Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0562

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2022.
    SIA "Rodl & Partner" vs Valsts ieņēmumu dienests.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administratīvā rajona tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Artikolu 18(1) u (3) – Punt 3(b) tal-Anness III – Approċċ ibbażat fuq ir-riskju – Evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu – Identifikazzjoni tar-riskji mill-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu – Miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti – Miżuri ta’ diliġenza msaħħa – Pajjiżi terzi b’riskju għoli ta’ korruzzjoni – Artikolu 13(1)(c) u (d) – Rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu – Artikolu 14(5) – Kontroll kontinwu fir-rigward tal-klijenti impost fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu – Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjoni.
    Kawża C-562/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:381

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fit‑12 ta’ Mejju 2022 ( 1 )

    Kawża C‑562/20

    SIA “Rodl & Partner”

    vs

    Valsts ieņēmumu dienests

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva (UE) 2015/849 — Evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu — Applikazzjoni awtomatika tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa — Pajjiż terz li għandu riskju ogħla ta’ korruzzjoni — Pubbliċità tas-sanzjonijiet”

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet fundamentali tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ( 2 ).

    2.

    Hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata ta’ diversi aspetti essenzjali tas-sistema ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, ibbażata fuq l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, previst minn din id-direttiva u b’mod partikolari l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut f’dan il-qasam lill-Istati Membri, kif ukoll il-portata tal-obbligi imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju tal-klijenti tagħhom u tal-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, tal-livell xieraq ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A. Id‑dritt tal‑Unjoni

    3.

    L-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li “Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:

    (c)

    il-valutazzjoni u, kif xieraq, il-kisba ta’ informazzjoni fuq l-għan u l-għan maħsub tar-relazzjoni ta’ negozju;

    (d)

    it-twettiq ta’ monitoraġġ kontinwa tar-relazzjoni ta’ negozju inkluż skrutinju tat-transazzjonijiet matul il-kors ta’ dik ir-relazzjoni sabiex ikun żgurat li t-transazzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu jkunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu tal-klijent, in-negozju u l-profil tar-riskju, inkluż fejn ikun neċessarju tas-sors tal-fondi u jiġi żgurat li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmuma jinżammu dejjem aġġornati.”

    4.

    L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2018/843, jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent partikolari, jew meta l-entità marbuta b’obbligu jkollha kwalunkwe dmir legali fil-kors tas-sena kalendarja rilevanti li tikkuntattja lill-klijent bl-iskop tar-reviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sid(ien) benefiċjarji, jew jekk l-entità marbuta b’obbligu kellha dan id-dmir skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE”.

    5.

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2018/843, jipprevedi:

    “1.   Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 18a sa 24, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ikbar li jiġu identifikati mill-Istati Membri jew l-entitajiet marbutin b’obbligu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri għal diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa biex jiġġestixxu u jimmitigaw dawk ir-riskji kif xieraq. […]

    3.   Meta jivvalutaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri u l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu kont tal-inqas ta’ dawk il-fatturi ta’ sitwazzjonijiet b’potenzjal ta’ riskju ogħla indikati fl-Anness III”.

    6.

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva li ma jistax isir appell kontriha għandha tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna sanzjonata tiġi mgħarrfa b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. […]

    2.   Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet li jista’ jsir appell kontrihom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jippubblikaw minnufih din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ dan l-appell fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom […]”

    7.

    L-Anness III tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi fil-punt 3(b) tiegħu, li l-“lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi u tipi ta’ evidenza ta’ riskju potenzjalment ogħla msemmi fl-Artikolu 18(3)”, fost il-“Fatturi ta’ riskju ġeografiċi” tinkludi l-“pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b’livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra”.

    B. Id‑dritt Latvjan

    8.

    Id-Direttiva 2015/849 ġiet trasposta fid-dritt Latvjan min-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-“Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u tal-Proliferazzjoni”), tas‑17 ta’ Lulju 2008 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus”).

    II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura prinċipali u d‑domandi preliminari

    9.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, SIA “Rodl & Partner Partner” (iktar ’il quddiem “Rodl & Partner”), hija kumpannija, stabbilita fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti, inter alia, fil-provvista ta’ servizzi ta’ kontabbiltà, ta’ servizzi ta’ awditu u kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza fiskali. Hija għandha l-kwalità ta’ entità marbuta b’obbligu fis-sens tad-Direttiva 2015/849.

    10.

    Fil-perijodu ta’ bejn it‑3 ta’ April 2019 u s‑6 ta’ Ġunju 2019, uffiċjali tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus Miksuba Illegalment (in-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas novēršanas pārvalde), tal-awtorità fiskali Latvjana (il-Valsts ieņēmumu dienests; iktar ’il quddiem il-“VID”) wettqu monitoraġġ ta’ Rodl & Partner. Fil-kuntest ta’ dan il-monitoraġġ, il-VID ikkonstatat, inter alia, li Rodl & Partner, bħala entità marbuta b’obbligu, naqset milli twettaq u tiddokumenta evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, skont il-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus, fir-rigward ta’ żewġ klijenti tagħha: il-fondazzjoni It izglītības fonds (iktar ’il quddiem il-“fondazzjoni”) u l-kumpannija SIA RBA Consulting (iktar ’il quddiem “RBA Consulting”).

    11.

    L-ewwel klijent, jiġifieri l-fondazzjoni, għandha s-sede fil-Latvja u għandha l-għan li tippromwovi l-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni lill-istudenti. Din il-fondazzjoni saret klijenta ta’ Rodl & Partner fil‑25 ta’ Ottubru 2016. Il-karta ta’ identità relattiva ġiet iffirmata fis‑7 ta’ Marzu 2017 minn VR, ċittadin tal-Federazzjoni Russa, b’permess ta’ residenza fil-Latvja, li jmexxi l-fondazzjoni, bħala ħaddiem impjegat. F’din il-karta, bħala sid benefiċjarju tal-fondazzjoni, ġiet identifikata l-kumpannija Latvjana fit-totalità tagħha.

    12.

    Rodl & Partner ikkunsidrat li għal din il-klijenta l-profil tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu kellu jiġi evalwat bħala baxx. Min-naħa l-oħra, il-VID indikat li rriżulta minn rapport tat‑22 ta’ Ġunju 2018, ippubblikat fuq is-sit internet tal-imsemmi uffiċċju tal-VID, kif ukoll mill-prassi internazzjonali li l-possibbiltà tal-użu ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (iktar ’il quddiem “NGOs”) hija fost it-theddid prinċipali ta’ finanzjament tat-terroriżmu. B’hekk, skont il-VID, Rodl & Partner, kienet obbligata twettaq eżami fil-fond tal-klijenta anki fid-dawl tal-fatt li hija kien marbuta ma’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, jiġifieri l-Federazzjoni Russa.

    13.

    It-tieni klijenta, RBA Consulting, hija kumpannija bis-sede fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi u ta’ komunikazzjoni. L-uniku azzjonist u sid benefiċjarju ta’ din il-kumpannija huwa ċittadin Latvjan. Mit‑28 ta’ Diċembru 2017, din kienet klijenta ta’ Rodl & Partner. Għal din il-klijenta wkoll, Rodl & Partner ikkunsidrat li l-profil tar-riskju kellu jiġi evalwat bħala baxx.

