EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R2408

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji

OJ L 240, 24.8.1992, p. 8–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
Special edition in Finnish: Chapter 07 Volume 004 P. 123 - 129
Special edition in Swedish: Chapter 07 Volume 004 P. 123 - 129
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 001 P. 420 - 426
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 002 P. 167 - 175
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 002 P. 167 - 175

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2008; Imħassar b' 32008R1008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/2408/oj

31992R2408



Official Journal L 240 , 24/08/1992 P. 0008 - 0014
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0123
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0123


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92

tat-23 ta' Lulju 1992

dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi hu importanti li tkun stabbilita politika dwar it-trasport bl-ajru għas-suq intern matul perijodu li jeskadi fil-31 ta' Diċembru 1992 kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 8a tat-Trattat;

Billi s-suq intern għandu jkun jikkonsisti minn żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital tkun assigurata;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/602/KEE ta' l-14 ta' Diċembru 1987 dwar it-tqassim tal-volum tal-postijiet għal-passiġġieri bejn it-trasportaturi ta' l-ajru f'servizzi bl-ajru skedati bejn Stati Membri u dwar l-aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru għal servizz ta' rotot bl-ajru skedat bejn Stati Membri [4] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2343/90 ta' l-24 ta' Lulju 1990 dwar l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru għal rotot ta' servizz bl-ajru intra-Komunitarji skedati u dwar it-tqassim tal-volum ta' passiġġieri bejn trasportaturi bl-ajru fuq servizzi skedati bl-ajru bejn Stati Membri [5] tikkostitwixxi l-ewwel passi biex jintlaħaq is-suq intern fir-rigward ta' l-aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru skedati intra-Komunitarji;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2343/90 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar ir-reviżjoni ta' dak ir-Regolament sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1992;

Billi fir-Regolament (KEE) Nru 2343/90 il-Kunsill iddeċieda li jadotta regoli li jirregolaw il-liċenzjar ta' rotot għal implimentazzjoni mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 1992;

Billi fir-Regolament (KEE) Nru 2343/90 il-Kunsill iddeċieda li jabolixxi restrizzjonijiet tal-volum bejn l-Istati Membri sal-1 ta' Jannar 1993;

Billi fir-Regolament (KEE) No 2343/90 il-Kunsill ikkonferma li drittijiet tat-traffiku tal-cabotage huma parti integrali mis-suq intern;

Billi l-arranġamenti għal aktar kooperazzjoni fuq l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà kienu maqbula f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit f'dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, u dawk l-arranġamenti għad iridu jidħlu fis-seħħ;

Billi l-iżvilupp tas-sistema tat-traffiku ta' l-ajru fil-gżejjer Griegi u fil-ġżejjer ta' l-Atlantiku li jkopru r-reġjun awtonomu ta' l-Azores hu fil-preżent mhux biżżejjed u għal din ir-raġuni l-ajruporti li jinsabu f'dawn il-gżejjer għandhom ikunu temporanjament eżentati mit-tħaddim ta' dan ir- Regolament;

Billi hu meħtieġ li jkunu aboliti r-restrizzjonijiet dwar id-denominazzjoni multipla u d-drittijiet tat-traffiku tal-ħames-libertà u fażi fid-drittijiet tal-cabotage sabiex ikun stimulat l-iżvilupp tas-settur tat-trasport bl-ajru tal-Komunità u jkunu mtejba s-servizzi għal utenti;

Billi hu meħtieġ li ssir dispożizzjoni speċjali, permezz ta' ċirkostanzi llimitati, għal obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku meħtieġgħall-manutenzjoni adegwata ta' servizzi bl-ajru għal reġjuni nazzjonali;

Billi hu meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet speċjali għal servizzi bl-ajru ġodda bejn ajurporti reġjonali;

Billi għal finijiet ta' l-ippjanar tat-trasport bl-ajru hu meħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-jedd li jistabbilixxu regoli mhux dikriminatorji għad-distribuzzjoni ta' traffiku ta' l-ajru bejn ajruporti fl-istess sistema ta' ajruporti;

Billi l-eżerċitar tal-jeddijiet tat-traffiku għandu jkun konsistenti mar-regoli operazzjonali li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-kondizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ajruporti u għandu jkun trattat mingħajr diskriminazzjoni;

