Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993L0098

Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati

OJ L 290, 24.11.1993, p. 9–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 13 Volume 025 P. 75 - 79
Special edition in Swedish: Chapter 13 Volume 025 P. 75 - 79
Special edition in Czech: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Estonian: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Latvian: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Lithuanian: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Hungarian Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Maltese: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Polish: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Slovak: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Slovene: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Bulgarian: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145
Special edition in Romanian: Chapter 17 Volume 001 P. 141 - 145

No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Imħassar b' 32006L0116

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/98/oj

31993L0098



Official Journal L 290 , 24/11/1993 P. 0009 - 0013
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0075
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 25 P. 0075


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE

tad-29 ta’ Ottubru 1993

li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2), 66 u 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir (il-Konvenzjoni ta’ Ruma) jistipulaw biss id-dewmien minimi ta’ protezzjoni tad-drittijiet li jirreferu għalihom, waqt li jħallu Stati Kontrattanti ħielsa li jagħtu dewmien itwal; billi ċerti Stati Membri eżerċitaw dan id-dritt; billi b’żieda ma’ dan ċerti Stati Membri ma ssieħbux mal-Konvenzjoni ta’ Ruma;

(2) Billi bħala konsegwenza hemm differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw id-dewmien tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati, li jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti u l-libertà li jipprovdu servizzi, u li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni; billi għalhekk in vista ta’ tħaddim faċli tal-kummerċ lokali, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati sabiex jagħmlu dewmien ta’ protezzjoni l-istess mal-Komunità kollha;

(3) Billi l-armonizzazzjoni għandha tirregola mhux biss id-dewmien bħala tali, iżda wkoll ċerti arranġamenti ta’ implimentazzjoni bħad-data li minnha kull dewmien ta’ protezzjoni hu kkalkulat;

(4) Billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14a (2) (b), (ċ) u (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna;

(5) Billi d-dewmien minimu ta’ protezzjoni stipulata bil-Konvenzjoni ta’ Berna, jiġifieri l-ħajja ta’ l-awtur u 50 sena wara l-mewt tiegħu, kien maħsub biex jipprovdi protezzjoni għall-awtur u l-ewwel żewġ ġenerazzjonijiet tad-dixxendenti tiegħu; billi l-medja tal-ħajja fil-Komunità twalet, sal-punt fejn dan id-dewmien mhuwiex aktar biżżejjed li jkopri żewġ ġenerazzjonijiet;

(6) Billi ċerti Stati Membri taw dewmien itwal minn 50 sena wara l-mewt ta’ l-awtur biex jikkumpensaw l-effetti tal-gwerer dinjija fuq l-isfruttar tax-xogħlijiet ta’ l-awtur;

(7) Billi għall-protezzjoni ta’ drittijiet relatati ċerti Stati Membri introduċew dewmien ta’ 50 sena wara l-pubblikazzjoni legali jew komunikazzjoni legali lill-pubbliku;

(8) Billi skond il-posizzjoni tal-Komunità adottata fil-Laqgħa ta’ l-Urugwaj negozjati skond il-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u Kummerċ (GATT) id-dewmien tal-protezzjoni għall-produtturi ta’ fonogrammi għandu jkun 50 sena wara l-ewwel pubblikazzjoni;

(9) Billi kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet stabbiliti hija waħda mill-prinċipji ġenerali tal-liġi protetti mill-ordni legali tal-Komunità; billi, għalhekk, armonizzazzjoni tad-dewmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma tistax ikollha effetti li tnaqqas il-protezzjoni preżentement gawduta mid-detenturi tad-drittijiet fil-Komunità; billi sabiex iżżomm l-effetti tal-miżuri tranżitorji mill-inqas kemm jista’ jkun u biex tħalli s-suq lokali li jopera fil-prattika, l-armonizzazzjoni tad-dewmien ta’ protezzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ dewmien twil;

