Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02022R2105-20221104

Consolidated text: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2105 tad-29 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli tal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u metodi ta’ analiżi tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2105/2022-11-04

02022R2105 — MT — 04.11.2022 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2105

tad-29 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli tal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u metodi ta’ analiżi tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa

(ĠU L 284 4.11.2022, p. 23)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 311, 2.12.2022, p.  199 (2022/2105)




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2105

tad-29 ta’ Lulju 2022

li jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli tal-konformità tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa u metodi ta’ analiżi tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa



Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a) 

il-kontrolli tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żjut taż-żebbuġa msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 u l-implimentazzjoni tagħhom mill-operaturi;

(b) 

il-kooperazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kontrolli tal-konformità msemmija fil-punt (a);

(c) 

ir-rekords li jridu jinżammu mill-operaturi li jipproduċu jew li jkollhom iż-żejt taż-żebbuġa u l-approvazzjoni tal-impjanti tal-imballaġġ;

(d) 

il-metodi ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa.

Artikolu 2

Obbligi tal-Istati Membri dwar il-kontrolli tal-konformità

1.  
L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli tal-konformità fuq iż-żejt taż-żebbuġa biex jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 abbażi ta’ analiżi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3.
2.  
L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-operaturi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(1).
3.  
Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 ( 1 ) l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli tal-konformità f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u, fuq talba, lil kwalunkwe parti interessata ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla li sseħħ.

Artikolu 3

Frekwenza tal-kontrolli tal-konformità u tal-analiżi tar-riskju

1.  
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzat” tfisser il-kwantità totali ta’ żejt taż-żebbuġa disponibbli fis-suq fi Stat Membru u li jiġi esportat minn dak l-Istat Membru.
2.  
L-Istati Membri għandhom iwettqu mill-inqas kontroll tal-konformità wieħed fis-sena għal kull elf tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzati fit-territorju tagħhom.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli tal-konformità jitwettqu b’mod selettiv, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, u bil-frekwenza x-xierqa, sabiex jivverifikaw li ż-żejt taż-żebbuġa kumerċjalizzat jikkorrispondi mal-kategorija ddikjarata.
4.  

Il-kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju huma b’mod partikolari:

(a) 

il-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104, il-perjodu tal-produzzjoni, il-prezz tiegħu meta mqabbel ma’ żjut veġetali oħrajn, l-operazzjonijiet ta’ taħlit u ppakkjar, il-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet tal-ħżin, il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-mezz tat-trasport jew il-volum tal-lott;

(b) 

il-pożizzjoni tal-operaturi fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni, il-volum u l-valur kumerċjalizzat minnhom, il-firxa tal-kategoriji taż-żejt li jqiegħdu fis-suq, it-tip ta’ negozju li jsir bħat-tħin, il-ħżin, ir-raffinar, it-taħlit, l-imballaġġ jew il-bejgħ bl-imnut;

(c) 

is-sejbiet li saru waqt kontrolli preċedenti inklużi l-għadd u t-tip ta’ difetti misjuba, il-kwalità tas-soltu taż-żejt taż-żebbuġa kummerċjalizzat, il-prestazzjoni tat-tagħmir tekniku użat;

(d) 

l-affidabbiltà tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jew tas-sistemi tal-awtokontroll tal-operaturi relatati mal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni;

(e) 

il-post fejn ikun sar il-kontroll tal-konformità, b’mod partikolari jekk ikun l-ewwel punt ta’ dħul fl-Unjoni, l-aħħar punt ta’ ħruġ mill-Unjoni jew il-post fejn iż-żjut jiġu prodotti, ippakkjati, mgħobbija jew mibjugħa lill-konsumatur finali;

(f) 

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tindika riskju ta’ nuqqas ta’ konformità.

5.  

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu minn qabel:

(a) 

il-kriterji biex jiġi vvalutat ir-riskju tan-nuqqas ta’ konformità tal-lottijiet;

(b) 

abbażi tal-analiżi tar-riskju għal kull kategorija ta’ riskju, l-għadd minimu ta’ operaturi jew lottijiet u kwantitajiet li se jkunu soġġetti għall-kontroll tal-konformità.

