EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0033

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
UK et vs Volkswagen Bank GmbH et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Ravensburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kreditu għall-konsumatur – Artikolu 10(2) – Informazzjoni li għandha tidher b’mod obbligatorju fil-kuntratt – Obbligu li tingħata informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu, it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, ir-rata tal‑interessi moratorji u l-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu – Bidla fir-rata tal-interessi moratorji li tiddependi mill-bidla fir-rata tal-interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru – Kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self – Obbligu li jiġi speċifikat il-metodu tal-kalkolu tal-bidla fir-rata tal-interessi moratorji u tal-kumpens – Nuqqas ta’ obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu li huma previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda li ma humiex previsti fid‑Direttiva 2008/48 – Artikolu 14(1) – Dritt ta’ rtirar eżerċitat mill-konsumatur fuq il‑bażi tan-nuqqas li tingħata informazzjoni obbligatorja taħt l‑Artikolu 10(2) – Eżerċizzju wara t-terminu – Projbizzjoni, għall-kreditur, li jqajjem eċċezzjoni ta’ dekadenza jew ta’ abbuż ta’ dritt.
Kawżi magħquda C-33/20, C-155/20 u C-187/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:736

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Kreditu għall-konsumatur – Artikolu 10(2) – Informazzjoni li għandha tidher b’mod obbligatorju fil-kuntratt – Obbligu li tingħata informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu, it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, ir-rata tal‑interessi moratorji u l-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu – Bidla fir-rata tal-interessi moratorji li tiddependi mill-bidla fir-rata tal-interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru – Kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self – Obbligu li jiġi speċifikat il-metodu tal-kalkolu tal-bidla fir-rata tal-interessi moratorji u tal-kumpens – Nuqqas ta’ obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ kreditu li huma previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda li ma humiex previsti fid‑Direttiva 2008/48 – Artikolu 14(1) – Dritt ta’ rtirar eżerċitat mill-konsumatur fuq il‑bażi tan-nuqqas li tingħata informazzjoni obbligatorja taħt l‑Artikolu 10(2) – Eżerċizzju wara t-terminu – Projbizzjoni, għall-kreditur, li jqajjem eċċezzjoni ta’ dekadenza jew ta’ abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawżi magħquda C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Jannar, tal-5 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Marzu 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fit‑23 ta’ Jannar, fil-31 ta’ Marzu u fit-28 ta’ April 2020, fil-proċeduri

UK

vs

Volkswagen Bank GmbH (C‑33/20),

u

RT,

SV,

BC

vs

Volkswagen Bank GmbH,

Skoda Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank GmbH (C‑155/20),

u

JL,

DT

vs

BMW Bank GmbH,

Volkswagen Bank GmbH (C‑187/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UK, minn C. Kress, Rechtsanwalt,

għal RT, minn T. Röske, Rechtsanwalt,

għal JL, minn M. Basun, Rechtsanwalt,

għal Volkswagen Bank GmbH, minn I. Heigl u T. Winter, Rechtsanwälte,

għal BMW Bank, minn R. Hall, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, U. Bartl u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall‑konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet, fil-Kawża C‑33/20, bejn UK u Volkswagen Bank GmbH, fil-Kawża C‑155/20, bejn, minn naħa, RT, SV u BC, u, min-naħa l-oħra, Volkswagen Bank u Skoda Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank (iktar ’il quddiem “Skoda Bank), u, fil-Kawża C‑187/20, bejn, minn naħa, JL u DT, u, min-naħa l-oħra, BMW Bank GmbH u Volkswagen Bank, dwar il-validità tal-irtirar, min-naħa ta’ UK, RT, SV, BC, JL u DT, mill-kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ dawn il-banek.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 30 u 31 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(30)

Din id-Direttiva ma tirregolax kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti marbutin mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja. […]

(31)

Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(i)

‘rata ta’ imposta perċentwali fis-sena’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);

(j)

‘rata tas-self’ tfisser ir-rata tal-interessi espressa bħala perċentwali perjodika fissa jew varjabbli applikata għal perijodu ta’ żmien speċifiku għall-ġbid ta’ kreditu taħt il-ftehim ta’ kreditu;

(k)

‘rata tas-self fissa’ tfisser rata li l-kreditur u l-konsumatur jaqblu fil-ftehim ta’ kreditu fuq rata tas-self waħda għat-tul ta’ żmien kollu tal-ftehim ta’ kreditu jew fuq diversi rati tas-self għal perijodi parzjali bl-użu esklussiv ta’ perċentwali speċifika fissa. Jekk fil-ftehim ta’ kreditu ma jkunux determinati r-rati tas-self kollha, ir-rata tas-self għandha tkun ikkunsidrata bħala fissa biss għall-perijodi parzjali li għalihom ir-rati tas-self ikunu determinati esklussivament minn perċentwali speċifika fissa miftehma fil-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu;

[…]

(n)

‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)

il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)

dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.”

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi:

“1.   Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

(a)

it-tip ta’ kreditu;

[…]

(ċ)

it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

(d)

l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

(e)

f’każ ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas differit għal merkanzija jew servizz speċifika/u jew ftehim ta’ kreditu marbut magħhom, il-merkanzija jew is-servizz u l-prezz ta’ ħlas fil-pront;

[…]

(l)

ir-rata tal-interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]

(r)

id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat;

(s)

il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ kreditu;

(t)

jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih;

(u)

fejn applikabbli, termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

[…]”

6

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa”, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom il-konsumatur u l-kreditur jistgħu jxolju l-kuntratt ta’ kreditu għal żmien indeterminat.

7

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax‑il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)

jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)

fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.”

8

L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

Id-dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 247, intitolat “Rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, għall-għajnuna finanzjarja mħallsa u għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ kreditu”, tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili), tal-21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, rettifika fil-BGBl. 1997 I, p. 1061), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), jipprovdi:

“[…]

§ 3   Kontenut tal-informazzjoni prekuntrattwali

(1)

L-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tinkludi:

[…]

11.

ir-rata tal-interessi moratorji u l-modalitajiet għall-aġġustament tagħha, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ispejjeż għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni;

[…]

§ 6   Il-kontenut tal-kuntratt

(1)

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u li jinftiehem:

1.

L-informazzjoni indikata fil-punti 1 sa 14 tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3,

[…]

5.

Il-proċedura li għandha tiġi segwita għax-xoljiment tal-kuntratt,

[…]

§ 7   Informazzjoni oħra fil-kuntratt

(1)

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall‑konsum b’mod ċar u li jinftiehem, sa fejn huwa rilevanti għall‑kuntratt:

[…]

3.

il-metodu tal-kalkolu tal-kumpens għal rimbors antiċipat, sakemm il‑kreditur ikollu l-intenzjoni li jasserixxi d-dritt tiegħu għal tali kumpens fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self mill-persuna li tissellef,

[…]”

11

L-Artikolu 247, intitolat “Rata tal-interessi bażika”, tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BGB”), jipprevedi:

“(1)   Ir-rata tal-interessi bażika għandha tkun ta’ 3.62 %. Fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, din għandha tiġi aġġustata permezz tal-punti perċentwali li bih il-valur ta’ referenza żdied jew naqas mill-aħħar aġġustament. Il-valur ta’ referenza jikkorrispondi għar-rata tal-interessi stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali l-iżjed reċenti mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tas-semestru rilevanti.

(2)   Id-Deutsche Bundesbank [(il-Bank Federali tal-Ġermanja)] għandu jippubblika r-rata tal-interessi bażika fil-Bundesanzeiger immedjatament wara d-dati speċifikati fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu.”