(10) Billi fin-notifika tagħha tas-17 ta’ Jannar 1991 "Follow-up tal-Green Paper - programm ta’ ħidma mill-Kummissjoni fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati" il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li tarmonizza d-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati f’livell għoli ta’ protezzjoni għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma fundamentali għall-ħolqien intellettwali u tenfasizza li l-protezzjoni tagħhom tassigura ż-żamma u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interess ta’ l-awturi, l-industriji kulturali, il-konsumaturi u s-soċjeta in ġenerali;

(11) Billi biex tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni li fl-istess ħin jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq lokali u l-ħtieġa li tistabbilixxi ambjent legali li jwassal għal żvilupp ta’ konkordanza fil-ħolqien letterarju u artistiku fil-Komunità, id-dewmien ta’ protezzjoni għad-drittijiet ta’ l-awtur għandu jkun armonizzat għal 70 sena wara l-mewt ta’ l-awtur jew 70 sena wara li x-xogħol ikun ġie legalment disponibbli għall-pubbliku, u għal drittijiet relatati f’50 sena wara l-każ li jagħti bidu li jibda jgħodd id-dewmien;

(12) Billi kollezzjonijiet huma protetti skond l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta’ Berna meta, għar-raġuni li l-għażla u l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali; billi dawk ix-xogħlijiet huma protetti bħali tali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-awtur f’kull wieħed mix-xogħlijiet li jagħmel parti minn dawn il-kreazzjonijiet, billi bħala konsegwenza dewmien ta’ protezzjoni jistgħu japplikaw għal xogħlijiet inklużi fil-kollezzjonijiet;

(13) Billi fil-każi kollha fejn waħda jew aktar persuni fiżiċi jkunu identifikati bħala awturi d-dewmien ta’ protezzjoni għandu jiġi kkalkulat wara mewthom; billi l-kwistjoni ta’ l-awtur fix-xogħol kollu jew parti minnu fil-kwestjoni ta’ fatt li l-qrati nazzjonali jistgħu jkollhom jiddeċiedu;

(14) Billi d-dewmien ta’ protezzjoni għandhom jiġu kalkolati mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena wara l-ġrajja relevanti, kif inhuma fil-Konvenzjonijiet ta’ Berna u ta’ Ruma;

(15) Billi l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill KEE/91/250 ta’ l-14 ta’ Mejju 1991 fuq il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter [4] jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna; billi din id-Direttiva tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji fil-Komunità; billi l-Artikolu 8 tad-Direttiva KEE/91/250, li sempliċiment tagħmel arranġamenti proviżorji li jirregolaw id-dewmien ta’ protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter, għandhom f’dan is-sens jitħassru;

(16) Billi l-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill KEE/92/100 tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali [5] jagħmlu disposizzjonijiet għal dewmien minimi ta’ protezzjoni biss, bla ħsara għal kull armonizzazzjoni li tista’ ssir; billi din id-Direttiva tipprovdi għal din il-protezzjoni li tista’ ssir; billi dawn l-artikoli għandhom f’dan is-sens jitħassru;

(17) Billi l-protezzjoni ta’ fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett għal diversi kondizzjonijiet; billi sabiex tikseb armonizzazzjoni suffiċjenti tad-dewmien tal-protezzjoni ta’ xogħlijiet fotografiċi, b’mod partikolari ta’ dawk li, bħala riżultat tal-karattru artistiku u professjonali tagħhom, huma ta’ importanza fis-suq lokali, huwa meħtieġ li tfisser il-livell ta’ oriġinalità meħtieġa f’din id-Direttiva; billi xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandu jkun ikkunsidrat oriġinali jekk huwa l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu li jirrifletti l-personalità tiegħu, l-ebda kriterju ieħor bħala meritu jew skop ma jkun ikkunsidrat; billi l-protezzjoni ta’ fotografiji oħra għandha titħalla għal-liġi nazzjonali;