6.  
Meta l-kontrolli juru irregolaritajiet sinifikanti, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza tal-kontrolli b’rabta mal-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni, il-kategorija taż-żejt, l-oriġini jew kriterji oħra.

Artikolu 4

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli tal-konformità

1.  
Jekk tinstab xi irregolarità u l-operatur muri fuq it-tikketta jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel talba għal verifika f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 ( 2 ) lill-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-operatur li jidher fuq it-tikketta.
2.  

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, it-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha meħtieġa għall-verifika, u b’mod partikolari:

(a) 

id-data tal-kampjunar jew tax-xiri taż-żejt taż-żebbuġa inkwistjoni;

(b) 

l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-operatur fejn ikun ittieħed il-kampjun jew fejn kien inxtara ż-żejt taż-żebbuġa konċernat;

(c) 

in-numru tal-lottijiet konċernati;

(d) 

kopja tat-tikketti kollha li jidhru fuq l-imballaġġ taż-żejt taż-żebbuġa konċernat;

(e) 

ir-riżultati tal-analiżi jew tal-opinjonijiet komparattivi l-oħra tal-esperti li jindikaw il-metodi użati u l-isem u l-indirizz tal-laboratorju jew tal-espert;

(f) 

fejn applikabbli, l-isem tal-fornitur taż-żejt taż-żebbuġa inkwistjoni kif iddikjarat mis-suq tal-kummerċjalizzazzjoni.

3.  
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715, l-Istat Membru li t-talba tkun indirizzata lilu, għandu jieħu kampjuni mhux aktar tard minn tmiem ix-xahar wara dak tat-talba u jivverifika l-indikazzjonijiet dwar it-tikkettar konċernat. Dan għandu jwieġeb fi żmien tliet xhur mid-data tat-talba.

Artikolu 5

Obbligi tal-operaturi

1.  
Għall-finijiet tal-kontrolli tal-konformità, l-operaturi mill-mitħna u sal-istadju tal-ibbottiljar għandhom iżommu reġistri tad-dħul u tal-irtirar għal kull kategorija ta’ żejt taż-żebbuġa li jkollhom.
2.  

Fuq talba tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-operatur li jidher fuq it-tikketta, l-operatur għandu jipprovdi dokumentazzjoni fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:

(a) 

l-elementi fattwali jew il-fatti stabbiliti b’mod xjentifiku;

(b) 

ir-riżultati tal-analiżijiet jew tar-reġistrazzjonijiet awtomatiċi meħudin fuq kampjuni rappreżentattivi;

(c) 

l-informazzjoni amministrattiva jew kontabilistika miżmuma f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali.

Artikolu 6

Approvazzjoni fakultattiva tal-impjanti tal-imballaġġ fil-livell nazzjonali

1.  
L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li japprovaw impjanti tal-imballaġġ li jinsabu fit-territorju tagħhom.
2.  

Meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni u jallokaw l-identifikazzjoni alfanumerika lil kwalunkwe impjant tal-imballaġġ li jitlob dan, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ikollu faċilitajiet tal-imballaġġ;

(b) 

jimpenja ruħu li jiġbor u jżomm id-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(c) 

ikollu sistema ta’ ħżin li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza taż-żjut taż-żebbuġa li għalihom it-tikkettar tal-post ta’ oriġini huwa obbligatorju f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104.

3.  
Meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti rilevanti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

Artikolu 7

Metodi ta’ analiżi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

Il-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-metodi ta’ analiżi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Kampjunar għall-kontrolli tal-konformità

1.  
Il-kampjuni għall-kontrolli tal-konformità għandhom jittieħdu f’konformità mal-istandards internazzjonali EN ISO 661 dwar it-tħejjija tal-kampjuni tat-test u EN ISO 5555 dwar il-kampjunar. Madankollu, għal-lottijiet ta’ żejt taż-żebbuġa imballat, il-kampjunar għandu jsir f’konformità mal-Anness II. Fil-każ ta’ żjut bl-ingrossa li l-kampjunar tagħhom ma jistax isir f’konformità mal-istandard EN ISO 5555, il-kampjunar għandu jsir f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.
2.  
Mingħajr preġudizzju għall-istandard EN ISO 5555 u għall-Kapitolu 6 tal-istandard EN ISO 661, il-kampjuni meħudin għandhom jitpoġġew kemm jista’ jkun malajr f’post fid-dlam, ’il bogħod mis-sħana u għandhom jintbagħtu lil-laboratorju għall-analiżi mhux aktar tard mill-ħames jum tax-xogħol wara li jittieħdu, inkella l-kampjuni għandhom jinżammu b’tali mod li ma jiġux degradati jew danneġġati waqt it-trasport jew il-ħżin qabel ma jintbagħtu lil-laboratorju.

