This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2018/401/09
Call for proposals — EACEA 37/2018 under the Erasmus+ Programme — KA3 — Support for Policy Reform — Networks and partnerships of Vocational Education and Training (VET) providers
Sejħa għal Proposti — EACEA 37/2018 taħt il-programm ERASMUS+ — KA3 — Appoġġ għar-Riforma tal-Politika — Netwerks u sħubijiet ta’ fornituri tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV)
Sejħa għal Proposti — EACEA 37/2018 taħt il-programm ERASMUS+ — KA3 — Appoġġ għar-Riforma tal-Politika — Netwerks u sħubijiet ta’ fornituri tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV)
ĠU C 401, 7.11.2018, p. 9–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 401/9 |
SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA 37/2018
taħt il-programm ERASMUS+
KA3 — Appoġġ għar-Riforma tal-Politika
Netwerks u sħubijiet ta’ fornituri tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV)
(2018/C 401/09)
1. Objettiv
L-għan ta’ din is-sejħa huwa li tappoġġa proġetti għall-ħolqien ta’ netwerks u sħubijiet transnazzjonali u nazzjonali ta’ fornituri tal-ETV, f’ETV inizjali u kontinwu, bil-ħsieb li tappoġġa riflessjoni fuq il-politika fil-livell Ewropew, kif ukoll li tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki Ewropej dwar l-ETV fuq livelli nazzjonali u reġjonali.
L-objettiv ġenerali tas-sejħa huwa li tistieden s-sottomissjoni ta’ proposti għal sħubijiet minn isfel għal fuq li għandhom iħeġġu l-ħolqien ta’ netwerks u sħubijiet transnazzjonali u nazzjonali ta’ fornituri tal-ETV biex jaħdmu flimkien fuq livell nazzjonali u Ewropew.
Dawn il-proġetti għandhom itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-ETV, itejbu l-impatt u r-relevanza tagħha għal studenti mhux tradizzjonali u impjegaturi, u jibnu kooperazzjoni transkonfinali għal ETV attraenti u ta’ kwalità.
Il-proposti ffinanzjati taħt din is-sejħa għandhom ukoll irawmu l-komunikazzjoni, id-disseminazzjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-aġenda tal-politika dwar l-ETV fil-livell tal-UE u nazzjonali, għall-iskambju ta’ għarfien, feedback u esperjenza fl-implimentazzjoni tal-politika u fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar l-eċċellenza tal-ETV.
Il-proposti għandhom jiġu sottomessi taħt wieħed miż-żewġ Lottijiet li ġejjin:
— Lott 1: Organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew settorjali ta’ fornituri tal-ETV
Il-proġetti appoġġati taħt Lott 1 ser jistabbilixxu jew isaħħu netwerks u sħubijiet fost fornituri tal-ETV fuq livell nazzjonali, reġjonali jew settorjali. Dawn ser jinkisbu permezz ta’ proġetti transnazzjonali li għandhom l-għan li jibnu kapaċità u jikkondividu l-aħjar esperjenzi fost dawn l-organizzazzjonijiet ta’ fornituri tal-ETV, b’mod partikolari għal pajjiżi li jkollhom arranġamenti limitati ta’ rappreżentazzjoni fost il-fornituri tal-ETV.
— Lott 2: Organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ta’ fornituri tal-ETV
Il-proġetti appoġġati taħt Lott 2 ser irawmu kooperazzjoni fost organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ta’ fornituri tal-ETV, filwaqt li jappoġġaw riflessjoni fuq il-politika fil-livell Ewropew kif ukoll il-kapaċità ta’ outreach lill-membri jew l-affiljati nazzjonali tagħhom. L-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ser ikollhom ukoll rwol ewlieni biex iqajmu sensibilizzazzjoni u jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ politiki Ewropej dwar l-ETV permezz tal-organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali ta’ fornituri tal-ETV.
2. Sħubijiet eliġibbli
— Lott 1: Organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew settorjali ta’ fornituri tal-ETV
Is-sħubija ser tinkludi mill-inqas żewġ netwerks jew assoċjazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew settorjali ta’ fornituri tal-ETV, minn mill-inqas żewġ pajjiżi differenti tal-Programm Erasmus+ (fejn mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea). Wieħed mis-sħab ta’ hawn fuq ser ikun l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni, li tapplika għall-għotja ta’ Erasmus+ f’isem is-sħubija.
