Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024TO0204

Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Mejju 2025.
Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. vs L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.
Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni Rakkomandazzjoni tal-EIOPA dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà.
Kawża T-204/24.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2025:555

 DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja – Investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni Rakkomandazzjoni tal-EIOPA dwar il-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-204/24,

Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentata minn A. Börner, S. Henrich u S. Förster, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), irrappreżentata minn A. Terstegen-Verhaag u S. Dispiter, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, avukat,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi), Presidenta, E. Buttigieg u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-EIOPA permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2024,

l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Awwissu 2024,

it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Slovakka u tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑23 ta’ Lulju u fit‑2 ta’ Awwissu 2024,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s., titlob l-annullament tar-rakkomandazzjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tas‑16 ta’ Mejju 2022, indirizzata lin-Národná banka Slovenska, dwar il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2009/138/KE (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-rikorrenti hija impriża ta’ assigurazzjoni għall-ħajja stabbilita fis-Slovakkja u suġġetta għall-kontroll tan-Národná banka Slovenska (il-Bank Nazzjonali Slovakk) (iktar ’il quddiem in-“NBS”).

3

Fis‑17 ta’ Marzu 2022, l-EIOPA fetħet investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU 2010, L 331, p. 48). Din l-investigazzjoni kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk in-NBS kienx eżerċita s-setgħat ta’ superviżjoni tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69).

4

Fis‑16 ta’ Mejju 2022, l-EIOPA adottat l-att ikkontestat abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010.

5

F’din l-okkażjoni, l-EIOPA, qabelxejn, ikkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrenti tar-regoli dwar ir-riżervi tekniċi, il-kapital ta’ solvenza meħtieġ u l-minimu tal-kapital meħtieġ kif ukoll ir-regoli ta’ investiment li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/138 (paragrafu 58 sa 80 u 101 tal-att ikkontestat). Sussegwentement, l-EIOPA eżaminat il-miżuri ta’ superviżjoni meħuda min-NBS fir-rigward tar-rikorrenti u kkonkludiet li, peress li ma adottax il-miżuri korrettivi neċessarji fi żmien xieraq u b’mod proporzjonat, in-NBS kien kiser id-dritt tal-Unjoni Ewropea u naqas milli jwettaq l-obbligi ta’ superviżjoni imposti fuqu skont l-Artikolu 29(1) u l-paragrafi 1, 2 u 6 tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2009/138 (paragrafu 81 sa 100, 103 u 105 tal-att ikkontestat). Fl-aħħar nett, l-EIOPA qieset li n-NBS issa kellu jaġixxi mingħajr dewmien u jadotta miżuri li jippermettulu jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni (paragrafu 97, 100, 104 u 105 tal-att ikkontestat).

6

Konsegwentement, fil-paragrafu 105 tal-att ikkontestat, l-EIOPA indirizzat lin-NBS iż-żewġ “rakkomandazzjonijiet” li ġejjin:

“1. [In]-NBS għandu[,] fi żmien 45 jum kalendarju […], jadotta pożizzjoni, iwettaq verifiki u jiġbed konklużjonijiet dwar l-osservanza mi[r-rikorrenti] mad-deċiżjoni [tiegħu] tad‑19 ta’ April 2021 relatata mal-ksur tar-[regoli dwar l-]investimenti u d-deċiżjoni [tiegħu] tal‑14 ta’ Jannar 2022 relatata mal-ksur ta[r-regoli dwar i]r-riżervi tekniċi.

2. In-NBS għandu jieħu l-passi u l-miżuri meħtieġa, skont l-Artikoli 76, 138, 139 u 141 tad-Direttiva [2009/138], sabiex jiżgura l-osservanza [mir-rikorrenti tal-obbligi tagħha] fit-termini […] stabbiliti, fil-kuntest ta’ strateġija ta’ intervent komprensiva/integrata mill-NBS li twassal jew għal rimedju strutturali u sostenibbli tal-ksur kollu jew, fejn xieraq jew obbligatorju, għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta[r-rikorrenti] skont l-Artikolu 144 tad-Direttiva [2009/138]”.

7

Barra minn hekk, l-EIOPA stiednet lin-NBS jinformaha, f’terminu ta’ għaxart ijiem, dwar il-passi li jkun ħa jew li beħsiebu jieħu sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni (paragrafu 106 tal-att ikkontestat).

8

Fit‑13 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat, abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, l-opinjoni C(2022) 6455 final, indirizzata lin-NBS, dwar il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2009/138. Din l-opinjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u rreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑179/24.