Artikolu 9

Verifika tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

1.  

L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità taż-żjut taż-żebbuġa mal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104:

(a) 

fi kwalunkwe ordni; jew

(b) 

billi jsegwu l-ordni stabbilita fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament, sakemm tintlaħaq waħda mid-deċiżjonijiet li jidhru fid-dijagramma sekwenzjali.

2.  
Għall-fini tal-verifika prevista fil-paragrafu 1, l-analiżijiet għad-determinazzjoni tal-livell ta’ aċidità, il-valur tal-perossidu K232, K268 jew K270, ΔΚ, l-esteri etiliċi tal-aċidi grassi, ix-xama’ u l-karatteristiċi organolettiċi, fejn applikabbli, kwalunkwe kontroanaliżi meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għandha ssir qabel id-data minima ta’ durabbiltà fil-każ ta’ żejt taż-żebbuġa imballat. Fil-każ tat-teħid ta’ kampjuni taż-żjut bl-ingrossa, dawn l-analiżijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn sitt xhur wara x-xahar li fih ikun ittieħed il-kampjun.
3.  
L-ebda limitu ta’ żmien ma għandu japplika għall-verifika ta’ karatteristiċi oħra taż-żejt taż-żebbuġa stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104.
4.  
Għaż-żejt taż-żebbuġa ppakkjat, sakemm il-kampjun ma jkunx ittieħed inqas minn xahrejn qabel id-data minima tad-durabbiltà, jekk ir-riżultati tal-analiżijiet ma jaqblux mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa dikjarata, l-operatur li minnu jkun ittieħed il-kampjun għandu jiġi nnotifikat mhux aktar tard minn xahar qabel id-data minima tad-durabbiltà.
5.  
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa bil-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ir-riżultati tal-analiżijiet għandhom jitqabblu direttament mal-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104, li jqisu r-repetibbiltà u r-riproduċibbiltà tal-metodi ta’ analiżi użati.
6.  
Ir-regoli ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull kampjun ewlieni li jittieħed f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 10

Bords tad-dewwieqa

1.  
Għall-finijiet ta’ kontrolli tal-konformità, il-bords tad-dewwieqa, approvati mill-Istati Membri fit-territorju tagħhom, għandhom jivvalutaw il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 u għandhom jirrapportaw dwar dawk il-karatteristiċi u dwar il-kategorija.
2.  

It-termini tal-approvazzjoni tal-bords tad-dewwieqa għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u jiżguraw li:

(a) 

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-metodu msemmi fil-punt 5 tal-Anness I għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa verġni;

(b) 

il-mexxej tal-bord jingħata taħriġ rikonoxxut għal dan il-għan mill-Istat Membru;

(c) 

l-approvazzjoni kontinwa tiddependi mill-prestazzjoni f’rieżami annwali tal-bord tad-dewwieqa mill-Istat Membru.

3.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183, bil-lista tal-bords tad-dewwieqa approvati fit-territorju tagħhom u jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla f’dik il-lista mingħajr dewmien.
4.  
Meta l-ebda bord tad-dewwieqa fit-territorju ta’ Stat Membru ma jissodisfa t-termini tal-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jistieden bord tad-dewwieqa approvat fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 11