Billi, meta wieħed jikkonsidra l-problemi ta' konġestjoni jew il-problemi ambjentali, hu meħtieġ li tkun inkluża l-possibiltà li jiġu imposti ċerti limitazzjonijiet fuq l-eżerċitar tal-jeddijiet tat-traffiku;

Billi, meta wieħed jikkonsidra s-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq, għandha ssir dispożizzjoni li ma tħallix l-effetti ekonomiċi mhux ġustifikabbli dwar trasportaturi ta' l-ajru;

Billi hu meħtieġ li jkunu speċifikati d-dmirijiet ta' l-Istati Membri u t-trasportaturi ta' l-ajru għall-finijiet li tkun mogħtija l-informazzjoni meħtieġa;

Billi hu xieraq li tkun assigurata stima identika u evalwazzjoni ta' l-aċċess tas-suq għall-istess tipi ta' servizzi bl-ajru;

Billi hu xieraq li jkunu ttrattati l-materji kollha ta' l-aċċess tas-suq fl-istess Regolament;

Billi dan ir-Regolament jissostitwixxi parzjalment ir-Regolament (KEE) Nru 2343/90 u Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 294/91 tal-4 ta' Frar 1991 dwar l-operazzjoni tas-servizzi tal-merkanzija bl-ajru bejn l-Istati Membri [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jittratta l-aċċess għal rotot ġewwa l-Komunità għal servizzi bl-ajru skedati u mhux skedati.

2. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibilta hu mifhum li hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit għar-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinstab l-ajruport.

3. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tkun sospiża sakemm l-arranġamenti fid-dikjarazzjoni konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 jkunu daħlu fis-seħħ. Il-Gvernijiet ta' Spanja u r-Renju Unit għandhom jinfurmaw lill-Kunsill b'dik id-data.

4. L-ajruporti fil-gżejjer Griegi u fil-gżejjer ta' l-Atlantiku li jinkludu r-reġjun awtonomu ta' l-Azores għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sat-30 ta' Ġunju 1993. Sakemm mhux mod ieħor deċiż mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, din l-eżenzjoni għandha tkun tapplika għal perjodu ieħor ta' ħames snin u tista' titkompla għall-ħames snin ta' wara.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "trasportatur ta' l-ajru" tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li jkollha liċenzja valida ta' l-operat;

(b) "trasportatur ta' l-ajru tal-Komunità" tfisser trasportatur ta' l-ajru li jkollu liċenza valida biex jopera mogħtija minn Stat Membru bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzjar ta' trasportaturi ta' l-ajru [7];

(ċ) "servizz bl-ajru" tfisser titjira jew serje ta' tijiriet li jġorru l-passiġġieri, il-merkanzija u/jew il-posta għal remunerazzjoni u/jew għal kiri;

(d) "servizz bl-ajru skedat" tfisser serje ta' titjiriet li jkollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(i) din tkun magħmula minn ajruplan għat-trasport tal-passiġġieri, tal-merkanzija u/jew tal-posta bi ħlas, b'tali manjiera li f'kull titjira l-postijiet ikunu disponibbli għal bejgħ individwalment lejn il-membri tal-pubbliku (kemm direttament mit-trasportatur jew mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

(ii) din tkun operata biex isservi traffiku bejn l-istess tnejn jew aktar ajruporti, jew:

1. skond skeda tal-ħin ippubblikata; jew

2. permezz ta' titjiriet li jkunu hekk regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu serje sistematika li tkun rikonoxxibbli;

(e) "titjira" tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni;

(f) "dritt tat-traffiku" tfisser id-dritt ta' trasportatur ta' l-ajru li jġorr passiġġieri, merkanzija u/jew posta fuq servizz bl-ajru bejn żewġ ajruporti tal-Komunità;

(g) "bejgħ ta' postijiet biss" tfisser il-bejgħ ta' postijiet, mingħajr xi servizz sħiħ ieħor, bħal ma hi l-akkomodazzjoni, direttament lill-pubbliku mit-trasportatur jew mill-aġent awtorizzat tiegħu jew lil charterer;

(h) "Stat(i) Membru(i) kkonċernat(i)" tfisser l-Istat(i) Membru(i) bejn jew li fih(om) ikun operat is-servizz bl-ajru;

(i) "Stat(i) Membru(i) involut(i)" tfisser l-Istat(i) Membru(i) kkonċernati u l-Istat(i) Membru(i) meta t-trasportatur(i) ta' l-ajru li jopera(w) is-servizz bl-ajru jkun(u) liċenzjat(i);