9

Fil‑31 ta’ Ottubru 2022, in-NBS irtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni”). Fl‑1 ta’ Ġunju 2023, in-NBS ikkonferma dan l-irtirar.

Talbiet tal‑partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att ikkontestat;

tikkundanna lill-EIOPA għall-ispejjeż.

11

L-EIOPA jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12

Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew bħala miżuri istruttorji, tordna lill-EIOPA tipproduċi, essenzjalment, id-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri ta’ superviżjoni li jikkonċernawha.

Id‑dritt

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

13

Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob li jsir hekk. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu adottati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew il-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti.

14

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-EIOPA ssostni, l-ewwel nett, li, peress li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, l-att ikkontestat ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, it-tieni nett, li dan l-att, minn naħa, huwa l-iktar l-iktar att preparatorju u, min-naħa l-oħra, ma huwiex ta’ inċidenza diretta fuq ir-rikorrenti u, it-tielet nett, li r-rikors ma ġiex ippreżentat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż.

15

Ir-rikorrenti tikkontesta t-tliet partijiet tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. B’mod partikolari, hija ssostni li l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti u għalhekk jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Hija tispjega, essenzjalment, li dan l-att jimponi fuq in-NBS l-obbligu li jieħu miżura predeterminata, jiġifieri li jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha.

16

Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u, għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat huwiex fost l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

17

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni “maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”.

18

Minn dan isegwi li r-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 3942; ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Għall-kuntrarju, kull att tal-Unjoni li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ma jaqax taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Dan japplika b’mod partikolari għar-rakkomandazzjonijiet, li ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti. Fil-fatt, billi stabbilixxa r-rakkomandazzjonijiet bħala kategorija partikolari ta’ atti tal-Unjoni u billi jipprevedi espressament li dawn “ma jkunux vinkolanti”, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ried jagħti lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni li huma awtorizzati jadottawhom b’setgħa ta’ inċentiv u ta’ persważjoni, distinta mis-setgħa li jadottaw atti li għandhom saħħa vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punti 2627, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punti 79, 8082 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Madankollu, l-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra rakkomandazzjoni ma tkunx tgħodd jekk l-att ikkontestat, skont il-kontenut tiegħu, ma jkunx jikkostitwixxi rakkomandazzjoni vera u proprja (sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 29).

22

Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti legali vinkolanti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-effetti tiegħu għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, filwaqt li jittieħed kont, fejn xieraq, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkun adottah (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod komplementari, il-kriterju suġġettiv marbut mal-intenzjoni tal-awtur tal-att jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE,C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 42).

23

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut tal-att ikkontestat, miġbur fil-qosor fil-punti 5 u 6 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dan l-att sempliċement jikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni mir-rikorrenti u min-NBS u jifformula żewġ rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-NBS u li jesponi l-miżuri li għandhom jittieħdu minnu sabiex jitwaqqaf dan il-ksur. Dawn il-miżuri jikkonsistu, essenzjalment, fl-eżami mill-ġdid, f’terminu ta’ 45 jum, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti u fl-adozzjoni, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, ta’ strateġija “globali/integrata” li twassal jew għar-rimedju tal-ksur kollu jew għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

24

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-att ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żewġ verżjonijiet awtentiċi tiegħu, dan l-att huwa deskritt, kemm fit-titolu tiegħu kif ukoll fil-motivi tiegħu (paragrafu 1, 2, 14, 18, 55, 105 u 106 tal-att ikkontestat), bħala rakkomandazzjoni (“recommendation” fil-verżjoni Ingliża u “odporúčanie” fil-verżjoni Slovakka). Issa, għandu jiġi enfasizzat li r-riferiment għall-kunċett ta’ “rakkomandazzjoni” jikkostitwixxi indikazzjoni ċara tal-fatt li l-kontenut tal-imsemmi att ma huwiex intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti (digriet tas‑26 ta’ Jannar 2011, FIBE vs Il‑Parlament, T‑550/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:19, punt 19; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/03, EU:C:2005:727, punti 2122).

25

Barra minn hekk, l-att ikkontestat huwa essenzjalment redatt f’termini mhux obbligatorji, u dan kemm fil-verżjoni Ingliża kif ukoll fil-verżjoni Slovakka. Il-mod kundizzjonali huwa għalhekk użat diversi drabi, u b’mod partikolari fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet iċċitati fil-punt 6 iktar ’il fuq, kif jixhed l-użu tal-kliem “should” (għandu) bl-Ingliż u “by mala” (għandu) bis-Slovakk (paragrafu 100, 104 u 105 tal-att ikkontestat).