    14.

    Min-naħa l-oħra, wara l-analiżi tal-estratti tal-kont kurrenti ta’ din il-kumpannija, il-VID ikkonstatat li hija kienet tirċievi kull xahar trasferimenti ta’ EUR 25000 mingħand Nord Stream 2 AG, sussidjarja tal-kumpannija Russa Gazprom. Barra minn hekk, irriżulta illi l-fatturi relattivi kienu nħarġu fuq il-bażi ta’ kuntratt tal‑1 ta’ Jannar 2018 konkluż bejn RBA Consulting u Nord Stream 2 AG. Fuq talba tal-VID għall-produzzjoni ta’ kopja tal-imsemmi kuntratt, Rodl & Partner ma pprovdietx dan id-dokument, billi sostniet illi hija kienet eżaminat il-kuntratt oriġinali fl-indirizz tal-klijent. F’dan il-kuntest, il-VID ikkonkludiet li, fit-twettiq tal-monitoraġġ tar-relazzjoni ta’ negozju tagħha ma’ dan il-klijent, Rodl & Partner ma kinitx tat biżżejjed attenzjoni għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn RBA Consulting ma’ Nord Stream 2 AG, kumpannija li tappartjeni lil entità bis-sede f’pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni.

    15.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2019 tal-VID, ġiet imposta fuq Rodl & Partner sanzjoni ta’ EUR 3000 għal ksur tal-obbligi previsti mil-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus. Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-VID ippubblikat, fil‑11 ta’ Awwissu 2019, fuq is-sit internet tagħha, informazzjoni dwar il-ksur imwettaq minn Rodl & Partner. Id-deċiżjoni ta’ sanzjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2019 tad-Direttur Ġenerali tal-VID. Rodl & Partner talbet lill-qorti tar-rinviju l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, kif ukoll it-tneħħija tal-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet dwar is-sanzjonijiet li ġew imposti fuqha.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tindika, fl-ewwel lok, li la d-Direttiva 2015/849 u lanqas il-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus ma jipprevedu li NGO tikkostitwixxi, sempliċement minħabba l-forma ġuridika tagħha, każ ta’ riskju ogħla, li għandu jiġi suġġett, minħabba dan is-sempliċi fatt, għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti. Hija tosserva li Rodl & Partner sostniet li, kieku l-VID kellha tikkunsidra li entità marbuta b’obbligu għandha tapplika miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa kull darba li l-klijent tagħha jkollu l-forma ġuridika ta’ NGO jew wieħed mill-impjegati tagħha jkun ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali rekwiżit, huwiex sproporzjonat u jekk dan għandux ikun previst mil-liġi.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Federazzjoni Russa ma hijiex inkluża fil-lista tal-pajjiżi b’riskju għoli ppubblikata mill-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja Internazzjonali (FATF), u lanqas fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea tal-pajjiżi terzi b’riskju għoli. Dik il-qorti tikkunsidra li huwa possibbli li jitqies li dan il-pajjiż huwa wieħed b’riskju għoli ta’ korruzzjoni fis-sens tal-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849 ( 4 ). Madankollu, hija tindika li la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, u lanqas dawk tal-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus ma jimponu direttament li l-klijent għandu jkun suġġett għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa meta ċittadin tal-Federazzjoni Russa ikun sempliċement impjegat mill-klijent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tikkunsidra li jeżistu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (3), ikkunsidrat flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849.

    18.

    Fit-tieni lok, jekk dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti obbligu awtomatiku li jiġu adottati miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti meta jkun possibbli li jiġi kkonstatat riskju marbut mal-forma ġuridika tal-klijent (NGO) u riskju minħabba l-fatt li l-persuna awtorizzata mill-klijent u l-impjegat tal-klijent tkun ċittadina ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, għandu jiġi evalwat jekk din l-interpretazzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 TUE.

    19.

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fil-każ konkret, il-VID eċċedietx dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti meta kkunsidrat li l-fatt li RBA Consulting hija s-sieħba kummerċjali ta’ sussidjarja ta’ kumpannija Russa jikkostitwixxi, fih innifsu, fattur li jżid ir-riskju marbut mal-klijent. Preżunzjoni ta’ dan it-tip ma hijiex, fil-fatt, prevista fid-dritt Latvjan kontra l-ħasil tal-flus u lanqas fid-Direttiva 2015/849.

    20.

    Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-VID eċċedietx is-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni rilevanti meta talbet il-produzzjoni ta’ kopja tal-kuntratt konkluż bejn RBA Consulting u Nord Stream 2 AG. Dik il-qorti tistaqsi għalhekk jekk l-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-produzzjoni ta’ kopja tal-kuntratt konkluż bejn il-klijent u terz.

    21.

    Fil-ħames lok, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi – u fl-affermattiv jekk dan huwiex iġġustifikat u proporzjonat – li l-entità marbuta b’obbligu hija obbligata tapplika miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti eżistenti anki f’sitwazzjoni fejn ma kienx hemm bidla sinjifikattiva fis-sitwazzjoni tal-klijent u jekk dan l-obbligu japplikax biss fir-rigward tal-klijenti li għalihom ikun ġie identifikat livell ta’ riskju għoli.

    22.

    Finalment, fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tindika li ċerta informazzjoni dwar il-ksur imwettaq minn Rodl & Partner, ippubblikata mill-VID fuq is-sit internet tagħha, kienet tinkludi ineżattezzi. Hija tistaqsi għalhekk dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849.

    23.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 u tal-Punt 3(b) tal-Anness III għandhom jiġu interpretati fis-sens li i) jimponu awtomatikament fuq fornitur estern ta’ servizzi ta’ kontabbiltà l-obbligu li jieħu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa għar-raġuni li l-klijent huwa organizzazzjoni mhux governattiva u li l-persuna awtorizzata mill-klijent, li hija impjegata, hija ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa, li għandha permess ta’ residenza fir-Repubblika tal-Latvja, u ii) jeżiġu li lil tali klijent jiġi awtomatikament attribwit livell għoli ta’ riskju?

    2)

    Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun waħda affermattiva, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 għandha titqies li hija proporzjonali u, għaldaqstant, konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849 u tal-Punt 3(b) tal-Anness III għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu obbligu awtomatiku li jittieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa fil-każijiet kollha fejn l-imsieħeb kummerċjali ta’ klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, huwa assoċjat b’xi mod ma’ pajjiż li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa?

    4)

    L-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi, fuq l-entità marbuta b’obbligu, l-obbligu li tikseb mingħand il-klijent kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ diligenza dovuta tal-klijenti, b’tali mod li l-eżami tal-kuntratt fuq il-post huwa meqjus bħala insuffiċjenti?

