Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31962R0017

Ir-Regolament Nru 17 L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat

OJ 13, 21.2.1962, p. 204–211 (DE, FR, IT, NL)
Danish special edition: Series I Volume 1959-1962 P. 81 - 87
English special edition: Series I Volume 1959-1962 P. 87 - 93
Greek special edition: Chapter 08 Volume 001 P. 25 - 31
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 001 P. 22 - 28
Portuguese special edition: Chapter 08 Volume 001 P. 22 - 28
Special edition in Finnish: Chapter 08 Volume 001 P. 8 - 13
Special edition in Swedish: Chapter 08 Volume 001 P. 8 - 13
Special edition in Czech: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Estonian: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Latvian: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Lithuanian: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Hungarian Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Maltese: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Polish: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Slovak: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Slovene: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 10
Special edition in Bulgarian: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 5
Special edition in Romanian: Chapter 08 Volume 001 P. 3 - 5
Special edition in Croatian: Chapter 08 Volume 003 P. 3 - 5

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1962/17/oj

31962R0017



Official Journal 013 , 21/02/1962 P. 0204 - 0211
Finnish special edition: Chapter 8 Volume 1 P. 0008
Swedish special edition: Chapter 8 Volume 1 P. 0008
Danish special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0081
English special edition: Series I Chapter 1959-1962 P. 0087
Greek special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0025
Spanish special edition: Chapter 08 Volume 1 P. 0022
Portuguese special edition Chapter 08 Volume 1 P. 0022


Ir-Regolament Nru 17

L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 87 ta' dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew;

Billi, sabiex titwaqqaf sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni m'għandiex tiġi mfixkla fis-suq komuni, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta l-applikazzjoni bilanċjata ta' l-Artikoli 85 u 86 f'manjiera uniformi fl-Istati Membri;

Billi fit-twaqqif tar-regoli għall-applikar tal-Artikolu 85(3) trid tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi żgurata s-superviżjoni u li tiġi simplifikata l-amministrazzjoni kemm jista' jkun;

Billi skond dan huwa meħtieġ li jsir obbligatorju, bħala prinċipju ġenerali, għal impriżi li jfittxu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) li jinnotifikaw lill-Kummissjoni il-ftehim tagħhom, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma;

Billi, minn naħa l-waħda, ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma huma probabbilment numerużi ħafna u għalhekk ma jistgħux jiġu eżaminati kollha fl-istess żmien u, minn naħa l-oħra, uħud minnhom għandhom fatturi speċjali li jistgħu jagħmluhom anqas dannużi għall-isvilupp tas-suq komuni;

Billi b'konsegwenza hemm bżonn li jsiru arranġamenti aktar flessibli għall-mument fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjoni u prattika mifthiema mingħajr ma jiġi ġudikat minn qabel il-validita‘ tagħhom taħt l-Artikolu 85;

Billi jista' jkun fl-interess ta' l-impriżi li jkunu jafu jekk xi ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi li huma jifformaw parti minnhom, jew jipproponu li jsiru parti minnhom, jistgħux iwasslu għal azzjoni da parti tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86;

Billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' l-Artikoli 85 u 86 fis-suq komuni, għandhom isiru regoli li taħthom il-Kummissjoni, li timxi f'alleanza mill-qrib ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, tista' tieħu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli;

Billi għal dan il-għan il-Kummissjoni irid ikollha l-koperazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u jkollha s-setgħa, mas-suq komuni kollu, li titlob din l-informazzjoni li tiġi konsenjata u li twettaq dawk l-investigazzjonijiet li huma meħtieġa sabiex tiskopri kull ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma projbita minn l-Artikolu 85(1) jew kull abbuż ta' pożizzjoni dominanti projbita minn l-Artikolu 86:

Billi, sabiex twettaq id-dover tagħha li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jiġu applikati, il-Kummissjoni jrid ikollha s-setgħa li tindirizza lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi bir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet bil-għan li jintemm il-ksur ta' l-Artikoli 85 u 86;

