This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2015/433A/01
Vacancy notice ECA/2015/JUR — Two lawyer posts (grades AD 8–AD 9) — Legal Service — Presidency
Avviż ta’ post battal ECA/2015/JUR — Żewġ postijet ta’ avukati – (Gradi AD 8–AD 9) — Servizz legali – Presidenza
Avviż ta’ post battal ECA/2015/JUR — Żewġ postijet ta’ avukati – (Gradi AD 8–AD 9) — Servizz legali – Presidenza
ĠU C 433A, 23.12.2015, pp. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
23.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 433/1 |
AVVIŻ TA’ POST BATTAL ECA/2015/JUR
Żewġ postijet ta’ avukati – (Gradi AD 8–AD 9)
Servizz legali – Presidenza
(2015/C 433 A/01)
Min aħna
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) stabbilita bit-Trattat biex twettaq l-awditu tal-finanzi tal-Unjoni. Bħala l-awditur estern tal-UE, hija tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni.
Matul l-awditi tagħha, il-Qorti tevalwa kif il-fondi tal-UE jiġu riċevuti u użati. Hija teżamina jekk it-tranżazzjonijiet finanzjarji jkunux ġew irreġistrati u ppreżentati b’mod korrett, jekk ikunux ġew implimentati b’mod legali u regolari, u jekk ikunux ġew immaniġġjati b’mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv. Il-Qorti tippubblika r-riżultati tal-awditi tagħha f’rapporti ċari, rilevanti u oġġettivi. Hija tfassal ukoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni finanzjarja.
Il-Qorti taħdem għat-tisħiħ tal-obbligu ta’ rendikont, tħeġġeġ it-trasparenza u tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ kwittanza. Il-Qorti hija impenjata li tkun organizzazzjoni effiċjenti fuq il-quddiem nett tal-progress fil-qasam tal-awditjar u fl-amministrazzjoni tas-settur pubbliku.
Il-Qorti tal-Awdituri hija bbażata fil-Lussemburgu.
Is-Servizz Legali jagħti parir legali u jipprovdi appoġġ legali lill-Qorti fil-qafas tat-totalità tal-attivitajiet tagħha, inkluż pariri relatati mal-kompetenzi u l-prerogattivi tal-istituzzjoni, ma’ kwistjonijiet legali li jitqajmu fil-qafas tal-attivitajiet tal-awditjar tagħha, kif ukoll ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-persunal u l-amministrazzjoni. Is-Servizz Legali jirrappreżenta l-istituzzjoni fi proċedimenti legali, b’mod partikolari quddiem il-qrati tal-UE.
X’Qegħdin noffru
Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal żewġ (2) postijiet ta’ avukati (gradi AD8 – AD9) fi ħdan is-Servizz Legali (Presidenza), abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”). Din il-proċedura tal-għażla, li għandha l-għan li żżid il-possibbiltajiet tal-għażla għall-Awtorità tal-Ħatra, se ssir b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.
Is-salarju bażiku għall-gradi AD 8 u AD 9 (fl-ewwel skala) huwa rispettivament ta’ EUR 6 350,35 u EUR 7 185,01 fix-xahar. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti allowances jistgħu jiġu miżjuda ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa interna tal-Unjoni Ewropea u eżentat mit-taxxa nazzjonali.
Taħt l-awtorità tal-Maniġer Prinċipali inkarigat mis-Servizz Legali, l-avukat ikun responsabbli li jaqdi l-funzjoni ta’ konsulent legali intern u jiddefendi l-interessi tal-Qorti fi proċeduri ta’ litigazzjoni, iwettaq kompiti legali li jinkludu b’mod partikolari l-abbozzar ta’ opinjonijiet legali dwar il-liġi tal-UE, l-għoti ta’ assistenza lill-Membri u lill-awli tal-awditjar fit-trattament ta’ kwistjonijiet legali, l-għoti ta’ parir legali intern fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali relatati mal-liġi istituzzjonali, amministrattiva u tal-persunal kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri quddiem il-Qrati u, fil-qafas tal-kooperazzjoni interna, l-għoti ta’ assistenza lis-servizzi amministrattivi fir-rigward ta’ kuntratti u akkwist pubbliku.
Ir-reklutaġġ isir skont il-ħtiġijet tas-servizz u d-disponibbiltà tal-postijiet.
X’Qegħdin infittxu
Qegħdin infittxu avukati dinamiċi b’esperjenza professjonali ta’ mill-inqas 10 snin. Il-kandidati jridu jkunu temmew studji ċċertifikati b’lawrja rikonnoxxuta fil-liġi; kull taħriġ jew esperjenza relatati oħra jkunu ta’ vantaġġ.