    5)

    L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entità marbuta b’obbligu għandha tapplika miżuri ta’ diligenza dovuta tal-klijenti eżistenti anki meta ma tkun tista’ tiġi identifikata l-ebda bidla fl-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tal-klijent u meta t-terminu stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għall-miżuri ta’ spezzjoni mill-ġdid ikun għadu ma skadiex, u tali obbligu japplika biss għall-klijenti li fir-rigward tagħhom ġie stabbilit riskju għoli ta’ klijent?

    6)

    L-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tippubblika informazzjoni dwar deċiżjoni li tistabbilixxi sanzjoni jew miżura amministrattiva minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din l-istess direttiva, l-awtorità kompetenti hija obbligata li tiżgura ruħha li l-informazzjoni ppubblikata taqbel eżattament ma’ dik li tinstab fid-deċiżjoni?”

    III. Analiżi ġuridika

    24.

    Is-sitt domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża jikkonċernaw l-interpretazzjoni u l-validità ta’ diversi dispożizzjonijiet fundamentali tad-Direttiva 2015/849. Qabel ma nirrispondi għalihom, nikkunsidra li huwa opportun li jsiru xi kunsiderazzjonijiet preliminari, dwar il-verżjoni tad-Direttiva 2015/849 applikabbli rationae temporis kif ukoll dwar is-sistema ta’ prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu prevista minn din id-direttiva.

    A. Osservazzjonijiet preliminari

    1.   Fuq il‑verżjoni tad-Direttiva 2015/849 applikabbli rationae temporis

    25.

    Mill-proċess jirriżulta li Rodl & Partner wettqet l-analiżi tar-riskju tal-fondazzjoni u ta’ RBA Consulting fl‑1 ta’ Settembru 2017 u fit‑8 ta’ Frar 2018, rispettivament. Il-monitoraġġ imwettaq mill-VID seħħ bejn it‑3 ta’ April 2019 u s‑6 ta’ Ġunju 2019 u d-deċiżjoni kkontestata tal-VID ġiet adottata fit‑13 ta’ Novembru 2019. Id-Direttiva 2018/843, li emendat id-Direttiva 2015/849, daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Lulju 2018. Hija stabbilixxiet, fl-Artikolu 4(1) tagħha, l‑10 ta’ Jannar 2020 bħala t-terminu ta’ traspożizzjoni għall-Istati Membri.

    26.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tar-riskju li fuqhom ibbażat ruħha Rodl & Partner sabiex tiddetermina l-livell ta’ riskju u, konsegwentement, il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward taż-żewġ klijenti tagħha seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja tal‑2018. Il-monitoraġġ imwettaq mill-VID, min-naħa l-oħra, seħħ wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

    27.

    F’dan il-kuntest, naqbel ma’ dak li indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta li, kif sejjer jintwera f’iktar dettall fil-punt 63 iktar ’l isfel, fis-sistema ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu prevista mid-Direttiva 2015/849, l-evalwazzjoni tar-riskji, u l-applikazzjoni konsekuttiva ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li jikkorrispondu għal-livell ta’ riskju identifikat, hija proċess kontinwu. Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak li donnha tipprevedi l-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies li l-leġiżlazzjoni li fuq il-bażi tagħha għandha tiġi eżaminata l-legalità tal-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa minn entità marbuta b’obbligu għandha neċessarjament tkun dik applikabbli waqt it-twettiq tal-evalwazzjoni inizjali. Fil-fatt, fis-sistema tad-Direttiva 2015/849, l-evalwazzjoni tar-riskju għandha natura neċessarjament dinamika u jeżisti obbligu tal-entitajiet marbuta b’obbligu sabiex iżommu l-evalwazzjonijiet tar-riskju tagħhom aġġornati ( 5 ). Konsegwentement, l-evalwazzjoni tar-riskju mħaddma mill-entità marbuta b’obbligu fir-rigward ta’ klijent – li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ livell speċifiku ta’ miżuri ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward ta’ dan il-klijent – għandha tkun konformi għal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-mument tal-monitoraġġ imwettaq mill-awtorità. L-entità marbuta b’obbligu ma tistax tiġġustifika diverġenza bejn l-analiżi tagħha tar-riskju u l-miżuri konsegwenti ta’ diliġenza applikati billi ssostni li l-analiżi inizjali tagħha kienet irregolata minn leġiżlazzjoni differenti.

    28.

    Isegwi, fil-fehma tiegħi, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-verżjoni tad-direttiva applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża hija dik fis-seħħ fil-mument tal-monitoraġġ imwettaq mill-VID, jiġifieri l-verżjoni emendata bid-Direttiva 2018/843.

    29.

    Madankollu, jeħtieġ ukoll li jiġi indikat li d-destinatarji tad-direttivi huma l-Istati Membri ( 6 ). L-obbligi tal-entitajiet marbuta b’obbligu joriġinaw, prinċipalment, mil-liġi tat-traspożizzjoni tad-direttiva stess. Meta l-VID wettqet il-monitoraġġ li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/843 kien għadu ma skadiex. Mill-proċess ma jirriżultax jekk, fil-mument ta’ dan il-monitoraġġ, il-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus kinitx diġà ġiet adattata sabiex tittrasponi l-emendi introdotti minn din id-direttiva. Fi kwalunkwe każ, l-obbligi imposti fuq Rodl & Partner kienu dawk previsti mill-verżjoni tal-liġi Latvjana applikabbli fil-mument tal-monitoraġġ, verżjoni, fil-fatt, iċċitata mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 7 ).

    30.

    Nikkunsidra, madankollu, li l-emendi magħmula mid-Direttiva 2018/843 għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, iċċitati fid-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma kellhomx impatt sostanzjali fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għal dawn id-domandi ( 8 ). Nosserva wkoll li dawn id-domandi ma għandhomx problemi ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849.

    2.   Fuq is‑sistema ta’ prevenzjoni tal‑użu tas‑sistema finanzjarja għall‑finijiet tal‑ħasil tal‑flus jew tal‑finanzjament tat-terroriżmu, prevista mid‑Direttiva 2015/849

    a)   Sistema ta’ prevenzjoni skont approċċ ibbażat fuq ir‑riskju

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tindika li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali li tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat li flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-integrità, għall-istabbiltà u għar-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea u jipperikolaw is-suq intern tagħha, kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali ( 9 ). Din id-direttiva ġiet adottata f’kuntest internazzjonali sabiex ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF jiġu applikati u jiġu magħmula effettivi fl-Unjoni ( 10 ).

    32.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 huma għalhekk ta’ natura prinċipalment preventiva, sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, numru ta’ miżuri dissważivi għall-ġlieda effikaċi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll sabiex jippreżervaw is-solidità u l-integrità tas-sistema finanzjarja ( 11 ).

    33.

    Kif jirriżulta mill-premessi 22 u 23 tad-Direttiva 2015/849, l-imsemmi approċċ olistiku bbażat fuq ir-riskju ( 12 ) jikkostitwixxi bżonn għall-Istati Membri u għall-Unjoni sabiex jiġu identifikati, mifhuma u mmitigati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalihom. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jippreżumi evalwazzjoni ta’ dawn ir-riskji, li, fis-sistema tad-Direttiva 2015/849 ( 13 ), tiġi mwettqa fuq tliet livelli: fil-livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni (Artikolu 6) ( 14 ), fil-livell ta’ kull Stat Membru (Artikolu 7) u fil-livell tal-entitajiet marbuta b’obbligu (Artikolu 8).