Verifika tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni

1.  
Il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa verġni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 għandhom jitqiesu bħala konsistenti mal-kategorija ddikjarata jekk bord tad-dewwieqa approvat minn Stat Membru jikkonferma l-kategorija.
2.  
Meta l-bord tad-dewwieqa ma jikkonfermax il-kategorija dikjarata fir-rigward tal-karatteristiċi organolettiċi, fuq talba tal-operatur soġġett għall-kontroll, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom żewġ kontrovalutazzjonijiet li jsiru minn bords tad-dewwieqa oħra approvati mingħajr dewmien. Mill-inqas wieħed mill-bords tad-dewwieqa għandu jkun bord approvat mill-Istat Membru li fih ikun ġie prodott iż-żejt taż-żebbuġa. Il-karatteristiċi konċernati għandhom jitqiesu bħala konsistenti mal-karatteristiċi dikjarati jekk iż-żewġ kontrovalutazzjonijiet jikkonfermaw il-kategorija dikjarata. Jekk dan ma jkunx il-każ, irrispettivament mit-tip ta’ difetti determinati matul il-kontrovalutazzjonijiet, il-kategorija dikjarata għandha tiġi ddikjarata bħala inkonsistenti mal-karatteristiċi u l-operatur soġġett għall-kontroll għandu jġarrab il-kostijiet tal-kontrovalutazzjonijiet.
3.  
Meta ż-żejt jiġi prodott barra mill-Unjoni, iż-żewġ kontroanaliżijiet għandhom jitwettqu minn żewġ bords tad-dewwieqa differenti minn dak li inizjalment ikun stabbilixxa n-nuqqas ta’ konformità.
4.  
Meta jwettqu l-kontrovalutazzjonijiet, il-bords tad-dewwieqa għandhom jivvalutaw iż-żejt taż-żebbuġa f’żewġ sessjonijiet separati tad-dewqan. Ir-riżultati miż-żewġ sessjonijiet għaż-żejt taż-żebbuġa soġġett għall-kontrovalutazzjoni jridu jkunu statistikament omoġenji. Jekk le, il-kampjun irid jerġa’ jiġi analizzat darbtejn. Il-valuri rrapportati tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa soġġett għall-kontrovalutazzjoni għandhom jiġu kkalkolati bħala l-medja tal-valuri miksuba għal dawk il-karatteristiċi fiż-żewġ sessjonijiet statistikament omoġenji.

Artikolu 12

Kontenut ta’ żejt tal-pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi oħra

1.  
Il-kontenut ta’ żejt tal-pasta taż-żrieragħ żejtnin u residwi oħra li jirriżultaw mill-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa (il-kodiċijiet NM 2306 90 11 u 2306 90 19 ) għandu jiġi determinat billi jintuża l-metodu stabbilit fl-Anness IV.
2.  
Il-kontenut ta’ żejt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bħala perċentwal tal-piż ta’ żejt għall-piż ta’ materja niexfa.

Artikolu 13

Penali

1.  
Fejn jinstab li l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/2104 ma jiġux irrispettati, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi li għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tas-serjetà tal-irregolarità identifikata.
2.  
Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183, bil-miżuri meħudin għal dak il-għan u mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda għal dawk il-miżuri.

Artikolu 14

Rapportar

Sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas ir-riżultati tal-kontrolli tal-konformità mwettqa fuq iż-żejt taż-żebbuġa f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Metodi ta’ analiżi użati għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa



 

Karatteristiċi taż-żjut taż-żebbuġa

Metodu tal-IOC li għandu jintuża

1

Aċidità

COI/T.20/Doc. Nru 34 (Determinazzjoni tal-aċidi xaħmin liberi, metodu fil-kiesaħ)

2

Valur tal-perossidu

COI/T.20/Doc. Nru 35 (Determinazzjoni tal-valur tal-perossidu)

3

2-gliċeril monopalmitat

COI/T.20/Doc. Nru 23 (Determinazzjoni tal-perċentwal ta’ 2-gliċeril monopalmitat)

4

K232, K268 jew K270, ΔΚ

COI/T.20/Doc. Nru 19 (Investigazzjoni spettrofotometrika fl-ultravjola)

5

Karatterisiċi organolettiċi

COI/T.20/Doc. Nru 15 (Analiżi sensorjalitaż-żejt taż-żebbuġa – Metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żejt taż-żebbuġa verġni) – minbarra l-punti 4.4 u 10.4 tiegħu