12

L-Artikolu 288 tal-BGB, intitolat “Interessi moratorji u kumpens ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“Kull dejn ta’ flus għandu jakkumula l-interessi matul il-perijodu ta’ dewmien. Ir-rata tal-interessi moratorji għandha tkun ta’ ħames punti perċentwali fis-sena ogħla mir-rata tal-interessi bażika.”

13

L-Artikolu 314 tal-BGB, intitolat “Xoljiment ta’ kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva għal raġuni gravi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull kuntratt ta’ eżekuzzjoni suċċessiva jista’ jiġi xolt għal raġuni gravi minn kull waħda mill-partijiet mingħajr ma din il-parti jkollha tosserva terminu ta’ avviż minn qabel. Ikun hemm raġuni gravi meta, fid-dawl tal-fatti kollha tal-każ u tal-interessi rispettivi taż-żewġ partijiet, il-kontinwazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali sat-terminu miftiehem jew sal-iskadenza ta’ terminu ta’ avviż minn qabel ma tkunx tista’ tiġi imposta fuq il-parti li tinvoka x-xoljiment.”

14

L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti konklużi mal‑konsumaturi”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Fejn il-liġi tagħti lill-konsumatur dritt ta’ rtirar konformement ma’ din id‑dispożizzjoni, il-konsumatur u l-professjonist ma jibqgħux marbuta mad‑dikjarazzjonijiet tagħhom tal-intenzjoni li jikkonkludu l-kuntratt, jekk il-konsumatur irtira d-dikjarazzjoni tiegħu għal dan il-għan fil-perijodu speċifikat.

(2)   Il-perijodu ta’ rtirar huwa ta’ erbatax‑il jum. Sakemm ma jiġix previst mod ieħor, dan għandu jibda jiddekorri mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.”

15

L-Artikolu 356b tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk id-dokument ippreżentat lill-persuna li tissellef skont il-paragrafu 1 ma jkunx fih l-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 492(2), it-terminu jibda jiddekorri biss minn meta dan in-nuqqas jiġi rrimedjat skont l-Artikolu 492(6) […]”.

16

L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali ta’ rtirar minn kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard minn erbatax‑il jum.”

17

L-Artikolu 357a tal-BGB huwa intitolat “Konsegwenzi legali ta’ rtirar minn kuntratti għal servizzi finanzjarji”. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard minn tletin jum.”

18

L-Artikolu 358 tal-BGB, intitolat “Kuntratt assoċjat mal-kuntratt ta’ rtirar”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(2)

Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fuq il-bażi tal-Artikolu 495(1), huwa barra minn hekk ma jibqax iktar marbut bid-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizz ieħor assoċjat ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(3)

Kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra u kuntratt ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu assoċjati jekk il-kreditu jservi biex jiffinanzja l-kuntratt l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jifformaw unità ekonomika. Tali unità għandha tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn il-professjonist innifsu jiffinanzja l-kontroprestazzjoni tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ ffinanzjar minn terz, fejn il-kreditur jinvolvi lill-professjonist fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

(4)

L-Artikolu 355(3) u, skont it-tip ta’ kuntratt assoċjat, l-Artikoli 357 sa 357b, għandhom japplikaw mutatis mutandis għax-xoljiment tal-kuntratt assoċjat, indipendentement mill-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni […]

[…] F’negozju mal-konsumatur il-kreditur għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ professjonist li jirriżultaw mill-kuntratt assoċjat fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ rtirar jekk, fil-mument meta jsir l-irtirar, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-operatur.”

19

L-Artikolu 491a tal-BGB, intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali b’rabta ma’ kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’rabta ma’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, il-kreditur għandu jinforma lill-persuna li tissellef dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 247 [tal-EGBGB] fil-forma prevista fih.”

20

Skont l-Artikolu 492 tal-BGB, intitolat “Forma bil-miktub, kontenut tal-kuntratt”:

“(1)   Kuntratti ta’ kreditu għall-konsum għandhom ikunu bil-miktub, sakemm ma tiġix prevista forma oħra iktar stretta. […]

(2)   Il-kuntratt għandu jkun fih l-informazzjoni prevista mill-Artikolu 247(6) sa (13) [tal-EGBGB] għal kuntratti ta’ kreditu ma’ konsumaturi.

[…]

(5)   L-informazzjoni li l-kreditur għandu jipprovdi lill-persuna li tissellef wara li l-kuntratt ikun sar għandha titqiegħed fuq mezz durabbli.”

21

L-Artikolu 495 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, il-persuna li tissellef għandha dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355 tal-BGB.”

It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑33/20

22

Fid-19 ta’ Diċembru 2015, UK, konsumatur, ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Volkswagen Bank għal ammont ta’ EUR 10 671.63, marbut max-xiri ta’ vettura tad-ditta Volkswagen intiża għal użu privat (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20”). Il-bejjiegħ ta’ din il-vettura kien Hahn Automobile GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ A”). Peress li l-prezz tal-bejgħ kien jammonta għal EUR 15200, UK ħallas akkont ta’ EUR 5000 lill-bejjiegħ A u ffinanzja ammont ta’ EUR 10200 kif ukoll kontribuzzjoni unika għal assigurazzjoni tad-dejn residwali li tammonta għal EUR 471.63, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 10 671.63.

23

Il-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 kien jinkludi dan li ġej:

“Jekk il-kuntratt jiġi xolt, tintalab tħallas bir-rata statutorja tal-interessi moratorji. Ir-rata tal-interessi moratorji annwali hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir‑rata tal-interessi bażika rispettiva.”

24

Barra minn hekk, dokument, intitolat “Informazzjoni standard Ewropea dwar il‑kreditu għall-konsumatur”, ingħata lil UK. Dan id-dokument kien jindika:

“Ir-rata tal-interessi moratorji annwali tammonta għal ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva. Ir-rata tal-interessi bażika hija ddeterminata mill-Bank Federali tal-Ġermanja u hija stabbilita rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena.”

25

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 ma kienx jindika, fil-forma ta’ ċifra, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli jew, tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza applikabbli, jiġifieri r-rata tal-interessi bażika prevista fl-Artikolu 247 tal-BGB. Barra minn hekk, l-istess qorti tikkonstata li dan il-kuntratt lanqas ma kien jindika l-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji, sa fejn id-dokument mogħti lil UK, imsemmi fil-punt preċedenti, ma kienx jagħmel parti mill-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ forma bil-miktub, previst fl-Artikolu 492(1) tal-BGB.

26

Il-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 kien jipprevedi:

“Il-Bank jista’ jitlob kumpens għal rimbors antiċipat xieraq għat-telf marbut direttament mar-rimbors antiċipat. Il-Bank għandu jikkalkola t-telf skont il-qafas matematiku finanzjarju stabbilit mill-Bundesgerichtshof [(il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja)] li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

il-livell tar-rata tal-interessi li sadanittant ikun inbidel,

il-flussi tal-flus inizjalment miftiehma għas-self,

it-telf ta’ qligħ tal-Bank,

l-ispejjeż amministrattivi marbuta mar-rimbors antiċipat (spejjeż ta’ ġestjoni), kif ukoll

l-ispejjeż tar-riskju u l-ispejjeż amministrattivi ffrankati permezz tar-rimbors antiċipat.”

27

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għax-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 mill-kreditur għal raġuni gravi, dan il-kuntratt ma kienx jipprevedi l-forma li fiha dan ix-xoljiment kellu jsir, u lanqas ma kien jispeċifika t-terminu mogħti lill-kreditur għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-istess kuntratt ma kienx jinkludi informazzjoni dwar id-dritt tal-persuna li tissellef li xxolji dan il-kuntratt konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB.

