Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0487

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
    F.F. vs Österreichische Datenschutzbehörde.
    Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data għall-ipproċessar tad-data personali – Artikolu 15(3) – Fornitura ta’ kopja tad-data – Kunċett ta’ ‘kopja’ – Kunċett ta’ ‘informazzjoni’.
    Kawża C-487/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1000

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑487/21

    F.F.

    bl-intervent ta’:

    Österreichische Datenschutzbehörde,

    CRIF GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 15(3) – Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data għall-ipproċessar tad-dati personali – Dritt li tirċievi kopja tad-data personali – Kunċett ta’ ‘kopja’ – Kunċett ta’ ‘informazzjoni’”

    1.

    X’inhu l-kontenut u l-portata tad-dritt mogħtija lis-suġġett tad-data li jikseb aċċess għad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata biex jirċievi kopja ta’ dik id-data, kif previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 2 ) (iktar ’il quddiem imsejjaħ: “RĠPD”). X’inhi t-tifsira tat-terminu “kopja” u kif inhu strutturat dan id-dritt li jirċievi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata bid-dritt ta’ aċċess kif previst fl-Artikolu 15(1)?

    2.

    Dawn huma, essenzjalment, id-domandi prinċipali li jqumu f’dawn il-konklużjonijiet, li jirrigwardaw talba għal rinviju preliminari mressqa mill-Bunsdesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD.

    3.

    Dan ir-rinviju jifforma parti minn tilwima bejn F.F. u l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, tal-Awstrija) dwar il-legalità ta’ ċaħda minnha għat-talba ta’ F.F. li jitlob lill-aġenzija ta’ konsulenza kummerċjali li pproċessat id-data personali tiegħu biex tipprovdi dokumenti u estratti minn database li jkun fiha tali data personali.

    4.

    Din il-kawża ser tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta għall-ewwel darba d-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD u biex tipprovdi kjarifika dwar kif għandu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess għad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata kif previst fl-Artikolu 15 tar-RĠPD.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    5.

    Il-premessa 63 tar-RĠPD tistabbilixxi:

    “Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. Dan jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qiegħdin jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut. Kull suġġett tad-data għandu għalhekk ikollu d-dritt li jkun jaf u jikseb komunikazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata d-data personali, fejn possibbli il-perijodu li għalih id-data personali tiġi pproċessata, ir-riċevituri tad-data personali, il-loġika involuta fi kwalunkwe pproċessar awtomatiku tad-data personali u, għallinqas meta bbażata fuq it-tfassil ta’ profili, il-konsegwenzi ta’ dan l-ipproċessar. Fejn possibbli, il-kontrollur għandu jkun jista’ jipprovdi aċċess mill-bogħod għal sistema sikura li tipprovdi lis-suġġett tad-data b’aċċess dirett għad-data personali tiegħu. Dak id-dritt ma għandux jaffettwa negattivament id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ persuni oħrajn, inklużi sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b’mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software. Madankollu, ir-riżultat ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet m’għandux ikun rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni (...)”

    6.

    L-Artikolu 4(1) u (2) tar-RĠPD jipprovdi

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1)

    data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

    2)

    ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda.”

    7.

    L-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitaijiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jipprevedi:

    “Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b’mezzi oħra.”

    8.

    L-Artikolu 15 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprovdi:

    “1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-finijiet tal-ipproċessar;

    (b)

    il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;

    (c)

    ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    (d)

    fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

    (e)

    l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

    (f)

    id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

    (g)

    fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

    (h)

    l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

    […]

    3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b’mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni.

    4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fl-Artikolu 15(3) ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

    II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9.

    CRIF GmbH hija aġenzija ta’ konsulenza kummerċjali li tipprovdi informazzjoni dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ terzi fuq talba tal-klijenti tagħha. Għal dan il-għan, hija pproċessat id-data personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.

    10.

    Fl‑20 ta’ Diċembru 2018, dan tal-aħħar avviċina lil din l-aġenzija sabiex jikseb, fost oħrajn, informazzjoni dwar id-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata, skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, fejn talab b’mod partikolari, li jikseb kopja ta’ din id-data f’format tekniku tas-soltu.

    11.

    Wara din it-talba, l-aġenzija pprovdiet parti mill-informazzjoni mitluba f’forma aggregata, li rriproduċiet id-data personali maħżuna tar-rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju, min-naħa f’tabella mqassma skont l-isem, id-data tat-twelid, it-triq, il-kodiċi postali u l-post u, min-naħa l-oħra, f’dikjarazzjoni sommarja dwar il-funzjonijiet korporattivi u s-setgħat ta’ rappreżentanza. L-ebda dokument ieħor bħal posta elettronika jew estratti tad-database ma ġie trażmess.

    12.

    Fis‑16 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrent qabel il-qorti tar-rinviju ressaq ilment quddiem Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data) li fih huwa sostna li r-risposta għat-talba tiegħu ma kinitx kompluta u, b’mod partikolari, li l-kontrollur kellu jibgħatlu kopja tad-dokumenti kollha, inklużi l-posta elettronika u estratti minn databases li jinkludu d-data personali tiegħu.

    13.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2019, din l-awtorità ċaħdet l-ilment, billi qieset li l-kontrollur ma kien wettaq l-ebda ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali tar-rikorrent.

    14.

    Il-qorti tar-rinviju, adita b’appell minn din id-deċiżjoni, għandha dubji dwar il-portata tad-dritt tas-suġġett tad-data li jirċievi kopja tad-data personali li qiegħda tiġi proċessata iggarantit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD.

    15.

    Din il-qorti għandha tiddeċiedi jekk it-trażmissjoni tad-data personali tar-rikorrent fil-forma ta’ tabella u ta’ dikjarazzjoni sommarja li tinsab fir-risposta tal-aġenzija għat-talba għal aċċess kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jew jekk, skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent għandux d-dritt li jikseb kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata mhux b’mod dekontestwalizzat, iżda fil-forma ta’ kopji jew estratti ta’ kwalunkwe korrispondenza jew kontenut ta’ databases jew dokumentazzjoni simili.

    16.