F’każ ta’ netwerk/assoċjazzjoni li għadha mhix legalment stabbilita, l-applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa minn fornitur tal-ETV li jirrappreżentaha.
Il-kompożizzjoni ulterjuri tas-sħubija għandha tirrifletti l-attivitajiet speċifiċi tas-sejħa.
— Lott 2: Organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ta’ fornituri tal-ETV
Is-sħubija ser tinkludi mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ta’ fornituri tal-ETV, fejn kull waħda minnhom ikollha membri jew affiljati f’mill-inqas ħames pajjiżi tal-Programm Erasmus+ (fejn mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea). Waħda mill-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej ser tkun l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni, li tapplika għall-għotja ta’ Erasmus+ f’isem is-sħubija.
Il-kompożizzjoni ulterjuri tas-sħubija għandha tirrifletti l-attivitajiet speċifiċi tas-sejħa.
Il-pajjiżi tal-Programm Erasmus+ huma dawn li ġejjin:
— It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit (1);
— Pajjiżi tal-Programm li mhumiex fl-UE: l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, is-Serbja (2), it-Turkija.
3. Attivitajiet
L-attivitajiet għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Settembru 2019 u l-1 ta’ Novembru 2019.
It-tul tal-proġetti huwa ta’ 24 xahar.
L-għan prinċipali tal-attivitajiet huwa li tappoġġa l-istabbiliment u/jew ir-rinfurzar ta’ netwerks u sħubijiet tal-fornituri tal-ETV, li għandhom l-għan li jibnu l-kapaċità fil-livell bażiku għall-implimentazzjoni effettiva ta’ programmi, inizjattivi u prijoritajiet Ewropej fil-qasam tal-ETV, inklużi dawk maqbula fil-kuntest tal-proċess ta’ Kopenħagen.
Għaż-żewġ lottijiet, il-benefiċjarji għandhom jimpenjaw ruħhom fl-attività li ġejja:
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-fornituri tal-ETV permezz tal-impenn tagħhom fit-tagħlim reċiproku, fil-konsulenza bejn il-pari, u fil-bini tal-kapaċità, li għandhom l-għan li jgħollu u jagħmlu d-dispożizzjoni tal-ETV attraenti u ta’ kwalità. In-netwerks u s-sħubijiet għandhom ukoll jippromwovu u jrawmu l-użu effettiv ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE, kif ukoll jappoġġaw l-implimentazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ għodod u inizjattivi relevanti tal-UE fil-qasam tal-ETV, kull meta jkun possibbli fil-lingwa/lingwi nazzjonali. Il-proġetti għandhom ukoll ikollhom l-għan li jinvolvu u li jilħqu lill-fornituri tal-ETV li għadhom ma jikkontribwixxux jew ma jibbenefikawx minn kooperazzjoni Ewropea.
Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom jimpenjaw ruħhom f’mill-inqas tlieta mill-attivitajiet li ġejjin:
1. |
Jikkontribwixxu għall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali, billi jorganizzaw avvenimenti u attivitajiet innovattivi u kkoordinati fuq livell ta’ pajjiż, li għandhom l-għan li jagħmlu l-ETV aktar attraenti, filwaqt li jilħqu udjenza wiesgħa, inklużi l-ġenituri, l-istudenti mhux tradizzjonali, l-għalliema, il-kumpaniji, u b’mod partikolari l-SMEs. |
2. |
Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni fuq livell ta’ fornituri, billi jrawmu l-mobbiltà tal-mexxejja, tal-persunal u tal-istudenti mhux tradizzjonali tal-ETV, kif ukoll l-istabbiliment ta’ sħubijiet ta’ kooperazzjoni. |
3. |
Iżidu l-kwalità fl-ETV permezz ta’ rabta ċirkolari ta’ feedback biex jadattaw id-dispożizzjoni tal-ETV, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar ir-rintraċċar ta’ gradwati u r-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET). Fejn ikun relevanti, jiżviluppaw sistemi ta’ rintraċċar ta’ gradwati billi inter alia jikkombinaw l-istatistika nazzjonali jew reġjonali ma’ data miġbura mill-fornituri tal-ETV jew jagħmlu użu minn data ta’ sistemi ta’ rintraċċar ta’ gradwati għat-titjib tad-dispożizzjoni tal-ETV. |
4. |
