Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31969R1192

Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

OJ L 156, 28.6.1969, p. 8–20 (DE, FR, IT, NL)
Danish special edition: Series I Volume 1969(I) P. 264 - 274
English special edition: Series I Volume 1969(I) P. 283 - 295
Greek special edition: Chapter 07 Volume 001 P. 107 - 119
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 001 P. 137 - 148
Portuguese special edition: Chapter 08 Volume 001 P. 137 - 148
Special edition in Finnish: Chapter 07 Volume 001 P. 70 - 81
Special edition in Swedish: Chapter 07 Volume 001 P. 70 - 81
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 001 P. 26 - 38
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 001 P. 32 - 53
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 001 P. 32 - 53
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 013 P. 3 - 15

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1969/1192/oj

31969R1192



Official Journal L 156 , 28/06/1969 P. 0008 - 0020
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0070
Danish special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0264
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 1 P. 0070
English special edition: Series I Chapter 1969(I) P. 0283
Greek special edition: Chapter 07 Volume 1 P. 0107
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0137
Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0137


Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69

tas-26 ta' Ġunju 1969

dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 75 u 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 [1] dwar l-armonizzazjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fit-trasport permezz tal-ferrovija, tat-toroq jew ta' passaġġi ta' l-ilma interni;

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Assemblea [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni dwar it-trasport huwa li jiġu eliminati diskrepanzi li jinħolqu minħabba l-impożizzjoni ta' piżijiet finanzjarji fuq, jew l-għoti ta' benefiċċji lil, intrapriżi tal-ferroviji minn awtoritajiet pubbliċi, u li konsegwentement jistgħu jikkawżaw tfixkil sostanzjali fil-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni;

Billi huwa xieraq għal dan l-iskop li tittieħed azzjoni li permezz tagħha jiġu eliminati l-effetti ta' dawn il-piżijiet jew benefiċċji finanzjarji bil-għan li tintlaħaq ugwaljanza fil-mod kif jiġu trattati kul mezz tat-trasport; billi għal ċerti klassijiet ta' benefiċċju jew piż finanzjarju, din l-azzjoni tista' tikkonsisti fit-terminazzjoni bikrija tagħhom; billi, fir-rigward ta' klassijiet oħrajn, din l-azzjoni trid titwettaq bħala parti minn proċess ta' normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tat-trasport, u karatteristika ta' din in-normalizzazzjoni hija il-ħlas tal-kumpens fir-rigward ta' l-effetti ta' dawn il-piżijiet jew benefiċċji finanzjarji;

Billi ftehim finali dwar il-pożizzjoni fir-rigward ta' ċerti klassijiet ta' piżijiet jew benefiċċji finanzjarji li għandhom jaqgħu taħt in-normalizzazzjoni trid issir flimkien ma' l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-intrapriżi tal-ferrovija u Stati kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffetwaw il-kompetizzjoni fit-trasport bil-ferrovija, fuq it-toroq jew permezz ta' passaġġi ta' l-ilma interni; billi, għal dawk il-klassijiet ta' piż jew benefiċċju, huwa għalhekk xieraq, waqt li ftehim finali jkun għadu pendenti, li kull Stat ikollu d-dritt li jiddeċiedi f'kull każ individwali jekk għandux ikun hemm normalizzazzjoni; billi, jekk jiġi deċiż li ssir n-normalizzazzjoni, din għandha ssir skond r-regoli komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-metodi għall-kalkolazzjoni ta' kumpens finanzjarju;

Billi, qabel ma jkunu jistgħu jittieħdu ebda passi taħt in-normalizzazzjoni tal-kontijiet sabiex jitħallas xi kumpens dovut minħabba dik in-normalizzazzjoni, huwa neċessarju li jiġu determinati l-piżijiet jew il-benefiċċji finanzjarji li l-intrapriżi tal-ferroviji jsofru jew igawdu minnhom ħdejn il-pożizzjoni tagħhom li kieku huma joperaw taħt l-istess kondizzjonijiet bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn.

Billi, sabiex issir din id-determinazzjoni, il-każijiet li għalihom tapplika n-normalizzazzjoni għandhom jiġu definiti; billi il-każijiet eżistenti kollha fl-Istati Membri għandhom jiġu koperti, bl-eċċezzjoni, minn naħa waħda, ta' obbligi ta' servizz pubbliku, skond it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 [4] tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni minn Stati Membri li tirrigwarda l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport permezz tal-ferrovija, tat-toroq jew ta' passaġġi ta' l-ilma interni u, min-naħa l-oħra, diskrepanzi fl-infrastruttura u piżijiet ta' tassazzjoni taħt ir-regoli li jirregolaw it-tliet modi ta' diskrepanzi tat-traffiku li eventwalment sejrin jiġu eliminati taħt il-miżuri proposti fir-rigward ta' ħlas fuq infrastruttura u flimkien ma' l-aġġustament tas-sistemi tat-tassazzjoni ġenerali u speċifiċi għat-trasport;

Billi, miħabba li kull każ ta' normalizzazzjoni għandu l-karatteristiċi distintittivi tiegħu, huwa xieraq li jiġi definit l-iskop ta' kull każ u li jiġu stabbiliti l-prinċipji ta' kalkolazzjoni li għandhom jiġu applikati bl-iskop li jiġu determinati l-piżijiet finanzjarji, jew il-benefiċċji mogħtija, lill-intrapriżi tal-ferroviji;

Billi, sabiex jiġi determinat l-ammont ta' dawn il-piżiiet jew benefiċċji, huwa neċessarju li wieħed iqabbel is-sistema applikabbli għal intrapriżi tal-ferrovija ma' dik applikabbli għal intrapriżi tat-trasport privati li jkunu qegħdin joperaw mezzi oħra tat-trasport;

Billi l-piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tal-ferroviji huma normalment ikbar mill-benefiċċji li huma jgawdu minnhom u billi dawn l-intrapriżi jistgħu faċilment jissuplixxu l-informazzjoni dwar kontijiet neċessarja sabiex jiġi determinat l-ammont ta' dawn il-piżijiet jew benefiċċji; billi huwa għalhekk xieraq li dawn l-intrapriżi titħallielhom l-inizjattiva f'dan il-qasam, waqt li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jkunu inkarigati milli jeżaminaw skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u qabel ma jiffissaw l-ammont tal-kumpens, il-figuri li fuqhom l-intrapriżi bbażaw l-applikazzjonijiet tagħhom; billi huwa mixtieq li jiġi ffissat limitu ta' żmien sa meta dawn l-awtoritajiet għandhom jagħtu deċiżjoni;