(18) Billi, sabiex tevita differenzi fid-dewmien ta’ protezzjoni dwar drittijiet relatati huwa meħtieġ li tipprovdi l-istess punt ta’ tluq biex ikun kalkolat id-dewmien mal-Komunità kollha; billi l-wirjiet, twaħħil, trasmissjoni, pubblikazzjoni legali, u komunikazzjoni legali lill-pubbliku, jiġifieri l-mezzi li jagħmlu suġġett ta’ dritt relatat perċepibbli fil-modi xierqa kollha lill-persuni in ġenerali, għandhom ikunu kkunsidrati biex ikun ikkalkolat id-dewmien ta’ protezzjoni irrispettivament mill-pajjiż fejn iseħħu l-wirja, twaħħil, trasmissjoni, pubblikazzjoni legali, jew komunikazzjoni legali lill-pubbliku;

(19) Billi d-drittijiet ta’ l-organizzazzjonijiet tax-xandir fix-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-wajer sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita, m’għandhomx ikunu perpetwi; billi huwa għalhekk meħtieġ li jkollok dewmien ta’ protezzjoni li jibda mill-ewwel trasmissjoni ta’ xandira partikolari biss; billi din id-disposizzjoni hija maħsuba bl-iskop li tevita dewmien ġdid li jibda fil-każi fejn xandira tkun identika ma’ waħda preċedenti;

(20) Billi l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur partikolarment dwar il-protezzjoni ta’ pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi; billi, sabiex jassiguraw trasparenza f’livell tal-Komunità, madankollu hu meħtieġ għall-Istati Membri li jintroduċu drittijiet ġodda relatati biex jgħarrfu lill-Kummissjoni;

(21) Billi huwa utli li tagħmilha ċara li l-armonizzazzjoni miġjuba b’din id-Direttiva ma tapplikax għal drittijiet morali;

(22) Billi, għal xogħlijiet li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwa pajjiż barrani u li l-awtur tagħhom mhuwiex ċittadin tal-Komunità, għandhom ikunu applikati paraguni ta’ dewmien ta’ protezzjoni, kemm-il darba d-dewmien mogħti fil-Komunità ma jeċċedix id-dewmien stipulat f’din id-Direttiva;

(23) Billi fejn detentur tad-drittijiet li mhux ċittadin tal-Komunità jikkwalifika għall-protezzjoni skond ftehim internazzjonali d-dewmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet relatati għandu jkun l-istess bħal dak stipulat f’din id-Direttiva, għajr li dan m’għandux jaqbeż dak stipulat fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet huwa ċittadin;

(24) Billi paragun tad-dewmien m’għandux jirriżulta li l-Istati Membri jiġu f’konflitt ma’ l-obbligi internazzjonali tagħhom;

(25) Billi, biex is-suq lokali jaħdem sew din id-Direttiva għandha tkun applikata mill-1 ta’ Lulju 1995;

(26) Billi l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jadottaw id-disposizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni, adattament u aktar twettiq ta’ kuntratti fuq l-isfruttar ta’ xogħlijiet protetti u materjal ieħor li kienu konklużi qabel l-estensjoni tad-dewmien ta’ protezzjoni li tirriżulta minn din id-Direttiva;

(27) Billi rispett għad-drittijiet miksuba u espettazzjonijiet leġittimi huwa parti mill-ordni legali tal-Komunità; billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu b’mod partikolari li f’ċerti ċirkustanzi d-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li joħorġu skond din id-Direttiva ma jagħtux lok għall-ħlasijiet minn persuni li jkunu jassumu in bona fide l-isfruttar tax-xogħlijiet fil-ħin meta dawn ix-xogħlijiet kienu fl-isfera pubblika,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Dewmien tad-drittijiet ta’ l-awtur

1. Id-drittijiet ta’ awtur ta’ xogħol artistiku u letterarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandhom idumu tul il-ħajja ta’ l-awtur u għal 70 sena wara mewtu, irrispettivament mid-data meta x-xogħol ikun legalment disponibbli għall-pubbliku.

2. Fil-każ ta’ xogħol ta’ awturi flimkien id-dewmien imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat mill-mewt ta’ l-aħħar awtur li jkun baqa’.

