Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0274

    Kawżi magħquda C-274/21 u C-275/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – l-Awstrija) – EPIC Financial Consulting Ges.m.b.H. vs Ir-Repubblika tal-Awstrija, Bundesbeschaffung GmbH (“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Inapplikabbiltà għall-proċeduri għal miżuri provviżorji u għall-proċeduri ta’ reviżjoni li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665/KEE fin-nuqqas ta’ element barrani – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 33 – Assimilazzjoni ta’ ftehim qafas ma’ kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 – Impossibbiltà li jiġi attribwit kuntratt pubbliku ġdid meta l-kwantità u/jew il-valur massimu tax-xogħlijiet, tal-provvisti jew tas-servizzi kkonċernati stabbiliti mill-ftehim qafas ikunu diġà ntlaħqu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas tal-ispejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja amministrattiva fil-qafas tal-kuntratti pubbliċi – Obbligi li jiġu ddeterminati u li jitħallsu l-ispejjeż għal aċċess għall-ġustizzja qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar talba għal miżuri provviżorji jew reviżjoni – Proċedura mhux trasparenti ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Effett utli – Dritt għal rimedju effettiv – Direttiva 89/665 – Artikoli 1, 2 u 2(a) – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċ-ċaħda ta’ rikors fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ aċċess għall-ġustizzja – Determinazzjoni tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku”)

    ĠU C 359, 19.9.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/7


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – l-Awstrija) – EPIC Financial Consulting Ges.m.b.H. vs Ir-Repubblika tal-Awstrija, Bundesbeschaffung GmbH

    (Kawżi magħquda C-274/21 u C-275/21) (1)

    (“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Inapplikabbiltà għall-proċeduri għal miżuri provviżorji u għall-proċeduri ta’ reviżjoni li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665/KEE fin-nuqqas ta’ element barrani - Direttiva 2014/24/UE - Artikolu 33 - Assimilazzjoni ta’ ftehim qafas ma’ kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665 - Impossibbiltà li jiġi attribwit kuntratt pubbliku ġdid meta l-kwantità u/jew il-valur massimu tax-xogħlijiet, tal-provvisti jew tas-servizzi kkonċernati stabbiliti mill-ftehim qafas ikunu diġà ntlaħqu - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas tal-ispejjeż ta’ aċċess għall-ġustizzja amministrattiva fil-qafas tal-kuntratti pubbliċi - Obbligi li jiġu ddeterminati u li jitħallsu l-ispejjeż għal aċċess għall-ġustizzja qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar talba għal miżuri provviżorji jew reviżjoni - Proċedura mhux trasparenti ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku - Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza - Effett utli - Dritt għal rimedju effettiv - Direttiva 89/665 - Artikoli 1, 2 u 2(a) - Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċ-ċaħda ta’ rikors fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ aċċess għall-ġustizzja - Determinazzjoni tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku”)

    (2022/C 359/07)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesverwaltungsgericht

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: EPIC Financial Consulting Ges.m.b.H.

    Konvenut: Ir-Repubblika tal-Awstrija, Bundesbeschaffung GmbH

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ ftehim qafas ma’ operatur ekonomiku wieħed, konformement mal-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, tikkorrispondi għall-konklużjoni tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 2014/23.

    2)

    L-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti ma tistax iktar tibbaża ruħha, sabiex tagħti kuntratt ġdid, fuq ftehim qafas li l-kwantità u/jew il-valur massimu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi kkonċernati li hija tistabbilixxi tkun jew diġà ntlaħqet, sakemm l-għoti ta’ dan il-kuntratt ma jwassalx għal emenda sostanzjali ta’ dan il-ftehim qafas, kif previst fl-Artikolu 72(1)(e) ta’ din id-direttiva.

    3)

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għat-talbiet għal miżuri provviżorji u r-rikorsi relatati ma’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, regoli proċedurali differenti minn dawk li japplikaw b’mod partikolari għall-proċeduri fil-qasam ċivili.

    4)

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq individwu l-obbligu li jidentifika, fit-talba għal miżuri provviżorji tiegħu jew fir-rikors tiegħu, il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata u d-deċiżjoni individwali li hija tikkontesta individwalment, meta l-awtorità kontraenti tkun għażlet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt

    5)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 2014/23, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens:

    li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi lil qorti, li hija adita b’talba għal miżuri provviżorji intiża li tipprekludi akkwisti mill-awtorità kontraenti, li tiddetermina, qabel ma tiddeċiedi dwar din it-talba, it-tip ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernat, il-valur (stmat) tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll in-numru totali tad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati individwalment u, jekk ikun il-każ, lottijiet li jirriżultaw mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikkonċernata, għall-finijiet biss li jiġi kkalkolat l-ammont tal-ispejjeż ġudizzjarji b’rata fissa li l-persuna li tressaq din it-talba għandha neċessarjament tħallas, taħt piena li l-imsemmija talba tiġi miċħuda għal din ir-raġuni biss, meta l-awtorità kontraenti tkun għażlet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt u li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament kontra deċiżjoni relatata ma’ din il-proċedura, l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt ma jkunx għadu ġie ppubblikat;

    li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li qorti, li tkun adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata individwalment mill-awtorità kontraenti, tiddetermina, qabel ma tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, it-tip ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernat, il-valur (stmat) tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll in-numru totali tad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati individwalment u, jekk ikun il-każ, lottijiet li jirriżultaw mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikkonċernata, għall-finijiet biss li jiġi kkalkolat l-ammont tal-ispejjeż ġudizzjarji b’rata fissa li r-rikorrent għandu neċessarjament iħallas, taħt piena li r-rikors tiegħu jiġi miċħud għal din ir-raġuni biss.

    6)

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi lil individwu li jressaq talba għal miżuri provviżorji jew jippreżenta rikors għal ħlas ta’ spejjeż ġudizzjarji b’rata fissa ta’ ammont li huwa impossibbli li jiġi previst, meta l-awtorità kontraenti tkun għażlet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt jew, skont il-każ, mingħajr pubblikazzjoni sussegwenti ta’ avviż ta’ għoti ta’ kuntratt, b’mod li jista’ jkun impossibbli għall-individwu li jkun jaf bil-valur stmat tal-kuntratt kif ukoll bin-numru ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati individwalment adottati mill-awtorità kontraenti li abbażi tagħhom ġew ikkalkolati dawn l-ispejjeż.


    (1)  ĠU C 320, 09.08.2021.


    Top