Billi, minħabba li l-ħlas ta' kumpens huwa marbut mat-tħejjija tal-budgets kemm ta' l-Istati kif ukoll ta' l-awtoritajiet kompetenti u ta' intrapriżi tal-ferrovija, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kif għandu jsir il-ħlas fuq il-bażi ta' estimi u l-ħlas ta' bilanċi mhux imħallsin;

Billi, fl-interessi taċ-ċarezza u sabiex tiġi pubbliċizzata b'mod xieraq in-normalizzazzjoni tal-kontijiet, huwa mixtieq li jiġi stabbilit li ammonti ta' kumpens mogħtija taħt in-normalizzazzjoni ta' kontijiet għandhom jidhru f'lista annessa mal-kontijiet annwali ta' intrapriżi tal-ferroviji;

Billi huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-Istati Membri jagħmlu għad-dispożizzjoni ta' l-intrapriżi tat-trasport mezzi xierqa li jippermettu lil dawn ta' l-aħħar jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom fir-rigward ta' deċiżjonijiet individwali magħmula mill-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi l-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tikseb mingħand l-Istati Membri kull informazzjoni relevanti li tirrigwarda l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi, minħabba li ħlasijiet ta' kumpens taħt dan ir-Regolament għandhom jingħataw mill-Istati Membri skond il-proċeduri komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament, dawn il-ħlasijiet għandhom jiġu eżentati mill-proċedura ta' informazzjoni preliminarja li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar it-trasport toħloq il-ħtieġa ta' l-applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament għas-sitt intrapriżi tal-ferrovija nazzjonali; billi, minħabba il-pożizzjoni ta' intrapriżi tal-ferroviji oħrajn, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni fit-trasport, u minħabba l-bżonn li l-politika komuni dwar it-trasport hawn fuq imsemmija tiġi implimentata fi stadji, l-eżaminazzjoni tal-kondizzjonijiet sabiex l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament tiġi estiża għal intrapriżi tal-ferrovija oħrajn tista' tiġi posposta għal xi ftit snin;

Billi l-proċess ta' normalizzazzjoni ma jeżentax lill-Istati Membri mir-responsabbiltà tagħhom stess sabiex jeliminaw, kemm jista' jkun, kawżi eżistenti ta' tfixkil; billi, madanakollu, huma ma jistgħux b'din l-azzjoni joħolqu deterjorament, fil-liġi jew fil-fatt, fis-sitwazzjoni ta' l-impjegati tal-ferrovija, jew iwaqqfu jew ixekklu titjib fil-kondizzjonijiet tagħhom ta' l-għixien u tax-xogħol;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TAQSIMA I

Definizzjonijiet u kompetenza

L-Artikolu 1

1. Il-kontijiet ta' l-intrapriżi tal-ferroviji għandhom jiġu normalizzati skond ir-regoli komuni li jinsabu f'dan ir-Regolament.

2. Kull kumpens finanzjarju li jirriżulta min-normalizzazzjoni tal-kontijiet stabbilita fil-paragrafu 1 għandu jiġi effetwat mill-1 ta' Jannar 1971 u skond il-proċeduri komuni stabbiliti f'dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

1. In-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferroviji għandha, skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament, tikkonsisti f'dawn li ġejjin:

(a) determinazzjoni tal-piżijiet jew benefiċċji finanzjarji li l-intrapriżi tal-ferroviji jbatu jew igawdu minnhom, minħabba xi dispożizzjoni f'xi liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, b'kuntrast mal-pożizzjoni tagħhom jekk huwa kellhom joperaw taħt l-istess kondizzjonijiet bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn;

(b) ħlas ta' kumpens fir-rigward tal-piżijiet jew benefiċċji li jirriżultaw mid-determinazzjoni taħt (a)

2. Piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dispożizzjoni f'xi liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li tinkorpora r-riżultati ta' negozjati bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija m'għandhomx jiġu trattati bħala piżijiet finanzjarji għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament.

3. In-normalizzazzjoni ta' kontijiet skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament ma tapplikax għal obbligi ta' servizz pubbliku imposti minn Stati Membri u li jaqgħu taħt ir-Regolament (KEE) Nru. 1191/69.

L-Artikolu 3

1. Dan ir-Regolament japplika għall-intrapriżi tal-ferrovija li ġejjin:

- Société nationale des chemins de fer belges (SNCB)Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS);

- Deutsche Bundesbahn (DB);

- Société nationale des chemins de fer français (SNCF);

- Azienda autonoma delle Ferrovie dello Stato (FS);

- Société nationale des chemins de fer luxembourgeois (CFL);

- Naamloze Vennootschap Nederlandse Spoorwegen (NS).

2. Il-Kummissjoni għandha, sa l-1 ta' Jannar 1973 sa l-iktar tard, tissottometti lill-Kunsill il-miżuri li hija tikkunsidra li huma neċessarji għall-iskop li tiġi estiża l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal intrapriżi oħrajn li jwettqu ġarr permezz tal-ferrovija.

L-Artikolu 4

1. In-normalizzazzjoni tal-kontijiet skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament għandha tiġi applikata għall-klassijiet li ġejjin ta' piż jew benefiċċju finanzjarju:

(a) ħlasijiet li intrapriżi tal-ferrovija huma obbligati li jagħmlu imma li, għall-kumplament ta' l-ekonomija, iklużi modi oħra ta' trasport, jaqgħu fuq l-Istat (Klassi 1);

(b) spejjeż ta' natura soċjali li jintefqu mill-intrapriżi tal-ferroviji fir-rigward ta' sussidji għall-familja li huma differenti minn dawk li kienu jħallsu li kieku kellhom jikkontribwixxu fuq l-istess termini bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn (Klassi II);

(ċ) ħlasijiet fir-rigward ta' irtirar u pensjonijiet oħrajn mħallsa minn intrapriżi tal-ferrovija fuq termini differenti minn dawk applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn (Klassi III);

(d) il-ħlas minn intrapriżi tal-ferroviji ta' l-ispejjeż ta' faċilitajiet ta' qsim (Klassi IV).

