Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C/2024/06192

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/196/24

ĠU C, C/2024/6192, 22.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6192/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6192/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6192

22.10.2024

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/196/24

Direttur Ġenerali ta’ LIFE — Agrikoltura, Sajd, Affarijiet Soċjali u Saħħa

(C/2024/6192)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

LIFE: Agrikoltura, Sajd, Affarijiet Soċjali u Saħħa

Post tax-xogħol

Brussell, il-Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur Ġenerali

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 15

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

It-12 ta’ Novembru 2024 — 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Id-Direttorat Ġenerali “Agrikoltura, Sajd, Affarijiet Soċjali u Saħħa” (DĠ LIFE), huwa magħmul minn ħames direttorati: LIFE.1, li jieħu ħsieb l-Agrikoltura (SCA — Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura); LIFE.2, li jieħu ħsieb is-Sajd; LIFE.3, li jieħu ħsieb il-Kwistjonijiet Veterinarji u tas-Saħħa tal-Pjanti, l-Ikel u l-Forestrija; LIFE.4, li jieħu ħsieb l-Impjiegi u l-Politika Soċjali; u LIFE.5, li jieħu ħsieb is-Saħħa. Kollha kemm huma jirrappurtaw lid-Direttur Ġenerali.

Id-Direttorat Ġenerali jikkoordina l-organizzazzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill “Agrikoltura u s-Sajd” u tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill “Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur” (EPSCO), fejn kull waħda minnhom tiltaqa’, rispettivament, madwar għaxar u erba’ darbiet fis-sena. Dawn il-laqgħat tal-Kunsill jitħejjew mill-Coreper u minn diversi gruppi ta’ ħidma li jieħdu ħsieb kemm fajls leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, kif ukoll relazzjonijiet internazzjonali li jikkonċernaw dawn il-fajls.

X’qed nipproponu

Il-kariga ta’ Direttur Ġenerali fid-DĠ LIFE hija pożizzjoni iebsa f’ambjent politikament interessanti, fejn tmexxi tim ta’ madwar 70 membru tal-persunal bi kwalifiki għolja.

Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali u b’kooperazzjoni mal-ħames Diretturi LIFE, ser tmexxi u tikkoordina d-Direttorat Ġenerali tiegħek u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-persunal f’xogħolhom. Ser tiżviluppa u timplimenta l-istrateġija u l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat Ġenerali, ser tiddefinixxi l-objettivi tiegħu u ser tiżgura li jintlaħqu skont l-iskadenzi meħtieġa u l-istandards ta’ kwalità. Ser trawwem kultura ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi kemm fil-LIFE u mad-Direttorati Ġenerali l-oħra, kif ukoll ma’ servizzi oħra tas-SĠK.

B’kooperazzjoni ma’ Direttorati Ġenerali oħra, ser tkun responsabbli għall-politika orizzontali u l-koordinazzjoni proċedurali bil-għan li tappoġġa l-kontinwità u l-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew.

Ser tipprovdi pariri ta’ livell għoli u strateġiċi ta’ politika u proċedura lis-Segretarju Ġenerali kif ukoll lill-President tal-Kunsill Ewropew, u lill-presidenzi tal-Kunsill, il-Coreper u korpi preparatorji oħra dwar l-aspetti kollha tad-dossiers li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttorat Ġenerali. Barra minn hekk, ser tieħu sehem f’laqgħat u, fejn xieraq, f’laqgħat ta’ informazzjoni u/jew negozjati bil-ħsieb li jintlaħqu kompromessi u jinstabu soluzzjonijiet. F’dan il-kuntest, ser tassisti lill-presidenzi fin-negozjati u tiżgura komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma ta’ kompetenza tal-LIFE.

Ser tiżgura koordinazzjoni strateġika ġenerali, inkluż ma’ Direttorati Ġenerali oħrajn dwar il-politika u l-objettivi li jridu jintlaħqu.

Ikunu meħtieġa missjonijiet okkażjonali barra l-pajjiż, normalment fl-UE.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer b’esperjenza sostanzjali fit-tfassil tal-politika tal-UE u l-proċess leġiżlattiv tal-UE u b’għarfien estensiv tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew kif ukoll tal-kwistjonijiet istituzzjonali tal-UE. L-għarfien tal-oqsma koperti minn LIFE huwa ta’ vantaġġ.

Il-maniġers kollha tas-SĠK mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-maniġers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali;

il-kapaċità li żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni u l-kapaċità li turi diplomazija;

ħila ta’ tmexxija u kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, u l-kapaċità li timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

il-kapaċità li tippjana u torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jilħaq l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim, kif ukoll il-kapaċità li timmaniġġja l-bidla u tappoġġa lill-persunal matul il-bidla;

il-kapaċità li tilħaq qbil, tipproduċi riżultati u taħdem għal għanijiet komuni, billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

(a)

Kundizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kundizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja (2);

ikollhom esperjenza professjonali rilevanti ta’ mill-inqas ħmistax-il sena;

ikollhom esperjenza fi rwol ta’ maniġment superjuri fil-qasam tal-politiki tal-UE ta’ mill-inqas tliet snin;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu preparati li jsirilhom skrinjar ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-persuna magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidati mingħajr l-approvazzjoni tas-sigurtà jiġu offruti kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-persuna magħżula, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar xierqa biex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel għażla preliminari tal-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv ta’ selezzjoni.

– L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati lejn nofs Novembru 2024;

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fl-aħħar ta’ Novembru 2024;

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni huwa mistenni li jsir fl-ewwel nofs ta’ Diċembru 2024;

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst li jsir fl-ewwel nofs ta’ Jannar 2025.

NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija t-12 ta’ Novembru 2024 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu biss b’email u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu  (5) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz tal-email indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tas-selezzjoni (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm ir-referenza li ġejja: CONS/AD/196/24 LIFE).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tas-selezzjoni.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola ta’ applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa xierqa hawn taħt jew ikkopja u ppejstjaha fil-browser tiegħek (6):

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-persuna li qed tapplika u li jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u l-kompiti attwali tal-persuna li qed tapplika (il-fajl għandu jkun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, jekk il-kandidati ma jirċievu l-ebda email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni, huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:

 

https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil:

 

https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza:

 

https://www.consilium.europa.eu/media/4xqlzbqo/jobs-data-protection-083r01-mt.pdf.


(1)   https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20240101.

(5)  Dan l-email jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normal”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(6)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6192/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top