(j) "Stat ta' reġistrazzjoni" tfisser l-Istat Membru li fih il-liċenza msemmija f'(b) tkun mogħtija;

(k) "ajruport" tfisser kwalunkwe żona fi Stat Membru li tkun miftuħa għal operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru;

(l) "ajruport reġjonali" tfisser kull ajruport minbarra dak elenkat fl-Anness I bħala ajruport tal-kategorija 1;

(m) "sistema ta' ajruporti" tfisser tnejn jew aktar ajruporti aggruppati flimkien biex iservu l-istess belt jew metropoli, kif indikat fl-Anness II;

(n) "volum" tfisser in-numru ta' postijiet offruti lill-pubbliku inġenerali fuq servizz bl-ajru skedat matul perjodu partikolari;

(o) "obbligazzjoni ta' servizz pubbliku" tfisser kull obbligazzjoni imposta fuq xi trasportatur ta' l-ajru biex jieħu, fir-rigward ta' kull rotta li tkun illiċenzata biex topera minn Stat Membru, il-miżuri kollha meħtieġa biex ikun assigurat l-għoti ta' servizz li jissodisfa normi fissi ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi li kieku kien qed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu.

L-Artikolu 3

1. Suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta' traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità.

2. Minkejja l-paragrafu 1, qabel l-1 ta' April 1997 xi Stat Membru m'għandux ikun meħtieġ li jawtorizza drittijiet tat-traffiku tal-kabotaġġ ġewwa t-territorju tiegħu minn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità illiċenzati minn xi Stat Membru ieħor, sakemm:

(i) il-jeddijiet tat-traffiku jkunu eżerċitati fuq servizz li jikkostitwixxi u jkun skedat bħala estensjoni ta' servizz minn, jew bħala preliminari ta' servizz lejn, l-Istat tar-reġistrazzjoni tat-trasportatur;

(ii) t-trasportatur ta' l-ajru ma jużax, għas-servizz tal-kabotaġġ, aktar minn 50 % tal-volum staġonali tiegħu fuq l-istess servizz li minnu s-servizz tal-kabotaġġ jikkostitwixxi l-estensjoni jew il-preliminari.

3. It-trasportatur ta' l-ajru li jopera servizzi ta' kabotaġġ bi qbil mal-paragrafu 2 għandu jforni fuq talba lejn l-Istat(i) Membru(i) involut(i) l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dak il-paragrafu.

4. Minkejja l-paragrafu 1, qabel l-1 ta' April 1997 Stat Membru jista', mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità jew ta' propjetà u ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru, kemm jekk benefiċjarju jew applikant fuq ir-rotot ikkonċernati, jirregola l-aċċess għal rotot ġewwa t-territorju tiegħu għat-trasportaturi ta' l-ajru liċenzjati minnu bi qbil mar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 filwaqt li ma jippreġudikax b'mod ieħor il-liġi tal-Komunità u, b'mod partikolari, ir-regoli ta' kompetizzjoni.

L-Artikolu 4

1. (a) Xi Stat Membru, wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni u t-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista' jimponi obbligazzjoni ta' servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi bl-ajru skedati lejn ajruport li jservi reġjun periferali jew ta' żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta qasira lejn xi ajruport regjonali fit-territorju tiegħu, meta dik ir-rotta ma tkunx kunsidrata vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li fih ikun lokalizzat l-ajruport, sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti adekwat tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitatjiet Ewropej l-eżistenza ta' dan l-obbligu ta' servizz pubbliku.

(b) L-adekwatezza tas-servizzi bl-ajru skedati għandha tkun evalwata mill-Istati Membri meta wieħed jikkunsidra:

(i) l-interess tal-pubbliku;

(ii) il-possibiltà, b'mod partikolari għal reġjuni gżejjer, li jkun hemm aċċess għal modi oħra tat-trasport u l-volum ta' dawk il-modi li jilħqu l-ħtiġiet tat-trasport li jkun qed jiġi kkunsidrat;

(iii) it-tariffi ta' l-ajru u kondizzjonijiet li jistgħu jiġu kwotati lill-utenti;

(iv) l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta.

