Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CO0030

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Settembru 2021.
    Nemzeti Útdíjfizetési Szolgáltató Zrt., Nationale Mauterhebung geschlossene Dienstleistungs AG vs NW.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Lennestadt.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Proċedura intiża għall-irkupru ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ.
    Kawża C-30/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:753

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    21 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Proċedura intiża għall-irkupru ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ”

    Fil-Kawża C‑30/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Lennestadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Lennestadt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

    Nemzeti Útdíjfizetési Szolgáltató Zrt.,

    vs

    NW,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatriċi) u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Nemzeti Útdíjfizetési Szolgáltató Zrt., minn M. Tändler, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u I. Zaloguin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nemzeti Útdíjfizetési Szolgáltató Zrt., kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ungeriż li għandha s-sede tagħha f’Budapest (l-Ungerija), u NW, residenti fil-Ġermanja, dwar talba għall-irkupru ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 10 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

    “(10)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew […]

    […]

    (15)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).”

    5

    L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    Id-dritt Ungeriż

    6

    Il-Liġi Nru I tal‑1988 dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq”) tipprevedi, fl-Artikolu 33/A(1) tagħha, li l-użu ta’ ċerti toroq huwa suġġett għall-ħlas ta’ tariffa għall-użu. Fil-każ tan-nuqqas ta’ ħlas tagħha, tariffa addizzjonali hija meħtieġa.

    7

    Din il-liġi tawtorizza lill-ministru kompetenti sabiex jissuġġetta, permezz ta’ digriet, l-użu ta’ ċerti toroq għal pedaġġ u sabiex jiffissa l-ammont tat-tariffi għall-użu u tat-tariffi addizzjonali li d-detentur irreġistrat ta’ vettura huwa responsabbli għall-ħlas tagħhom.

    8

    Il-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq tikkostitwixxi l-bażi legali tad-Digriet tal-Ministru tal-Ekonomija u tat-Trasport Nru 36/2007 dwar it-Tariffa għall-Użu tal-Awtostradi, tat-Toroq Espressi u tat-Toroq Prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 36/2007”).

    9

    Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 36/2007, l-użu tat-toroq suġġetti għal pedaġġ isir “fil-kuntest ta’ relazzjoni rregolata mid-dritt privat”.

    10

    L-ammont tat-tariffa għall-użu huwa stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet. Skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, l-ammont ta’ din it-tariffa, għal ġimgħa u għal vettura tal-kategorija D1, jammonta għal 2975 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 10).

    11

    Skont l-Artikolu 7/A(1) tal-imsemmi digriet, it-tariffa addizzjonali hija dovuta jekk jiġi kkonstatat li vettura ma għandhiex permess ta’ pedaġġ validu. Il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li din it-tariffa għandha tinġabar minn Nemzeti Útdíjfizetési Szolgáltató.

    12

    L-ammont tat-tariffa addizzjonali huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7/A(10) u tal-punt 1 tal-Anness 1 tad-Digriet Nru 36/2007. Fil-każ ta’ ħlas fi żmien 60 jum wara r-riċezzjoni tal-ordni għall-ħlas, l-ammont ta’ din it-tariffa huwa stabbilit għal HUF 14875 (madwar EUR 50). Fl-assenza ta’ ħlas fi żmien 60 jum wara r-riċezzjoni ta’ din l-ordni, l-ammont tal-imsemmija tariffa jiżdied għal HUF 59500 (madwar EUR 190).

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabbdet lil Ungarische Autobahn Inkasso GmbH (iktar ’il quddiem “UAI”), li s-sede tagħha tinsab f’Eggenfelden (il-Ġermanja), sabiex tidentifika l-vetturi u d-detenturi tagħhom, irreġistrati fil-Ġermanja, li huma kkonċernati mit-tariffa addizzjonali, kif ukoll sabiex tiġbor ta’ din tal-aħħar.

    14

    Wara li tidentifika d-detentur tal-vettura kkonċernata bl-għajnuna tal-pjanċa ta’ reġistrazzjoni ta’ din il-vettura, UAI titolbu, permezz tal-ewwel ittra ta’ intimazzjoni, it-tariffa addizzjonali, ta’ HUF 14875, flimkien mal-ispejjeż ta’ rkupru. Fl-assenza ta’ ħlas wara din l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni, l-ammont tat-tariffa addizzjonali ssir HUF 59500.

    15

    NW huwa detentur ta’ vettura rreġistrata fil-Ġermanja. Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, huwa għamel vjaġġ qasir b’din il-vettura fuq triq suġġetta għal pedaġġ fl-Ungerija, qabel ma xtara l-permess ta’ pedaġġ meħtieġ.

    16

    Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑10 ta’ Marzu 2020, UAI talbet lil NW iħallas it-tariffa addizzjonali, flimkien mal-ispejjeż ta’ rkupru. Fl-assenza ta’ reazzjoni min-naħa ta’ NW, fit‑13 ta’ Mejju 2020, intbagħatlu t-tieni ittra għall-irkupru tat-tariffa addizzjonali miżjuda, flimkien ma’ spejjeż għat-trattament tal-fajl, spejjeż ta’ identifikazzjoni tad-detentur tal-vettura, ammont fiss ta’ spejjeż u t-taxxa fuq il-valur miżjud.