    34.

    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2015/849, kull wieħed mill-Istati Membri huwa obbligat jieħu l-miżuri xierqa sabiex jidentifika, jevalwa, jifhem u jimmitiga r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jikkonċernawh u li jaġġorna din l-evalwazzjoni tar-riskju.

    35.

    Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom ikunu obbligati, b’mod proporzjonat man-natura tagħhom u mad-daqs tagħhom, li jadottaw miżuri xierqa sabiex jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi ta’ riskju inklużi, inter alia, dawk relatati mal-klijenti, mal-pajjiżi jew maż-żoni ġeografiċi tagħhom.

    36.

    Din l-evalwazzjoni tar-riskju tikkostitwixxi l-kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ prevenzjoni – jiġifieri l-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti – intiżi sabiex jevitaw jew, tal-inqas, sabiex jostakolaw kemm jista’ jkun, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 15 ). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tar-riskju, ma huwiex possibbli għall-Istat Membru kkonċernat, u lanqas, eventwalment, għal entità marbuta b’obbligu, li tiddeċiedi każ b’każ liema miżuri japplikaw ( 16 ).

    37.

    Ir-riskju huwa, barra minn hekk, varjabbli min-natura tiegħu, u l-varjabbli jistgħu, waħedhom jew meta kkunsidrati flimkien, iżidu jew inaqqsu r-riskju potenzjali, u b’hekk għandhom impatt fid-determinazzjoni tal-livell adegwat ta’ miżuri preventivi ( 17 ). Teżisti wkoll korrelazzjoni bejn l-evalwazzjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ verifika adegwata, fis-sens li l-livell ta’ diliġenza jiddependi minn livell ta’ riskju ftit jew wisq għoli ( 18 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod ċar li l-miżuri ta’ diliġenza għandu jkollhom rabta konkreta mar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu u għandhom ikunu proporzjonati ma’ dan ir-riskju ( 19 ).

    38.

    F’dan il-kuntest, id-Direttiva 2015/849 tiddistingwi tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza li l-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu jkunu obbligati japplikaw fir-rigward tal-klijenti tagħhom skont il-livell ta’ riskju identifikat: il-miżuri normali, il-miżuri ssemplifikati u l-miżuri msaħħa ( 20 ).

    39.

    Fir-rigward tal-miżuri normali ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, dawn huma rregolati, b’mod partikolari, mill-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2015/849. Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dawn jikkonsistu fl-identifikazzjoni tal-klijent (punt (a)) u tas-sid benefiċjarju (punt (b)), l-evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, il-ksib ta’ informazzjoni dwar l-għan u n-natura maħsuba tar-relazzjoni ta’ negozju (punt (c)) u t-twettiq ta’ monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni ta’ negozju (punt (d)). Skont l-Artikolu 13(2), l-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu jikkalibraw l-portata tal-imsemmija miżuri skont ir-riskju.

    40.

    Fir-rigward tal-miżuri ssemplifikati, jirriżulta mill-Artikolu 15(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 li, meta l-Istat Membru jew l-entità marbuta b’obbligu jidentifikaw setturi b’riskju baxx jew meta entità marbuta b’obbligu tkun ivverifikat li r-relazzjoni ta’ negozju jew it-tranżazzjoni tippreżenta livell baxx ta’ riskju, jista’ jiġi permess li l-entitajiet marbuta b’obbligu japplikaw miżuri ssemplifikati ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

    41.

    Finalment, fir-rigward tal-miżuri msaħħa, jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/849 li fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18a sa 24 tal-istess direttiva u f’sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskji ogħla identifikati mill-Istati Membri jew mill-entitajiet marbuta b’obbligu, dawn tal-aħħar huma obbligati japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti sabiex jamministraw u jimmitigaw dawn ir-riskji b’mod adegwat.

    42.

    Isegwi li, apparti l-każijiet speċifiċi previsti fl-Artikoli 18a sa 24 tad-Direttiva 2015/849 – li fihom l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa hija ta’ natura awtomatika –, b’mod koerenti mal-korrelazzjoni neċessarja, imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, bejn l-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u l-adegwatezza tal-miżuri preventivi, l-applikazzjoni ta’ miżuri msaħħa tippreżupponi l-identifikazzjoni ta’ riskji ogħla mill-Istat Membru jew mill-entità marbuta b’obbligu. B’mod iktar speċifiku, il-miżuri applikabbli ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-livell ta’ riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ( 21 ).

    43.

    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849 li, sabiex jiġu ddeterminati każijiet ta’ riskju ogħla minn dawk previsti fl-Artikoli 18a sa 24 tal-istess direttiva, l-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tal-inqas il-fatturi indikattivi ta’ sitwazzjonijiet potenzjalment ta’ riskju ogħla previsti fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Dan l-anness jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi u ta’ tipi ta’ elementi li jindikaw tali riskju.

    b)   Fuq ir‑rwol tal‑Istati Membri fl‑approċċ ibbażat fuq ir‑riskju tad‑Direttiva 2015/849

    1) Il‑marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal‑Istati Membri

    44.

    Id-Direttiva 2015/849 sempliċement tipprovdi livell ta’ armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ( 22 ). Kif diġà jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hija tħalli marġni ta’ manuvrar wiesa’ lill-Istati Membri kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tal-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu, jevitaw jew tal-inqas jostakolaw dawn l-attivitajiet.

    45.

    Id-Direttiva 2015/849, minn naħa, tirrikonoxxi espliċitament li l-Istati Membri jistgħu jkunu kkonċernati b’mod differenti minn riskji differenti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ( 23 ). Kif enfasizzat mill-Kummissjoni waqt is-seduta u mir-Repubblika tal-Latvja fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn ir-riskji ddifferenzjati jistgħu jiddependu fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru u jistgħu jvarjaw skont numru ta’ parametri bħas-sitwazzjoni ġeografika jew is-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tiegħu.

    46.

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tħalli lil kull Stat Membru l-fakultà li jiddetermina l-livell ta’ protezzjoni li huwa jikkunsidra xieraq meta mqabbel mal-livell ta’ riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu identifikat ( 24 ).

    47.

    Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva 2015/849 lill-Istati Membri jikkonċerna kemm il-possibbiltà li jiġu awtorizzati miżuri ssemplifikati ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti fil-każ ta’ identifikazzjoni ta’ livell ta’ riskju baxx, kif ukoll – minbarra l-każijiet espressament previsti fl-Artikoli 18a sa 24 tagħha – il-preskrizzjoni tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti fil-każ ta’ identifikazzjoni ta’ livell ta’ riskju ogħla.

    48.