2. Il-klassijiet li ġejjin ta' piż jew benefiċċju finanzjarju li jesistu fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu mitmuma sa l-1 ta' Jannar 1971 l-iktar tard:

(a) l-obbligu li jdaħħlu iktar impjegati milli l-intrapriża għandha bżonn (Klassi V);

(b) żjidiet arretrati fil pagi u fis-salarji imposti mill-Gvern ta' Stat Membru, ħlief meta dawn iż-żjidiet isiru bl-iskop uniku li jġibu l-pagi u s-salarji mħallsin minn intrapriżi tal-ferroviji fuq l-istess livell ma' pagi u salarji mħallsin band'oħra fis-settur tat-trasport (Klassi VI);

(ċ) dewmien impost mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' tiġdid u manteniment (Klassi VII).

3. Il-klassijiet li ġejjin ta' piż jew benefiċċju finanzjarju li jeżistu fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu mitmuma sa l-1 ta' Jannar 1973 l-iktar tard:

piżijiet finanzjarji fir-rigward ta' rikostruzzjoni jew tibdil li jirriżulta minn ħsara kawżata waqt il-gwerra li jaqgħu fuq intrapriżi tal-ferroviji iżda li kien imisshom waqgħu fuq l-Istat (Klassi VIII);

il-piż kapitali u l-imgħaxijiet ta' self mogħti taħt din l-intestatura huwa soġġett għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament sakemm tintemm ir-responsabbiltà.

4. Il-klassijiet li ġejjin ta' piż jew benefiċċju finanzjarju li jeżistu fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jistgħu jkunu soġġetti għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament:

(a) l-obbligu li jinżammu iktar impjegati milli għandha bżonn l-intrapriża (Klassi IX);

(b) miżuri li jibbenefikaw lill-impjegati, bħala rikonoxximent ta' ċerti servizzi li huma taw lil pajjiżhom, imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istat fuq kondizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn (Klassi X);

(ċ) konċessjonijiet pagabbli lill-impjegati imposti fuq intrapriżi tal-ferroviji u mhux fuq intrapriżi tat-trasport oħrajn (Klassi XI);

(d) spejjeż ta' natura soċjali li jintefqu mill-intrapriżi tal-ferroviji, partikolarment fir-rigward ta' trattament mediku, differenti minn dawk li kienu jħallsu li kieku kellhom jikkontribwixxu fuq l-istess termini bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn (Klassi XII);

(e) piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tal-ferroviji bħala konsegwenza li huma meħtieġa mill-Istat li jżommu f'operazzjoni xogħlijiet u stabilimenti oħrajn f'ċirkostanzi inkonsistenti ma' operazzjoni fuq bażi kummerċjali (Klassi XIII);

(f) kondizzjonijiet imposti fir-rigward ta' l-użu ta' kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u provvisti (Klassi XIV).

Il-klassi li ġejja ta' piż jew benefiċċju finanzjarju tista' wkoll tkun soġġetta għan-normalizzazzjoni ta' kontijiet skond it-tifsira ta' dan ir-regolament:

piżijiet ta' kapital u ta' imgħaxijiet imposti bħala riżultat ta' nuqqas ta' normalizzazzjoni fil-passat (Klassi XV).

Pożizzjoni finali fir-rigward tal-Klassijiet IX sa XV għandha tittieħed mill-Kunsill sa mhux iktar tard miż-żmien meta jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffetwaw il-kompetizzjoni fit-trasport permezz tal-ferrovija, tat-toroq u ta' passaġġi ta' l-ilma interni. Sadattant, l-Istati Membri għandhom jippruvaw ineħħu l-kawżi ta' dawk il-piżijiet jew benefiċċji finanzjarji.

IT-TAQSIMA III

Regoli komuni għan-normalizzazzjoni u għall-kumpens

L-Artikolu 5

1. Kull piż jew benefiċċju finanzjarju li jirrigwarda intrapriżi tal-ferroviji li huwa jew li jistgħu jkunu s-soġġett ta' normalizzazzjoni ta' kontijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament. L-Annessi għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan ir-Regolament.

2. Meta, sabiex tiġi normalizata xi klassi, il-kondizzjonijiet applikabbli għal intrapriżi tal-ferroviji jridu jiġu mqabblin ma' dawk applikabbli band'oħra fis-settur tat-trasport, il-paragun għandu jsir biss ma' intrapriżi privati.

L-Artikolu 6

1. L-ammont ta' kumpens gross għandu jiġi determinat għal kull klassi ta' normalizzazzjoni billi jiġu applikati l-prinċipji ta' kalkolazzjoni speċifikati fl-Anness għall-klassi relevanti.

L-ammont nett għandu jiġi miksub billi wieħed iqis darba biss kull ħaġa li tidher iktar minn darba fil-kalkolazzjoni ta' l-ammonti grossi tal-klassijiet varji.

2. Meta l-kalkolazzjoni magħmula skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Annessi ta' kull klassi ta' normalizzazzjoni juri piż finanzjarju għall-intrapriża tal-ferrovija, din ta' l-aħħar tkun intitolata għal somma ekwivalenti bħala kumpens mill-awtoritajiet pubbliċi.

Meta kalkolazzjoni bħal dan jiżvela benefiċċju għall-intrapriżi tal-ferroviji, somma ekwivalenti għandha tkun dovuta mill-intrapriża tal-ferroviji lill-awtoritajiet pubbliċi bħala kumpens.

L-Artikolu 7

1. Kull sena l-intrapriżi tal-ferroviji għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti applikazzjonijiet għan-normalizzazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2. Dawn l-applikazzjonijiet għandhom jikkonsistu f'dan li ġej:

(a) informazzjoni li tirrigwarda s-sena finanzjarja ta' wara, kalkolata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, mir-regolament jew mill-azzjoni amministrattiva fis-seħħ fiż-żmien meta ssir l-applikazzjoni; u

(b) l-informazzjoni meħtieġa għall-aġġustament ta' l-ammonti mħallsin proviżorjament fir-rigward tas-sena finanzjarja ta' liema huma magħrufa r-riżultati finali.