    F’dan il-kuntest, din il-qorti titlob, fl-ewwel lok, kjarifika dwar it-tifsira preċiża tal-kunċett ta’ “kopja” tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD.

    17.

    Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jikkostitwixxix speċifikazzjoni tad-dritt ġenerali ta’ aċċess imsemmi f’paragrafu 1 tal-istess artikolu li jistabbilixxi l-mod li bih is-suġġett tad-data għandu jikseb aċċess għad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata, jew jekk din id-dispożizzjoni, li tmur lil hinn minn dan id-dritt ta’ aċċess imsemmi f’paragrafu 1, jipprovdi għal dritt awtonomu li jinkisbu fotokopji, facsimiles, printouts jew estratti elettroniċi ta’ databases jew kopji ta’ dokumentazzjoni u fajls fl-intier tagħhom, li fihom id-data personali tas-suġġett tad-data.

    18.

    Fit-tielet lok, meta l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD tiġi interpretata b’mod strett, fis-sens li l-kunċett ta’ “kopja” ma jippreżupponix l-eżistenza ta’ dritt għat-trażmissjoni ta’ fotokopji, dokumenti jew estratti minn databases, il-qorti tistaqsi jekk, madankollu, fid-dawl tat-tipi differenti possibbli ta’ data li jistgħu jiġu pproċessati u l-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, ma huwiex possibbli li, f’ċerti każijiet, skont it-tip ta’ data pproċessata, jista’ jkun hemm obbligu min-naħa ta’ kontrollur tad-data li jipprovdi partijiet mit-test jew kopji tad-dokumenti.

    19.

    Fir-raba’ lok, u fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “informazzjoni”, li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, tikkonċerna biss “data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni jew tmur lil hinn minn hekk, u tinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD jew tmur anki iktar lil hinn minn hekk u tkopri wkoll, pereżempju, metadata relatata mad-data.

    20.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Jekk il-kunċett ta’ ‘kopja’ imsemmi fl-Artikolu 15(3) [tar-RĠPD] għandux jiġi interpretat fis-sens ta’ fotokopja jew faks jew kopja elettronika ta’ data (elettronika), jew jekk dan il-kunċett, skont it-tifsira pprovduta mill-vokabularji Ġermaniżi, Franċiżi u Ingliżi, ikopri wkoll ‘Abschrift’, ‘double’ (‘duplicata’) jew ‘trascript’?

    2)

    Jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) [tar-RĠPD], li tipprovdi li ‘Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi dritt tas-suġġett tad-data li jikseb kopja – inkluż – tad-dokumenti kollha li fihom tiġi pproċessata d-data personali tiegħu jew kopja ta’ estratt minn database jekk id-data personali tkun ġiet proċessata jew, fis-sens li hija tipprovdi – biss – dritt tas-suġġett tad-data għar-riproduzzjoni fidila tal-oriġinal ta’ data personali li għaliha għandu jingħata aċċess skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD.

    3)

    Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li jeżisti biss dritt tas-suġġett tad-data għar-riproduzzjoni fidila tad-data personali oriġinali li għaliha għandu jingħata aċċess skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont it-tip ta’ data pproċessata (pereżempju, fir-rigward tad-dijanjosi, ir-riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet imsemmija fil-premessa 63 tar-RĠPD jew saħansitra anki dokumenti relatati ma’ eżami a bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fil-kawża Nowak ( 3 ))) u l-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, jista’ madankollu jkun meħtieġ ukoll li jiġi pprovdut partijiet minn test jew dokumenti sħaħ lis-suġġett tad-data.

    4)

    Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, skont it-tielet sentenza fl-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lis-suġġett tad-data, meta s-suġġett tad-data jippreżenta t-talba b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss id-‘data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’ msemmija fl-ewwel sentenza.

    a.

    Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda tkun fin-negattiv: il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lis-suġġett tad-data, meta dan tal-aħħar jagħmel talba b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi anki l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h).

    b.

    Jekk ir-risposta għar-raba’ d-domanda, sub-inċiż (a) tkun fin-negattiv: Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ li, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, ‘għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni’ lis-suġġett tad-data, meta dan tal-aħħar jissottometti t-talba b’mezzi elettroniċi, ‘sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data’ għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi, minbarra d-‘data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h), pereżempju, il-metadata relatata.”

    III. Analiżi ġuridika

    A.   Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari

    21.

    Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari, li fil-fehma tiegħi għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi intiżi sabiex jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, tistipula li “Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”.

    22.

    L-ewwel domanda hija intiża sabiex tiddetermina t-tifsira eżatta tal-kunċett ta’ “kopia” f’din id-dispożizzjoni. It-tieni domanda hija intiża sabiex tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt mogħti lis-suġġett tad-data minn din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni tagħtix id-dritt li tinkiseb kopja wkoll tad-dokumenti – jew ta’ estratti minn databases – li fihom tiġi pproċessata d-data personali jew jekk tagħtix biss id-dritt li tirċievi riproduzzjoni fidila tad-data personali oriġinali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. F’dan l-aħħar każ, it-tielet domanda hija intiża sabiex jiġi vverifikat jekk, skont it-tip ta’ data pproċessata u skont il-prinċipju ta’ trasparenza, jistax madankollu jkun neċessarju, fi kwalunkwe każ, li jiġu pprovduti wkoll partijiet minn test jew dokumenti sħaħ.

    23.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD hija kwistjoni kontroversjali kemm fil-letteratura legali kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, tal-inqas fl-Awstrija u fil-Ġermanja ( 4 ). F’dan ir-rigward, jirriżulta minn din id-deċiżjoni li żewġ teoriji ma jaqblux: min-naħa, kunċett restrittiv tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li jgħid li hija sempliċement tispeċifika r-regoli dettaljati li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess u ma timplika l-ebda dritt awtonomu li jinkisbu dokumenti jew affarijiet simili, u, min-naħa l-oħra, perspettiva wiesgħa li din id-dispożizzjoni tagħti dritt li wieħed jirċievi kopja tad-dokumenti jew ta’ mezzi oħra li fuqhom tiġi proċessata d-data personali. F’din l-aħħar perspettiva, id-dritt li jinkisbu kopji ta’ dokumenti jikkostitwixxi dritt awtonomu mid-dritt ta’ aċċess garantit fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD. In-natura kontroversjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ukoll opinjonijiet differenti f’dan ir-rigward ( 5 ).