(ċ) Fil-każi meta forom oħra ta' trasport ma jistgħux jassiguraw servizz adegwat u mhux interrott, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jinkludu fil-obbligazzjoni ta' servizz pubbliku l-ħtieġa li kull trasportatur ta' l-ajru li jkun beħsiebu jopera r-rotta jagħti garanzija li jopera r-rotta għal ċertu perjodu, li għandu jkun speċifikat, skond il-kondizzjonijiet l-oħra ta' l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku.

(d) Jekk l-ebda trasportatur ta' l-ajru ma jkun beda jew ikun sejjer jibda servizz bl-ajru skedat fuq rotta skond l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku li jkun impost fuq dik ir-rotta, l-Istat Membru jista' mbagħad jillimita l-aċċess għal dik ir-rotta għal trasportatur ta' l-ajru wieħed biss, għal perjodu li jlaħħaq sa tliet snin, li wara dan għandu jkun hemm reviżjoni tas-sitwazzjoni. Il-jedd li jiġu operati dawk is-servizzi għandu jkun offrut permezz ta' offerta pubblika jew għal rotta singola jew għal grupp ta' dawk ir-rotot lejn kull trasportatur ta' l-ajru tal-Komunità li jkun intitolat li jopera dawk is-servizzi ta' l-ajru. Is-sejħa għall-offerti għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-għeluq taż-żmien għall-għoti ta' offerti ma jkunx aktar kmieni minn xahar wara l-jum tal-pubblikazzjoni. Is-sottomissjonijiet magħmula mit-trasportaturi ta' l-ajru għandhom minnufih jiġu komunikati lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra u lill-Kummissjoni.

(e) Is-sejħa għal offerti u kuntratt sussegwenti għandhom ikopru, fost l-oħrajn, il-punti li ġejjin:

(i) in-normi meħtieġa mill-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku;

(ii) ir-regoli dwar l-emendi u t-terminazzjoni tal-kuntratt, b'mod partikolari biex jieħu inkonsiderazzjoni tibdiliet li ma kinux imbassra;

(iii) il-perjodu ta' validità tal-kuntratt;

(iv) il-penali fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt.

(f) L-għażla fost is-sottomissjonijiet għandha ssir kemm jista' jkun malajr meta wieħed jikkonsidra l-adegwatezza tas-servizz, inklużi l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet li jistgħu jkunu kwotati lejn l-utenti, u l-ispiża tal-kumpens meħtieġ mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i), jekk ikun hemm.

(g) Minkejja s-subparagrafu (f), perijodu ta' xahrejn għandu jgħaddi wara l-għeluq taż-żmien għas-sottomissjoni ta' l-offerti qabel tkun tista' ssir xi għażla, sabiex jippermetti lil-Istati Membri l-oħra li jagħtu l-kummenti tagħhom.

(h) Stat Membru jista' jirrifondi lit-trasportatur ta' l-ajru, li jkun magħżul bi qbil mas-subparagrafu (f), li jissodisfa n-normi meħtieġa, mill-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku imposti permezz ta' dan il-paragrafu; dik ir-rifużjoni għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-ispejjeż u dħul ġenerati mis-servizz.

(i) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li kull deċiżjoni meħuda permezz ta' dan l-Artikolu tkun tista' tiġi riveduta b'mod effettiv u, b'mod partikolari, malajr kemm jista jkun possibbli għal raġunijiet li dawk id-deċiżjonijiet ikunu kisru liġi tal-Komunità jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

(j) Meta l-obbligazzjoni ta' servizz pubbliku tkun ġiet imposta bi qbil mas-subparagrafi (a) u (ċ), it-trasportaturi ta' l-ajru jkunu jistgħu mbagħad joffru bejgħ għall-postijiet biss biss jekk is-servizz bl-ajru f'dak il-każ jilħaq il-ħtiġiet kollha ta' l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku. Konsegwentement dak is-servizz ta' l-ajru għandu jkun meqjus bħala servizz bl-ajru skedat.

(k) Is-subparagrafu (d) ma japplikax f'xi każ li fih Stat Membru ieħor interessat jipproponi mezzi alternattivi sodisfaċenti biex jissodisfa l-istess obbligazzjoni tas-servizz pubbliku.

2. Il-Paragrafu 1(d) ma japplikax għal rotot fejn modi oħra ta' trasport jistgħu jassiguraw servizz adegwat u mhux interrott meta l-l-volum offrut jeċċedi t-30000 post kull sena.