26

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat u tas-setgħat tal-awtur tiegħu, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament Nru 1094/2010, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi “mekkaniżmu fi tliet stadji” meta awtorità nazzjonali tiġi kkritikata, fil-prattiki ta’ superviżjoni tagħha, b’nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, fosthom id-Direttiva 2009/138.

27

Fl-ewwel stadju, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010, l-EIOPA tinvestiga, jekk ikun hemm lok, dwar l-allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi tmiem din l-investigazzjoni u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tal-istess regolament, l-EIOPA tista’ tindirizza lill-awtorità nazzjonali kkonċernata “rakkomandazzjoni […] li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni”.

28

Fit-tieni stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax ruħha mad-dritt tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni tal-EIOPA, il-Kummissjoni tista’, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, toħroġ “opinjoni formali li tirrikjedi li [din] l-awtorità […] tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni”.

29

Fit-tielet stadju, jekk l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax ruħha mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit minn din l-opinjoni u jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-EIOPA tista’, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1094/2010, tadotta fir-rigward tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata “deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tesiġi minnha l-azzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika”.

30

B’hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jirriżulta li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament sempliċement “jistabbilixxu” l-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) tal-istess regolament “jeżiġu” fuq id-destinatarji rispettivi tagħhom li jieħdu l-miżuri.

31

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi li, meta jieħdu miżura fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni jew ta’ deċiżjoni individwali tal-EIOPA, l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati “għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew id-deċiżjoni, skont il-każ”. Min-naħa l-oħra, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1094/2010 ma jipprevedu li dawn l-awtoritajiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA.

32

B’hekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 kif ukoll mill-istruttura tal-mekkaniżmu fi tliet stadji jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament huma sempliċi rakkomandazzjonijiet u ma humiex intiżi li jipproduċu huma stess effetti legali vinkolanti fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kkonċernata jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-opinjonijiet formali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1094/2010 u d-deċiżjonijiet individwali adottati mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(6) tal-istess regolament jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji tagħhom.

33

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) abbażi ta’ dispożizzjoni redatta f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 jaqgħu taħt il-kategorija ta’ atti tal-Unjoni prevista fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u, għaldaqstant, ma kinux intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka,C‑501/18, EU:C:2021:249, punti 79 u 80). Għaldaqstant, tali rakkomandazzjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2020:729, punt 82).

34

Fir-raba’ lok u b’mod komplementari, fir-rigward tal-intenzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat, ebda element tal-proċess ma jippermetti li wieħed jaħseb li, billi adottat dan l-att abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010, l-EIOPA, fir-realtà, riedet tadotta att li għandu saħħa vinkolanti, u mhux sempliċi valur ta’ inċentiv u ta’ persważjoni. B’mod partikolari, l-att ikkontestat ma jinkludi ebda indikazzjoni espliċita li n-NBS huwa obbligat jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet inklużi fih.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija fil-punti 23 sa 34 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-att ikkontestat ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, b’tali mod li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

36

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

37

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-effett vinkolanti tal-att ikkontestat jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010, mill-arkitettura tal-mekkaniżmu li dan l-artikolu jistabbilixxi kif ukoll mill-proċess deċiżjonali tal-EIOPA previst mill-Artikolu 39 tal-istess regolament.

38

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 ma ssostnix l-argument tar-rikorrenti.

39

Minn naħa, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi li r-rakkomandazzjoni tal-EIOPA “tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa”, din l-indikazzjoni sempliċement tistabbilixxi l-kontenut ta’ din ir-rakkomandazzjoni u ma għandhiex l-effett li tagħtiha natura vinkolanti u restrittiva fir-rigward tat-tip ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

40

Min-naħa l-oħra, huwa ċertament minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 jimponi fuq l-awtorità nazzjonali kkonċernata l-obbligu li tinforma lill-EIOPA bil-passi li hija tkun ħadet jew li hija għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tikkonforma ruħha mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan l-obbligu ta’ informazzjoni, imfakkar fil-paragrafu 106 tal-att ikkontestat (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), ma jimplikax li l-miżuri meħuda jew previsti mill-awtorità nazzjonali kkonċernata għandhom ikunu konformi ma’ dawk li jinsabu fir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-EIOPA.