3. Applikazzjoni ta' din ix-xorta, li għandha ssir fi żmien tajjeb sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu l-provvedimenti meħtieġa fil-budget, għandu jkun fiha kull informazzjoni relevanti li tirrigwarda b'mod partikolari:

(a) il-piżijiet jew benefiċċji finanzjarji għal kull klassi ta' normalizzazzjoni;

(b) il-metodu ta' kalokolu applikat għal kull klassi li qiegħda tiġi konsiderata;

(ċ) l-ammonti grossi u netti li għalihom issir referenza fl-Artikolu 6(1) għal kull klassi li qiegħda tiġi kunsidrata. L-estimi li għalihom issir referenza fil-paragrafu 2(a) għandhom jiġu kalkulati fuq il-bażi tal-figuri għall-aħħar perjodu li tiegħu huma magħrufa r-riżultati finali, u għandhom jiġu kunsidrati kull bidliet li setgħu seħħu f'kull klassi ta' normalizzazzjoni saż-żmien meta saret l-applikazzjoni.

L-Artikolu 8

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-informazzjoni li fuqha tkun qiegħda tiġi bbażata l-applikazzjoni ta' l-intrapriża tal-ferroviji konċernata.

2. Wara li jagħtu lill-intrapriża konċernata opportunità biex tissottometti l-kummenti tagħha, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu:

- jaġġustaw l-ammonti tal-kumpens u jbiddlu affarijiet oħrajn fl-applikazzjoni jekk id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament ma jkunux ġew osservati;

- jinkludu fl-applikazzjoni piżijiet jew benefiċċji finanzjarji oħrajn li jirriżultaw minn xi waħda mill-klassijiet elenkati fl-Artikolu 4.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu, skond id-dispożizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament, l-ammont stmat tal-kumpens għas-sena finanzjarja ta' wara, u l-ammont finali tal-kumpens għas-sena preċedenti li r-riżultati finali tagħha jkunu magħrufa. Id-deċiżjoni tagħhom għandha tinkludi dettalji tal-kalkolazzjoni ta' dawn l-ammonti.

4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-intrapriża tal-ferroviji bid-deċiżjoni tagħhom l-iktar tard sitt xhur wara li jkunu rċevew l-applikazzjoni.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jagħtu deċiżjoni f'dan il-perjodu, l-applikazzjoni ta' l-intrapriża għandha titqies li ġiet proviżorjament aċċettata.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom iħallsu l-ammont ta' kumpens stmat kif stabbilit skond l-Artikolu 8 waqt is-sena finanzjarja li għaliha tkun saret l-istima.

Matul dik is-sena finanzjarja, l-Istati Membri jridu jħallsu jew jiġbru l-bilanċ tal-kumpens dovut minħabba d-differenza bejn l-ammont finali tal-kumpens għas-sena finanzjarja preċedenti li tagħha r-riżultati finali jkunu disponibbli u l-ammonti stmati jkunu diġà ġew imħallsa.

L-Artikolu 10

1. L-ammont tal-kumpens imħallas fir-rigward ta' kull klassi ta' normalizzazzjoni għandu jintwera f'lista annessa mal-kontijiet annwali ta' l-intrapriża tal-ferroviji. Dik it-tabella għandha turi separatament l-ammonti ta' kumpens irċevuti fuq bażi estimatorja, u ammonti rċevuti jew imħallsa sabiex jingħalaq bilanċ mhux imħallas kf imsemmi fl-Artikolu 9.

It-tabella għandha turi wkoll, fir-rigward ta' kull obbligu ta' servizz pubbliku, l-ammonti ta' kumpens mogħtija taħt ir-Regolament (KEE) Nru. 1191/69.

2. L-ammont totali ta' kumpens irċevut taħt in-normalizzazzjoni tal-kontijiet u ta' kumpens irċevut fir-rigward ta' obbligi ta' servizz pubbliku għandhom, skond ir-regoli fis-seħħ fl-Istati Individwali, jiddaħħlu jew fil-kont tan-negozju jew fil-kont tal-qligħ u tat-telf ta' l-intrapriża tal-ferroviji partikolari.

L-Artikolu 11

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament, għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati u għandhom jiġu pubblikati uffiċjalment.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi tal-ferroviji, fil-kapaċità tagħhom bħala intrapriżi tat-trasport, jingħataw l-opportunità li jagħmlu rappreżentazzjonijiet dwar l-interessi tagħhom, b'mezzi xierqa, fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament.

IT-TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 13

1. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jgħaddulha kull informazzjoni relevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Kull meta hija jidhrilha li huwa meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri konċernati.

2. Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżentat mill-proċedura ta' informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih lill-Kummissjoni dettalji ta' l-ammonti li fil-fatt ikunu ġew imħallsa fir-rigward ta' kull klassi ta' piż jew benefiċċju finanzjarju li jaqa' taħt dan ir-Regolament.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-Kommissjoni u fi żmien tajjeb, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Fuq talba ta' Stat Membru, jew jekk il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq, din ta' l-aħħar għandha tikkonsulta ma' l-Istati Membri konċernati dwar it-termini proposti tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Dan ir-Regolament joħloq rabta fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 1969.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

[1] ĠU 88, ta' l-24.5.1965, p. 1500/65.

[2] ĠU C 135, ta' l-14.12.1968, p. 34.

[3] ĠU C 118, tal-11.11.1968, p. 7.

[4] ĠU L 156, tat-28.6.1969, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Klassi I: Ħlasijiet li l-intrapriżi tal-ferrovija huma obbligati li jagħmlu imma li, għall-kumplament ta' l-ekonomija, iklużi modi oħra ta' trasport, jaqgħu fuq l-Istat.

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, skond xi dispożizzjoni stabbilita mil-liġi, minn xi regolament jew minn xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji trid hi stess tagħmel ċerti ħlasijiet li għall-kumplament ta' l-ekonomija, iklużi modi oħra ta' trasport, jaqgħu totalment jew parzjalment fuq l-Istat. Dawn il-ħlasijiet jinkludu kumpens fir-rigward ta' mewt jew korriment li jirriżultaw minn inċidenti, u sussidji speċjali għat-tfal ta' l-impjegati.

