Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0077

Kawża T-77/20: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2020 – Ascenza Agro u Afrasa vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 129, 20.4.2020, pp. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/4


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2020 – Ascenza Agro u Afrasa vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-77/20)

(2020/C 129/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ascenza Agro, SA (Setúbal, il-Portugall) u Afrasa, SA (Paterna-Valencia, Spanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u P. Sellar, lawyers u V. McElwee, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla l-att ikkontestat; (1) u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali peress li l-konvenuta naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti imperattivi kollha stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 844/2012 (2) (Artikoli 12 u 13) u adottat l-att ikkontestat abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju mhux kompleta. Dan ifisser li l-att ikkontestat ma huwiex sostnut bil-bażi xjentifika sħiħa meħtieġa legalment.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza fil-konfront tal-ewwel rikorrenti peress li, fl-ebda ħin matul il-proċess ta’ tiġdid, l-ewwel rikorrenti ma rċeviet indikazzjoni li kien hemm xi tħassib minbarra dawk imsemmija matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika jew imqajma fit-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-EFSA taħt l-Artikolu 13(3).

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali peress li l-att ikkontestat huwa bbażat fuq żewġ Dikjarazzjonjiet tal-EFSA, kuntrarju għal Rapport ta’ Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-EFSA u li l-ewwel rikorrenti ma pproduċietx kummenti xjentifiċi li setgħu jindirizzaw it-tħassib tal-konvenuta.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni: l-att ikkontesat huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li, għas-sustanza chlorpyrifos-methyl, kien applikat illegalment għaliex l-ewwel rikorrenti kienet issottomettiet sett ta’ data li, wara li kien evalwat, wera riżultati negattivi, u b’dan il-mod ġew eżawriti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi applikat biss meta ssir u titlesta valutazzjoni tar-riskju. F’dan il-każ, madankollu, il-valutazzjoni tar-riskju ma tlestietx u l-prinċipju ta’ prekawzjoni nnifsu fforma l-bażi tal-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskju.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball manifes ta’ evalwazzjoni peress li l-konvenuta ħadet inkunsiderazzjoni ta’ fattur irrilevanti sabiex adottat l-att ikkontestat. Dan tal-aħħar kien adottat wara proċedura ta’ kumitat regolatorju, li teħtieġ vot b’maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Minħabba l-ħruġ imminenti tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “Brexit”), ir-rappreżentant tar-Renju Unit ma pparteċipax fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf tas-6 ta’ Diċembru 2019 u, minflok, ta vot bi prokura lill-Finlandja. Ir-rappreżentant tar-Renju Unit ma pparteċipax għaliex il-Gvern tar-Renju Unit stipula, fl-aħħar ta’ Awwissu 2019, politika ġdida dwar l-attendenza tal-pajjiż fil-laqgħat tal-Kumitati Xjentifiċi tal-Unjoni. Li l-Finlandja – u, konsegwentement, il-konvenuta – ħadu inkunsiderazzjoni l-politika motivata bi Brexit ifisser li ittieħed inkunsiderazzjoni fattur irrilevanti fl-adozzjoni tal-att ikkontestat.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba: il-konvenuta u l-EFSA qiesu li l-chlorpyrifos-methyl seta’ jippreżenta tħassib dwar is-saħħa u, għal din ir-raġuni, organizzaw laqgħa tal-esperti, wara liema l-Istat Membru relatur intalab iwettaq tfittxija oħra fir-riċerka sabiex dan it-tħassib jiġi kkonfermat. Din it-tfittxija wasslet sabiex ittieħdet deċiżjoni abbażi ta’ studji ta’ nuqqas ta’ konformità u mingħajr ma ngħatat l-opportunità lill-ewwel rikorrenti sabiex tagħti l-perspettiva tagħha.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konklużjoni dwar il-ġenotossiċità hija insostenibbli legalment: il-konvenuta waslet għall-konklużjoni li l-chlorpyrifos-methyl kien juri potenzjal għal ġenotossiċità bbażat fuq applikazzjoni żbaljata illegali tal-approċċi ta’ read-across u tal-piż tal-evidenza.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konklużjoni dwar in-newrotossiċità tal-iżvilupp hija insostenibbli legalment:il-konvenuta identifikat tħassib dwar in-newrotossiċità tal-iżvilupp tal-chlorpyrifos-methyl ibbażat fuq read-across minn chlorpyrifos-ethyl u sustanzi ta’ organophosphates għal chlopyrifos-methyl mingħajr ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar kif u għaliex dan ir-read-across kien xjentifikament u legalment xieraq.

9.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tar-regoli dwar il-klassifikazzjoni bħala tossiku għal tossiċità riproduttiva, Kategorija 1B: il-konvenuta kisret ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) 1271/2008 (3) meta indikat li l-klassifikazzjoni ta’ chlorpyrifos-methyl bħala tossiku għar-riproduzzjoni Kategorija 1B tista’ tkun xierqa. Din l-opinjoni kienet fil-fatt ibbażata fuq applikazzjoni illegali u mhux sostanzjata ta’ read-across.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/17 tal-10 ta’ Jannar 2020 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva chlorpyrifos-methyl, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2020, L 7, p. 11).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2012, L 252, p. 26).

(3)  Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, ĠU 2016, L 349, p. 1, GU 2019, L 117, p. 8).


Top