28

Volkswagen Bank irrikorriet għas-servizzi tal-bejjiegħ A għall-preparazzjoni u għall-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20. Dan il-bejjiegħ, b’mod partikolari, aġixxa bħala sensar tal-kreditu għal Volkswagen Bank u uża l-kuntratti standard ipprovduti minn din tal-aħħar. Dan il-kuntratt kien jipprevedi li UK kellu, b’effett mill-15 ta’ Frar 2016, jirrimborsa l-ammont ta’ kreditu ta’ EUR 11 545.26 (li jikkorrispondi għall-kapital nett misluf li kien jammonta għal EUR 10 671.63, flimkien mal-interessi li kienu jammontaw għal EUR 873.63), maqsuma f’48 pagamenti mensili bl-istess ammont ta’ EUR 150.08 u f’pagament tal-aħħar ta’ EUR 4 341.42 li kellu jsir fis-16 ta’ Jannar 2020.

29

UK ħallas regolarment il-pagamenti mensili previsti. Madankollu, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2019, huwa rtira mill-imsemmi kuntratt. Volkswagen Bank ċaħdet dan l-irtirar.

30

UK iqis li, minħabba l-irtirar tiegħu tat-22 ta’ Jannar 2019, il-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20 inbidel f’obbligu ta’ restituzzjoni. Permezz tar-rikors tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa jitlob li jiġi kkonstatat li huwa ma għadux marbut mill-obbligu tiegħu li jħallas il-pagamenti mensili lil Volkswagen Bank b’effett mit-22 ta’ Jannar 2019. Barra minn hekk, huwa jitlob mingħand Volkswagen Bank il-ħlas lura tal-pagamenti mensili diġà mħallsa kif ukoll tal-ħlas akkont imħallas lill-bejjiegħ A, u dan kollu bħala korrispettiv għar-restituzzjoni tal-vettura mixtrija.

31

Volkswagen Bank tikkunsidra li d-dikjarazzjoni ta’ rtirar ta’ UK hija tardiva u li, għaldaqstant, l-irtirar ma huwiex validu.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB]) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

2)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

3)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a)

għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef [tissellef] konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

(b)

għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?”

Il-Kawża C‑155/20

33

Fit-3 ta’ Jannar 2015, RT ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Volkswagen Bank għal ammont ta’ EUR 11 257.14. Fit-23 ta’ Mejju 2015, SV ikkonkludiet kuntratt tal-istess tip mal-istess bank għal ammont ta’ EUR 16400. Fl-24 ta’ Lulju 2014, BC ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ Skoda Bank għal ammont ta’ EUR 7 332.34 (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20”). Dawn il-kuntratti ta’ kreditu kienu intiżi sabiex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ vettura, intiża għal użu privat, tad-ditta Volkswagen fil-każ ta’ RT u ta’ SV, u tad-ditta Skoda fil-każ ta’ BC. Il-bejjiegħa ta’ dawn il-vetturi kienu, rispettivament, Autohaus Kilgus GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ B”), Autohaus Humm GmbH (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ C”) u Held & Ströhle GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ D”). Il-prezz tal-bejgħ tal-vettura akkwistata minn RT kien jammonta għal EUR 15750, dak tal-vettura akkwistata minn SV għal EUR 23900 u dak tal-vettura akkwistata minn BC għal EUR 15940. Dawn il-konsumaturi ħallsu, rispettivament, akkont ta’ EUR 5000, ta’ EUR 7500 u ta’ EUR 8900 lill-bejjiegħa B, C u D u ffinanzjaw, permezz tal-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20, somma, rispettivament, ta’ EUR 10750, ta’ EUR 16400 u ta’ EUR 7040, kif ukoll, fil-każ ta’ RT u ta’ BC, kontribuzzjoni unika għal assigurazzjoni għal dejn residwali, rispettivament, ta’ EUR 507.14 u ta’ EUR 292.34, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 11 257.14 u ta’ EUR 7 332.34.

34

Il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20 kienu jinkludu l-istess indikazzjoni bħal dik riprodotta fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

35

Bl-istess mod, id-dokument imsemmi fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, intitolat “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu għall-konsumatur”, ingħata lil RT, lil SV u lil BC.

36

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20 ma kinux jindikaw, fil-forma ta’ ċifra, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli jew, tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza applikabbli, jiġifieri r-rata tal-interessi bażika prevista fl-Artikolu 247 tal-BGB. Barra minn hekk, l-istess qorti tikkonstata li dawn il-kuntratti lanqas ma kienu jindikaw il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji, sa fejn id-dokument imsemmi fil-punt preċedenti ma kienx jagħmel parti mill-imsemmija kuntratti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ forma bil-miktub, previst fl-Artikolu 492(1) tal-BGB.

37

Il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20 kienu jipprevedu wkoll klawżola identika għal dik riprodotta fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

38

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għax-xoljiment ta’ dawn il-kuntratti mill-kreditur għal raġuni gravi, il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20, l-istess bħall-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑33/20, la kienu jipprevedu l-forma li fiha kellu jsir dan ix-xoljiment, la kienu jipprevedu t-terminu mogħti lill-kreditur sabiex ixolji l-kuntratt u lanqas ma kienu jagħtu informazzjoni dwar id-dritt tal-persuna li tissellef li jxolji l-kuntratt konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB.

39

Volkswagen Bank u Skoda Bank irrikorrew għas-servizzi tal-bejjiegħa B, C u D għall-preparazzjoni u għall-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑155/20. Dawn il-bejjiegħa, b’mod partikolari, aġixxew bħala sensara tal-kreditu għal Volkswagen Bank u għal Skoda Bank u użaw il-kuntratti standard ipprovduti minn dawn tal-aħħar. Dawn il-kuntratti kienu jipprevedu li RT, SV u BC kellhom, rispettivament mill-15 ta’ Frar 2015, mill-1 ta’ Ġunju 2015 u mit-3 ta’ Settembru 2014, jirrimborsaw l-ammont tal-kreditu flimkien mal-interessi, li l-ammont akkumulat tagħhom kien ta’ EUR 669.90 fil-każ ta’ RT, ta’ EUR 1 241.97 fil-każ ta’ SV u ta’ EUR 225.87 fil-każ ta’ BC. Ir-rimborsi rispettivi kellhom jitwettqu b’48, b’36 u b’24 pagamenti mensili tal-istess ammont ta’ EUR 248.48, ta’ EUR 146.87 u ta’ EUR 150, filwaqt li SV u BC kienu madankollu obbligati jagħmlu pagament tal-aħħar ta’ EUR 12 354.65 fl-1 ta’ Mejju 2018 u ta’ EUR 3 958.21 fit-3 ta’ Awwissu 2016, rispettivament.

40

RT ħallas regolarment il-pagamenti mensili previsti. Madankollu, ftit qabel l-eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ ħlas tiegħu, prevista għall-15 ta’ Diċembru 2018, RT, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2018, irtira mill-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Volkswagen Bank fit-3 ta’ Jannar 2015.

41

SV ħallset regolarment il-pagamenti mensili miftiehma b’mod regolari u rrimborsat il-kreditu bil-ħlas tal-aħħar pagament dovut fl-1 ta’ Mejju 2018. Fl-4 ta’ Ġunju 2018, hija ttrasferixxiet lill-bejjiegħ C il-vettura li fir-rigward tagħha hija kienet ikkonkludiet dan il-finanzjament għas-somma ta’ EUR 8 031.46. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2019, SV irtirat id-dikjarazzjoni tagħha li tesprimi r-rieda tagħha li tikkonkludi l-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Volkswagen Bank fit-23 ta’ Mejju 2015.

42

BC ħallset regolarment il-pagamenti mensili miftiehma u rrimborsat kompletament il-kreditu bil-ħlas tal-aħħar pagament fid-data miftiehma tat-3 ta’ Awwissu 2016. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2019, hija rtirat mill-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Skoda Bank fl-24 ta’ Lulju 2014.