    24.

    F’dan il-kuntest, sabiex tkun tista’ tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm bżonn li tiġi interpretata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD.

    25.

    F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li hija ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-tenur litterali ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 6 ).

    26.

    Barra minn hekk, peress li d-dispożizzjonijiet tar-RĠPD jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li jistgħu jippreġudikaw il-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, dawn għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 7 ).

    1. Analiżi litterali

    27.

    L-ewwel, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandu jiġi rrilevat li jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”. Mil-lat litterali, din il-formulazzjoni tirreferi għal tliet kunċetti distinti, jiġifieri: il-kunċett ta’ “kopja”, dak ta’ “data personali” u dak ta’ “għan ta’ pproċessar”.

    28.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward, tal-kunċett ta’ “kopja”, li l-portata tiegħu huwa speċifikament is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif osservaw diversi persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-RĠPD ma fih l-ebda definizzjoni speċifika ta’ dan il-kunċett.

    29.

    F’dan il-kuntest, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tifsira u l-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni, għandhom jiġu ddeterminati skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 8 ).

    30.

    Mil-lat purament terminoloġiku, fil-lingwaġġ ta’ kuljum it-terminu “kopja” jfisser ir-riproduzzjoni jew it-traskrizzjoni fidila ta’ oriġinal ( 9 ). Barra minn hekk, analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-RĠPD turi li fil-biċċa l-kbira tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni jintuża t-terminu li jikkorrispondi għat-terminu Taljan “copia”, bħal per eżempju, “copy” bl-Ingliż, “Kopie” bil-Ġermaniż, “copie” bil-Franċiż jew “copia” bl-Ispanjol ( 10 ).

    31.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni tesprimi li l-kopja li l-kontrollur huwa meħtieġ jipprovdi lis-suġġett tad-data hija kopja tad-“data personali” li qiegħda tiġi pproċessata.

    32.

    F’dan ir-rigward, u fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għat-terminu “kopja”, ir-RĠPD jinkludi definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ “data personali” fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li tikkostitwixxi data personali “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”.

    33.

    Il-portata tal-kunċett ta’ “data personali” li jirriżulta minn din id-definizzjoni huwa wiesa’ ħafna. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-espressjoni “kwalunkwe informazzjoni” f’din id-definizzjoni jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti tifsira wiesgħa lil dan il-kunċett ( 11 ).

    34.

    Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ data personali ma huwiex limitat għal informazzjoni sensittiva jew privata, iżda potenzjalment ikopri kull tip ta’ informazzjoni, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, fil-forma ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, sakemm din tkun “tikkonċerna” s-suġġett tad-data. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, hija sodisfatta fejn, minħabba l-kontenut, l-għan jew l-effett tagħha, l-informazzjoni tkun marbuta ma’ persuna partikolari ( 12 ).

    35.

    Barra minn hekk, huwa meħtieġ fehim wiesa’ tal-kunċett ta’ “data personali” fid-dawl tal-varjetà ta’ tipi u forom li l-informazzjoni dwar persuna tista’ tieħu u li tista’ timmerita protezzjoni, u fid-dawl tal-varjetà ta’ mezzi li fihom tista’ tiġi inkluża dik l-informazzjoni.

    36.

    L-analiżi tal-ġurisprudenza turi li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat varjetà ta’ tipi ta’ informazzjoni relatati ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD. Minbarra dak li l-Kummissjoni ddefiniet fl-osservazzjonijiet tagħha bħala “data tas-soltu”, jiġifieri dettalji ta’ persuni bħal ismijiet u kunjomijiet ( 13 ), dati tat-twelid, nazzjonalità, sess, etniċità, reliġjon u l-lingwa mitkellma minn persuna identifikabbli b’isimha ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat tipi oħra ta’ informazzjoni bħal pereżempju, informazzjoni dwar vettura bil-mutur offruta għall-bejgħ, kif ukoll in-numru tat-telefon tal-bejjiegħ ta’ dik il-vettura bil-mutur ( 15 ), jew data li tinsab f’reġistru tal-ħin tax-xogħol relatat, għal kull ħaddiem, ma’ perjodi ta’ xogħol ta’ kuljum u perjodi ta’ mistrieħ ( 16 ), l-immaġni ta’ persuna rreġistrata minn telekamera sa fejn tagħmilha possibbli li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata ( 17 ), it-tweġibiet bil-miktub mogħtija minn kandidat għal eżami professjonali u l-annotazzjonijiet relattivi tal-eżaminatur ( 18 ) jew ukoll l-informazzjoni dwar punti ta’ penalità, li jirreferu għal persuna fiżika individwali ( 19 ).

    37.

    It-tifsira wiesa’ tal-kunċett ta’ data personali, li tirriżulta mid-definizzjoni fl-Artikolu 4(1) tar-RĠPD, rikonoxxuta mill-ġurisprudenza u marbuta mal-għan imfittex mir-RĠPD li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ( 20 ), ifisser li dan il-kunċett, u għalhekk id-dritt ta’ aċċess għal u li jirċievi kopja ta’ dik id-data, ma tkunx limitata esklussivament għal data li tista’ tinkiseb, tinħażen u tiġi pproċessata minn kontrollur tad-data, iżda trid tinkludi wkoll kwalunkwe data addizzjonali ġġenerata minn dak is-suġġett bħala riżultat tal-ipproċessar, jekk tiġi pproċessata wkoll.

    38.