3. Fuq talba ta' Stat Membru li jikkonsidra li l-iżvilupp ta' rotta qiegħed ikun ristrett b'mod mhux xieraq permezz tal-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1, jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tagħmel investigazzjoni u fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba u għandha tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatturi kollha relevanti jekk il-paragrafu 1 għandux jibqa' japplika għar-rigward tar-rotta f'dak il-każ.

4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti f'perjodu ta' xahar.

L-Artikolu 5

Fuq rotot domestiċi li dwarhom fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament tkun ingħatat konċessjoni esklussiva bil-liġi jew permezz ta' kuntratt, u fejn forom oħra ta' trasport ma jistgħux jassiguraw servizz adegwat jew mhux interrott, dik il-konċessjoni tista' tkompli sat-tmiem tagħha jew għal tliet snin, liema għeluq taż-żmien jiġi l-ewwel.

L-Artikolu 6

1. Minkejja l-Artikolu 3, Stat Membru jista', meta wieħed mit-trasportaturi ta' l-ajru liċenzjat minnha jkun beda jopera servizz ta' l-ajru skedat tal-passiġġieri b'ajruplan ta' mhux aktar minn 80 post fuq rotta ġdida bejn ajruporti reġjonali fejn il-volum ma jeċċedix it-30000 post kull sena, jirrifjuta servizz ta' l-ajru skedat minn trasportatur ta' l-ajru ieħor għal perjodu ta' sentejn, sakemm dan ikun operat b'ajruplan ta' mhux aktar minn 80 post, jew dan ikun operat b'tali mod li mhux aktar minn 80 post ikunu disponibbli għal bejgħ bejn iż-żewġ ajruporti f'dak il-każ fuq kull titjira.

2. L-Artikolu 4(3) u (4) japplika fir-rigward tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 7

Fl-operazzjoni ta' servizzi bl-ajru, t-trasportatur ta' l-ajru tal-Komunità għandu jitħalla mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i) li jikkombina s-servizzi bl-ajru u juża l-istess numru ta' titjira.

L-Artikolu 8

1. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-jedd ta' Stat Membru li jirregola mingħajr dikriminazzjoni għal raġunijet ta' nazzjonalità jew ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti ġewwa s-sistema ta' ajruport.

2. L-eżerċitar ta' drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli ippubblikati ta' l-operazzjoni tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirreferu għas-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-allokazzjoni ta' slotts.

3. Fuq talba minn Stat Membru jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, fi żmien xahar minn meta tirċievi talba u wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11, tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżura. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri.

4. Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' f'ċirkostanzi eċċezzjonali jieħu deċiżjoni differenti f'perjodu ta' xahar.

5. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jibda sistema ġdida ta' ajruport jew jimmodifika waħda eżistenti, dan għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Wara li tkun ivverifikat li l-ajruporti jkunu aggruppati flimkien biex iservu l-istess belt jew konurbazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-Anness II rivedut fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

1. Meta jeżistu problemi serji ta' konġestjoni u/jew ambjentali l-Istat Membru responsabbli jista', suġġett għal dan l-Artikolu, jimponi kondizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifijuta l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku, b'mod partikolari meta modi oħra tat-trasport jistgħu jipprovdu livelli sodisfaċenti ta' servizz.

2. Azzjoni meħuda minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 għandha:

- ma tkunx diskriminatroju għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru,

- jkollha perjodu ta' validità limitat, li ma jeċċedix tliet snin, li wara dan, din għandha tiġi riveduta,

- ma taffettwax b'mod mhux xieraq l-oġġettivi ta' dan ir-Regolament,

- ma tagħmilx distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru,

- ma tkunx aktar restrittiva milli meħtieġ sabiex ittaffi l-problemi.

3. Meta Stat Membru jikkunsidra li l-azzjoni permezz tal-paragrafu 1 tkun meħtieġa, dan għandu, għall-inqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-azzjoni, jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fejn jagħti ġustifikazzjoni adegwata għall-azzjoni. L-azzjoni tista' tiġi implimentata sakemm fi żmien xahar jew minn meta tkun waslet l-informazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jikkontesta l-azzjoni, jew il-Kummissjoni, bi qbil mal-paragrafu 4, tikkonsidraha għal aktar eżaminazzjoni.

4. Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizzjattiva tagħha stess il-Kummissjoni għandha teżamina l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Meta l-Kummissjoni, fi żmien xahar minn meta tiġi infurmata permezz tal-paragrafu 3, tieħu l-azzjoni għall-eżaminazzjoni, din għandha fl-istess ħin tindika jekk l-azzjoni tistax tkun implimentata, kollha kemm hi jew parzjalment, matul l-eżami meta wieħed jikkonsidra b'mod partikolari l-possibiltà ta' l-effetti irriversibbli. Wara li tikkonsulta l-Kumitat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 11 il-Kummissjoni għandha, xahar wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa, tiddeċiedi jekk l-azzjoni tkunx xierqa u b'konformità ma' dan ir-Regolament u ma tkun bl-ebda mod kuntrarja għal-liġi tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi dwar miżuri interim inkluża s-sospensjoni, sħiħa jew parzjali, ta' l-azzjoni, meta wieħed jikkonsidra b'mod partikolari l-possibiltà ta' l-effetti irriversibbli.

5. Minkejja l-paragrafi 3 u 4, Stat Membru jista' jieħu l-azzjoni meħtieġa biex jitratta ma' problemi li jinqalgħu għall-għarrieda ta' tul qasir sakemm dik l-azzjoni tkun konsistenti mal-paragrafu 2. Il-Kummissjoni u l-Istat(i) Membru(i) għandhom ikunu infurmati mingħajr dewmien b'dik l-azzjoni flimkien mal-ġustifikazzjoni adegwata dwarha. Jekk il-problemi li jkunu ħtieġu dik l-azzjoni jkomplu jeżistu għal aktar minn 14-il jum l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan u jista', bil-ftehim tal-Kummissjoni, jtawwal l-azzjoni għal aktar perjodi sa 14-il jum. Fuq talba ta' l-Istat(i) Membru(i) involut(i) jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tissosspendi din l-azzjoni jekk din ma tkunx tissodisfa l-ħtiġiet tal-paragrafi 1 u 2 jew tkun mod ieħor kuntrarja għal-liġi tal-Komunità.

6. Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill permezz tal-paragrafu 4 jew 5 fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' f'ċirkostanzi eċċezzjonali jieħu deċiżjoni differenti f'perjodu ta' xahar.

7. Meta deċiżjoni meħuda minn Stat Membru permezz ta' dan l-Artikolu tillimita l-attività tat-trasportatur ta' l-ajru tal-Komunità fuq rotta ġewwa l-Komunità, l-istess kondizzjonijiet jew limitazzjoni għandhom japplikaw għat-trasportaturi ta' l-ajru kollha tal-Komunità fuq l-istess rotta. Meta d-deċiżjoni tinvolvi r-rifjut tas-servizzi ġodda jew addizzjonali, l-istess trattament għandu jingħata lit-talbiet kollha minn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal servizzi ġodda jew addizzjonali fuq dik ir-rotta.

8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) u apparti milli bi ftehim ta' l-Istat(i) Membru(i) involut(i), Stat Membru m'għandux jawtorizza trasportatur ta' l-ajru:

(a) li jistabbilixxi servizz ġdid, jew

(b) li jżid il-frekwenza ta' servizz eżistenti,

bejn ajruport speċifiku fit-territorju tiegħu u Stat Membru ieħor għal dak iż-żmien li t-trasportatur illiċenzjat ta' l-ajru minn Stat Membru ieħor ma jkollux il-permess, fuq il-bażi ta' regoli ta' l-allokazzjoni ta' slotts kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 8(2), biex ikun stabbilit servizz ġdid jew biex jiżdiedu l-frekwenzi fuq servizz eżistenti lejn l-ajruport f'dak il-każ, sakemm isseħħ l-adozzjoni mill-Kunsill jadotta u d-dħul fis-seħħ ta' Regolament dwar kodiċi ta' kondotta dwar l-allokazzjoni ta' slotts ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tan-non-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità.

L-Artikolu 10

1. Limitazzjonijiet tal-volum m'għandhomx japplikaw għal servizzi ta' l-ajru koperti b'dan ir-Regolament minbarra kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9 u f'dan l-Artikolu.