43

RT iqis li l-irtirar huwa validu peress li t-terminu għall-irtirar ma kienx beda jiddekorri minħabba l-informazzjoni żbaljata mogħtija fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Volkswagen Bank fit-3 ta’ Jannar 2015. Għaldaqstant, huwa qiegħed jitlob lil Volkswagen Bank tirrimborsa l-pagamenti mensili diġà mħallsa, li jammontaw għal EUR 11 997.04, kif ukoll l-akkont ta’ EUR 5000 imħallas lill-bejjiegħ B, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 16 927.04, imnaqqas bl-interessi akkumulati sad-data tal-irtirar, li kienu jammontaw għal EUR 668.41. RT b’hekk qiegħed jitlob ir-rimbors tal-ammont li jifdal ta’ EUR 16 258.63, bir-restituzzjoni tal-vettura mixtrija bħala korrispettiv. Barra minn hekk, RT jitlob li jiġi kkonstatat li Volkswagen Bank qiegħda tirrifjuta li tieħu lura din il-vettura.

44

SV tqis li, minħabba l-irtirar min-naħa tagħha, il-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Volkswagen Bank fit-23 ta’ Mejju 2015 inbidel f’obbligu ta’ restituzzjoni. Hija għalhekk qiegħda titlob lil Volkswagen Bank tirrimborsa l-pagamenti mensili tas-self li kienet ħallsitha, jiġifieri EUR 17 641.97, kif ukoll l-akkont ta’ EUR 7500 mħallas lill-bejjiegħ C, jiġifieri ammont ta’ EUR 25 141.97, wara li jitnaqqas il-prezz tal-bejgħ miksub għall-vettura ta’ EUR 8 031.46, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 17 770.51.

45

BC hija tal-fehma li, minħabba l-irtirar min-naħa tagħha, il-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ Skoda Bank fl-24 ta’ Lulju 2014 inbidel f’obbligu ta’ restituzzjoni. Hija għalhekk titlob lil Skoda Bank tirrimborsa l-ħlasijiet ta’ ammortizzament tal-kreditu mħallsa lilha, li jammontaw għal EUR 7 332.34, kif ukoll l-akkont ta’ EUR 8900 mħallas lill-bejjiegħ D wara l-konsenja tal-vettura mixtrija. Barra minn hekk, BC qiegħda titlob li jiġi kkonstatat li Skoda Bank qiegħda tirrifjuta li tieħu lura din il-vettura.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB]) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

2)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

3)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef [tissellef] konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva [2008/48]?

c)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

4)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48]

a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2008/48] ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva ma jkunx beda jiddekorri?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

5)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48]

a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva ma jkunx beda jiddekorri?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?”

Il-Kawża C‑187/20

47

Fl-4 ta’ Mejju 2017, JL ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ BMW Bank għal ammont ta’ EUR 24 401.84, u, fit-23 ta’ Marzu 2016, DT ikkonkluda kuntratt tal‑istess tip ma’ Audi Bank, fergħa ta’ Volkswagen Bank (iktar ’il quddiem “Audi Bank”), għal ammont ta’ EUR 37710 (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20”). Dawn il-kuntratti ta’ kreditu kienu intiżi sabiex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ vettura, intiża għal użu privat, tad-ditta BMW fil-każ ta’ JL u tad-ditta Audi fil-każ ta’ DT. Il-bejjiegħa ta’ dawn il-vetturi kienu, rispettivament, Auer Gruppe GmbH (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ E”) u Authaus Locher (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħ F”). Peress li l-prezz tal-bejgħ tal-vettura tiegħu kien jammonta għal EUR 23500, JL ħallas akkont ta’ EUR 1000 lill-bejjiegħ E u ffinanzjat l-ammont li kien fadal ta’ EUR 22500, kif ukoll l-ammont li kien jikkorrispondi għall-primjum ta’ assigurazzjoni li kien ta’ EUR 1 901.84, filwaqt li DT, li l-prezz tax-xiri tal-vettura tiegħu kien jammonta għal EUR 37710, iffinanzja dan l-ammont kollu permezz tal-kreditu miksub.

48

BMW Bank u Audi Bank irrikorrew, rispettivament, għas-servizzi tal-bejjiegħa E u F għall-preparazzjoni u għall-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20. Dawn il-kuntratti kienu jipprevedu, it-tnejn li huma, li JL u DT kellhom, b’effett rispettivament mill-5 ta’ Mejju 2017 u mill-1 ta’ Mejju 2016, jirrimborsaw l-ammont tal-kreditu flimkien mal-interessi, li l-ammont akkumulat tagħhom kien ta’ EUR 1 413.14 fil-każ ta’ JL u ta’ EUR 1 737.40 fil-każ ta’ DT. Ir-rimborsi rispettivi kellhom jitwettqu b’47 u bi 48 pagament mensili tal-istess ammont ta’ EUR 309.25 u ta’ EUR 395.65, filwaqt li JL u DT kienu madankollu obbligati jagħmlu pagament tal-aħħar ta’ EUR 11280 fil-5 ta’ April 2021 u ta’ EUR 20 456.20 fl-1 ta’ April 2020, rispettivament.

49

Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Ġunju 2019 u tat-12 ta’ Jannar 2019, JL u DT irtiraw mill-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20.

50

JL u DT iqisu li l-irtirar huwa validu, peress li t-terminu għall-irtirar ma kienx beda jiddekorri minħabba l-informazzjoni żbaljata li kien fihom dawn il-kuntratti. Għaldaqstant, JL qiegħed jitlob, quddiem il-qorti tar-rinviju, li jiġi kkonstatat li l-interessi u l-pagament tal-ammortizzament tal-kapital ma humiex dovuti b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2019. DT qiegħed jitlob lil Audi Bank tirrimborsa, wara r-restituzzjoni tal-vettura mixtrija, it-43 pagament mensili magħmula, jiġifieri total ta’ EUR 17 012.95. Barra minn hekk, DT qiegħed jitlob li jiġi kkonstatat li la huwa obbligat iħallas l-interessi u lanqas l-ammortizzament tal-kapital u li Audi Bank qiegħda tirrifjuta li tieħu lura l-vettura kkonċernata.

51

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20 ma kinux jinkludu definizzjoni tat-tip ta’ kreditu mogħti. Madankollu, id-dokument intitolat “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu għall-konsumatur”, mehmuż mal-kuntratt konkluż minn JL u li sar parti integrali minn dan tal-aħħar, kien fih l-indikazzjoni segwenti: “Self li jitħallas lura b’pagamenti mensili kostanti u b’rata tal-interessi fissa”. DT irċieva dokument analogu, bl-istess titolu, li kien fih l-indikazzjonijiet segwenti: “Self li jitħallas lura b’pagamenti, bi dritt ta’ rtirar ikkonfermat”, kif ukoll “Pagamenti mensili kostanti u pagament finali ogħla”.

52

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20 ma fihomx informazzjoni li tindika li, ladarba jitħallsu l-fondi, l-obbligu li jitħallas il-prezz tal-bejgħ jintemm sa dan l-ammont fir-rigward tal-bejjiegħ, u li x-xerrej jista’ jeżiġi mingħand il-bejjiegħ, wara l-ħlas sħiħ tal-prezz tal-bejgħ, il-konsenja tal-vettura mixtrija.

53

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar ir-rata tal-interessi moratorji, il-kuntratt konkluż minn JL ma’ BMW Bank fl-4 ta’ Mejju 2017 kien jispeċifika:

“Jekk il-persuna jew persuni li jissellfu jaqgħu lura fil-ħlasijiet, għandhom ikunu dovuti interessi moratorji b’rata ta’ ħames punti perċentwali fis-sena ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva. Ir-rata tal-interessi bażika hija stabbilita rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena u l-Bank Federali tal-Ġermanja għandu jippubblikaha fil-Bundesanzeiger.”