    Għalhekk, jekk bħala riżultat tal-ipproċessar ta’ serje ta’ data personali, tiġi ġġenerata informazzjoni ġdida li tirriżulta minn dak l-ipproċessar li jikkonċerna persuna identifikata jew identifikabbli u li tikkwalifika bħala data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD, id-dritt ta’ aċċess għal u kopja tad-data personali, previst fl-Artikolu 15(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandhom, fil-fehma tiegħi, jinkludu wkoll dik id-data ġġenerata, meta din id-data tkun ipproċessata hija stess. Tabilħaqq, id-dritt ta’ aċċess għad-data u li tirċievi kopja jinkludi d-data personali kollha tas-suġġett tad-data li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

    39.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti f’każ bħal dak pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju fejn, abbażi ta’ data miġbura minn diversi sorsi, l-aġenzija ta’ konsulenza kummerċjali tidher li fasslet rakkomandazzjoni fir-rigward tas-solvenza u r-rieda li tħallas tal-persuna kkonċernata, skont il-probabbiltà statistika relatata ma’ numru ta’ parametri. Tali rakkomandazzjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, informazzjoni relatata ma’ persuna identifikata li għalhekk taqa’ taħt it-tifsira wiesgħa ta’ “data personali” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD u għalhekk, ukoll, fl-ambitu tad-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-Artikolu 15(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD ( 21 ).

    40.

    Fit-tielet lok, għar-rigward tal-kliem “qiegħda tiġi proċessata” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “ipproċessar” huwa wkoll definit espressament fl-Artikolu 4(2) tar-RĠPD.

    41.

    Skont din id-dispożizzjoni, il-ġbir, il-konsultazzjoni, il-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni u kull forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali jikkostitwixxu “ipproċessar” fis-sens ta’ dan ir-regolament. Skont il-ġurisprudenza, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjoni “kwalunkwe attività”, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu wkoll l-intenzjoni li jagħti portata wiesa’ lill-kunċett ta’ “ipproċessar”. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata min-natura mhux eżawrjenti, espressa bil-kelma “bħalma”, tat-tranżazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni ( 22 ).

    42.

    F’dan il-kuntest, mill-portata wiesa’ tal-kunċett ta’ pproċessar jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb kopja tad-data personali tiegħu li hija l-oġġett ta’ kwalunkwe operazzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala “ipproċessar”. Madankollu, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punt 52 infra, din id-dispożizzjoni ma tagħtix bħala tali, id-dritt li tinkiseb informazzjoni speċifika dwar l-ipproċessar ta’ data personali nnifisha, minbarra dik prevista fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD.

    43.

    Bħala konklużjoni, mill-analiżi litterali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb kopja tad-data personali tiegħu, mifhuma f’sens wiesa’, li huma suġġetti għal operazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala pproċessar mis-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

    44.

    Din l-analiżi litterali tippermetti li jiġi enfasizzat li l-“kopja tad-data personali” għandha tkun riproduzzjoni fidila tagħhom. Madankollu, il-varjetà ta’ tipi ta’ data li jistgħu jiġu pproċessati, tfisser li, skont it-tip ta’ data pproċessata u t-tip ta’ pproċessar, kopja ta’ tali data jista’ jkollha formati differenti bħal format stampat, reġistrazzjoni awdjo jew vidjo, format elettroniku jew formati oħra. L-importanti huwa li l-kopja ta’ tali data tkun fidila u tippermetti lis-suġġett tad-data li jkollu għarfien sħiħ tad-data kollha li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Kwalunkwe kumpilazzjoni tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata għandha tirriproduċi fedelment u b’mod li jinftiehem tali data u bl-ebda mod m’għandha tinfluwenza l-kontenut tad-data li għandha tiġi pprovduta. L-għażla mill-kontrollur tad-data li jipprovdi, fejn possibbli, kumpilazzjoni tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata ma tistax għalhekk tiġġustifika li xi data titħalla barra jew tiġi pprovduta b’mod mhux komplet jew ma tirriflettix ir-realtà tal-ipproċessar.

    45.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni tiggarantixxi lis-suġġett tad-data d-dritt li jirċievi kopja tad-data personali kollha tiegħu suġġetta għall-ipproċessar u għalhekk mhux biss tad-data miksuba, iżda wkoll ta’ kwalunkwe data personali ġġenerata mill-kontrollur tad-data li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Madankollu, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi esklużivament għall-ikkupjar ta’ data personali, min-naħa, ma tistax tkun il-bażi ta’ dritt ta’ aċċess għal informazzjoni li ma tistax tiġi kklassifikata bħala tali, u, min-naħa l-oħra, ma tagħtix – neċessarjament – dritt li tirċievi kopji ta’ dokumenti jew mezzi oħra li jkun fihom data personali.

    46.

    Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu integrati ma’ analiżi tal-kuntest li minnu tagħmel parti din id-dispożizzjoni u mill-għanijiet imfittxija mid-dritt ta’ aċċess iggarantit mill-Artikolu 15 tar-RĠPD.

    2. Analiżi kuntestwali u teleoloġika

    47.

    Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li huwa inkluż fl-Artikolu 15 tar-RĠPD, li jirregola d-dritt tas-suġġett tad-data, fil-konfront tal-kontrollur, li jkollu aċċess għal data personali li tikkonċernah u li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan l-artikolu jikkonkretizza u jispeċifika fir-RĠPD id-dritt ta’ kull individwu li jkollu aċċess għal data li tikkonċernah, sanzjonata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 23 ).

    48.

    Fir-rigward tal-istruttura tal-Artikolu 15 tar-RĠPD, l-il-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma li d-data personali tiegħu tkun qiegħda tiġi pproċessata u, jekk iva, li jikseb aċċess għal tali data u għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h). Din id-dispożizzjoni għalhekk tikkonkretizza d-dritt ta’ aċċess għal data personali u għall-informazzjoni relatata, tiddefinixxi s-suġġett preċiż tad-dritt ta’ aċċess u l-ambitu ta’ applikazzjoni.

    49.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jispeċifika l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, filwaqt li jispeċifika b’mod partikolari l-forma li fiha d-data personali għandha tiġi pprovduta mill-kontrollur lis-suġġett tad-data, jiġifieri fil-forma ta’ kopja u, għalhekk, riproduzzjoni fidila tad-data.

    50.