B. Prinċipju tal-kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jkun daqs l-ammont li l-Istat kien ikollu jħallas li kieku xi intrapriża f'xi settur ieħor ta' l-ekonomija, inklużi mezzi ta' trasport oħrajn, kienet involuta.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Klassi II: Spejjeż ta' natura soċjali li jintefqu mill-intrapriżi tal-ferroviji fir-rigward ta' sussidji għall-familja differenti minn dawk li kienu jħallsu li kieku kellhom jikkontribwixxu bl-istess kondizzjonijiet bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li tagħmel ħlasijiet, kemm direttament kif ukoll permezz ta' organu speċjalizzat, fir-rigward ta' sussidji għall-familja.

B. Prinċipju tal-kalkolazzjoni

Il-piż finanzjarju li jrid jiġi normalizzat għandu jkun daqs id-differenza bejn:

(a) l-ammont ta' konċessjonijiet li taħt il-liġi ġenerali jrid jitħallas mill-intrapriża tal-ferroviji u

(b) l-istess ammont, aġġustat kif ġej:

- bir-ratio bejn il-proporzjon ta' kapijiet ta' familji u t-total ta' impjegati attivi fl-intrapriża tal-ferroviji, u dan il-proporzjon fit-totalità ta' l-intrapriżi li qegħdin jikkontribwixxu lejn il-korp meħud bħala bażi ta' paragun;

- bir-ratio bejn in-numru medju ta' persuni dipendenti fuq kull kap ta' familja għall-intrapriża tal-ferroviji, u dan in-numru medju għat-totalità ta' l-intrapriżi li qegħdin jikkontribwixxu lejn il-korp meħud bħala bażi ta' paragun;

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Klassi III: Ħlasijiet fir-rigward ta' irtirar u pensjonijiet oħrajn mħallsa minn intrapriżi tal-ferrovija fuq kondizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li tagħmel ħlasijiet fir-rigward ta' irtirar u pensjonijiet oħrajn lill-impjegati tagħha u lil persuni oħrajn fuq kondizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn.

Id-differenza fil-kondizzjonijiet li tikkawża d-differenza fil-ħlasijiet tinħoloq minħabba:

1. il-fatt li l-intrapriżi tal-ferroviji jridu jħallsu pensjonijiet direttament u bis-sħiħ meta dawn jiġu dovuti waqt li intrapriżi tat-trasport oħrajn jħallsu lil entità appożita kontribuzzjoni proporzjonata għan-numru ta' l-impjegati attivi li għandhom u għal-livell ta' salarji u pagi ta' dawk l-impjegati; jew

2. il-fatt li impjegati tal-ferroviji jirċievu l-benefċċju ta' ċerti dispożizzjonijiet speċjali li mezzi tat-trasport oħrajn m'humiex soġġetti għalihom u li jirriżultaw f'piżijiet finanzjarji żejda jew f'benefiċċji għall-ferroviji.

B. Prinċipji tall-kalkolazzjoni

1. Fir-rigward ta' ħlasijiet koperti minn A(1), il-kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn il-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-intrapriża u dak li jkollha ġġorr li kieku, bl-istess numru ta' persuni impjegati attivament li jirċievu l-istess remunerazzjoni, kienu soġġetti jew għall-iskema taħt il-liġi ġenerali (skema ta' sigurtà soċjali ġenerali jew skemi supplementarji obbligatorji) jew għall-iskema applikabbli għal mezzi oħrajn tat-trasport. F'każijiet fejn dawn l-iskemi ma joffru ebda bażi għall-kumpens, l-iskema ta' irtirar u pensjonijiet ta' intrapriża tat-trasport rappreżentattiva għandha tittieħed bħala bażi.

Il-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-intrapriża tal-ferroviji għandu jiġi konfermat direttament mill-kontijiet tagħha.

Il-piż finanzjarju li l-intrapriża kien ikollha ġġorr li kieku, bl-istess numru ta' persuni impjegati attivament li jirċievu l-istess remunerazzjoni, hija kienet soġġetta għall-iskema meħuda bħala bażi ta' paragun, għandu jiġi determinat billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet preskritti mil-liġi, minn xi regolament jew azzjoni amministrattiva li tirregola l-iskema.

2. Fir-rigward ta' ħlasijiet koperti minn A(2) il-kumpens għandu jkun daqs:

(a) id-differenza bejn:

- il-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-intrapriża kif ikkonfermat direttament mill-kontijiet tagħha u

- il-benefiċċji diretti jew indiretti li l-intrapriża tgawdi b'paragun ma' mezzi oħrajn ta' trasport minħabba d-dispożizzjonijiet speċjali msemmija f'A(2); jew

(b) id-differenza bejn:

- il-piżijiet finanzjarji li jaqgħu jew li kienu jaqgħu fuq l-intrapriża sabiex jiġu koperti t-totalità tal-ħlasijiet fir-rigward ta' l-iskeda ta' irtirar u pensjonijiet li hija soġġetta għalihom; u

- il-piż finanzjarju li kien jirriżulta kieku kellha tiġi applikata l-iskema meħuda bħala bażi ta' paragun.

3. Jekk xi regoli fil-liġi nazzjonali, li jkollhom l-istess skop iżda li huma miktubin mod ieħor, jipproduċu l-istess riżultati bħal dawk miksubin meta wieħed japplika l-paragrafi 1 u 2, il-kumpens jista' jiġi kalkolat skond dawk ir-regoli.

4. Kull Stat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 1970 bl-ammont stmat ta' kumpens li huwa beħsiebu jħallas lill-intrapriża tal-ferrovija tiegħu skond il-prinċipji imsemmijin qabel.

Il-Kummissjoni trid tissottometti rapport fuq dan is-soġġett sal-31 ta' Diċembru 1971. Fuq il-bażi ta' dak ir-rapport u sa mhux iktar tard miż-żmien meta jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jaffetwaw il-kompetizzjoni fit-trasport permezz tal-ferrovija, tat-toroq u ta' passaġġi ta' l-ilma interni, il-Kunsill irid jiddċiedi dwar x'azzjoni għandha tittieħed f'dan ir-rigward.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

Klassi IV: Il-ħlas minn intrapriżi tal-ferroviji ta' l-ispejjeż ta' faċilitajiet ta' qsim

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji ġġorr sehem li huwa kbir b'mod abnormali ta' l-ispejjeż tal-bini u ta' l-operazzjoni ta' faċilitajiet użati kemm minn ferroviji kif ukoll minn mezzi oħrajn tat-trasport.