    17

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti b’hekk titlob lil NW iħallas somma totali ta’ EUR 260.76. Hija tqis li t-tilwima hija bbażata fuq relazzjoni ġuridika kuntrattwali rregolata mid-dritt privat u tippreċiża li hija għandha tissuġġetta ruħha għar-regoli tad-dritt komuni sabiex tirkupra d-dejn tagħha.

    18

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex isir magħruf jekk proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt dan il-kunċett.

    19

    Skont dik il-qorti, peress li l-utent ta’ triq suġġetta għal pedaġġ ma kienx xtara permess ta’ pedaġġ, it-tariffa addizzjonali għandha titqies li tikkostitwixxi sanzjoni imposta unilateralment skont regola tad-dritt pubbliku u ma hijiex limitata għal sempliċi korrispettiv għal servizz ipprovdut, fis-sens tal-punt 36 tas-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193. L-istabbiliment u l-ġbir ta’ din it-tariffa li, skont l-imsemmija qorti, għandha natura kriminali għandhom, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala atti ta’ awtorità pubblika u, konsegwentement, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1215/2012.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Lennestadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Lennestadt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 1(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ġudizzjarja mibdija minn kumpannija statali kontra persuna fiżika ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ ġbir ta’ imposta ta’ natura kriminali minħabba l-użu mhux awtorizzat ta’ triq suġġetta għal pedaġġ, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?”

    Fuq id-domanda preliminari

    21

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    22

    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru permezz ta’ rimedju ġudizzjarju ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ, mibdija minn kumpannija b’mandat skont il-liġi, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    24

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament għall-Istati Membri u għall-persuni kkonċernati, dan il-kunċett ma għandux jiġi interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ Stat Membru. L-imsemmi kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana, C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u konsegwentement fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u s-suġġett tagħha jew, alternattivament, li jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Movic et, C‑73/19, EU:C:2020:568, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Għalhekk, għalkemm ċertu tilwim bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-azzjoni ġudizzjarja tirrigwarda atti mwettqa iure gestionis, dan ma jkunx il-każ meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, minħabba l-eżerċizzju minn din ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, jeskludi tali tilwima mill-“materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Barra minn hekk, l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala mwettqa iure imperii, sa fejn dawn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tirrigwarda l-irkupru ta’ dejn li jikkorrispondi għal tariffa addizzjonali għall-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ. Fil-fatt, wara n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu ta’ tali triq, żidiet fl-ammont inizjali jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-somma mitluba f’dan il-każ tikkorrispondi għal din it-tariffa addizzjonali flimkien ma’ spejjeż oħra, marbuta mal-proċedura ta’ identifikazzjoni tad-detentur tal-vettura u ta’ rkupru. Din l-azzjoni, mibdija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tirrigwarda relazzjoni rregolata mid-dritt privat fis-sens tad-Digriet Nru 36/2007.

    30

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kemm l-ammont tat-tariffa għall-użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll dak tat-tariffa addizzjonali huma previsti minn dak id-digriet, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-adegwatezza tal-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, għalkemm it-tariffa addizzjonali twassal għal żieda sinjifikattiva tas-somma inizjalment dovuta, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li din tikkostitwixxi sanzjoni għal ksur ta’ xi regolament tat-traffiku. Fil-fatt, kif tippreċiża l-imsemmija rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu u t-tariffa addizzjonali huwa differenti mis-setgħa tal-awtorità kompetenti li timponi multa li l-ammont tagħha jista’ jvarja minn HUF 10000 sa HUF 300000 (madwar EUR 25 sa EUR 830), abbażi tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar iċ-Ċirkulazzjoni fit-Triq, meta l-proprjetarju tal-vettura ma josservax l-obbligu tiegħu li jħallas it-tariffi tat-toroq.

    31

    Fir-rigward tal-bażi u tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-irkupru tat-tariffa addizzjonali huwa mitlub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont ir-regoli tad-dritt komuni, fil-kuntest tal-proċedura mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju.

    32

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, proċedura taqa’ taħt “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jekk ir-rikorrent ma jagħtix titolu eżekuttiv lilu nnifsu, b’deroga mir-regoli tad-dritt komuni, iżda jkun sempliċement awtorizzat, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jirkupra t-tariffi addizzjonali, flimkien mal-ispejjeż marbuta ma’ dan l-irkupru u li jibda proċedura ġudizzjarja għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 39; tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 37, kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 71).

    33

    Minn dan isegwi li la r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet f’azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas il-bażi u l-modalitajiet ta’ tali azzjoni ma jistgħu jitqiesu li jiżvelaw l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li azzjoni ta’ dan it-tip għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, u tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru permezz ta’ rimedju ġudizzjarju ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ, mibdija minn kumpannija b’mandat skont il-liġi, li tikklassifika r-relazzjoni mnissla mill-imsemmi użu bħala rregolata mid-dritt privat, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni ta’ rkupru permezz ta’ rimedju ġudizzjarju ta’ tariffa marbuta mal-użu ta’ triq suġġetta għal pedaġġ, mibdija minn kumpannija b’mandat skont il-liġi, li tikklassifika r-relazzjoni mnissla mill-imsemmi użu bħala rregolata mid-dritt privat, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top