    Jirriżulta mill-istruttura delinjata fl-Artikolu 15 tar-RĠPD u mir-rekwiżit li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) u (3) għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti, li l-Artikolu 15(3) ma jiddefinixxix – u għalhekk ma jistax jemenda jew jestendi – is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess ikkonkretizzat fl-Artikolu 15(1). L-Artikolu 15(3) għalhekk ma jistax jestendi l-portata tal-obbligu li jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni mill-kontrollur. L-istruttura ta’ dan l-artikolu għalhekk tikkonferma li l-Artikolu 15(3) ma jistax jintuża bħala bażi għal kwalunkwe dritt awtonomu tas-suġġett tad-data li jikseb informazzjoni li tmur lil hinn minn dik imsemmija fl-Artikolu 15(1).

    51.

    F’dan ir-rigward, naqbel mal-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data meta ssostni li interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi estiż l-ambitu tal-informazzjoni li għaliha suġġett tad-data jkollu aċċess lil hinn minn dak relatat mad-data personali tiegħu, tmur kontra l-Artikolu 8(2) tal-Karta.

    52.

    L-analiżi preċedenti, min-naħa, tikkonferma l-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 44 iktar ’il fuq, li tgħid li d-dispożizzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD ma tagħtix dritt awtonomu li tirċievi kopji ta’ dokumenti jew mezzi oħra li fihom data personali. Min-naħa l-oħra, hija tikkonferma wkoll l-analiżi mwettqa fil-punt 42 iktar ’il fuq, li tipprovdi li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb informazzjoni, differenti minn dik prevista fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD ( 24 ), dwar l-ipproċessar ta’ data personali nnifisha, bħal, pereżempju, informazzjoni dwar il-kriterji, il-mudelli, ir-regoli jew il-proċeduri interni (kemm jekk ta’ kalkolu kif ukoll jekk le) użati għall-ipproċessar ta’ data personali. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ħafna drabi taqa’ taħt id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li għandhom jiġu protetti f’dan il-kuntest, kif indikat espressament fil-ħames sentenza tal-premessa 63. Barra minn hekk, jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 60 tar-RĠPD, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiżgura pproċessar ġust u trasparenti, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi u l-kuntest speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-regoli speċifiċi jeżistu fir-rigward tal-każijiet ta’ proċessi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili ( 25 ).

    53.

    Dejjem minn perspettiva kuntestwali, id-dispożizzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tar-RĠPD. Minbarra d-definizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-RĠPD analizzati fil-punti 32 sa 41 iktar ’il fuq, għandu jiġi notat b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha.

    54.

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kontrollur huwa obbligat jieħu miżuri xierqa sabiex jipprovdi lis-suġġett tad-data bl-informazzjoni kollha msemmija, inter alia, fl-Artikolu 15 tar-RĠPD, f’forma konċiża, trasparenti, faċli li tinftiehem u aċċessibbli faċilment, b’lingwaġġ sempliċi u ċar, u li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi, sakemm is-suġġett tad-data ma jitlobx li tiġi pprovduta oralment.

    55.

    L-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza ( 26 ), huwa li jiġi żgurat li s-suġġett tad-data jkun jista’ jifhem bis-sħiħ l-informazzjoni mibgħuta lilu. Il-fehma sħiħa ta’ din l-informazzjoni hija, min-naħa, neċessarja sabiex l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess iggarantiti mill-Artikolu 15 tar-RĠPD ikun effettiv u, min-naħa l-oħra, huwa prerekwiżit sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet l-oħra ggarantiti lis-suġġett tad-data mir-RĠPD, imsemmija fil-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess ( 27 ). Barra minn hekk, mill-premessa 63 tar-RĠPD jirriżulta li suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jeżerċita d-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu faċilment u mingħajr diffikultà.

    56.

    Barra minn hekk, in-neċessità li l-komunikazzjoni tad-data tkun tinftiehem sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jsir kompletament konxju ta’ din id-data u sabiex jiġi vverifikat li dawn ikunu preċiżi u pproċessati skont id-dritt tal-Unjoni sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu mogħtija mid-dritt tal-Unjoni kienet, barra minn hekk, diġà ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-Direttiva 95/46 ( 28 ).

    57.

    Ir-rekwiżit imsemmi hawn fuq dwar il-fehma tad-data u l-informazzjoni indikati fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD, ifisser li mhuwiex eskluż li f’ċerti każijiet, sabiex is-suġġett tad-data jiġi ggarantit il-komprensibbiltà sħiħa tal-informazzjoni mibgħuta lilu, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta din il-mogħdija ta’ dokumenti jew saħansitra dokumenti jew estratti sħaħ mid-databases. L-analiżi relattiva għall-ħtieġa li jiġu pprovduti dokumenti jew estratti sabiex tiġi żgurata l-fehma tal-informazzjoni mibgħuta għandha, madankollu, inevitabbilment titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ skont it-tip ta’ data soġġetta għat-talba u t-talba nnifisha.

    58.

    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi sottolinjat, li kull komunikazzjoni ta’ dokumenti jew estratti tagħhom ma tikkostitwixxix l-eżerċizzju ta’ dritt awtonomu – fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess – iggarantit mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, iżda biss metodu ta’ trażmissjoni ta’ kopja tad-data personali sabiex tiġi żgurata l-fehma sħiħa tagħhom. F’dan ir-rigward, nosserva li, ċertament, kif irrilevaw uħud mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li f’ċerti każijiet sabiex ikun hemm fehma sħiħa tad-data personali inkwistjoni, huwa neċessarju li jkun magħruf il-kuntest li fih tiġi pproċessata din id-data. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex tali li tagħti lis-suġġett tad-data fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni dritt ġenerali ta’ aċċess għal kopji ta’ dokumenti jew estratti minn databases.

    59.

    Barra minn hekk, id-dritt li tinkiseb kopja ta’ data personali huwa limitat mir-rekwiżit, previst espliċitament fl-Artikolu 15(4) tar-RĠPD, li ma “għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-suġġett tad-data jkollu aċċess sħiħ u komplet għad-data personali tiegħu billi jiġi provdut kopja tagħha ma tistax tippermetti li jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    60.