Billi l-konformita` ma' l-Artikoli 85 u 86 u t-twettiq ta' l-obligazzjonijiet imposti fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi taħt dan ir-Regolament iridu jkunu infurzabbli permess ta' multi u penalitajiet ta' pagamenti perjodiċi;

Billi l-impriżi konċernati jridu jingħataw id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni, it-terzi partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affetwati minn deċiżjoni jridu jingħataw l-opportunita li jissottomettu l-kummenti tagħhom minn qabel, u jrid jiġi żgurat illi pubbliċita wiesgħa tingħata lid-deċiżjonijiet meħuda;

Billi d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament huma soġġetti għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kondizzjonijiet speċifikati fit-Trattat; billi minbarra dan huwa mixtieq li jiġi konferit fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 172, ġurisdizzjoni illimitata għall-deċiżjonijiet li fihom ill-Kummissjoni timponi multi jew penalitajiet ta' pagamenti perjodiċi;

Billi dan ir-Regolament jista' jidħol fis-seħħ mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra li jistgħu wara dan jiġu adottati skond l-Artikolu 87;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjoni bażika

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6, 7 u 23 ta' dan ir-Regolament, ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma tax-xorta deskritta fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat u l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq, fit-tifsira ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat, għandhom ikunu projbiti, bl-ebda deċiżjoni dwar dan minn qabel ma tkun meħtieġa.

Artikolu 2

Negative clearance

Fuq l-applikazzjoni mill-impriża jew mill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati, il-Kummissjoni tista' tiċċertifika li, a bażi tal-fatti fil-pussess tagħha, m' hemm l-ebda kawża taħt l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat għal azzjoni da parti tagħha fir-rigward ta' ftehim, deċiżjoni jew prattika.

Artikolu 3

Tmiem tal-ksur

1. Fejn il-Kummissjoni, fuq applikazzjoni jew fuq l-inizzjattiva tagħha, issib illi hemm il-ksur ta' l-Artikolu 85 jew l-Artikolu 86 tat-Trattat, hija tista' permess ta' deċiżjoni titlob mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati li jtemmu dan il-ksur.

2. Dawk intitolati li jagħmlu applikazzjoni huma:

(a) l-Istati Membri;

(b) il-persuni legali jew naturali li jitolbu interess leġittimu';

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', qabel ma tieħu deċiżjoni taħt paragrafu 1, tindirizza lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati bir-rakkomandazzjonijiet għat-tmiem tal-ksur.

Artikolu 4

Notifikazzjoni ta' ftehim ġodda, deċiżjonijiet u prattiċi

1. Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi mqabbla tax-xorta deskritta fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat li jibdew jeżistu wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li għalihom il-partijiet ifittxu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) iridu jiġu notifikati lill-Kummissjoni. Qabel ma jkunu notifikati, l-ebda deċiżjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) ma tista' tittieħed.

2. Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma fejn:

(1) l-uniċi partijiet tagħhom ikunu impriżi minn Stat Membru wieħed u l-ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi m'għandhomx x'jaqsmu mal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet bejn l-Istati Membri;

(2) mhux aktar minn żewġ impriżi jkunu parti minnhom, u l-ftehim ikunu biss:

(a) jirrestrinġu l-liberta ta' parti waħda fil-kuntratt fid-determinar tal-prezzijiet jew tal-kondizzjonijiet tan-negozju li bihom il-merkanzija li huwa jkun kiseb mill-parti l-oħra fil-kuntratt tkun tista' terġa tinbiegħ; jew

(b) jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' dak li jirċievi jew li juża' drittijiet ta' propjeta industrijali partikolarment drittijiet ta' esklussivita', mudelli ta' utilita', disinji, jew marki tan-negozju jew tal-persuna intitolata taħt il-kuntratt għall-konsenja, jew l-għotja, tad-dritt ta' l-użu ta' metodu tal-immanifatturar jew għarfien fir-rigward ta' l-użu u tal-applikazzjoni tal-proċessi industrijali;

(3) dawn ikollhom bħala l-iskop waħdieni tagħhom:

(a) l-iżvilupp jew l-applikazzjoni uniformi ta' standards jew tipi: jew

(b) ir-riċerka konġunta għat-titjib ta' tekniki, sakhemm ir-riżultati jkunu aċċessibli għall-partijiet kollha u jkunu jistgħu jintużaw minn kull wieħed minnhom.