Għandu jitqies li l-intrapriża qiegħda ġġorr sehem li huwa kbir b'mod abnormali fil-każijiet li ġejjin:

(a) meta tinbena triq ġdida

mhux fuq talba ta' l-intrapriża tal-ferroviji, u dik l-intrapriża tbati l-ispejjeż ta' faċilitajiet ta' qsim għat-triq il-ġdida;

(b) meta passaġġ minn fuq jew minn taħt jiġi modernizzat jew fejn intersezzjoni fuq l-istess livell tinbidel b'passaġġ minn fuq jew minn taħt

mhux fuq talba ta' l-intrapriża tal-ferroviji, u dik l-intrapriża ssofri l-ispejjeż tal-modernizzazjoni, iżda għandha titnaqqas kull spiża addizjonali għal modifikazzjonijiet magħmula fuq talba ta' l-intrarpiża tal-ferroviji u l-valur ta' kull benefiċċju li hija tieħu mill-modernizzazzjoni;

(ċ) meta intersezzjoni fuq l-istess livell tiġi modernizzata

u l-intrapriża tal-ferroviji tħallas iktar minn nofs l-ispiża;

(d) meta, fir-rigward tar-rikostruzzjoni, manutenzjoni jew operazzjoni ta':

- passaġġ minn fuq jew minn taħt,

l-intrapriża tal-ferroviji tħallas proporzjon ta' l-ispejjeż involuti ikbar mill-proporzjon ta' l-ispejjeż tal-kostruzzjoni jew modernizzazzjoni tal-faċilitajiet ta' qsim li hija suppost tħallas fuq il-bażi ta' (a) jew (b);

- intersezzjoni fuq livell wieħed,

u l-intrapriża tal-ferroviji tħallas iktar minn nofs l-ispiża.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jiġi stabbilit kif ġej:

Għal każijiet li jaqgħu taħt (a): | l-ammont tal-kumpens għandu jkun daqs il-proporzjon ta' l-ispiża mħallsa mill-intrapriża tal-ferroviji li ma tkunx talbet it-triq il-ġdida inkwestjoni, wara li jitnaqqsu kull spejjeż addizzjonali li jkunu ntefqu minħabba modifikazzjonijiet magħmula fuq talba ta' l-intrapriża tal-ferroviji; |

Għal każijiet li jaqgħu taħt (b): | l-ammont tal-kumpens għandu jkun daqs il-proporzjon ta' l-ispiża mħallsa mill-intrapriża tal-ferroviji li ma tkunx talbet il-modernizzazzjoni ta' l-istruttura in kwestjoni, wara li jitnaqqsu kull spejjeż addizzjonali għal modifikazzjonijiet magħmula fuq talba ta' l-intrapriża tal-ferroviji u l-valur ta' kull benefiċċju li l-intrapriża tal-ferroviji tgawdi mix-xogħlijiet li jkunu saru; dan il-benefiċċju għandu jiġi stabilit billi wieħed iqis, fejn l-intersezzjoni fuq livell wieħed jinbidel b'passaġġ minn fuq jew passaġġ minn taħt, kull kumpens li l-intrapriża tal-ferroviji tkun diġà rċiviet fir-rigward ta' l-intersezzjoni fuq livell wieħed; |

Għal każijiet li jaqgħu taħt (ċ): | l-ammont tal-kumpens għandu jkun daqs dik il-parti ta' l-ispiża mħallsa mill-intrapriża tal-ferroviji li taqbeż in-nofs li hija meħtieġa tħallas; |

Għal każijiet li jaqgħu taħt (d): | fil-każ ta' passaġġi minn fuq jew minn taħt, l-ammont ta' kumpens għandu jkun daqs dik il-parti ta' l-ispiża mħallsa mill-intrapriża tal-ferroviji li taqbeż il-proporzjon ta' l-ispiża tal-kostruzzjoni jew modernizzazzjoni ta' faċilitajiet ta' qsim li hija suppost tħallas skond il-prinċipji ta' kalkolazzjoni li japplikaw għall-każijiet li jaqgħu taħt (a) u (b); -fil-każ ta' intersezzjonijiet fuq livell wieħed, l-ammont ta' kumpens għandu jkun daqs dik il-parti ta' l-ispiża mħallsa mill-intrapriża tal-ferroviji li taqbeż in-nofs li hija meħtieġa tħallas. |

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

Klassi V: Obbligu li jiddaħħlu iktar impjegati milli l-intrapriża għandha bżonn

Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li ddaħħal iktar impjegati milli fil-fatt għandha bżonn.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VI

Klassi VI: Żidiet bl-arretrati fil-pagi u fis-salarji imposti mill-Gvern ta' Stat Membru, ħlief meta dawn iż-żidiet isiru bl-iskop uniku li jġibu l-pagi u s-salarji mħallsin minn intrapriżi tal-ferroviji fuq l-istess livell ma' pagi u salarji mħallsin band'oħra fis-settur tat-trasport.

Kompetenza

Din il-klasssi tkopri każijiet fejn, minħabba xi miżura tal-Gvern, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa tagħmel żidiet bl-arretrati fil-pagi u fis-salarji imposti mill-Gvern ta' Stat Membru, ħlief meta dawn iż-żjidiet isiru bl-iskop uniku li jġibu l-pagi u s-salarji mħallsin minn intrapriżi tal-ferroviji fuq l-istess livell ma' pagi u salarji mħallsin band'oħra fis-settur tat-trasport

--------------------------------------------------

L-ANNESS VII

Klassi VII: Dewmien impost mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' tiġdid u manutenzjoni

Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba deċiżjoni mill-awtoritajet pubbliċi, intrapriża tal-ferroviji hija obbligata li tnaqqas l-ispiża tagħha fuq tiġdid u manutenzjoni sa livell li huwa inqas minn dak meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità ta' l-attivitajiet ta' l-intrapriża.