    F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 15(4) huwa fformulat b’mod ġenerali ħafna u jħalli miftuħa l-lista ta’ drittijiet u libertajiet “ta’ oħrajn” li jistgħu jibbilanċjaw l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess sħiħ billi tirċievi kopja tad-data personali. Madankollu, għandu jiġi ritenut li dawn id-drittijiet ċertament jinkludu, kif jirriżulta espressament fil-premessa 63 tar-RĠPD, “sigrieti tan-negozju jew proprjetà intellettwali u b’mod partikolari d-dritt tal-awtur li jipproteġi s-software”, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ta’ terzi, bħal fil-każ fejn mezz li jkun fih id-data personali tas-suġġett tad-data jkun fih ukoll data personali ta’ terzi.

    61.

    Fil-każ ta’ kunflitt bejn, min-naħa, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess sħiħ u komplet għad-data personali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ oħrajn, għandu jinstab bilanċ bejn id-drittijiet inkwistjoni. Fejn ikun possibbli, ikun meħtieġ li jintgħażlu metodi ta’ komunikazzjoni ta’ data personali li ma jiksrux id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ oħrajn, filwaqt li jitqies li, kif jirriżulta mill-premessa 63 tar-RĠPD, li madankollu, tali kunsiderazzjonijiet m’għandux “ikun rifjut li tiġi provduta l-informazzjoni kollha lis-suġġett tad-data”.

    62.

    Dejjem minn perspettiva kuntestwali, għandu jiġi osservat ukoll li interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD li skont din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt ġenerali ta’ aċċess għal kopji ta’ dokumenti jew estratti ta’ database, sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-fehma tad-data u tal-informazzjoni pprovduta, huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, b’mod partikolari dokumenti amministrattivi, huwa espressament irregolat minn atti oħra tal-Unjoni ( 29 ) jew nazzjonali li jsegwu objettivi differenti għajr dawk li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali ( 30 ).

    63.

    L-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD imsemmija fil-punt preċedenti hija mbagħad ikkonfermata minn analiżi tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tad-dritt ta’aċċess tas-suġġett tad-data ggarantit mill-Artikolu 15 tar-RĠPD.

    64.

    Kif jirriżulta mill-premessa 63 tar-RĠPD, u b’mod partikolari mill-ewwel sentenza tiegħu, id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu u informazzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD fl-ewwel lok, għandu bħala l-għan tiegħu, li jippermetti lis-suġġett tad-data jkun jaf bl-ipproċessar tad-data tiegħu u jivverifika l-legalità tiegħu ( 31 ).

    65.

    Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita numru ta’ drittijiet oħra mogħtija mir-RĠPD, inkluż id-dritt għal rettifika, id-dritt għall-kanċellazzjoni (“dritt li wieħed jintesa”) u d-dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar, mogħtija lilu mill-Artikoli 16, 17 u 18 tar-RĠPD ( 32 ), rispettivament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li d-dritt ta’ aċċess huwa meħtieġ ukoll biex is-suġġett tad-data jkun jista’ joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu msemmija fl-Artikolu 21 tar-RĠPD jew id-dritt li jieħu azzjoni legali fil-każ li jsofri dannu u li jikseb kumpens għad-danni, skont l-Artikoli 79 u 82 tar-RĠPD ( 33 ).

    66.

    Huwa fil-kuntest tal-għanijiet tad-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu u informazzjoni oħra li għandu jinftiehem ir-raġunament li fuqu hija bbażata r-regola li tagħti d-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali. Hija intiża li tipprevedi espliċitament il-forma li permezz tagħha l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt huwa ggarantit lis-suġġett tad-data sabiex ikun jista’ jivverifika l-korrettezza u l-legalità tal-ipproċessar għall-finijiet, jekk ikun il-każ, li jeżerċita d-drittijiet addizzjonali msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq. L-għan huwa li jiġi żgurat li d-data personali tiġi pprovduta lis-suġġett tad-data fl-aktar forma preċiża u komprensibbli possibbli biex tkun tista’ teżerċita dawn id-drittijiet, jiġifieri fil-forma ta’ kopja, għalhekk riproduzzjoni fidila tad-data nnifisha.

    67.

    Minn din il-perspettiva, il-ħruġ ta’ kopja tad-dokument li jkun fih tali data jew estratt minn database ma jidhirx, fi kwalunkwe każ, indispensabbli dejjem għall-kisba tal-għan imfittex mil-leġiżlatur.

    68.

    Huwa biss meta l-ħruġ ta’ tali kopja jirriżulta indispensabbli biex tiġi żgurata l-fehma sħiħa tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata li s-suġġett tad-data jista’, fil-limiti stabbiliti fil-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq, jikseb partijiet ta’ dokumenti jew, jekk ikun il-każ, dokumenti sħaħ jew estratti minn databases.

    69.

    F’dan il-kuntest, nirrimarka wkoll li, nipprevedi, kuntrarjament għar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 95/46, dritt veru u proprju li jikseb kopja tad-data, ir-RĠPD fittex li jsaħħaħ il-pożizzjoni tas-suġġett tad-data ( 34 ). Din hija differenza sinjifikattiva mil-leġiżlazzjoni preċedenti, li sempliċement kienet tipprevedi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva għas-sempliċi “komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata”, u b’hekk tħalli f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-forma materjali speċifika li għandha tittieħed mill-komunikazzjoni ta’ data personali, sakemm tkun tinftiehem ( 35 ). Permezz tal-impożizzjoni prevista lill-kontrollur fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li jipprovdi “kopja” tad-data, jiġi minflok determinat f’manjera imperattiva, il-forma li għandha tassumi din il-komunikazzjoni, f’kelma waħda l-forma tal-“kopja” tad-data.