Dawn il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi jistgħu jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Notifikazzjoni ta' ftehim eżistenti, deċiżjonijiet u prattiċitajiet

1. Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma tax-xorta deskritta fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat li jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li għalihom il-partijiet ifittxu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Awwissu 1962.

2. Paragrafu 1 m' għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2): dawn jistgħu jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 85 (3)

1. Kull meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija għandha tispeċifika f'din id-data minn meta d-deċizjoni għandu jkollha effett. Din id-data m' għandiex tkun qabel id-data tan-notifikazzjoni.

2. It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 m'għandiex tapplika għal ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftieham li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2), u lanqas għal dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) li ġew notifikati fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet speċjali għal ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi eżistenti

1. Meta ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li jkunu notifikati qabel l-1 ta' Awwissu 1962 ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat u l-impriża jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati jieqfu milli jeżerċitawhom jew jimmodifikawhom b'mod illi ma jibqgħux jaqgħu aktar fil-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 85(1) jew b'mod illi jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3), il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 85(1) għandha tapplika biss għal perjodu stabilit mill-Kummissjoni. Deċiżjoni mill-Kummissjoni in segwitu tas-sentenza t'hawn fuq m'għandiex tapplika għal impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi li ma tawx il-kunsens espress tagħhom għan-notifikazzjoni.

2. Paragrafu 1 għandu japplika għal ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) li jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jekk dawn jiġu notifikati qabel l-1 ta' Jannar 1964.

Artikolu 8

Id-dewmien u r-revoka ta' deċiżonijiet taħt l-Artikolu 85 (3)

1. Deċiżjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għandha tinħareġ għal perjodu speċifiku u kondizzjonijiet jew obligazzjonijiet jistgħu jkunu marbuta magħha.

2. Deċiżjoni tistgħa tiġi mġedda jekk il-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat jibqgħu jkunu sodisfatti.

3. Il-Kummissjoni tista' tirrevoka jew temenda id-deċiżjoni tagħha jew tipprojbixxi atti speċifiċi mill-partijiet:

(a) fejn ikun hemm bidla f'xi wieħed mill-fatti li kienu bażilari fit-teħid tad-deċiżjoni;

(b) fejn il-partijiet jikkommettu ksur ta' xi obligazzjoni marbuta mad-deċiżjoni;

(ċ) fejn id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni skorretta jew tkun ingħatat b' ingann;

(d) fejn il-partijiet jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat mogħtija lilhom permess tad-deċiżjoni.

Fil-każijiet fejn is-sottoparagrafi (b), (ċ) jew (d) japplikaw, id-deċiżjoni tista' tiġi revokata b' effett retroattiv.

Artikolu 9

Setgħat

1. Suġġett għar-reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa unika li tiddikjara l-Artikolu 85(1) inaplikabbli skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tapplika l-Artikolu 85(1) u l-Artikolu 86 tat-Trattat: din is-setgħa tista' tiġi eżerċitata minkejja li l-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7(2) fir-rigward tan-notifikazzjoni ma jkunux skadew.

3. Sakhemm il-Kummissjoni ma tkunx bdiet xi proċedura taħt l-Artikoli 2, 3 jew 6, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti li japplikaw l-Artikolu 85(1) u l-Artikolu 86 skond l-Artikolu 88 tat-Trattat: huma għandhom jibqgħu kompetenti f'dan ir-rigward minkejja li l-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 7(2) fir-rigward tan-notifikazzjoni ma jkunux skadew.

Artikolu 10

Relazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopja ta' l-applikazzjonijiet u n-notifikazzjonijiet flimkien ma' kopji tad-dokumenti l-aktar importanti poġġuti għand il-Kummissjoni bil-għan li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur ta' l-Artikoli 85 jew 86 tat-Trattat jew li jingħata negative clearance jew deċiżjoni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3).

2. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura mniżżla fil-paragrafu 1 f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri; dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq dik il-proċedura.

3. Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiċi Restrittivi u l-Monopolji għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni wara l-proċedura taħt il-paragrafu 1, u kull deċiżjoni fir-rigward tat-tiġdid, l-emendar jew ir-revoka ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

4. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fil-materja tal-Prattiċi restrittivi u l-Monopolji. Kull Stat Membru għandu jappunta uffiċjal sabiex jirrapreżentah li, jekk ikun prevenut milli jattendi, jista' jiġi mibdul minn uffiċjal ieħor.

5. Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel erbatax il-ġurnata wara l-ħruġ tan-notifika li sejħet għaliha. In-notifika għandha, fir-rigward ta' kull każ li għandu jiġi eżaminat, tkun akkumpanjata minn sommarju tal-kas flimkien ma ndikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.

6. Il-Kumitat ta' Konsulenza jista' jagħti opinjoni minkejja li x'uħud mill-membri tiegħu jew is-sostitwiti tagħhom ma jkunux preżenti. Rapport tar-riżultat tal-proċeduri konsultattivi għandu jiġi anness ma' l-abbozz tad-deċiżjoni. Dan m'għandux isir pubbliku.

Artikolu 11

Talbiet għall-informazzjoni

1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu 89 u mid-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi.

2. Meta tibgħat talba għall-informazzjoni lill-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, l-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba lill-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-qalba ta' l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi.

3. Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tgħid il-bażi legali u l-għan tat-talba u anke l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) għall-fornimenti ta' informazzjoni skorretta.

4. It-titolari ta' l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta' persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li m'għandhomx personalita legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta' deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. Il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba tagħha lill-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-qalba ta' l-impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi.

Artikolu 12

Inkjesta f'setturi ta' l-ekonomija

1. Jekk f'xi settur ta' l-ekonomija d-drawwa tan-negozju bejn Stati Membri, il-movimenti tal-prezzijiet, l-inflessibilita tal-prezzijiet jew ċirkostanzi oħra jissuġġerixxu illi fis-settur ekononomiku kkonċernat il-kompetizzjoni tkun qed tiġi ristretta jew imfixkla fis-suq komuni, l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tmexxi inkjesta ġenerali f'dak is-settur ekonomiku u filwaqt li tagħmel dan titlob mill-impriżi fis-settur konċernat li jfornu l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-prinċipji formulati fl-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat u għat-twettiq tad-doveri fdati lill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni tista' partikolarment titlob lil kull impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi fis-settur ekonimiku konċernat li jikkomunikaw lilha l-ftehim kollha, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma li huma eżenti min-notifikazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2).

3. Meta tagħmel inkjesti n segwitu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha ukoll titlob l-impriżi jew gruppi ta' mpriżi li d-daqs tagħhom jissuġġerixxi illi huma jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew parti sostanzjali minnu li jfornu lill-Kummissjoni dawk id-dettalji dwar l-istruttura ta' l-impriżi u dwar l-imġieba tagħhom kif huma mitluba għall-apprezzament tal-pożizzjoni tagħhom fid-dawl ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat.

4. L-Artikolu 10(3) sa (6) u l-Artikolu 11, 13 u 14 għandhom japplikaw korrispondentement.

Artikolu 13

Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni tikkonsidra meħtieġa taħt l-Artikolu 14(1), jew li hija ordnat permess ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 14(3). L-uffiċċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri responsabbli għat-twettiq ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mat-turija ta' awtorizzazzjoni bil-miktub maħruġa mill-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorji tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tispeċifika is-suġġett in materja u l-għan ta' l-investigazzjoni.

2. Jekk ikun mitlub hekk mill-Kummissjoni jew mill-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali ta' dawk l-awtoritajiet fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

Artikolu 14

Setgħat investigattivi tal-Kummissjoni

1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu 89 u mid-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu 87 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fl-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi. Għal dan il-għan l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom is-setgħa:

(a) li jeżaminaw il-kotba u dokumenti oħra tan-negozju;

(b) li jieħdu kopji jew biċċiet mill-kotba u d-dokumenti tan-negozju:

(ċ) li jitolbu spjegazzjonijiet orali fuq il-post;

(d) li jidħlu f'kull fond, art u mezzi tat-trasport ta' l-impriżi.