54

Fir-rigward tal-kuntratt konkluż minn DT ma’ Audi Bank fit-23 ta’ Marzu 2016, dan kien jinkludi l-indikazzjoni segwenti:

“Jekk il-kuntratt jiġi xolt, tintalab tħallas bir-rata statutorja tal-interessi moratorji. Ir-rata tal-interessi moratorji annwali hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva.”

55

Barra minn hekk, id-dokument li rċieva DT, imsemmi fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, kien jistipula:

“Ir-rata tal-interessi moratorji annwali hija ta’ ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva. Ir-rata tal-interessi bażika hija ddeterminata mill-Bank Federali tal-Ġermanja u hija stabbilita rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena.”

56

Madankollu, dan id-dokument ma sarx parti integrali mill-kuntratt konkluż minn DT ma’ Audi Bank fit-23 ta’ Marzu 2016 minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ forma bil-miktub, previst fl-Artikolu 492(1) tal-BGB.

57

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji ma huwiex spjegat b’mod eżawrjenti fil-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20. Fil-fatt, għalkemm il-kundizzjonijiet tal-kuntratt konkluż minn JL ma’ BMW Bank fl-4 ta’ Mejju 2017 kienu jagħmlu riferiment għall-istabbiliment mill-Bank Federali tal-Ġermanja, darbtejn fis-sena, tar-rata tal-interessi bażika, dan il-kuntratt ma kienx jispeċifika li din ir-rata tikkorrispondi għar-rata tal-interessi għall-iktar tranżazzjoni reċenti ta’ rifinanzjament prinċipali mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew, u l-imsemmi kuntratt lanqas ma kien jagħmel riferiment għall-Artikolu 247(1) tal-BGB li huwa rilevanti f’dan ir-rigward.

58

Bl-istess mod, la l-kuntratt konkluż minn DT ma’ Audi Bank fit-23 ta’ Marzu 2016 u lanqas id-dokument intitolat “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu għall-konsumatur” ma kienu jindikaw fuq liema bażi hija stabbilita r-rata tal-interessi bażika msemmija f’dan il-kuntratt.

59

Il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20 kienu jipprevedu wkoll klawżola identika għal dik riprodotta fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

60

Fir-rigward tad-dritt tal-persuna li tissellef li xxolji l-kuntratt għal raġuni gravi, il-kuntratt konkluż minn JL ma’ BMW Bank fl-4 ta’ Mejju 2017 ma kienx jagħmel riferiment għall-Artikolu 314 tal-BGB u ma kienx jindika li xoljiment skont din id-dispożizzjoni kellu jsir f’terminu raġonevoli. Il-kuntratt konkluż minn DT ma’ Audi Bank fit-23 ta’ Marzu 2016 ma kien jagħti ebda informazzjoni tad-dritt ta’ xoljiment mill-persuna li tissellef għal raġuni gravi konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB. Huwa minnu li dan il-kuntratt kien jipprevedi d-dritt ta’ xoljiment min-naħa tal-kreditur għal raġuni gravi, mingħajr madankollu ma kien jispeċifika l-forma ta’ dan ix-xoljiment u t-terminu sabiex jitwettaq. B’mod partikolari, l-imsemmi kuntratt ma kienx jinkludi indikazzjoni fis-sens li tali xoljiment għandu jitwettaq fuq mezz durabbli, konformement mal-Artikolu 492(5) tal-BGB.

61

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar eventwali proċedura extraġudizzjarja ta’ lment, il-kuntratt konkluż minn JL ma’ BMW Bank fl-4 ta’ Mejju 2017 ma kienx jelenka l-kundizzjoni ta’ aċċess għal din il-proċedura, bħalma huma r-rekwiżit tad-deskrizzjoni tat-tilwima, il-preżentata ta’ talba konkreta u l-kunsinna ta’ kopja tad-dokumenti meħtieġa. F’dan ir-rigward, dan il-kuntratt kien jindika biss li kien qiegħed isir riferiment għar-“‘Regoli tal-Proċedura għall-Ipproċessar tal-Ilmenti tal-Klijenti fis-Settur Bankarju Ġermaniż’, disponibbli fuq talba jew konsultabbli fuq is-sit internet tal-Bundesverband der Deutschen Banken eV [(l-Assoċjazzjoni Federali tal-Banek Ġermaniżi)] www.bdb.de”. Il-kuntratt konkluż minn DT ma’ Audi Bank fit-23 ta’ Marzu 2016 kien fih l-istess indikazzjonijiet, iżda kien jispeċifika, barra minn hekk, li “[l]-ilment għandu jiġi indirizzat bil-miktub (pereżempju permezz ta’ ittra, faks jew ittra elettronika) lill-Uffiċċju tal-Ilmenti mill-Klijenti fi ħdan il-Bundesverband deutscher Banken eV, Postfach 040307, 10062 Berlin, faks: 030 16633169, indirizz tal-posta elettronika: ombudsmann@bdb.de”.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva [2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar it-tip ta’ kreditu għandha tindika, skont il-każ, jekk hemmx inkwistjoni kuntratt ta’ kreditu assoċjat u/jew kuntratt ta’ kreditu għal żmien determinat?

2)

L-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ksib tal-kreditu fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu assoċjati mal-finanzjament tax-xiri ta’ beni jew meta l-ammont tas-self jiġi żborżat lill-bejjiegħ, huwa neċessarju li jiġi indikat li l-mutwatarju jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-ammont żborżat u li l-bejjiegħ għandu jikkunsinna l-beni mixtri sa fejn il-prezz tal-bejgħ ikun tħallas integralment?

3)

L-Artikolu 10(2)(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

a)

għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB]) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

b)

għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

4)

a)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

b)

(fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tar-raba’ domanda):

L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu ta’ rtirar jibda madankollu jiddekorri mal-konklużjoni tal-kuntratt u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens għar-rimbors antiċipat tal-kreditu li jintemm?

5)

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat, u li għandu jkun hemm riferiment espress tal-artikolu li jirregola dan id-dritt ta’ xoljiment?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48?

c)

il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

6)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal ilment u/jew rimedju fi proċedura extraġudizzjara ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju? Huwa insuffiċjenti f’dan ir-rigward li jkun hemm riferiment għal regolament, li jista’ jiġi kkonsultat fuq l-internet, applikabbli għall-proċedura extraġudizzjarja ta’ lment u/jew ta’ rimedju ġudizzjarju?

7)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

8)

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-[Direttiva 2008/48]

a)

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jkunx beda jiddekorri?

b)

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv)

jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?”

63

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2020, il-Kawżi C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20 ġew magħquda għall‑finijiet tal-proċedura orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

64

Sa fejn ċerti domandi fil-Kawżi C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20 huma simili jew identiċi, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien.

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑187/20

65

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta dan ikun il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, li huwa “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, u li dan il-kuntratt huwa konkluż għal perijodu determinat.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ kreditu konness” bil-mod li ġej: “il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u […] dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn […] il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu”.

67

Fil-Kawża C‑187/20, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kredituri rrikorrew għas-servizzi tal-bejjiegħa E u F għall-preparazzjoni u għall-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni f’din il-kawża u li l-kreditu mogħti konformement ma’ dawn il-kuntratti kien intiż esklużivament għall-finanzjament tal-provvista ta’ vetturi għal użu privat. Għaldaqstant, tali kuntratti għandhom jitqiesu li huma “kuntratti ta’ kreditu konnessi”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48.