    3. Konklużjoni dwar l-ewwel tliet domandi preliminari

    70.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li r-risposta għall-ewwel tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    il-kunċett ta’ “kopja” msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala “riproduzzjoni fidila f’forma li tinftiehem tad-data personali mitluba mis-suġġett tad-data, f’forma materjali u permanenti, li tippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu ta’ aċċess għad-data personali tiegħu b’għarfien sħiħ tad-data personali kollha tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata – inkluża kull data addizzjonali li tista’ tiġi ġġenerata minħabba l-ipproċessar, jekk ikunu qiegħdin jiġu pproċessati wkoll –, sabiex fl-aħħar ikunu jistgħu jivverifikaw il-preċiżjoni tagħhom u jippermettulhom jaċċertaw il-korrettezza u l-legalità tal-ipproċessar sabiex ikunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jeżerċitaw drittijiet addizzjonali attribwiti lilhom mir-RĠPD; il-forma eżatta tal-kopja hija ddeterminata miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, it-tip ta’ data personali li għaliha jintalab aċċess u l-ħtiġijiet tas-suġġett tad-data;

    din id-dispożizzjoni ma tagħtix lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja parzjali jew sħiħa tad-dokument li jkun fih id-data personali tiegħu jew, jekk id-data personali tiġi pproċessata f’database, estratt minn din id-database;

    madankollu, din id-dispożizzjoni ma teskludix li s-suġġett tad-data jkollu jiġi pprovdut b’partijiet ta’ dokumenti, jew dokumenti sħaħ jew estratti minn databases, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li d-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata u li fir-rigward tagħha jintalab aċċess tkun kompletament intelliġibbli.

    B.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

    71.

    Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ informazzjoni” fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirreferix biss għad-“data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan l-istess artikolu jew jekk, minbarra dawn, jinkludix ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) (ir-raba’ domanda subparagrafu (a)) jew informazzjoni oħra bħal, pereżempju, meta data relatata mad-data (ir-raba’ mistoqsija subparagrafu (b)).

    72.

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, il-kunċett ta’ “informazzjoni” fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat bl-użu tal-metodoloġija li tirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq.

    73.

    Minn din il-perspettiva, minn perspettiva litterali, it-terminu “informazzjoni” jidher ġenerali wisq sabiex jiġi ċċarat jekk dan jirreferix esklużivament għad-data personali msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jew jekk jinkludix tipi oħra ta’ informazzjoni.

    74.

    Madankollu, minn perspettiva kuntestwali, għandu jiġi osservat li fit-tielet sentenza fl-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, jidħol l-obbligu tal-kontrollur li jipprovdi, fuq talba tas-suġġett tad-data, “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”. L-istruttura tal-Artikolu 15(3) għalhekk twassal għall-konklużjoni li t-terminu “informazzjoni” jirreferi għall-informazzjoni li hija s-suġġett tat-talba li għandha tagħti sodisfazzjoni, fis-sens tal-ewwel sentenza ta’ dak l-artikolu u għalhekk għat-talba biex tingħata kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

    75.

    Din l-interpretazzjoni tidher ukoll li hija konformi mal-għan tal-Artikolu 15(3) innifsu, li, kif jirriżulta mill-punti 63 et seq u b’mod partikolari mill-punti 69 iktar ’il fuq, li jiġi ddeterminat il-forma li għandha tieħu l-komunikazzjoni tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, jiġifieri l-forma ta’ “kopja” tad-data. F’din il-perspettiva, it-tielet sentenza tal-istess artikolu hija intiża li tirregola l-każ speċifiku li fih it-talba biex tinkiseb kopja ta’ tali data ssir b’mezzi elettroniċi.

    76.

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll, fil-fehma tiegħi, li l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 12(1) tar-RĠPD imsemmi fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, li l-għan tiegħu huwa li jiżgura li s-suġġett tad-data jkun jista’ jifhem bis-sħiħ l-informazzjoni mibgħuta lilu, inter alia, skont l-Artikolu 15 tar-RĠPD, meħuda fl-intier tagħha, tirrikjedi li, meta talba għal aċċess imsemmija fl-Artikolu 15(1) tal-RGPD tiġi ppreżentata b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni msemmija fil-Artikolu 15(1)(a) sa (h) għandha tiġi pprovduta wkoll f’format elettroniku użat b’mod komuni li jippermetti li s-suġġett tad-data jsir kompletament familjari miegħu b’mod sħiħ, faċli u mingħajr diffikultà. Fil-każ li l-format elettroniku li jkun fih tali informazzjoni ma jkunx f’użu komuni, dan jista’ tabilħaqq jagħmel l-għarfien ta’ dik l-informazzjoni estremament diffiċli jew ta’ piż, bi ksur tal-obbligu ta’ trasparenza msemmi hawn fuq.

    77.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward speċifikament tad-domanda subparagrafu (b), jiġi dedott li t-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-RĠPD tirreferi għat-“talba” tas-suġġett tad-data li l-kunċett ta’ “informazzjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa preċiżament is-suġġett ta’ din it-talba, fi kliem ieħor, il-kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Minn dan isegwi li t-terminu informazzjoni użata fih jirreferi esklużivament għal tali data u ma jistax jinkludi informazzjoni differenti minn dawn u ċertament informazzjoni ulterjuri għajr l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD. Inkella, il-kamp ta’’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess jiġi estiż, li – kif diġà ġie indikat fil-punti 48 sa 51 iktar ’il fuq – ma għandu l-ebda bażi fir-RĠPD.

    78.

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju li l-kunċett ta’ “informazzjoni” fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi esklużivament għal “kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” msemmija wkoll fl-ewwel sentenza ta’ dan l-istess paragrafu.