2. L-uffiċċjali tal-Kummissjoni awtorizzati għall-għan ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom mat-turija ta' awtorizzazzjoni bil-miktub bl-ispeċifikar tas-suġġett in materja u l-għan ta' l-investigazzjoni u l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(ċ) fil-każijiet fejn il-produzzjoni tal-kotba u dokumenti oħra tan-negozju ma tkunx kompluta. Fi żmien biżżejjed qabel l-investigazzjoni, l-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din ser issir bl-investigazzjoni u bl-identita ta' l-uffiċjali awtorizzati.

3. Impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi għandhom jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet ordnati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett in materja u l-għan ta' l-investigazzjoni, tappunta d-data li fiha għandha tibda u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(ċ) u fl-Artikolu 16(1)(d) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 wara l-konsultazzjoni ma' l-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni.

5. L-uffiċċjali tal-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni jistgħu, fuq it-talba ta' din l-awtorita jew tal-Kummissjoni, jgħinu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

6. Meta impriża topponi nvestigazzjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jgħati l-assistenza meħtieġa lill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex dawn jagħmlu l-investigazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom, wara l-konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri meħtieġa għal dan il-għan qabel l-1 ta' Ottubru 1962.

Artikolu 15

Multi

1. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi multi minn 100 sa 5000 unita` ta' rendikont fejn, intenzjonalment jew b' negliġenza:

(a) dawn ifornu informazzjoni skorretta jew qarrieqa f'applikazzjoni skond l-Artikolu 2 jew f'notifikazzjoni skond l-Artikoli 4 jew 5: jew

(b) dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-rispost għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5) jew ta' l-Artikolu 12, jew ma jfornux informazzjoni fil-limitu taż-żmien stabilit minn deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 11(5): jew

(ċ) dawn jipproduċu l-kotba u d-dokumenti tan-negozju l-oħra meħtieġa f'forma mhux kompluta matul l-investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 13 jew 14, jew jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni ordnata minn deċiżjoni maħruġa fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 14(3).

2. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta' rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b' negliġenza:

(a) dawn jiksru l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat: jew

(b) dawn jikkommettu ksur ta' obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

3. L-Artikolu 10(3) sa (6) għandu japplika.

4. Deċiżjonijiet meħuda in segwitu tal-paragrafi 1 u 2 m' għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

5. Il-multi pprovduti fil-paragrafu 2 (a) m' għandhomx ikunu imposti għal atti li jseħħu:

(a) wara n-notifikazzjoni lill-Kummissjoni u qabel id-deċiżjoni tagħha fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, sakhemm dawn jaqgħu fil-limiti ta' l-attivita deskritta fin-notifikazzjoni;

(b) qabel in-notifikazzjoni u waqt li-ftehim, id-deċiżjonijiet jew il-prattiċi miftiehma eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm in-notifikazzjoni tkun ġiet effettwata fil-limiti taż-żmien speċifikati fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7(2).

6. Il-Paragrafu 5 m' għandux ikollu effett meta l-Kummissjoni tkun informat lill-impriżi konċernati li wara l-eżami preliminari din hija ta' l-opinjoni li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat japplika u li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) mhix ġustifikata.

Artikolu 16

Pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi

1. Il-Kummissjoni tista' permess ta' deċiżjoni timponi fuq impriża jew assoċjazzjonijiet ta' mpriżi pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi ta' minn 50 sa 1000 unit ta' rendikond għal kull ġurnata, ikkalkolati mid-data appuntata mid-deċiżjoni, sabiex iġġielhom:

(a) itemmu l-ksur ta' l-Artikolu 85 jew 86 tat-Trattat, b'mod konformi mad-deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

(b) joqogħdu lura minn kull att projbit taħt l-Artikolu 8(3);

(ċ) ifornu l-nformazzjoni kompluta u korretta li hija talbet permess tad-deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu11 (5);

(d) jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni li hija ordnat permess ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 14(3).