41

Sussegwentement, mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1094/2010 jirriżulta li l-EIOPA għandha tinforma “lil kwalunkwe destinatarju” ta’ rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(3) tal-istess regolament bl-intenzjoni tagħha li tadotta din ir-rakkomandazzjoni sabiex tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, minn dawn id-dispożizzjonijiet la jista’ jiġi dedott li l-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata hija destinatarja tal-imsemmija rakkomandazzjoni, u lanqas li din tal-aħħar tikkostitwixxi deċiżjoni vinkolanti. Fil-fatt, l-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament ma jsemmix destinatarju ieħor ħlief l-awtorità nazzjonali kkonċernata u ma jipprevedix li tali rakkomandazzjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti għal din l-awtorità jew għall-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata.

42

Fl-aħħar nett, in-natura vinkolanti jew le tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 ma tistax tiddependi mill-modalitajiet tal-proċedura ta’ adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ opinjoni formali abbażi tal-Artikolu 17(4) tal-istess regolament fil-każ li, wara rakkomandazzjoni tal-EIOPA, l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tikkonformax ruħha mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa irrilevanti li, f’din l-aħħar ipoteżi, il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni formali mingħajr ma tkun obbligata tadotta minn qabel “ebda miżura istruttorja supplimentari”.

43

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat ġie adottat fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna istituzzjoni finanzjarja b’mod partikolari u li jirrigwarda miżuri partikolari għaliha, bħall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha. Hija tqis li, f’tali każ, ir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-EIOPA tipproduċi effetti legali vinkolanti.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, kull sitwazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali, inkluż u “b’mod partikolari” il-każ fejn din l-awtorità “tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati [mid-dritt tal-Unjoni]”. Minn dan isegwi li l-fatt li rakkomandazzjoni maħruġa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja b’mod partikolari u tirrakkomanda miżuri partikolari għalih ma huwiex ta’ natura li jagħtiha, b’mod eċċezzjonali jew derogatorju, natura obbligatorja.

45

Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249), imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, ingħatat fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni tal-EBA li kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja b’mod partikolari, jiġifieri Korporativna targovska banka AD. Minn dan isegwi li l-prinċipju, stabbilit f’dik is-sentenza, li r-rakkomandazzjonijiet tal-EBA ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti jista’ jiġi traspost,

46

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, permezz ta’ teħid ta’ pożizzjoni definittiva, l-EIOPA riedet tillimita u telimina s-setgħa diskrezzjonali tan-NBS billi imponietlu li jwettaq l-irtirar immedjat tal-awtorizzazzjoni tagħha, bl-esklużjoni ta’ approċċ iktar gradwali u ta’ kull miżura oħra.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat huwa redatt f’termini mhux obbligatorji (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) u li sempliċement jagħmel rakkomandazzjonijiet (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), mingħajr ma jimponi jew jipprojbixxi lill-NBS milli jieħu xi miżura speċifika.

48

B’mod partikolari, l-EIOPA ħalliet f’idejn in-NBS sabiex tiddetermina jekk kienx effettivament eżawrixxa l-lista ta’ miżuri possibbli u proporzjonati jew jekk, għall-kuntrarju, kinux għadhom jeżistu miżuri alternattivi oħra (paragrafu 104 tal-att ikkontestat). Konsegwentement, hija rrakkomandat biss lin-NBS li “jadotta l-passi u l-miżuri neċessarji” u stednitu jirtira l-awtorizzazzjoni biss jekk din il-miżura tirriżulta “xierqa jew mandatorja” (it-tieni rakkomandazzjoni tinsab fil-paragrafu 105 tal-att ikkontestat u ċċitata fil-punt 6 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-EIOPA imponiet fuq in-NBS l-obbligu li jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha, bl-esklużjoni ta’ approċċ iktar gradwali u ta’ kull miżura oħra.

49

Sussegwentement, minbarra l-fatt li l-EIOPA ma adottatx pożizzjoni definittiva fir-rigward tat-tip ta’ miżuri li għandhom jittieħdu, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li, meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jkun ifformula opinjoni definittiva u b’hekk ikun esprima r-rieda tiegħu li jtemm kwalunkwe eżami preliminari, l-att adottat jista’ dejjem ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 58). Fil-fatt, fil-punti 51 sa 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss, essenzjalment, li, meta l-Kummissjoni, wara l-eżami ta’ lment, tirrifjuta impliċitament li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, hija ma adottatx sempliċi miżura provviżorja, iżda deċiżjoni li kellha natura definittiva, li kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti u li, konsegwentement, setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Din is-sentenza kienet tikkonċerna b’hekk ipoteżi fejn l-istituzzjoni inkwistjoni kellha setgħa deċiżjonali, u mhux, bħal f’din il-kawża, sempliċi setgħa ta’ rakkomandazzjoni fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kkonċernata.