    Fir-rigward speċifikament tal-miżuri msaħħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv għall-Istati Membri fir-rigward tal-metodu xieraq kif jimplimentaw l-obbligu li jipprevedu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa u jiddeterminaw kemm is-sitwazzjonijiet li fihom hemm riskju ikbar kif ukoll il-miżuri ta’ diliġenza dovuta li jkunu opportuni ( 25 ). Mill-bqija l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni tirriżulta espliċitament mit-test innifsu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/849 ( 26 ).

    49.

    Jeħtieġ ukoll li jiġi indikat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jimpedixxu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li d-“dispożizzjonijiet iktar stretti” imsemmija f’din id-dispożizzjoni jistgħu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom din id-direttiva tipprovdi ċertu tip ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u wkoll sitwazzjonijiet oħra li l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju ( 28 ). Barra minn hekk, dan l-artikolu japplika għad-dispożizzjonijiet kollha fil-qasam irregolat mid-Direttiva 2015/849 sabiex jiġi prekluż il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 29 ).

    50.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2015/849 tagħti marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-Istati Membri li jistgħu jistabbilixxu livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni u jawtorizzaw jew jimponu miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti differenti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva fuq il-bażi tal-kompetenza prevista fl-imsemmi Artikolu 5, jew jidentifikaw sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskju ogħla fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom mill-imsemmi Artikolu 18. Meta jagħmlu hekk l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jidentifikaw il-miżuri speċifiċi li jkollhom jiġu applikati f’ċerti sitwazzjonijiet jew jagħtu lill-entitajiet marbuta b’obbligu diskrezzjoni li japplikaw, abbażi tal-evalwazzjoni tar-riskju, il-miżuri meqjusa proporzjonati mar-riskju f’sitwazzjoni partikolari ( 30 ).

    2) Il‑portata u l‑limiti tal‑marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal‑Istati Membri

    51.

    F’dan il-kuntest, għandhom madankollu jiġu ċċarati, kif jirriżulta barra minn hekk mid-dibattitu li seħħ waqt is-seduta, il-portata u l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut mid-Direttiva 2015/849 lill-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. It-test ta’ din id-direttiva nnifisha, b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tagħha, ifakkar li l-Istati Membri huma fi kwalunkwe każ obbligati li jaġixxu “fil-limiti tal-liġi tal-Unjoni”.

    52.

    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, tqum il-kwistjoni tal-bażi ġuridika xierqa għall-identifikazzjoni mill-Istati Membri – fil-kuntest iddefinit mill-imsemmija direttiva – ta’ fatturi oħra ta’ riskju li jistgħu jiġġustifikaw jew anki jeżiġu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti.

    53.

    Jeħtieġ fil-fatt li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali, huwiex neċessarju li l-elementi kostituttivi kollha tal-fatturi ta’ riskju identifikati minn Stat Membru jiġu ddeterminati b’mod espliċitu f’att li għandu status leġiżlattiv, bl-indikazzjoni espliċita, pereżempju, tal-pajjiżi jew tat-tipi ta’ organizzazzjonijiet li jinkludu livell ta’ riskju ogħla ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ miżuri msaħħa.

    54.

    F’dan ir-rigward, nikkunsidra li, b’applikazzjoni tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, id-determinazzjoni tal-fatturi ta’ riskju inġenerali, li tista’ taffettwa potenzjalment sitwazzjonijiet suġġettivi jew anki drittijiet fundamentali, għandha, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq atti li għandhom status ta’ liġi. Madankollu, nikkunsidra, ukoll, li l-liġi ma għandhiex, u lanqas ma tista’, tistabbilixxi leġiżlazzjoni eżawrjenti tal-fatturi kollha ta’ riskju speċifiċi.

    55.

    Fil-fatt, fid-dawl tan-natura dinamika kemm tar-relazzjonijiet ekonomiċi, kif ukoll tal-attivitajiet kriminali, huwa, fil-fehma tiegħi, impossibbli li jiġu ddeterminati b’mod eżawrjenti, ex ante, il-fatturi kollha possibbli li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Kif tirrikonoxxi espliċitament il-premessa 30 tad-Direttiva 2015/849, ir-riskju huwa, min-natura tiegħu stess, varjabbli. Huwa, għalhekk, neċessarju li s-sistema tkun żgurata ċertu livell ta’ flessibbiltà li tippermetti adattament dinamiku għall-identifikazzjoni tal-imsemmija fatturi, iżda dejjem, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurati mid-dritt tal-Unjoni.

    56.

    Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma huwiex kuntrarju għal indikazzjoni bil-liġi ta’ kategoriji ta’ riskju ġenerali, li, filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ natura kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru, jiġu speċifikati f’atti oħra u sussegwenti li ma humiex neċessarjament ta’ status leġiżlattiv ( 31 ). Dawn l-atti għandhom ukoll ikollhom pubbliċità xierqa, peress li teżisti l-ħtieġa li dawn ikunu disponibbli għall-għarfien mill-pubbliku u, b’mod partikolari, mill-entitajiet marbuta b’obbligu, imsejħa sabiex iwettqu l-evalwazzjonijiet tar-riskju billi japplikaw dawn il-kriterji fil-konkret.

    57.

    Id-determinazzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ riskju, kif ukoll tal-miżuri xierqa sabiex jitnaqqsu dawn ir-riskji, għandha mbagħad tkun konformi mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fost dawn għandu jiġi ċċitat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, imsemmi fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit, speċifikament, fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali. L-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lilhom mid-Direttiva 2015/849 ma għandux għalhekk jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u ma għandux jagħti lok għal diskriminazzjonijiet.

    c)   Fuq ir‑rwol tal‑entitajiet marbuta b’obbligu fl‑approċċ ibbażat fuq ir‑riskju tad‑Direttiva 2015/849

    58.

    Kif indikat fil-punt 35 preċedenti, u kif jirriżulta mill-Artikoli 8 u 11 sa 18 tad-Direttiva 2015/849, fis-sistema ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu maħluqa minn din id-direttiva skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, l-entitajiet marbuta b’obbligu jwettqu rwol kruċjali fl-evalwazzjoni tar-riskji tal-imsemmija attivitajiet. Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan ir-rwol fundamentali huwa spjegat mill-prossimità tal-entitajiet marbuta b’obbligu għat-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi u għalhekk għall-attivitajiet potenzjalment illegali, li tqiegħed lil dawn l-entitajiet fl-aħjar pożizzjoni sabiex jindikaw il-possibbiltà ta’ tranżazzjonijiet suspettużi.

    59.

    Minn din il-perspettiva, id-Direttiva 2015/849 tipprevedi li dawn l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jadottaw miżuri xierqa intiżi sabiex jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ta’ riskju rilevanti kif ukoll l-obbligu li japplikaw il-miżuri xierqa ta’ diliġenza.

    60.

    L-evalwazzjoni tar-riskju u l-applikazzjoni konsegwenti ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti mill-entitajiet marbuta b’obbligu jimplikaw proċessi deċiżjonali bbażati fuq l-evidenza fattwali, sabiex jiġu identifikati b’mod iktar effikaċi r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ( 32 ). Din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjonijiet preċiżi u għalhekk ma għandhiex issir b’mod astratt. Skont dan l-approċċ olistiku, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jista’ jkollhom effett fuq l-identifikazzjoni tar-riskju.