68

Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20 ġew konklużi għal żmien determinat.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, it-tip ta’ kreditu, it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u jekk il-kreditu jingħata fil-forma ta’ ħlas iddifferit għal prodott jew għal servizz partikolari jew, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu konness, dan il-prodott jew dan is-servizz u l-prezz tagħhom fil-każ ta’ ħlas fil-pront.

70

Kif jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, ir-rekwiżit li, f’kuntratt ta’ kreditu stabbilit fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, jiġu indikati, b’mod ċar u konċiż, l-elementi msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

L-għarfien u komprensjoni tajba, min-naħa tal-konsumatur, tal-elementi li għandhom ikunu inklużi b’mod obbligatorju fil-kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 45).

72

Dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2008/48, li huwa li, fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, tiġi prevista armonizzazzjoni sħiħa u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma prinċipali, li hija meqjusa bħala neċessarja sabiex il-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu ggarantiti livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern bi prestazzjoni tajba tal-kreditu għall-konsumatur (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Issa, l-informazzjoni li, minn naħa, il-kuntratt ikkonċernat huwa “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48, u, min-naħa l-oħra, dan il-kuntratt huwa konkluż għal żmien determinat hija, għall-konsumatur, ta’ importanza fundamentali li tippermettilu jkun jaf b’mod reali d-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

74

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dan ikun il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika b’mod ċar u konċiż li huwa “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, u li dan il-kuntratt huwa konkluż għal żmien determinat.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑187/20

75

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, li jservi esklużivament għall-finanzjament ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ prodott u li jipprevedi li l-ammont tal-kreditu jitħallas lill-bejjiegħ ta’ dan il-prodott, għandu jindika li l-konsumatur huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-livell tal-ammont imħallas u li l-bejjiegħ, kemm‑il darba l-prezz tal-bejgħ ikun tħallas kompletament, għandu jikkunsinnalu l-prodott mixtri.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, l-ammont totali tal-kreditu u l-kundizzjonijiet li fihom jiġi rrilaxxat u jekk il-kreditu jkunx qiegħed jingħata fil-forma ta’ ħlas iddifferit għal prodott jew servizz partikolari, jew fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu konnessi, dan il-prodott jew servizz u l-prezz tagħhom fil-każ ta’ ħlas fil-pront.

77

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet formali dwar il-“kuntratti ta’ kreditu konnessi”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48, l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jeżiġi biss li l-kuntratt ta’ kreditu jsemmi l-prodott jew is-servizz ikkonċernati u l-prezz tagħhom fil-każ ta’ ħlas fil-pront.

78

Filwaqt li l-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 jipprevedi li l-ammont totali tal-kreditu u l-kundizzjonijiet li fihom jiġi rrilaxxat għandhom jiġu indikati b’mod obbligatorju fil-kuntratt ta’ kreditu, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma teżiġi, għall-kuntrarju, li dan il-kuntratt jindika l-konsegwenzi ta’ dan ir-rilaxx fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ tal-prodott jew tas-servizz iffinanzjati mill-kreditu.

79

B’dan premess, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma jipprekludix li, bi qbil komuni, il-partijiet fil-kuntratt tal-kreditu jispeċifikaw dawn il-konsegwenzi fil-kuntratt.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, li jservi esklużivament għall-finanzjament ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ prodott u li jipprevedi li l-ammont tal-kreditu jitħallas lill-bejjiegħ ta’ dan il-prodott, għandu jindika li l-konsumatur huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal-bejgħ sal-livell tal-ammont imħallas u li l-bejjiegħ, kemm‑il darba l-prezz tal-bejgħ ikun tħallas kompletament, għandu jikkunsinnalu l-prodott mixtri.

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑187/20

81

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal‑konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il‑mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji.

82

Għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jiġi stabbilit fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor. L-Artikolu 10(2)(l) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, ir-rata tal-interessi applikabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u l-modalitajiet għall-aġġustament ta’ din ir-rata, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

83

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali kienu jispeċifikaw li r-rata tal-interessi moratorji annwali kienet ta’ “ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva”. Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta wkoll li d-dokument intitolat “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu għall-konsumatur”, li ngħata lill-konsumaturi f’dawn il-kawżi, kien jispeċifika li “[i]r-rata tal-interessi moratorji annwali tammonta għal ħames punti perċentwali ogħla mir-rata tal-interessi bażika rispettiva. Ir-rata tal-interessi bażika hija ddeterminata mill-Bank Federali tal-Ġermanja u hija stabbilita rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena”. Madankollu, kif jirriżulta mill-imsemmija deċiżjonijiet, l-imsemmi dokument ma kienx jagħmel parti integrali minn dawn il-kuntratti. Kien biss il-kuntratt inkwistjoni fil-Kawża C‑187/20, konkluż bejn JL u BMW Bank, li kien jipprevedi espliċitament li “[i]r-rata tal-interessi bażika hija stabbilita rispettivament fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena u l-Bank Federali tal-Ġermanja għandu jippubblikaha fil-Bundesanzeiger”.

84

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm il-kuntratt ta’ kreditu ma għandux ikun neċessarjament stabbilit f’dokument wieħed, xorta jibqa’ l-fatt li l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandhom ikunu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor (ara, f’dan s-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 45 u d-dispożittiv).

85

Sa fejn l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu indikati b’mod ċar u konċiż, huwa meħtieġ li l-kuntratt ta’ kreditu jkun fih riferiment ċar u preċiż għall-karti l-oħra jew għall-mezzi durabbli l-oħra li jkun fihom dawn l-elementi u li jkunu effettivament ingħataw lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li dan ikun jista’ jaf b’mod reali id-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 34).

86

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawżi prinċipali.

87

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li, fil-kuntratt ta’ kreditu, għandha tiġi indikata r-rata tal-interessi applikabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas f’mument speċifiku, jiġifieri fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ bidla f’din ir-rata wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, din id-dispożizzjoni tipprevedi obbligu li jiġu indikati l-modalitajiet għall-aġġustament tal-imsemmija rata.

88

Kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rata tal-interessi applikabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, u dan b’mod konkret, fil-forma ta’ perċentwali, u mhux biss id-definizzjoni ta’ din ir-rata jew il-formola ta’ kalkolu użata għal dan il-għan.

89

Fir-rigward tal-istruttura ta’ din id-direttiva, mid-definizzjonijiet tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta, tar-rata tas-self u tar-rata tas-self fissa, li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li dawn id-diversi tipi ta’ rati għandhom jiġu espressi f’perċentwali.

90

Fir-rigward tal-għanijiet tal-istess direttiva u, b’mod iktar konkret, tal-Artikolu 10 tagħha, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit li jiġu indikati, f’kuntratt ta’ kreditu, b’mod ċar u konċiż, l-elementi msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

91

Issa, meta kuntratt konkluż minn konsumatur jirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni li l-indikazzjoni tagħha hija meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jiddetermina, fuq il-bażi tal-kuntratt, il-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 44).

92

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu li, fil-kuntratt ta’ kreditu, tiġi indikata r-rata tal-interessi moratorji konkreta, espressa f’perċentwali, jippermetti lill-konsumatur ikun jaf il-konsegwenzi tal-eventwali dewmien fil-ħlas min-naħa tiegħu.

93

Peress li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu tikkostitwixxi informazzjoni fil-forma ta’ ċifra, li ma jkunx il-każ b’mod partikolari meta tkun involuta rata tal-interessi varjabbli, din l-ewwel rata għandha tiġi indikata b’mod konkret fil-kuntratt ta’ kreditu, fil-forma ta’ perċentwali.