50

Barra minn hekk, il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-EIOPA eżerċitat forma ta’ “pressjoni politika” fuq in-NBS sabiex jirtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din l-aġenzija kellha l-intenzjoni li tmur lil hinn mis-setgħa ta’ inċentiv u ta’ persważjoni tagħha u li tadotta att li għandu saħħa vinkolanti mhux prevista mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010.

51

Fl-aħħar nett, il-fatt, anki jekk jiġi aċċettat li huwa stabbilit, li l-att ikkontestat seta’ kellu rwol li jagħti lok għall-adozzjoni tal-opinjoni C(2022) 6455 final (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), sussegwentement tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, jirriżulta biss mill-eżistenza ta’ proċeduri li fihom jintervjenu u jinteraġixxu, minn naħa, l-EIOPA u l-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali, fosthom in-NBS. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma tistax tagħti natura vinkolanti lill-att ikkontestat.

52

Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors dirett kontra l-att ikkontestat hija neċessarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija tispjega li rikors quddiem il-qrati Slovakki kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, flimkien ma’ kontestazzjoni inċidentali tal-legalità tal-att ikkontestat, huwa inċert u insuffiċjenti.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’hekk, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 4344 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ma tistax twassal sabiex twarrab il-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat FUE lill-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Issa, dan ikun preċiżament il-każ jekk ir-rikorrenti tkun tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra rakkomandazzjoni tal-EIOPA li ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 18 sa 22 iktar ’il fuq.

55

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, u, b’mod partikolari, dwar il-validità ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EIOPA abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1094/2010 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punti 8283). Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ rikors kontra l-miżuri meħuda min-NBS, u b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, il-qrati Slovakki jistgħu, f’każ ta’ bżonn, jagħmlu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tal-att ikkontestat.

56

Fir-rigward tad-diffikultajiet prattiċi invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-effettività ta’ rikors quddiem il-qrati Slovakki u ta’ stħarriġ inċidentali tal-att ikkontestat, dawn ma jidhrux li huma insormontabbli.

57

Qabel kollox, fir-rigward tal-fatt li, fid-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, in-NBS ma bbażax ruħu fuq l-att ikkontestat u lanqas ma għamel riferiment għalih, dan isostni l-argument tal-EIOPA li n-NBS ma kkonformax ruħu ma’ dan l-att u adotta approċċ differenti. F’tali każ, rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmi att jista’ ma jkunx neċessarju.

58

Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura “sigrieta” tad-dokumenti skambjati bejn in-NBS, l-EIOPA u l-Kummissjoni, il-qrati Slovakki jistgħu, f’każ ta’ bżonn, jeżiġu li n-NBS jipproduċi dawn id-dokumenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, jitolbu lill-EIOPA u lill-Kummissjoni jikkomunikawlhom dawn id-dokumenti. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE jimponi, bħala prinċipju, fuq l-istituzzjonijiet, fuq l-organi u fuq il-korpi tal-Unjoni l-obbligu li jikkomunikaw l-informazzjoni mitluba minn qorti nazzjonali fl-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Sussegwentement, fir-rigward tat-tul u tal-allegata natura mhux sospensiva tal-proċedura quddiem il-qrati Slovakki, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-allegazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ rikors sospensiv kontra deċiżjoni ma tikkostitwixxix neċessarjament ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall,C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 59). Barra minn hekk, kemm mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 4950 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet, fl-24 ta’ April 2024, li tiftaħ proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Repubblika Slovakka, minħabba li n-NBS naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ stħarriġ tiegħu fir-rigward tar-rikorrenti, ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollu l-għan jew l-effett li jċaħħad lil dan tal-aħħar minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-qrati Slovakki.

61

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, peress li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, l-att ikkontestat ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

62

Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-ewwel parti ta’ din l-eċċezzjoni għandha tintlaqa’ u r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-talbiet għal intervent

63

Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-intervent jitlef l-iskop tiegħu meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent imressqa mir-Repubblika Slovakka u mill-Kummissjoni.

Fuq l‑ispejjeż

64

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-EIOPA, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

65

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. F’dan il-każ, ir-rikorrenti, il-Kunsill, l-EIOPA, ir-Repubblika Slovakka u l-Kummissjoni għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Slovakka u tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa a.s. hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

 

4)

Novis Insurance Company, Novis Versicherungsgesellschaft, Novis Compagnia di Assicurazioni, Novis Poisťovňa, l-EIOPA, ir-Repubblika Slovakka u l-Kummissjoni għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom stess relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Mejju 2025.

Ir-Reġistratur

V. Di Bucci

Il-President

Kowalik-Bańczyk


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top