2. Meta l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tkun wasslet għal dannu finanzjarju serju għat-trasportatur(i) liċenzjat(i) ta' l-ajru skedat(i) minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni fuq talba ta' dak l-Istat Membru u, fuq il-bażi tal-fatturi kollha relevanti, inkluża s-sitwazzjoni tas-suq u b'mod partikolari jekk is-sitwazzjoni teżistix meta l-opportunitajiet ta' trasportaturi ta' l-ajru ta' dak l-Istat Membru jikkompetu b'mod effettiv ikunu affetwat b'mod mhux xieraq, il-pożizzjoni finanzjarja tat-trasportatur(i) ta' l-ajru kkonċernati u l-utilizzazzjoni tal-volum milħuq, għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-volum għal servizzi ta' l-ajru skedati minn dak l-Istat għandhomx ikunu stabilizzati għal perjodu limitat.

3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' f'ċirkostanzi eċċezzjonali jieħu deċiżjoni differenti f'perjodu ta' xahar.

L-Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Konsultattiv li jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-Kumitat għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 9 u 10.

3. Aktar minn hekk, il-Kumitat jista' jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

L-Artikolu 12

1. Sabiex twettaq id-doveri tagħha permezz ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Istati Membri kkonċernati, li għandom jassiguraw ukoll l-għoti ta' l-informazzjoni mit-trasportaturi ta' l-ajru lliċenzjati minnhom.

2. Meta l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tkun mogħtija f'forma mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta' deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat titlob li l-informazzjoni tingħata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni tkun meħtieġa u tistabbilixxi l-limitu xieraq ta' zmien li fih din għandha tingħata.

L-Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa l-1 ta' April 1994 u perjodikament wara dan.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Informazzjoni konfidenzjali akkwistata fl-applikazjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun koperta bis-sigriet professjonali.

L-Artikolu 15

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2343/90 u 294/91 huma b'dan sostitwiti bl-eċċezzjonijiet ta' l-Artikolu 2(e)(ii) u ta' l-anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2343/90, kif interpretat bl-Anness II ta' dan ir-Regolament, u l-Artikolu 2(b) ta' u l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 294/91.

L-Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Cope

[1] ĠU C 258, ta' l-4.10.1991, p. 2.

[2] ĠU C 125, tat-18.5.1992, p. 146.

[3] ĠU C 169, tas-6.7.1992, p. 15.

[4] ĠU L 374, tal-31.12.1987, p. 19.

[5] ĠU L 217, tal-11 8.1990, p. 8.

[6] ĠU L 36, tat-8.2.1991, p. 1.

[7] ĠU L 240, tat-23.7.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Lista ta' ajruporti tal-kategorija 1

Il-BELĠJU: | Brussels-Zaventem |

ID-DANIMARKA: | Sistema ta' l-ajru ta' Copenhagen |

Il-ĠERMANJA: | Frankfurt-Rhein/Main Duesseldorf-Lohausen Munich Sistem ta' l-ajruport ta' Berlin |

SPANJA: | Palma-Mallorca Madrid-Barajas Malaga Las Palmas |

Il-GREĊJA: | Athens-Hellinikon Thessalonika-Macedonia |

FRANZA: | Sistema ta' l-ajruport ta' Pariġi |

L-IRLANDA: | Dublin |

L-ITALJA: | Sistema ta' l-ajruport ta' Ruma Sistema ta' l-ajruport ta' Milan |

L-OLANDA: | Amsterdam-Schiphol |

Il-PORTUGALL: | Lisbona Faro |

Ir-RENJU UNIT: | Sistema ta' l-ajruport ta' Londra Luton |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Lista ta' sistemi ta' l-ajruporti

ID-DANIMARKA: | Copenhagen-Kastrup/Roskilde |

Il-ĠERMANJA: | Berlin-Tegel/Schoenefeld/Tempelhof |

FRANZA: | Pariġi-Charles De Gaulle/Orly/Le Bourget Lyon-Bron-Satolas |

L-ITALJA: | Ruma-Fiumicino/Ciampino Milan-Linate/Malpensa/Bergamo (Orio al Serio) Venezja-Tessera/Treviso |

IR-RENJU UNIT: | Londra-Heathrow/Gatwick/Stansted |

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

L-interpretazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 15

Permezz tat-termini ta' l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2343/90, it-trasportatur ta' l-ajru Scanair, li hu strutturat u organizzat eżattament bħal Scandinavian Airlines System, għandu jkun ikkunsidrat bl-istess mod bħat-trasportatur ta' l-ajru Scandinavian Airlines System.

--------------------------------------------------

Top