L-effett ta' intervent bħal dan hu illi l-ispiża għas-snin finanzjarji meta x-xogħol pospost imbagħad ikollu jsir togħla għal livell li jkun għoli b'mod abnormali. Dan l-istat ta' fatt iwassal sabiex jiġi impost piż finanzjarju fuq l-intrapriża tal-ferrovija f'każijiet fejn din ta' l-aħħar ma tkunx kapaċi żżid l-ammonti allokati għal dawk is-snin ta' spiża fuq manutenzjoni u tiġdid.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VIII

Klassi VIII: Piżijiet finanzjarji fir-rigward ta' rikostruzzjoni jew tibdil li jirriżultaw minn ħsara kawżata waqt il-gwerra li jaqgħu fuq intrapriżi tal-ferroviji iżda li kien imisshom waqgħu fuq l-Istat.

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li ġġorr piżijiet finanzjari fir-rigward ta' rikostruzzjoni jew tibdil li jirriżultaw minn ħsara kawżata waqt il-gwerra fuq bażi differenti minn dik applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn.

B. Prinċipju ta' kalkolazzjoni

L-ammont għandu jiġi determinat billi wieħed iqabbel bejn intrapriżi tal-ferroviji u intrapriżi tat-trasport oħrajn il-bażi li fuqha ġew sofferti il-piżijiet, wara li wieħed iqis l-ispejjeż indiretti sofferti minħabba n-natura speċjali ta' l-attivitajiet tal-ferroviji.

Il-piżijiet finanzjarji li wieħed għandu jikkunsidra huma dawn li ġejjin:

(a) l-ispiża diretta fuq rikostruzzjoni jew tibdil;

(b) il-piż kapitali u l-imgħaxijiet fuq self meħud f'konnessjoni mar-rikostruzzjoni jew tibdil.

L-ammont tal-kumpens irid jiġi ikkonfermat direttament mill-konjtijiet ta' l-intrapriża tal-ferroviji.

Meta self ikun ittieħed bl-iskop li jagħmel tajjeb għal xi spiża oħra wkoll, il-piż finanzjarju involut għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' dik il-parti tas-self intenzjonata għar-rikostruzzjoni jew għat-tibdil.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IX

Klassi IX: L-obbligu li jinżammu iktar impjegati milli l-intrapriża għandha bżonn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, taħt xi dispożizzjoni stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa:

(a) li żżomm impjegati nies żejda li, taħt id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-impjegati tagħha, hija intitolata li tkeċċi;

(b) taħt ċerti dispożizzjonijiet tar-regolamenti tagħha dwar l-impjegati li l-intrapriża tal-ferroviji ma tkunx qablet magħhom, li żżomm impjegati rilaxxati b'miżuri ta' razzjonalizzazjoni li ma jistgħux raġonevolment jingħataw xogħol ieħor fl-intrapriża.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

Il-piż finanzjarju li jirriżulta miż-żamma ta' impjegati żejda irid ikun proporzjonat man-numru ta' persuni effettwati mill-miżuri li jkunu qegħdin jiġu kunsidrati.

Għal każijiet li jaqgħu taħt (a): | in-numru ta' persuni li għandhom jitkeċċew għandu jiġi propost mill-intrapriża. In-numru ta' persuni li għandhom jinżammu għandu jiġi iffissat permezz ta' deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Il-kumpens irid isir fir-rigward ta' spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' l-impjegati żejda għall-perjodu li dawk l-impjegati jibqgħu żejda għall-ħtiġiet ta' l-intrapriża. |

Għal każijiet li jaqgħu taħt (b): | in-numru ta' impjegati żejda li jrid jiġi kunsidrat fil-kalkolazzjoni irid jiġi speċifikat mill-intrapriża tal-ferrovija. Dan in-numru jrid ikun daqs in-numru ta' persuni rilaxxati minnħabba miżuri ta' razzjonalizzazzjoni, u wieħed għandu jikkonsidra l-possibiltà li dawn l-impjegati jerġgħu jiġu impjegati waqt is-sena meta l-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni jidħlu fis-seħħ f'karigi li jiżvojtaw minħabba irtirar, jew f'karigi ġodda li jistgħu jinħolqu. |

L-ammont tal-piż finanzjarju riżultanti jrid ikun daqs it-total tal-pagi jew salarji, sussidji u ħlasijiet ta' sigurta' soċjali għal kull persuna miżmuma fix-xogħol jew għal kull grupp omoġenju ta' persuni ta' din ix-xorta. Fil-każ ta' l-aħħar, l-ammont jista' jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta' medji għal kull grupp bħal dan.

--------------------------------------------------

L-ANNESS X

Klassi X: Miżuri li jibbenefikaw lill-impjegati, bħala rikonoxximent ta' ċerti servizzi li huma taw lil pajjiżhom, imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istat fuq kondizzjonijiet differenti minn dawk applikabbli għal intrapriżi tat-trasport oħrajn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa tieħu miżuri speċjali, bħall-għoti ta' sussidji, avvanzi f'anzjanità, promozzjonijiet addizzjonali, jew vaganzi speċjali, għall-benefiċċju ta' impjegati li jkun taw servizz fil-forzi armati jew taw servizzi speċjali lil pajjiżhom.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jkun daqs l-ammont ta' benefiċċji speċjali li l-intrapriża hija meħtieġa tagħti lill-impjegati inkwestjoni.

Fir-rigward ta' promozjonijiet addizzjonali, promozzjonijiet li huma żejda għall-istabiliment biss għandhom jiġu meqjusa.

Il-kumpens jista' jiġi kalkolat b'żewġ modi differenti, li jiddependi fuq in-numru ta' persuni konċernati:

(a) il-kalkolazzjoni tista' ssir individwalment għal kull każ, jew

(b) minn gruppi omoġenji ta' persuni, iż-żjieda medja fi spejjeż għal kull persuna u n-numru ta' persuni li jkunu qegħdin jibbenefikaw kull sena għandu jiġi determinat għal kull grupp.