6

Kompożizzjoni ta’ aċidi xaħmin, inklużi transisomeri

COI/T.20/Doc. Nru 33 (Determinazzjoni tal-esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża)

7

Esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin, xama’

COI/T.20/Doc. Nru 28 (Determinazzjoni tal-kontenut ta’ xama’, esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin, u esteri etiliċi tal-aċidi xaħmin permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari)

8

L-isteroli totali, il-kompożizzjoni tal-isteroli, l-eritrodiol, l-uvaol u l-alkoħol alifatiku

COI/T.20/Doc. Nru 26 (Determinazzjoni tal-kompożizzjoni u l-kontenut ta’ steroli, dialkoħol triterpeniku u alkoħol alifatiku permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari)

9

Stigmastadienes

COI/T-20/Doc. Nru 11 (Determinazzjoni tal-istigmastadienes fiż-żjut veġetali)

10

ΔΕCN42

COI/T.20/Doc. Nru 20 (Determinazzjoni tad-differenza bejn il-kontenut attwali u teoretiku tat-triaċigliċeroli mal-ECN 42)




ANNESS II

TEĦID TA’ KAMPJUNI TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA KKONSENJAT F’PAKKETTI

Dan il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni jintuża għal-lottijiet taż-żejt taż-żebbuġa mqiegħda fil-pakketti. Japplikaw metodi differenti tat-teħid ta’ kampjuni, skont jekk il-pakkett ikunx jaqbeż il-5 litri jew le.

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“pakkett” tfisser il-kontenitur li jkun f’kuntatt dirett maż-żejt taż-żebbuġa;

(b) 

“lott” tfisser sett ta’ pakketti li jiġu prodotti, manifatturati u ppakkjati f’ċirkustanzi li jkunu tali li ż-żejt taż-żebbuġa li jkun f’kull pakkett jitqies omoġenju f’termini tal-karatteristiċi analitiċi kollha tiegħu. L-individwazzjoni ta’ lott trid issir f’konformità mad-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(c) 

“inkrement” tfisser il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li tinsab f’pakkett sa 5 litri jew estratta minn pakkett li jaqbeż il-5 litri, meta l-pakketti jintgħażlu minn punt aleatorju tal-lott.

1.    IL-KONTENUT TAL-KAMPJUN EWLIENI

1.1.    Kampjuni ewlenin għal pakketti sa 5 litri

Kampjun ewlieni għall-pakketti sa 5 litri għandu jkun kostitwit skont it-Tabella 1.

Tabella 1

Id-daqs minimu tal-kampjun ewlieni jrid ikun fih dan li ġej:



Meta l-pakkett ikollu kapaċità ta’

Il-kampjun ewlieni jrid ikun fih żejt taż-żebbuġa minn

(a)  750 ml jew aktar

(a)  pakkett 1;

(b)  inqas minn 750 ml

(b)  l-għadd minimu ta’ pakketti b’kapaċità totali ta’ mill-anqas 750 ml

Il-kontenut tal-kampjun ewlieni għandu jiġi omoġenizzat qabel ma jitwettqu l-valutazzjonijiet u l-analiżijiet differenti.

1.2.    Kampjuni ewlenin għall-pakketti li jaqbżu l-5 litri

Kampjun ewlieni għall-pakketti li jaqbżu l-5 litri għandu jkun kostitwit mill-għadd totali ta’ inkrementi estratti mill-għadd minimu ta’ pakketti stabbilit fit-Tabella 2. Il-pakketti għandhom jintgħażlu mil-lott b’mod aleatorju. Ladarba jiġi kostitwit, il-kampjun ewlieni għandu jkollu volum suffiċjenti li jippermetti d-diviżjoni f’diversi eżempji.

Tabella 2

L-għadd minimu ta’ pakketti li għandhom jintgħażlu b’mod aleatorju



Għadd ta’ pakketti fil-lott

Għadd minimu ta’ pakketti li għandhom jintgħażlu

Sa 10

1

Minn … 11 sa 150

2

Minn … 151 sa 500

3

minn 501 sa 1 500

4

minn 1 501 sa 2 500

5

> 2 500 għal kull 1 000 pakkett

Pakkett addizzjonali

Wara l-omoġenizzazzjoni tal-kontenut ta’ kull pakkett, l-inkrement jiġi estratt u jitferra’ f’kontenitur komuni biex jiġi omoġenizzat billi jitħawwad, sabiex il-kampjun jitħares bl-aħjar mod mill-arja.