Jappoġġaw lill-mikrokumpaniji u l-SMEs fl-iżvilupp tal-kapital uman, permezz ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-impjegati. Dan jista’ jinkludi l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u/jew il-valutazzjoni tal-ħiliet tagħhom, u/jew il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet u/jew l-offerta ta’ taħriġ apposta għalihom, u fejn relevanti jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma ET2020 2016-2018 dwar it-Tagħlim tal-Adulti. |
5. |
Irawmu t-tagħlim innovattiv ta’ kompetenzi ewlenin fl-ETV (pereżempju, jippermettu l-flessibbiltà u l-adattament biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet individwali ta’ tagħlim) billi jadattaw t-tfassil u l-valutazzjoni tal-programm. |
6. |
Jippromwovu għodod u opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali ta’ għalliema, ħarrieġa, mentors u/jew mexxejja tal-ETV biex jiġu mgħammra aħjar għal sfidi futuri (eż. diġitalizzazzjoni), f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma ET2020 2016-2018 dwar l-ETV. |
4. Kriterji tal-għoti
L-applikazzjonijiet eliġibbli ser jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:
1. |
Ir-relevanza tal-proġett (Massimu 30 punt — Limitu: minimu 16-il punt); |
2. |
Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (Massimu 20 punt — Limitu: minimu 11-il punt); |
3. |
Il-kwalità tal-konsorzju tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (Massimu 30 punt — Limitu: minimu 16-il punt); |
4. |
L-impatt u d-disseminazzjoni (Massimu 20 punt - Limitu: minimu 11-il punt). |
Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet għandhom iġibu mill-inqas 60 punt (minn 100 punt bħala total), fejn jiġi kkunsidrat ukoll il-limitu minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji tal-għoti.
5. Baġit
Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti huwa stmat għal massimu ta’ EUR 6 miljun b’distribuzzjoni indikattiva ta’ EUR 4 miljun għal-Lott 1 u EUR 2 miljun għal-Lott 2. Ir-rata massima ta’ kofinanzjament tal-UE ser tkun 80 %.
L-ammont ta’ kull għotja ser ikun bejn EUR 300 000 u EUR 500 000 għal-Lott 1 u bejn EUR 600 000 u EUR 800 000 għal-Lott 2.
L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.
6. Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:
— |
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2019, f’12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell). |
— |
Għandhom jiġu sottomessi online permezz tal-formola ta’ applikazzjoni uffiċjali korretta (eForm) (Formola elettronika); |
— |
Għandhom jiġu sottomessi f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE; |
— |
Mal-applikazzjonijiet għandhom jiġu mehmuża deskrizzjoni dettaljata tal-proġett, dikjarazzjoni tal-unur u baġit stmat ibbilanċjat, ippreżentati fuq il-formoli uffiċjali. |
In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.
7. Dettalji sħaħ
Il-Linji gwida tal-Applikanti flimkien mal-formola elettronika ta’ applikazzjoni huma disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej:
https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/ka3-networks-and-partnerships-of-VET-providers_en
L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mat-termini kollha tal-Linji gwida.
(1) Għall-applikanti Brittaniċi: Jekk jogħġbok kun af li jrid ikun hemm konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tul id-durata sħiħa tal-għotja. Fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE matul il-perjodu tal-għotja finanzjarja mingħajr ma jiġi konkluż ftehim mal-UE li jiżgura b’mod partikolari li l-applikanti Brittaniċi jkomplu jkunu eliġibbli, int ma tirċevix aktar finanzjament mill-UE (filwaqt li tkompli tipparteċipa, fejn hu possibbli) jew tkun mitlub tieqaf mill-proġett abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-għotja finanzjarja dwar it-terminazzjoni.
(2) Ir-rikonoxximent tas-Serbja bħala Pajjiż tal-Programm Erasmus+ hu soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
i) |
Id-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz tal-baġit 2019 wara l-adozzjoni tal-baġit 2019 għas-Serbja; |
ii) |
Emenda għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja dwar il-parteċipazzjoni tas-Serbja f’Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. |