94

Fir-rigward tal-obbligu, previst fl-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, li fil-kuntratt ta’ kreditu jiġu indikati, b’mod ċar u konċiż, il-modalitajiet għall-aġġustament tar-rata tal-interessi applikabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas meta, bħal fil-kawżi prinċipali, il-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jkunu ftiehmu li r-rata tal-interessi moratorji ser tinbidel skont il-bidla fir-rata tal-interessi bażika stabbilita mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru u ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru li jista’ jiġi kkonsultat b’mod faċli, riferiment, magħmul f’dan il-kuntratt, għall-imsemmija rata tal-interessi bażika huwa ta’ natura li jippermetti lil konsumatur medju raġonevolment attent u informat jagħraf u jifhem il-mekkaniżmu għall-bidla ta’ din ir-rata tal-interessi moratorji, bil-kundizzjoni li l-metodu tal-kalkolu ta’ din ir-rata tal-aħħar ikun jinsab fl-imsemmi kuntratt. F’dan ir-rigward, għandhom ikunu osservati żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel, il-preżentazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għandha tkun tista’ tinftiehem faċilment minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju u din il-preżentazzjoni għandha tippermettilu jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fil-kuntratt ta’ kreditu. It-tieni, il-frekwenza tal-bidla fl-imsemmija rata tal-interessi bażika, li hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandha tiġi ppreżentata wkoll f’dan il-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 53).

95

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll għat-tielet domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji. Fil-każ li l-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jkunu ftiehmu li r-rata tal-interessi moratorji għandha tinbidel skont il-bidla fir-rata tal-interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru u ppubblikata f’ġurnal uffiċjali li jkun jista’ jiġi kkonsultat b’mod faċli, riferiment, magħmul f’dan il-kuntratt, għall-imsemmija rata tal-interessi bażika huwa suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-metodu tal-kalkolu tar-rata tal-interessi moratorji skont ir-rata tal-interessi bażika jkun ippreżentat fl-imsemmi kuntratt. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-preżentazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għandha tkun tista’ tinftiehem faċilment minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju u għandha tippermettilu jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fl-istess kuntratt. Fit-tieni lok, il-frekwenza tal-bidla fl-imsemmija rata tal-interessi bażika, li hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandha tiġi ppreżentata wkoll fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑187/20

96

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta u li tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jikkalkola l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat.

97

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, “id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat”.

98

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jipprevedu li “[i]l-Bank għandu jikkalkola t-telf skont il-qafas matematiku finanzjarju stabbilit mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja)”.

99

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li d-Direttiva 2008/48 tipprevedi obbligu, għall-professjonist, li jgħarraf lill-konsumatur bil-kontenut tal-impenn kuntrattwali li jkun qiegħed jiġi propost lilu u li ċerti elementi tiegħu huma stabbilit mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji ta’ Stat Membru, dan il-professjonist huwa meħtieġ jinforma b’mod ċar u konċiż lil dan il-konsumatur dwar il-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Għalkemm ma huwiex meħtieġ, għal dan il-għan, fir-rigward tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat previst fl-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, li l-kuntratt ta’ kreditu jispeċifika l-formula matematika li permezz tagħha ser jiġi kkalkolat dan il-kumpens, huwa madankollu għandu jindika l-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u b’mod li jkun jista’ jinftiehem faċilment minn konsumatur medju, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fil-kuntratt ta’ kreditu.

101

Issa, sempliċi riferiment, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self għall-qafas matematiku finanzjarju ddeterminat minn qorti nazzjonali, f’dan il-każ mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), ma jissodisfax ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, li l-konsumatur jiġi informat dwar il-kontenut tal-impenn kuntrattwali tiegħu.

102

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat‑tieni domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal‑kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika l-metodu tal‑kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u b’mod li jinftiehem faċilment minn konsumatur medju, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l‑ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal‑informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑187/20

103

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika s‑sitwazzjonijiet kollha li fihom dritt ta’ xoljiment huwa rrikonoxxut lill-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa d-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi min-naħa tal-persuna li tissellef, u jekk dan il-kuntratt għandux isemmi t-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

104

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, “il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ kreditu”.

105

Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom il-konsumatur u l-kreditur jistgħu jxolju l-kuntratt ta’ kreditu konkluż għal żmien indeterminat, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li l-imsemmija direttiva ma tagħti ebda dritt ta’ xoljiment fir-rigward tal-kuntratti konklużi għal żmien determinat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għad-“dritt ta’ terminazzjoni”, li jinsab fl-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għad-dritt ta’ xoljiment previst fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

106

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedi ebda obbligu li, fil-kuntratt ta’ kreditu, tiġi inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar id-dritt ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi għal żmien determinat.

107

Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, il-kuntratti inkwistjoni f’dawn tal-aħħar ġew konklużi għal żmien determinat.

108

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw obbligi għall-partijiet fil-kuntratt li ma humiex previsti f’din id-direttiva meta din tal-aħħar tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati fir-rigward tas-suġġett kopert minn dawn l-obbligi (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 55).

109

Issa, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jagħmel tali armonizzazzjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju fil-kuntratt ta’ kreditu (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 56).

110

Huwa minnu li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jipprevedi possibbiltà ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi għal żmien determinat. Madankollu, l-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 u l-Artikolu 13 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi l-obbligu li, f’tali kuntratt ta’ kreditu, tingħata informazzjoni dwar dritt ta’ xoljiment li ma huwiex previst fid-Direttiva 2008/48 iżda f’din il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss.

111

B’dan premess, id-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix li l-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, li jkunu ddeċidew bi qbil komuni li jipprevedu dritt ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 13 tagħha, jindikaw dan id-dritt fl-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 5758).

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat‑tielet domanda fil-Kawżi C‑33/20 u C‑155/20 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-kuntratt ta’ kreditu jindika s-sitwazzjonijiet kollha li fihom dritt ta’ xoljiment huwa rrikonoxxut lill-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, u mhux minn din id-direttiva.

Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑155/20 u fuq is-seba’ domanda fil‑Kawża C‑187/20

113

Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑155/20 u permezz tas-seba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur iqajjem eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza ta’ dritt meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, fil-każ li waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u fil-każ li dan il-konsumatur ma kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu mingħajr ma jkun responsabbli għall-fatt li ma kienx jaf bih.

114

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar ta’ erbatax‑il jum jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun ġiet ikkomunikata lill-konsumatur meta dan il-fatt ikun sussegwenti għall-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. L-imsemmi Artikolu 10 jelenka l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-kuntratti ta’ kreditu.

115

Kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw obbligi għall-partijiet fil-kuntratt li ma humiex previsti f’din id-direttiva meta din tal-aħħar tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati fir-rigward tas-suġġett kopert minn dawn l-obbligi.

116

Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet ratione temporis dwar l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu jaqgħu taħt l-armonizzazzjoni mwettqa fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48.

117

Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedi ebda limitazzjoni ratione temporis fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu fil-każ li l-imsemmija informazzjoni ma tkunx ingħatatlu, tali limitazzjoni ma tistax tiġi imposta, fi Stat Membru, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

118

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda fil‑Kawża C‑155/20 u għas-seba’ domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l‑Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kreditur iqajjem eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza ta’ dritt meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement ma’ din id‑dispożizzjoni, fil-każ li waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl‑Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu mingħajr ma jkun responsabbli għall-fatt li ma kienx jaf bih.

Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u fuq it-tmien domanda fil-Kawża C‑187/20

119

Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑155/20 u permezz tat-tmien domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’ jqis b’mod validu li l-konsumatur abbuża mid-dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u, min-naħa l-oħra, dan il-konsumatur ma kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu mingħajr ma jkun responsabbli għall-fatt li ma kienx jaf bih.

120

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/48 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni tal-abbuż, mill-konsumatur, tad-drittijiet li tagħtih din id-direttiva.

121

B’dan premess, għandu jiġi vverifikat jekk l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, huwiex ristrett b’konsegwenza tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-individwi ma jistgħux jinvokaw regoli ta’ dan id-dritt b’mod frawdolenti jew abbużiv.