3. Fil-każ ta’ xogħlijiet anonimi jew psewdonimi, id-dewmien ta’ protezzjoni għandu jdum għal 70 sena wara li x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, meta psewdonimu adottat mill-awtur ma jħalli l-ebda dubju għall-identità tiegħu, jew jekk l-awtur jiżvela l-identità tiegħu matul il-perijodu msemmi fl-ewwel perijodu, id-dewmien ta’ protezzjoni applikabbli għandu jkun dak stipulat fil-paragrafu 1.

4. Fejn l-Istati Membri jipprovdu għal disposizzjonijet partikolari fuq drittijiet ta’ l-awtur dwar xogħlijiet kollettivi jew għal persuna legali li għandha tinħatar bħala detentur tad-drittijiet, id-dewmien tal-protezzjoni għandu jkun ikkalkulat skond id-disposizzjonijet tal-paragrafu 3, għajr jekk persuni fiżiċi li jkunu ħolqu x-xogħol bħala tali jkunu hekk identifikati fil-verżjonijiet tax-xogħol li jkun sar disponibbli għall-pubbliku. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-awturi identifikati li l-kontribut identifikabbli tagħhom ikun inkluż f’dawn ix-xogħlijiet, li għal liema kontribut għandhom japplikaw il-paragrafi 1 jew 2.

5. Fejn xogħol huwa ppubblikat f’volumi, partijiet, faxxikli, ħarġiet jew episodji u d-dewmien ta’ protezzjoni jibda mill-ħin meta x-xogħol kien legalment magħmul disponibbli għall-pubbliku, id-dewmien ta’ protezzjoni għandu jibda separatament għal kull oġġett.

6. Fil-każ ta’ xogħlijiet li għalihom id-dewmien ta’ protezzjoni ma jkunx ikkalkolat mill-mewt ta’ l-awtur jew awturi u li ma jkunux saru disponibbli legalment għall-pubbliku fi żmien 70 sena mill-ħolqien tagħhom, il-protezzjoni għandha tintemm.

Artikolu 2

Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi

1. Id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jaħtru lil ko-awturi oħrajn.

2. Id-dewmien ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jintemm 70 sena wara l-mewt ta’ l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jinħatrux jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta’ l-i screenplay, l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematorgrafiku jew awdjoviżiv.

Artikolu 3

Dewmien ta’ drittijiet relatati

1. Id-drittijiet ta’ l-artisti għandhom jiskadu 50 sena wara d-data tal-wirja. Madankollu, jekk l-iffissar ta’ wirja jkun ippubblikat legalment jew ikkomunikat legalment lill-pubbliku f’dan il-perijodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel.

2. Id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jkun sar l-iffissar. Madankollu, jekk il-fonogramm ikun legalment ippubblikat jew legalment ikkomunikat lill-pubbliku matul dan il-perijodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom ikun l-ewwel.

3. Id-drittijiet tal-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ film għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. Madankollu, jekk il-film ikun ippubblikat legalment jew ikun komunikat legalment lill-pubbliku matul dan il-perijodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta’ din l-ewwel pubblikazzjoni jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel. It-terminu "film" għandu jfisser xogħol jew xbiehat jiċċaqilqu ċinematografiċi jew awdjoviżivi, kemm jekk ikunu akkumpanjati mill-ħoss sew jekk le.

4. Id-drittijiet ta’ l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu 50 sena wara l-ewwel trasmissjoni, sew jekk din ix-xandira tkun trasmessa bil-wajer jew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew satellita.

Artikolu 4

Protezzjoni ta’ xogħlijiet mhux pubblikati qabel

Kull persuna li, wara l-iskadenza tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur, għall-ewwel darba tippubblika legalment jew tikkomunika legalment mal-pubbliku xogħol mhux ippubblikat qabel, għandha tibbenefika mill-protezzjoni ekwivalenti għad-drittijiet ekonomiċi ta’ l-awtur. It-tul ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandu jkun 25 sena minn meta x-xogħol ikun ippubblikat l-ewwel darba jew komunikat legalment lill-pubbliku.

Artikolu 5

Pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi

L-Istati Membri jistgħu jipproteġu pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi ta’ xogħlijiet li jkunu ġew fl-isfera pubblika. Id-dewmien massimu ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandu jkun 30 sena minn meta l-pubblikazzjoni kienet legalment ippubblikata għall-ewwel darba.