--------------------------------------------------

L-ANNESS XI

Klassi XI: Konċessjonijiet pagabbli lill-impjegati imposti fuq intrapriżi tal-ferroviji u mhux fuq intrapriżi tat-trasport oħrajn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew f'xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li tagħti lill-impjegati tagħha jew lil parti minnhom, kemm jekk impjegati attivament jew disponibbli għal impieg attiv, konċessjonijiet li intrapriżi tat-trasport oħrajn m'humiex obbligati li jħallsu. Dawn il-konċessjonijiet jinkludu b'mod partikolari konċessjonijiet familjari addizzjonali u bonuses ta' vaganzi supplementari.

B. Prinċipju ta' kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jkun daqs l-ammont tal-piż finanzjarju li l-intrapriża trid iġġorr.

--------------------------------------------------

L-ANNESS XII

Klassi XII: Spejjeż ta' natura soċjali li jintefqu mill-intrapriżi tal-ferroviji, partikolarment fir-rigward ta' trattament mediku, differenti minn dawk li kienu jħallsu li kieku kellhom jikkontribwixxu fuq l-istess kondizzjonijiet bħal intrapriżi tat-trasport oħrajn

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba xi dispożizzjoni li tinsab fil-liġi, f'xi regolament jew f'xi azzjoni amministrattiva, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li tagħmel tajjeb, kemm direttament jew permezz ta' entità speċjalizzata, għal ċerti spejjeż, bħal dawk konnessi ma' trattament mediku.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn il-piż finanzjarju li fil-fatt ikun waqa' fuq l-intrapriża u l-piż li kien jaqa' fuqha li kieku kienet affiljata mal-korp meħud bħala bażi ta' paragun, waqt li l-benefiċċji mogħtija volontarjament mill-intrapriża għandhom jitħallew barra.

Fir-rigward ta' trattament mediku l-paragun għandu jiġi kalkulat kif ġej: il-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-intrapriża tal-ferroviji għandu jiġi konfermat direttament mill-kontijiet tagħha. Il-piż finanzjarju li l-intrapriża kien ikollha ġġorr li kieku - bl-istess numru ta' persuni impjegati attivament li jirċievu l-istess remunerazzjoni - hija kienet soġġetta għall-iskema meħuda bħala bażi ta' paragun, għandu jiġi determinat billi jiġu applikati d-dipożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn xi regolament jew azzjoni amministrattiva li tirregola l-iskema. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' benefiċċji mogħtija voluntarjament mill-intrapriża tal-ferroviji lill-impjegati tagħha li huma żejda għal dawk li jeżistu taħt l-iskema meħuda bħala bażi ta' paragun għandhom jitnaqqsu mid-differenza bejn iż-żewġ ammonti miksuba b'dan il-mod.

--------------------------------------------------

L-ANNESS XIII

Klassi XIII: Piżijiet finanzjarji li jaqgħu fuq intrapriżi tal-ferroviji bħala konsegwenza li huma meħtieġa mill-Istat li jżommu f'operazzjoni xogħlijiet u stabbilimenti oħrajn f'ċirkostanzi inkonsistenti ma' operazzjoni fuq bażi kummerċjali

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba deċiżjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa, għal raġunijiet ta' politika soċjali jew reġjonali, li żżomm f'operazzjoni xogħlijiet u stabilimenti oħrajn li l-eżistenza tagħhom m'għadhiex ġustifikata skond il-ħtiġiet ta' l-intrapriża.

B. Prinċipju ta' kalkolazzjoni

Il-kumpens għandu jkun daqs l-ispiża taż-żamma tax-xogħlijiet inkwestjoni fi stat ta' ħidma kif meħtieġ. Il-figuri li għandhom jintużaw biex tiġi determinata dik l-ispiża għandhom ikunu dawk mogħtija fil-kontijiet ta' l-intrapriża tal-ferroviji.

--------------------------------------------------

L-ANNESS XIV

Klassi XIV: Kondizzjonijiet imposti fir-rigward ta' l-użu ta' kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u provvisti

A. Kompetenza

Din il-klassi tkopri każijiet fejn, minħabba dispożizzjoni stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi, intrapriża tal-ferroviji hija meħtieġa li tpoġġi proporzjon tal-kuntratti tagħha għal xogħlijiet u provvisti ma' intrapriżi domestiċi bbażati f'ċerti reġjunijiet ta' l-Istat Membru, jew ma' kategoriji speċifikati ta' kuntratturi domestiċi.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

Paragun għandu jsir bejn il-prezz meħud mill-parti li tkun ingħatat il-kuntratt b'mod preferenzjali u l-prezz kwotat fl-offerta l-iktar vantaġġjuża ekonomikament, jew f'nuqqas ta' offerta bħal din, għal kuntratt simili.

L-ammont tal-kumpens għandu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet.

--------------------------------------------------

L-ANNESS XV

Klassi XV: Piżijiet ta' kapital u ta' imgħaxijiet imposti bħala riżultat ta' nuqqas ta' normalizzazzjoni fil-passat

A. Kompetenza

Din il-kategorija tkopri każijiet fejn, bħala riżultat ta' azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, il-budget ta' intrapriża tal-ferroviji tinkludi dispożizzjoni għall-piż kapitali u interessi kuntrattati ma', jew avvanzi rċevuti minn, l-awtoritajiet kompetenti taħt deċisjonijiet magħmula fil-passat minn dawn l-awtoritajiet minħabba raġunijiet li huma inkompatibbli mal-prinċipji ta' normalizzazzjoni li jinsabu f'dan ir-Regolament.

B. Prinċipji ta' kalkolazzjoni

L-imsemmi piż ta' kapital u ta' imgħaxijiet jista' jiġi inkorporat mill-awtoritajiet kompetenti fil-budget tagħhom stess jew jista' jiġi inkluż fin-normalizzazzjoni taħt dan ir-Regolament. Fil-każ ta' l-aħħar in-normalizzazzjoni għandha tapplika għall-piż totali ta' kapital u ta' imgħaxijiet esistenti muri fil-budget ta' l-intrapriża tal-ferroviji fir-rigward ta' self kuntrattat minn, jew avvanzi li jridu jerġgħu jitħallsu irċevuti minngħand, l-awtoritajiet kompetenti.

L-ammont tal-kumpens irid jiġi kkonfermat direttament mill-kontijiet ta' l-intrapriża tal-ferroviji.

--------------------------------------------------

Top