122

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom joħroġ li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123

Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan huwa li l-konsumatur ikun jista’ jagħżel il-kuntratt li l-iktar jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu u għalhekk li jkun jista’ jirrinunzja għall-effetti ta’ kuntratt li, wara l-konklużjoni tiegħu, jirriżulta, fil-perijodu ta’ riflessjoni previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, li ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ dan il-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Rust‑Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 101).

124

Min-naħa l-oħra, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 117 u 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġi żgurat li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jevalwa l-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu u li jippenalizza lill-kreditur li ma jikkomunikalux l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

125

Fil-fatt, is-sanzjonijiet previsti fid-direttivi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi huma intiżi li jiddisswadu lill-professjonist milli jikser l-obbligi li għandu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi fil-konfront tal-konsumatur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 84, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punti 3438).

126

Għaldaqstant, meta l-professjonist ma jkunx ikkomunika lill-konsumatur l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, u meta dan tal-aħħar jiddeċiedi li jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu wara t-terminu ta’ erbatax‑il jum wara l-konklużjoni tiegħu, dan il-professjonist ma jistax isostni li l-konsumatur qiegħed jabbuża mid-dritt ta’ rtirar tiegħu, u dan anki jekk iż-żmien li jkun għadda bejn il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u l-irtirar min-naħa tal-konsumatur ikun kunsiderevoli.

127

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall‑ħames domanda fil-Kawża C‑155/20 u għat-tmien domanda fil‑Kawża C‑187/20 hija li d-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’ jqis b’mod validu li l-konsumatur abbuża mid‑dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) tal‑imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il‑konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu.

Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C‑187/20

128

Permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑187/20, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-kundizzjonijiet formali essenzjali li għalihom huwa suġġett il-ftuħ ta’ proċedura extraġudizzjarja ta’ lment jew ta’ rimedju jew jekk huwiex suffiċjenti li dan il-kuntratt jirreferi, f’dan ir-rigward, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet.

129

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, “jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih”.

130

Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħhom, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-modalitajiet ta’ aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ rimedju aċċessibbli għall-konsumatur, għandha tingħata b’mod ċar u konċiż.

132

Minn dan isegwi li l-informazzjoni inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu dwar dan is-suġġett għandha tkun ċara u kompleta biżżejjed sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jressqu tali lment jew tali rimedju, iżda ma għandhiex tirriproduċi r-regoli proċedurali kollha dwar tali proċeduri.

133

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi tiżgura li dawn ikunu jistgħu, b’mod volontarju, iressqu ilmenti jew rimedji kontra kredituri quddiem entitajiet li japplikaw proċeduri għas-soluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 26).

134

Sabiex ikunu jistgħu jużaw tali possibbiltà, il-konsumaturi għandhom jiġu informati dwar il-mekkaniżmi eżistenti fil-qasam ta’ rimedji extraġudizzjarji. F’dan ir-rigward, meta tqum tilwima, huwa meħtieġ li l-konsumaturi jkunu f’pożizzjoni li jidentifikaw malajr liema huma l-entitajiet għal soluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim li għandhom kompetenza sabiex jittrattaw l-ilment tagħhom u jekk il-professjonist ikkonċernat ikunx ser jipparteċipa fi proċedura mressqa quddiem tali entità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 27).

135

B’hekk, l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 huwa intiż li jiġi żgurat, minn naħa, li l-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex opportun għalih li jirrikorri għal waħda mill-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ rimedju u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur ikun effettivament f’pożizzjoni li jressaq tali lment jew tali rimedju fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu.

136

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal dan il-għan huwa essenzjali li l-konsumatur ikun informat, l-ewwel, dwar il-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lment jew ta’ rimedju għad-dispożizzjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, dwar l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, it-tieni, dwar il-fatt li l-ilment jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati b’ittra jew b’mezz elettroniku, it-tielet, dwar l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati dan l-ilment jew dan ir-rimedju u, ir-raba’, dwar il-kundizzjonijiet formali l-oħra li għalihom huma suġġetti dan l-ilment jew dan ir-rimedju.

137

Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, sempliċi riferiment, magħmul fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew għal att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet tal-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment jew ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda fil-Kawża C‑187/20 hija li l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-informazzjoni essenzjali dwar il-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lment jew ta’ rimedju li jkunu disponibbli għall-konsumatur u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, il-fatt li l-ilment jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati dan l-ilment jew dan ir-rimedju u l-kundizzjonijiet formali l-oħra li għalihom huma suġġetti dan l-ilment jew dan ir-rikors. Fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, sempliċi riferiment, magħmul fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew għal att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet tal-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti.

Fuq l-ispejjeż

139

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(2)(a), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dan ikun il-każ, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika b’mod ċar u konċiż li huwa “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, u li dan il-kuntratt huwa konkluż għal żmien determinat.

 

2)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li “kuntratt ta’ kreditu konness”, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, li jservi esklużivament għall-finanzjament ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ prodott u li jipprevedi li l-ammont tal‑kreditu jitħallas lill-bejjiegħ ta’ dan il-prodott, għandu jindika li l‑konsumatur huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz tal‑bejgħ sal-livell tal-ammont imħallas u li l-bejjiegħ, kemm‑il darba l‑prezz tal-bejgħ ikun tħallas kompletament, għandu jikkunsinnalu l‑prodott mixtri.

 

3)

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal‑konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji. Fil‑każ li l-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jkunu ftiehmu li r-rata tal-interessi moratorji għandha tinbidel skont il-bidla fir-rata tal‑interessi bażika ddeterminata mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru u ppubblikata f’ġurnal uffiċjali li jkun jista’ jiġi kkonsultat b’mod faċli, riferiment, magħmul f’dan il-kuntratt, għall-imsemmija rata tal‑interessi bażika huwa suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-metodu tal‑kalkolu tar-rata tal-interessi moratorji skont ir-rata tal-interessi bażika jkun ippreżentat fl-imsemmi kuntratt. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il‑preżentazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għandha tkun tista’ tinftiehem faċilment minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju u għandha tippermettilu jikkalkola r‑rata tal-interessi moratorji fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fl‑istess kuntratt. Fit-tieni lok, il-frekwenza tal-bidla fl-imsemmija rata tal-interessi bażika, li hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, għandha tiġi ppreżentata wkoll fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni.

 

4)

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal‑kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika l‑metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u b’mod li jinftiehem faċilment minn konsumatur medju, b’tali mod li dan tal‑aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija f’dan il‑kuntratt.

 

5)

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li l-kuntratt ta’ kreditu jindika s-sitwazzjonijiet kollha li fihom dritt ta’ xoljiment huwa rrikonoxxut lill-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali biss, u mhux minn din id-direttiva.

 

6)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kreditur iqajjem eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza ta’ dritt meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement ma’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li waħda mill‑indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) ta’ din id‑direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu mingħajr ma jkun responsabbli għall-fatt li ma kienx jaf bih.

 

7)

Id-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l‑kreditur ikun jista’ jqis b’mod validu li l-konsumatur abbuża mid‑dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl‑Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tiegħu.

 

8)

L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-informazzjoni essenzjali dwar il-proċeduri extraġudizzjarji kollha ta’ lment jew ta’ rimedju li jkunu disponibbli għall-konsumatur u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, il-fatt li l-ilment jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati dan l-ilment jew dan ir-rimedju u l-kundizzjonijiet formali l-oħra li għalihom huma suġġetti dan l-ilment jew dan ir-rikors. Fir-rigward ta’ din l‑informazzjoni, sempliċi riferiment, magħmul fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew għal att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet tal-proċeduri extraġudizzjarji ta’ lment u ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top