    61.

    F’dan ir-rigward, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849 li l-evalwazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jiġu ddokumentati, aġġornati u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi awtoregolatorji kkonċernati.

    62.

    Ir-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni u ta’ prova fir-rigward tal-awtoritajiet dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu u d-deċiżjonijiet sussegwenti li huma ħadu fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza jinsab ukoll fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2015/849. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom ikunu f’pożizzjoni li juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri ta’ diliġenza applikati huma adegwati għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu identifikati ( 33 ).

    63.

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tar-riskju hija proċess dinamiku u, sa fejn huwa raġonevoli, kontinwu. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849 li jinżammu aġġornati l-evalwazzjonijiet tar-riskji u, min-naħa l-oħra, mill-obbligu, previst fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849 li jitwettaq stħarriġ kostanti tar-relazzjoni ta’ negozju u li jkun magħruf il-profil tar-riskju tal-klijent billi jinżammu aġġornati d-dokumenti, id-data u l-informazzjoni miżmuma.

    64.

    Għandu jiġi indikat ukoll li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-obbligi imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu ma jistgħux ikunu sproporzjonati. Dan ir-rekwiżit huwa spjegat fid-Direttiva 2015/849, fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1), li skontha l-miżuri imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu fuq il-bażi ta’ din id-direttiva għandhom ikunu proporzjonati għan-natura tagħhom u għad-daqs tagħhom. Dan ir-rekwiżit jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-premessa 2 tad-direttiva nnifisha li tenfasizza r-rekwiżit ta’ approċċ ibbilanċjat u tispeċifika l-“ħtieġa li jinħoloq ambjent regolatorju li jippermetti li l-kumpanniji jkabbru n-negozji tagħhom mingħajr ma jeħlu spejjeż ta’ konformità sproporzjonati”.

    65.

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fil-fehma tiegħi, fis-sistema ta’ prevenzjoni stabbilita mid-Direttiva 2015/849, l-entità marbuta b’obbligu għandha tkun kapaċi turi lill-awtoritajiet, minn naħa, li tkun wettqet analiżi tar-riskju kemm jista’ jkun komplet, fil-limitu ta’ raġonevolezza u proporzjonalment għan-natura u għad-dimensjoni tagħha, fir-rigward tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi u s-sorsi rilevanti kollha u, min-naħa l-oħra, li tkun applikat livell xieraq ta’ miżuri xierqa ta’ monitoraġġ tal-klijenti, każ b’każ, fil-livell tar-riskju identifikat.

    66.

    Huwa fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li għandhom jiġu analizzati d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    B. Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari

    67.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, ikkunsidrat flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu awtomatikament fuq entità marbuta b’obbligu li tattribwixxi lil klijent livell ta’ riskju ogħla u, konsegwentement, li tadotta fil-konfront tiegħu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti, fid-dawl tal-fatt li dan il-klijent huwa NGO u li l-persuna awtorizzata u impjegata tal-klijent hija ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni.

    68.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-imsemmija dispożizzjonijiet interpretati b’dan il-mod humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) TUE.

    69.

    Kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li għandhom jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa f’żewġ sitwazzjonijiet: minn naħa, fil-każijiet skont l-Artikoli 18a sa 24 tagħha u, min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskji ogħla identifikati mill-Istati Membri jew mill-entitajiet marbuta b’obbligu. Billi mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li din il-kawża taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl‑Artikoli 18a sa 24 tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda preliminari tirreferi għat-tieni sitwazzjoni.

    70.

    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 18(1) u (3) tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849 li, sabiex jiddeterminaw il-każijiet ta’ riskju ogħla, l-Istati Membri u l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tal-inqas il-fatturi indikattivi ta’ sitwazzjonijiet li potenzjalment għandhom riskju ogħla previsti b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

    71.

    Kif jirriżulta mill-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18a sa 24 tad-Direttiva 2015/849, b’applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju li fuqu hija bbażata s-sistema sħiħa ta’ prevenzjoni maħluqa minn din id-direttiva, l-attribuzzjoni eventwali lil klijent ta’ livell ta’ riskju ogħla u, konsegwentement, l-adozzjoni fir-rigward tiegħu ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ddettaljata tar-riskju fir-rigward ta’ dan il-klijent. Jirriżulta, ukoll, mill-punt 60 iktar ’il fuq, li din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jista’ jkollhom effett fuq l-identifikazzjoni tal-livell ta’ riskju tal-klijent innifsu.

    72.

    Isegwi li, barra minn dawn il-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18a sa 24 tad-Direttiva 2015/849, l-attribuzzjoni lil klijent ta’ livell ta’ riskju ogħla u, konsegwentement, l-adozzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti ma hijiex awtomatika. L-adozzjoni ta’ miżuri msaħħa għandha minflok tirriżulta minn evalwazzjoni każ b’każ tar-riskju speċifiku relatat ma’ dan il-klijent, imwettqa mill-entità marbuta b’obbligu fuq il-bażi tal-kriterji identifikati mill-Istat Membru inkwistjoni jew mill-entità marbuta b’obbligu nnifisha skont il-fatturi kollha ta’ riskju rilevanti.

    73.

    Fl-ewwel domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tirreferi għal żewġ fatturi ta’ riskju speċifiċi: minn naħa, il-fatt li l-klijent huwa NGO u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-persuna awtorizzata u impjegata tal-klijent hija ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa.

    74.

    Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn il-fatturi, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li la d-Direttiva 2015/849, u lanqas il-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus ma jipprevedu li NGO, bħala tali, sempliċement minħabba l-forma ġuridika tagħha, tikkostitwixxi każ ta’ riskju ogħla.

    75.

    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 44 u sussegwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sistema prevista mid-Direttiva 2015/849, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li huma speċifiċi għalihom. Huma jistgħu għalhekk jidentifikaw sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskju ogħla ( 34 ).

    76.

    F’dan ir-rigward għandu jiġi indikat li jirriżulta b’mod speċifiku mis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 6(12) tal-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus li meta l-entità marbuta b’obbligu twettaq l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, hija tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fost iċ-ċirkustanzi li għandhom effett fuq ir-riskju, ir-riskju inerenti tal-forma ġuridika tal-klijent. Bla preġudizzju għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tapplika d-dritt nazzjonali, jidher għalhekk li l-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus tipprevedi espliċitament il-forma ġuridika tal-klijent bħala fattur ta’ riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju mwettqa mill-entità marbuta b’obbligu.

    77.

    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu l-Gvern Latvjan enfasizza li rapport tal‑2019 tal-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus Miksuba Illegalment tal-VID ( 35 ) wera li l-NGOs huma partikolarment vulnerabbli għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari l-NGOs li ma humiex irreġistrati bħala organizzazzjonijiet ta’ interess ġenerali. Il-Gvern Latvjan ikkwota wkoll sorsi oħra ta’ informazzjoni, li jikkonċernaw speċifikament il-Latvja ( 36 ) li minnhom jirriżulta li l-forma ġuridika tal-fondazzjoni jew tal-NGO tikkostitwixxi element li għandu jiġi kkunsidrat bħala fattur potenzjali ta’ riskju għoli, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskju.