2. Meta l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' mpriżi jkunu issodisfaw l-obligazzjoni li kienet wara l-għan ta' l-infurzar tal-pagamenti ta' penalitajiet perjodiċi, l-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont totali tal-pagament ta' penalita perjodiku f'figura iżgħar minn dik li kieku kienet toħroġ taħt id-deċiżjoni oriġinali.

3. L-Artikolu 10(3) sa (6) għandu japplika.

Artikolu 17

Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta' penalita perjodiku; din tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta' penalita perjodiku impost.

Artikolu 18

Unita` ta' rendikont

Għall-għanijiet ta' l-applikar ta' l-Artikoli 15 sa 17 l-unit ta' rendikont għandu jkun dak adottat fit-tfassil tal-budget tal-Komunità skond l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat.

Artikolu 19

Is-smiegħ tal-partijiet u ta' terzi persuni

1. Qabel tieħu d-deċiżjonijiet kif provdut fl-Artikoli 2, 3, 6, 7, 8, 15 u 16, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati l-opportunita` li jinstemgħu fuq il-materji li dwarhom il-Kummissjoni sabet oġġezzjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni jew l-awtorita` kompetenti ta' l-Istati Membri jikkonsidraw bħala meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu persuni naturali jew legali oħra. Applikazzjonijiet sabiex jinstemgħu minn persuni bħal dawn għandhom, fejn dawn juru interess suffiċjenti, jingħataw.

3. Meta l-Kummissjoni tkun beħsieba tagħti riżultat negattiv skond l-Artikolu 2 jew tieħu deċiżjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija għandha tippubblika sommarju ta' l-applikazzjoni jew notifikazzjoni relevanti u tistieden il-partijiet interessati kollha sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-limitu taż-żmien li hija għandha tiffissa li ma jkunx anqas minn xahar. Il-pubblikazzjoni għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

Artikolu 20

Sekretezza professjonali

1. L-informazzjoni akkwistata b' riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 11, 12, 13 u 14 għandha tintuża biss għall-għan tat-talba jew l-investigazzjoni relevanti.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 u 21, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċċjali tagħhom u servituri oħra m' għandhomx jikxfu l-informazzjoni akkwistata minnhom b' riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obligazzjoni għas-sekretezza professjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew surveys li ma jkunx fihom informazzjoni fuq impriżi.

Artikolu 21

Pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu in segwitu ta' l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 8.

2. Il-pubblikazzjoni għandha tgħid l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni: hija għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet speċjali

1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill proposti sabiex ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjoni jew prattika mqabbla li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 5(2) isiru notifikabbli ta' bilfors taħt l-Artikolu 4 jew 5.

2. Fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill għandu jeżamina, fuq proposta mill-Kummissjoni, liema dispożizzjonijiet speċjali jistgħu jsiru għall-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 5(2).

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet transitorji applikabbli għal deċiżjonijiet ta' awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma tat-tip deskritt fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat għal liema, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-awtorita kompetenti ta' Stat Membru iddikjarat l-Artikolu 85(1) bħala inapplikabbli n segwitu ta' l-Artikolu 85(3) m'għandhomx ikunu suġġetti għan-notifikazzjoni ta' bilfors taħt l-Artikolu 5. Id-deċiżjoni ta' l-awtorita` kompetenti ta' l-Istat Membru għandha titqies bħala deċiżjoni fit-tifsira ta' l-Artikolu 6; din m' għandiex tibqa' valida ma l-iskadenza tal-perjodu iffissat minn dik l-awtorita iżda f'kull każ mhux aktar minn tlett snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 8(3) għandu japplika.

2. L-applikazzjonijiet għat-tiġdid ta' deċiżjonijiet tat-tip deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu deċiżi mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(2).

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw il-forma, l-kontenut u dettalji oħra ta' l-applikazzjonijiet skond l-Artikolu 2 u 3 u tan-notifikazzjonijiet skond l-Artikolu 4 u 5, u li jirrigwardaw l-udjenzi skond l-Artikolu 19(1) u (2).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Mgħamul fi Brussel, 6 ta' Frar 1962.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Couve De Murville

--------------------------------------------------

Top