Artikolu 6

Protezzjoni ta’ fotografiji

Fotografiji li huma oriġinali fis-sens li huma l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibilità tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta’ fotografiji oħra.

Artikolu 7

Protezzjoni rigward pajjiżi terzi

1. Fejn il-pajjiż ta’ oriġini ta’ xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna, huwa pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol mhuwiex ċittadin tal-Komunità, id-dewmien ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż id-dewmien stipulat fl-Artikolu 1.

2. Id-dewmien ta’ protezzjoni stipulati fl-Artikolu 3 għandhom japplikaw fil-każ ta’ detenturi tad-drittijiet li mhumiex ċittadini tal-Komunità, kemm-il darba l-Istati Membri jagħtuhom protezzjoni. Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali ta’ l-Istati Membri, id-dewmien ta’ protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet huwa ċittadin u ma jistax jeċċedi d-dewmien stipulat fl-Artikolu 3.

3. L-Istati Membri li, fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari skond l-obbligi internazzjonali tagħhom, ikunu taw dewmien itwal ta’ protezzjoni minn dak li jirriżulta mid-disposizzjonijet, imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jżommu din il-protezzjoni sal-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali dwar id-dewmien tal-protezzjoni bid-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati.

Artikolu 8

Stima ta’ dewmien

Id-dewmien stipulati f’din id-Direttiva huma stmati mill-ewwel jum ta’ Jannar tas-sena ta’ wara li l-każ ikun seħħ.

Artikolu 9

Drittijiet morali

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijet ta’ l-Istati Membri li jirregolaw id-drittijiet morali.

Artikolu 10

Applikazzjoni fil-ħin

1. Fejn dewmien ta’ protezzjoni, li jkun itwal mid-dewmien li jikkorrispondi mad-dewmien li hemm provdut dwaru b’din id-Direttiva, ikun diġà għaddej fi Stat Membru fid-data msemmija fl-Artikolu 13(1), din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li tqassar id-dewmien ta’ protezzjoni fi Stat Membru.

2. Id-dewmien ta’ protezzjoni li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet kollha li huma protetti f’għall-inqas Stat Membru wieħed, fid-data msemmija fl-Artikolu 13(1), skond id-Disposizzjonijet nazzjonali fuq id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva KEE/92/100.

3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull att ta’ sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fl-Artikolu 13(1). Stati Membri għandhom jadottaw id-disposizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b’mod partikolari drittijiet miksuba ta’ pajjiżi barranin.

4. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa japplikaw id-disposizzjonijet ta’ l-Artikolu 2(1) għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi maħluqin qabel l-1 ta’ Lulju 1994.

5. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu d-data minn meta għandu japplika l-Artikolu 2(1), kemm-il darba dik id-data ma tkunx aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1997.

Artikolu 11

Adattament tekniku

1. L-Artikolu 8 tad-Direttiva KEE/91/250 huwa b’dan imħassar.

2. L-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva KEE/92/100 huma b’dan imħassrin.

Artikolu 12

Proċedura ta’ notifika

L-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull pjan governattiv biex tagħti drittijiet relatati ġodda, inklużi r-raġunijiet bażiċi għall-introduzzjoni tagħhom u d-dewmien ta’ protezzjoni prevista.

Artikolu 13

Disposizzjonijet ġenerali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ l-Artikoli 1 sa 11 ta’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1995.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijet, għandu jkollhom fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jagħmlu din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 12 mid-data ta’ notifika ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta’ Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Urbain

[1] ĠU C 92, tal-11.4.1992, pġ. 6 uĠU C 27, tat-30.1.1993, pġ. 7.

[2] ĠU C 337, tal-21.12.1992, pġ. 205 uDeċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 1993 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 287, ta’ l-4.11.1992, pġ. 53.

[4] ĠU L 122, tas-17.5.1991, pġ. 42.

[5] ĠU L 346, tas-27.11.1992, pġ. 61.

--------------------------------------------------

Top