Din il-proċedura tal-għażla hija miftuħa għall-kandidati li, fid-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
— |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ kors komplet ta’ studji universitarji, iċċertifikat b’lawrja fil-liġi meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ kors komplet ta’ studji universitarji, iċċertifikat b’lawrja fil-liġi u esperjenza rilevanti ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji jkun ta’ mill-inqas tliet snin; |
|
— |
għarfien approfondit ta’ lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-UE. |
Għal raġunijiet operazzjonali, il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż u tal-Franċiż; l-għarfien ta’ lingwi oħra jkun ta’ vantaġġ.
Minbarra dan, il-kandidati jrid ikollhom:
|
— |
esperjenza professjonali dokumentata ta’ mill-inqas 10 snin, miksuba wara l-akkwist tal-lawrja msemmija hawn fuq, li jinkludu ħames sninn esperjenza direttament relatata mat-tip ta’ dmirijiet li għandhom jitwettqu; |
|
— |
għarfien approfondit tal-liġi tal-UE u tal-proċeduri ta’ litigazzjoni; |
|
— |
ħiliet interpersonali eċċellenti u abbiltajiet ta’ komunikazzjoni kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub; |
|
— |
sens tal-“kultura ta’ servizz”, kapaċità ta’ negozjar, abbiltà kkonfermata fl-osservazzjoni ta’ skadenzi/istruzzjonijiet, u ta’ ħidma mal-partijiet interessati. |
Ikunu ta’ vantaġġ:
|
— |
għarfien tajjeb tal-liġi bankarja (ristrutturar u insolvenza bankarji, strumenti finanzjarji, fużjonijiet u akkwisti ta’ banek) u ta’ strumenti ġodda fir-rigward ta’ governanza ekonomika u finanzjarja li jinkludu, b’mod partikolari, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM); |
|
— |
għarfien approfondit tax-xogħol tal-Qorti u tal-finanzi pubbliċi tal-UE; |
|
— |
għarfien approfondit tal-liġi tas-servizz pubbliku, ta’ kuntratti/akkwist pubbliku, u tal-ġlieda kontra l-frodi; |
|
— |
għarfien tajjeb/esperjenza prattika fil-proċeduri ta’ medjazzjoni. |
Politika ta’ reklutaġġ
Il-Qorti tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u tħeġġeġ il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet mingħand nisa u rġiel kwalifikati, mingħajr ebda diskriminazzjoni.
KUNDIZZJONIJIET TA’ REKLUTAĠĠ
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu:
|
— |
ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; |
|
— |
ikunu intitolati għad-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini; |
|
— |
ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ li jikkonċernaw is-servizz militari; |
|
— |
jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet involuti. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
L-applikazzjonijiet eliġibbli jiġu eżaminati minn bord ta’ reklutaġġ. Wara dan l-eżami, l-aħjar 12-il kandidat (massimu) jiġu mistiedna jħejju studju ta’ każ li mbagħad huma jippreżentaw f’intervista.
Fi tmiem din il-proċedura, il-bord jistabbilixxi lista ta’ riżerva, fl-ordni ta’ mertu, tas-sitt kandidati li l-aktar jissodisfaw il-kriterji ta’ dan l-avviż.
Il-lista tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2017 u tista’ tiġġedded.
PREŻENTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET
L-applikazzjonijiet iridu jinkitbu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u għandhom jintbagħtu bl-e-mail fl-indirizz li ġej: vacancies@eca.europa.eu
L-applikazzjoni trid tinkludi n-numru ta’ referenza ta’ dan l-avviż ta’ post battal fil-linja tas-suġġett u trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:
|
— |
ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn paġna waħda); |
|
— |
curriculum vitae aġġornat (mhux itwal minn tliet paġni), li jrid ikun fil-format “Europass” (jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit li ġej: http://europass.cedefop.europa.eu); |
|
— |
id-dikjarazzjoni formali (mehmuża) ikkompletata, datata u ffirmata. |
L-applikazzjonijiet li ma jkunux strettament skont l-istruzzjonijiet ta’ hawn fuq jiġu rrifjutati.
Id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija l-11 ta’ Jannar 2016, f’12.00 (nofsinhar).
Il-kandidati li jiġu mistiedna għal intervista u li ma jkunux uffiċjali tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jinnutaw li, fid-data tal-intervista, iridu jippreżentaw biss kopji jew fotokopji tad-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-istudji, l-esperjenza professjonali u l-funzjonijiet attwali tagħhom. Dawn id-dokumenti ta’ sostenn ma jingħatawx lura lill-kandidati.
Protezzjoni tad-datA
Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ir-riċevitur “għandu jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trasmessa”.