    78.

    F’dan ir-rigward fil-punt 56 iktar ’il fuq jiena rrilevajt li, fil-fehma tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li kategoriji ta’ riskji ġenerali (bħal, pereżempju, f’dan il-każ, il-forma ġuridika tal-klijent) jiġu indikati fil-liġi u li, sussegwentement, ikunu speċifikati (f’dan il-każ, speċifikament, il-forma ġuridika ta’ NGO jew ta’ fondazzjoni) f’atti oħra u sussegwenti li ma jkollhomx neċessarjament status leġiżlattiv. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, b’mod konkret, jekk, fis-sistema ġuridika Latvjana, effettivament għandux jiġi kkunsidrat li l-fatt li klijent ikollu l-forma ġuridika ta’ fondazzjoni jew ta’ NGO jikkostitwixxix fattur ta’ riskju potenzjali ogħla li entità marbuta b’obbligu hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju li hija għandha twettaq fil-konfront ta’ klijent tagħha.

    79.

    Jekk dan ikun il-każ, allura jeħtieġ li jiġi konkluż li minkejja li l-fatt li klijent ikollu l-forma ġuridika ta’ NGO, ma jwassalx awtomatikament għall-għoti lil dan il-klijent ta’ profil ta’ riskju għoli – bil-konsegwenza tal-applikazzjoni awtomatika ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa –, l-assenza eventwali ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi ommissjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tal-klijent. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 l-entità marbuta b’obbligu għandha tkun kapaċi turi lill-awtoritajiet kompetenti l-adegwatezza tal-analiżi tagħha tar-riskju u li, għalhekk, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f’din l-analiżi.

    80.

    Fir-rigward tat-tieni fattur imsemmi fil-punt 73 iktar ’il fuq – jiġifieri l-fatt li l-persuna awtorizzata u impjegata tal-klijent hija ċittadin ta’ pajjiż terz b’riskju għoli ta’ korruzzjoni – għandu jiġi indikat li kif osservat mill-qorti tar-rinviju, il-Federazzjoni Russa ma tidhirx, u lanqas ma dehret fil-mument tal-fatti rilevanti, fil-lista tal-pajjiżi b’riskju għoli ppubblikata mill-FATF ( 37 ) u lanqas fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni tal-pajjiżi terzi b’riskju għoli ( 38 ).

    81.

    Madankollu, mill-punt 3(b) tal-Anness III tad-Direttiva 2015/849, imsemmi fl-Artikolu 18(3) tagħha, jirriżulta li, fost il-fatturi ġeografiċi li jindikaw sitwazzjonijiet potenzjalment ta’ riskju għoli huwa indikat il-fattur “pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b’livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra”.

    82.

    Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 111 tal-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus jipprovdi li fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tal-inqas ċerti fatturi ta’ żieda tar-riskju li fosthom hemm, fil-punt 2(b), iċ-ċirkustanza li l-klijent jew is-sid benefiċjarju tiegħu jkun marbut ma’ pajjiż jew ma’ territorju li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni.

    83.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Federazzjoni Russa tista’ tiġi kkunsidrata bħala pajjiż jew territorju li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni ( 39 ). Barra minn hekk, il-Gvern Latvjan, fis-seduta, għamel riferiment għal linji gwida u għal ħafna materjal ieħor ta’ informazzjoni ppubblikati fuq is-sit tal-VID li juru speċifikament li, fil-prattika, fil-Latvja, l-eżistenza ta’ rabta mal-Federazzjoni Russa hija kkunsidrata bħala fattur li jista’ jżid ir-riskju ta’ ħasil tal-flus. Barra minn hekk, jidher raġonevoli li jiġi kkunsidrat li, konformement ma’ dak li ġie indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, fatturi relatati mas-sitwazzjoni ġeografika u mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Repubblika tal-Latvja jistgħu jiġġustifikaw, b’applikazzjoni tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut mid-Direttiva 2015/849 lill-Istati Membri, approċċ speċifiku ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-Federazzjoni Russa. Bla preġudizzju għall-analiżi tal-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tapplika d-dritt nazzjonali, jidher għalhekk li l-eżistenza ta’ “rabta” tal-klijent jew tas-sid benefiċjarju mal-Federazzjoni Russa hija kkunsidrata fid-dritt Latvjan bħala fattur potenzjali ta’ riskju ogħla li entità marbuta b’obbligu hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju li hija għandha twettaq fir-rigward ta’ klijent tagħha.

    84.

    Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi konkluż, – bħalma ġie konkluż fir-rigward tal-fattur relatat mal-forma ġuridika ta’ NGO –, li l-fatt li klijent ikollu rabta mal-Federazzjoni Russa, minkejja li ma jinkludix awtomatikament l-attribuzzjoni lil dan il-klijent ta’ profil ta’ riskju għoli – bil-konsegwenza ta’ applikazzjoni awtomatika ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa –, jikkostitwixxi fattur ta’ riskju li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-klijent mill-entità marbuta b’obbligu. Konsegwentement, il-possibbiltà li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni dan l-element tikkostitwixxi wkoll ommissjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu mwettqa fir-rigward tal-klijent.

    85.

    Bla preġudizzju għall-evalwazzjonijiet li għandhom isiru fuq il-bażi tad-dritt Latvjan mill-qorti tar-rinviju, madankollu xorta għandhom isiru xi kunsiderazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “rabta”. Fil-fatt, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali rabta għandha jkollha ċerta importanza u għandha tkun relatata b’xi mod mar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

    86.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li l-fatt li sempliċi impjegat tal-klijent ikun ċittadin ta’ pajjiż b’riskju ta’ ħasil tal-flus jikkostitwixxi rabta suffiċjenti sabiex jitqies li jista’ jkun hemm fattur ta’ riskju ikbar. Dan l-approċċ jista’, potenzjalment, iwassal għal diskriminazzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti jekk min-naħa l-oħra r-rabta kienet tikkonċerna, pereżempju, is-sid benefiċjarju tal-klijent jew impjegat li għandu rwol li jippermettilu jwettaq attivitajiet li potenzjalment jistgħu jkunu marbuta ma’ attivitajiet ta’ ħasil tal-flus.

    87.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix biżżejjed elementi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol ta’ VR, ċittadin tal-Federazzjoni Russa, fil-fondazzjoni, sabiex tittieħed pożizzjoni dwar dan l-aspett. Madankollu, ma nistax ma nirrilevax li, kif jirriżulta minn din id-deċiżjoni, il-kumpannija Latvjana kollha kemm hi ġiet identifikata bħala s-sid benefiċjarju tal-fondazzjoni, konklużjoni li tidher li tmur manifestament kontra l-kunċett ta’ sid benefiċjarju użat fid-Direttiva 2015/849 ( 40 ). Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dawn l-elementi.

