governattivi u mhux governattivi fis-settur tad-droga.

Artikolu 13

Pajjiżi mhux tal-Komunità

1. Iċ-Ċentru għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn dawk il-pajjiżi mhux tal-Komunità li jaqsmu l-interessi tal-Komunità u dawk ta' l-Istati Membri tagħha fl-għanijiet u x-xogħol taċ-Ċentru, fuq il-bażi ta' ftehim li jkun sar bejniethom u l-Komunità fuq il-bażi ta' l-Artikolu 235 tat-Trattat.

2. Il-bord tat-tmexxija jista' jieħu deċiżjoni dwar l-involviment ta' esperti proposti minn pajjiżi mhux tal-Komunità fi grupp ad hoc tax-xogħol imsemmija fl-Artikolu 2(2), suġġett għal xi impenn mill-partijiet interessati li josservaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 14

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ukoll ikunu applikabbli għaċ-Ċentru.

Artikolu 15

Regolamenti ta' l-Persunal

Il-persunal taċ-Ċentru għandhom ikunu suġġetti għar-Regolamenti u r-Regoli applikabbli għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

Iċ-Ċentru għandu jeżerċita f'dak li jirrigwardja l-persunal tiegħu l-poteri li jingħatawlu mill-awtorità li taħtru.

Il-bord tat-tmexxija għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli xierqa tal-implimentazzjoni.

Artikolu 16

Responsabbilità

1. L-impenji kontrattwali taċ-Ċentru għandhom ikunu regolati bil-liġi applikabbli għal kuntratt skond kif ikun il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni permezz ta' klawsola ta' arbitraġġ li tkun inkluża f'kuntratt konkluż miċ-Ċentru.

2. Fil-każ ta' impenn mhux kontrattwali, iċ-Ċentru għandu, konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal xi ħsara mwettqa miċ-Ċentru jew mill-impjegati tiegħu fit-twettiq tad-doveri tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li ghandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal xi danni bħal dawn.

3. Ir-responsabbilta personali tal-impjegati lejn iċ-Ċentru għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-impjegati taċ-Ċentru.

Artikolu 17

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet miġjuba kontra ċ-Ċentru permezz tal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 tat-Trattat.

Artikolu 18

Rapport

Matul it-tielet sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twassal lill-Parlament Ewropew u lill-Komunità rapport ta' progress dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru, flimkien ma' proposti, jekk xieraq, biex ikunu modifikati u estiżi d-dmirijiet tiegħu, billi jittieħed kont, partikolarment, ta' l-evoluzzjoni tal-poteri tal-Komunità.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara d-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar is-sede taċ-Ċentru.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Frar 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU C 43, 18. 2. 1992, p. 2.

[2] ĠU C 150, 15. 6. 1992, p. 54.

[3] ĠU C 223, 31. 8. 1992, p. 26.

[4] ĠU L 326, 24. 11. 1990, p. 56

[5] ĠU L 326, 24. 11. 1990, p. 57.

[6] ĠU L 357, 20. 12. 1990, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 900/92 (ĠU L. 96, 10. 4. 1992, p. 1).

[7] ĠU L 166, 28. 6. 1991, p. 77.

[8] ĠU C 185, 22. 7. 1989, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

A. Ix-xogħol taċ-Ċentru għandu jitwettaq billi jingħata kas tal-poteri rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha fil-qasam tad-droga, skond dawk il-poteri definiti bit-Trattat.

L-informazzjoni miġbura miċ-Ċentru għandha tkun dwar dawn l-oqsma ta' priorità:

1. it-talba u n-nuqqas fit-talba għad-droga;

2. strateġiji u xejriet nazzjonali u tal-Komunità (b'enfasi speċjali dwar strateġiji internazzjonali, bilaterali u tal-Komunità, pjanijiet ta' azzjoni, leġislazzjoni, attivitajiet u ftehim);

3. koperazzjoni internazzjonali u ġeopolitika ta' fornitura (b'enfasi speċjali dwar programmi ta' koperazzjoni u nformazzjoni dwar pajjiżi produtturi u ta' transitu);

kontrol fil-kummerċ tad-droga narkotika, sustanzi psikotropiċi u prekursuri, bħal ma hemm dispożizzjoni dwarhom fil-konvenzjonijiet relevanti internazzjonali, preżenti jew futuri, u atti tal-Komunità [1];

Implikazzjonijiet tal-fenomenu tad-droga għal pajjiżi produtturi, konsumaturi u ta' transitu, fl-oqsma koperti bit-Trattat, inkluż ħasil tal-flus, skond l-atti relevanti, preżenti jew futuri tal-Komunità [2].

B. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli liċ-Ċentru, għal disseminazzjoni, l-informazzjoni u d-dettalji statistiċi li hija jkollha bis-saħħa tal-poteri tagħha.

Ċ. Matul il-perjodu ta' l-ewwel tliet snin, attenzjoni speċjali għandha tingħata lit-talba u t-tnaqqis fit-talba.

[1] Il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti preżentament effettivi jinkludu, partikolarment, il-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, sal-limiti li l-Komunità hija jew tista' tkun parti minnhom.L-atti relevanti tal-Komunità preżentament effettivi jinkludu partikolarment ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta' Diċembru 1990 li jesiġi miżuri li għandhom jittieħdu biex jiskoraġġixxu t-tixrid ta' ċerti sustanzi lill-produzzjoni illeċita ta' droga narkotika u sustanzi psikotropiċi.Dan jinvolvi biss informazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati li jfornu lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' leġislazzjoni eżistenti u futura tal-Komunità

[2] Mill-atti relevanti tal-Komunità li huma preżentament effettivi, dak li jikkonċerna l-ħasil ta' flus hija d-Direttiva tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-għan tal-ħasil tal-flus.Din tinvolvi biss informazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati li jfornu lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' leġislazzjoni eżistenti u futura tal-Komunità

--------------------------------------------------

Top