Il-kontenut tal-kampjun ewlieni għandu jitferra’ f’sensiela ta’ pakketti b’kapacità minima ta’ litru, li kull wieħed minnhom ikun jikkostitwixxi unità tal-kampjun ewlieni. Kull unità ta’ pakkett trid timtela b’tali mod li jitnaqqas kemm jista’ jkun is-saff tal-arja fil-wiċċ tagħha u mbagħad trid tingħalaq u tiġi ssiġġillata kif xieraq biex ikun żgurat li ma tkunx tista’ titbagħbas. Dawn l-unitajiet ta’ pakketti jridu jiġu ttikkettati biex tkun żgurata l-identifikazzjoni korretta tagħhom.

2.    ŻIEDA FL-GĦADD TA’ KAMPJUNI EWLENIN

2.1. 

Kull Stat Membru jista’ jżid l-għadd ta’ kampjuni ewlenin skont il-ħtiġijiet tiegħu (pereżempju l-valutazzjoni organolettika jkun għamilha laboratorju differenti minn dak li jkun wettaq l-analiżi kimika, il-kontroanaliżi, eċċ.).

2.2. 

L-awtorità kompetenti tista’ żżid l-għadd ta’ kampjuni ewlenin skont it-tabella li ġejja:

Tabella 3

L-għadd ta’ kampjuni ewlenin stabbilit skont id-daqs tal-lott



Daqs tal-lott (f’litri)

Għadd ta’ kampjuni ewlenin

Inqas minn 7 500

2

bejn 7 500 u anqas minn 25 000

3

bejn 25 000 u anqas minn 75 000

4

bejn 75 000 u anqas minn 125 000

5

125 000 u iktar

6  + 1 għal kull 50 000  litru iktar

2.3. Il-formazzjoni ta’ kull kampjun ewlieni trid titwettaq f’konformita mal-proċeduri msemmija fil-punti 1.1 u 1.2.

2.4. Meta jintgħażlu b’mod aleatorju l-pakketti għal inkrementi, il-pakketti magħżula għal kampjun ewlieni wieħed iridu jkunu kontigwi ma’ pakketti magħżula għal kampjun ewlieni ieħor. Hemm bżonn li tittieħed nota tal-post ta’ kull pakkett magħżul b’mod aleatorju u li dan jiġi identifikat mingħajr ambigwità.

3.    L-ANALIŻIJIET U R-RIŻULTATI

3.1. Meta r-riżultati kollha tal-analiżijiet ta’ kull kampjun ewlieni jikkonformaw mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa ddikjarata, il-lott kollu għandu jiġi ddikjarat bħala konformi.

3.2. Meta wieħed mir-riżultati tal-analiżijiet ta’ mill-inqas kampjun ewlieni wieħed ma jkunx jikkonforma mal-karatteristiċi tal-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa ddikjarata, il-lott kollu tal-kampjuni għandu jiġi ddikjarat bħala mhux konformi.




ANNESS III

DIJAGRAMMA SEKWENZJALI BIEX JIĠI VVERIFIKAT JEKK KAMPJUN TAŻ-ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA HUWIEX KONSISTENTI MAL-KATEGORIJA DDIKJARATA JEW LE

Tabella ġenerali

image

Tabella 1

Żejt taż-żebbuġa extra verġni — Kriterji tal-kwalità

image

Tabella 2

Żejt taż-żebbuġa verġni — Kriterji tal-kwalità

image

Tabella 3

Żejt taż-żebbuġa extra verġni u żejt taż-żebbuġa verġni — Kriterji tal-purità

image ►(1)(2)(3)(4)(5)(6) C1  

Tabella 4

Żejt taż-żebbuġa lampante — Kriterji tal-purità

image ►(1)(2)(3)(4)(5)(6) C1  

Tabella 5

Żejt taż-żebbuġa raffinat — Kriterji tal-kwalità