Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2022/484/10

    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni 2022/C 484/10

    PUB/2022/1410

    ĠU C 484, 20.12.2022, p. 28–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 484/28


    Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

    (2022/C 484/10)

    Image 1

    Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Spanja

    Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

    Il-pajjiż emittenti: Spanja

    Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: UNESCO Il-Park Nazzjonali ta’ Garajonay

    Id-deskrizzjoni tad-disinn: Il-Park Nazzjonali ta’ Garajonay li jinsab f’nofs il-gżira ta’ La Gomera fl-arċipelagu tal-Gżejjer Kanarji, ġie rreġistrat fil-lista tas-Siti tal-Wirt Dinji bħala eżempju eċċellenti ta’ laurisilva (foresta ta’ Laurel), ekosistema eċċezzjonali tar-rimnant ħaj tal-foresti pluvjali antiki u foresti moderati sħan li okkupaw ħafna mill-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq matul it-Terzjarju.

    Il-munita turi veduta tar-“Roque de Agando” u dettall tal-“foresta ta’ Laurisilva”. Fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin u b’ittri kapitali hemm il-kelma “ESPAÑA” u s-sena taz-zekka “2022”. Fuq in-naħa tal-lemin hemm il-marka taz-zekka.

    Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

    L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu:1 000 000

    Id-data tal-ħruġ: Fl-ewwel kwart tal-2022


    (1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1, għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

    (2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


    Top