    IV. Konklużjoni

    79.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bunsdesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kif ġej:

    “L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-kunċett ta’ ‘kopja’ msemmi f’dik id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala riproduzzjoni fidila f’forma li tinftiehem tad-data personali mitluba mis-suġġett tad-data, f’format materjalizzat u permanenti, li jippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu, li jkollu għarfien sħiħ tad-data personali kollha tiegħu jew tagħha li tkun qed tiġi pproċessata – inkluża kwalunkwe data addizzjonali ġġenerata bħala riżultat tal-ipproċessar, jekk ikunu qed jiġu pproċessati wkoll –, sabiex fl-aħħar ikunu jistgħu jivverifikaw il-preċiżjoni tagħhom u jippermettulhom jaċċertaw il-korrettezza u l-legalità tal-ipproċessar sabiex ikunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jeżerċitaw drittijiet addizzjonali attribwiti lilhom mir-RĠPD; il-forma eżatta tal-kopja tiġi ddeterminata skont l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont it-tip ta’ data personali li għaliha jintalab l-aċċess u l-ħtiġijiet tas-suġġett tad-data;

    din id-dispożizzjoni ma tagħtix lis-suġġett tad-data dritt ġenerali li jikseb kopja parzjali jew sħiħa tad-dokument li jkun fih id-data personali tiegħu jew, fil-każ li d-data personali tiġi pproċessata f’bażi ta’ database, estratt minn dik id-database;

    din id-dispożizzjoni ma tipprekludix, madankollu, li partijiet mid- dokumenti, jew dokumenti sħaħ jew estratti minn database, jistgħu jingħataw lis-suġġett tad-data f’każ li dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-fehma sħiħa tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u li għaliha jintalab l-aċċess.

    Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni’ fit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament 2016/679

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    jirreferi esklużivament għall-‘kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata’ msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dak il-paragrafu.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan

    ( 2 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

    ( 3 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994).

    ( 4 ) Ara r-referenzi għal-letteratura u l-ġurisprudenza legali Awstrijaċi u Ġermaniżi fil-punti 1 u 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju rispettivament.

    ( 5 ) L-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data, CRIF GmbH, il-Gvern Taljan u dak Ċek u l-Kummissjoni Ewropea huma essenzjalment inklinati lejn il-kunċett restrittiv, filwaqt li l-Gvern Awstrijak u F.F. ixaqilbu pjuttost favur il-kunċett wiesa’ tad-dispożizzjoni.

    ( 6 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 121 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 7 ) Ara, fir-rigward id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 15, p. 355), is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 39 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 8 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Navitours (C‑294/21, EU:C:2022:608, punt 25 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 9 ) Ara d-dizzjunarju Treccani disponibbli fuq il-sit https://www.treccani.it

    ( 10 ) Mingħajr ma niddikjara li huwa komplut, ninnota barra minn hekk li l-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin jużaw it-terminu li jikkorrispondi għat-terminu Taljan: “cópia” bil-Portugiż, “kopie” bl-Olandiż, “kopi” bid-Daniż, “kopiją” bil-Litwan, “kopiju” bil-Latvjan u bil-Kroat, “koopia” bl-Estonjan, “kopię” bil-Pollakk, “kopii” biċ-Ċek, “kopja” bil-Malti, “copie” bir-Rumen, “kópiu” bis-Slovakk, “kopijo” bis-Sloven, “kopia” bl-Isvediż.

    ( 11 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 34). F’dan ir-rigward, ninnota wkoll il-kawża, li bħalissa għadha pendenti, C‑579/21 Pankki S, li tikkonċerna l-portata tal-kunċett ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-RĠPD.

    ( 12 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punti 3435).

    ( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 34 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 38).

    ( 15 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ taxxa) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 1834).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 19).

    ( 17 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 31), u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 22).

    ( 18 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punti 3642).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, B (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 60).

    ( 20 ) Ara l-premessi 10 u 11 tar-RĠPD.

    ( 21 ) Mill-osservazzjonijiet ta’ CRIF GmbH jirriżulta li suġġett tad-data ngħata il-“proporzjon ta’ solvenza” tagħha, li kien ta’ 100 % (ara, b’mod partikolari, il-punt 8 ta’ dawn l-osservazzjonijiet). Issa jispetta lill-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina b’mod preċiż liema informazzjoni ġiet ipprovduta lis-suġġett tad-data u jekk l-aċċess mogħti lilha huwiex konformi mal-Artikolu 15 tar-RĠPD.

    ( 22 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ taxxa) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).

    ( 23 ) Ara l-punt 14 tal-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Österreichische Post (Informazzjoni relattiva għar-riċevituri tad-data personali) (C‑154/21, EU:C:2022:452 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 24 ) Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tar-RĠPD, bħal pereżempju l-Artikoli 13 jew 14.

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(1)(h) meta mqabbel mal-Artikolu 22 tar-RĠPD. F’dan ir-rigward ara wkoll il-kawża C‑634/21, SCHUFA Holding et, (Scoring) attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 26 ) F’dan ir-rigward, ara l-premessa 58 tar-RĠPD, li tgħid li “Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni indirizzata lill-pubbliku jew lis-suġġett tad-data tkun konċiża, aċċessibbli faċilment u faċli li tinftiehem, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi u, barra minn hekk, fejn meħtieġ, tintuża l-viżwalizzazzjoni”.

    ( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 59 tar-RĠPD u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 64 u 65 infra.

    ( 28 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punti 5760).

    ( 29 ) L-aċċess għal dokumenti huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), filwaqt li l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

    ( 30 ) F’dan ir-rigward, ara, b’riferiment għad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punti 4647 fl-aħħar nett).

    ( 31 ) Ara, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57). Ara,. f’dan ir-rigward ukoll il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Österreichische Post (Informazzjoni dwar ir-riċevituri tad-data personali) (C‑154/21, EU:C:2022:452, punti 2628). Il-kwistjoni jekk id-dritt ta’ aċċess għal data u, b’mod partikolari, id-dritt li jirċievi kopja tad-data personali tiegħu li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jista’ jkun eżerċitat anki meta l-persuna konċernata tfittex għan legali, iżda mhux konness għall-protezzjoni ta’ data u l-għan ta’ domandi preliminari fil-kawża C-307/22, FT (fir-rigward tal-eżami tal-eżistenza ta’ drittijiet li ġejjin minn responsabbiltà medika) C‑672/22. DKV (fir-rigward tal-eżami tal-validità taż-żieda tal-kontributi lill-assigurazzjoni ta’ mard privata).

    ( 32 ) Ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 5152); sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 57).

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C-553/07, EU:C:2009:293, punt 52).

    ( 34 ) Fil-kuntest tal-objettiv tagħha li ssaħħaħ u tiċċara d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Ara l-premessa 11 tar-RĠPD.

    ( 35 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 57).

    Top