    88.

    Finalment, sabiex tingħata risposta kemm jista’ jkun eżawrjenti lill-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li huwa neċessarju wkoll li nirrileva li, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 iktar ’il fuq, u kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija Rodl & Partner li għandha tipprova għalfejn fid-dawl tas-sitwazzjoni proprja tal-klijent u fil-preżenza ta’ fatturi speċifiċi, potenzjalment indikattivi ta’ riskju għoli, hija kkonkludiet li l-klijent inkwistjoni kellu biss riskju baxx u li għalhekk kien biżżejjed li jiġu applikati miżuri ssemplifikati.

    89.

    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-proċess, jidher li l-VID issanzjonat lil Rodl & Partner mhux għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ miżuri msaħħa fir-rigward tal-klijent tagħha fuq il-bażi ta’ prassi nazzjonali tal-VID, li skontha klijent għandu jkun suġġett għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa minn entità marbuta b’obbligu kull darba li dan il-klijent ikollu l-forma ġuridika ta’ NGO jew wieħed mill-impjegati tiegħu ikun ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni ( 41 ). L-eżistenza ta’ din il-prassi hija kkontestata mill-Gvern Latvjan. Mill-proċess pjuttost jidher li l-VID issanzjonat lil Rodl & Partner minħabba analiżi insuffiċjenti tar-riskju u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, f’din l-analiżi, ta’ fatturi li setgħu potenzjalment jibdlu l-evalwazzjoni tar-riskju fir-rigward taż-żewġ klijenti tagħha. Evidentement hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan l-aspett.

    90.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari kif indikat fil-punt 1) tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, magħmula biss f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

    C. Fuq it‑tielet domanda preliminari

    91.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849, ikkunsidrat flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi obbligu awtomatiku li jittieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti fil-każijiet kollha fejn sieħeb kummerċjali tal-klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, ikun marbut b’xi mod ma’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni.

    92.

    Mill-kunsiderazzjonijiet li saru fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, speċifikament fil-punti 69 sa 72 iktar ’il fuq, jirriżulta li minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18a sa 24 tad-Direttiva 2015/849, l-attribuzzjoni lil klijent ta’ livell ta’ riskju ogħla u, konsegwentement, l-adozzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti ma hijiex awtomatika, iżda għandha tirriżulta minn evalwazzjoni każ b’każ tar-riskju speċifiku relatat ma’ dan il-klijent, imwettqa mill-entità marbuta b’obbligu fuq il-bażi tal-kriterji identifikati mill-Istat Membru inkwistjoni jew mill-entità marbuta b’obbligu nnifisha fir-rigward tal-fatturi kollha ta’ riskju rilevanti.

    93.

    Isegwi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, applikabbli mutatis mutandis għal din id-domanda preliminari fir-rigward tal-possibbiltà tal-applikazzjoni awtomatika tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa, li anki r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, tkun fin-negattiv.

    94.

    Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta kemm jista’ jkun utli, għandha tiġi approfondita l-kwistjoni rigward ir-rilevanza fil-kuntest tas-sistema ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu prevista mid-Direttiva 2015/849 ta’ sitwazzjonijiet li fihom sieħeb kummerċjali tal-klijent, u mhux il-klijent innifsu, ikun marbut b’xi mod ma’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni.

    95.

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kif diġà ġie enfasizzat iktar ’il fuq, l-Anness III tad-Direttiva 2015/849 jenumera l-fatturi ġeografiċi, indikattivi ta’ sitwazzjonijiet potenzjalment ta’ riskju għoli, li fosthom hemm “pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b’livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra”. Dan l-anness ma jagħmel ebda distinzjoni skont jekk il-fatturi ġeografiċi jikkonċernawx il-klijent jew l-imsieħba kummerċjali tiegħu. Imbagħad mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-riskju li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati jwettqu għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi ta’ riskju relattivi mhux biss għall-klijenti tagħhom, iżda wkoll, inter alia, għat-“tranżazzjonijiet”. L-approċċ li skontu l-analiżi tal-fatturi ta’ riskju ma hijiex limitata għall-klijent bħala persuna, iżda wkoll għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tiegħu huwa barra minn hekk ikkonfermat mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849, dwar miżuri ta’ diliġenza tal-klijenti. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-fatt, li l-obbligu li jsir monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni ta’ negozju jikkonċerna wkoll l-attivitajiet kummerċjali tal-klijent.

    96.

    Min-naħa l-oħra, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2015/849, imfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ riskju ġeografiku, li jinkludi mhux biss l-oriġini tal-klijent ta’ “pajjiżi identifikati minn sorsi kredibbli bħala pajjiżi b’livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra”, iżda wkoll rabtiet oħra possibbli ma’ dan il-pajjiż, bħal attivitajiet kummerċjali jew dħul kummerċjali importanti marbuta miegħu. F’dan ir-rigward, nosserva li jirriżulta mill-Gwida għal Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju tal-FATF għall-Operaturi ta’ Servizzi ta’ Kontabbiltà ( 42 ) – li tista’ tkun rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2015/849 ( 43 ) – li l-fatt li l-oriġini tas-sors ta’ ġid (source of wealth) tal-klijent, li jinkludi d-dħul kummerċjali, ikun ġej minn pajjiż ta’ riskju ogħla, jikkostitwixxi fattur ta’ riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-persuni li joffru servizzi ta’ kontabbiltà ( 44 ).

    97.

    Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-obbligi imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu joriġinaw, bħala prinċipju, mil-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni u mhux direttament mid-Direttiva 2015/849. Il-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus, fl-Artikolu 111, tagħha, imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, tikkunsidra bħala fattur ta’ riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju, iċ-ċirkustanza li l-klijent jew is-sid benefiċjarju tiegħu huwa marbuta ma’ pajjiż jew ma’ territorju li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni. Kuntrarjament għall-Anness III tad-Direttiva 2015/843, din id-dispożizzjoni tidher għalhekk li tillimita r-rilevanza tal-fattur ġeografiku, f’termini suġġettivi, għall-klijent innifsu jew għas-sid benefiċjarju tiegħu.

    98.

    Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2015/849, xi ħaġa li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, nosserva barra minn hekk li, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li interpretazzjoni konformi ma’ din id-direttiva teżiġi li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li tinkludi wkoll bħala fattur ta’ riskju ġeografiku r-rabta tal-klijent ma’ pajjiż jew ma’ territorju li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni fir-rigward tad-dħul kummerċjali tal-klijent, u għalhekk tat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-klijent innifsu, fir-rigward ta’ dan il-pajjiż, inkluż id-dħul minn attivitajiet kummerċjali eżerċitati ma’ sħab kummerċjali marbuta ma’ pajjiż terz b’livell għoli ta’ korruzzjoni.

    99.

    Madankollu, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità li għamilt riferiment għaliha fil-punt 64 iktar ’il fuq jimponi li jsir riferiment għall-entità u għall-importanza tat-tranżazzjoni jew tad-dħul kummerċjali marbut mal-pajjiż li jippreżenta riskju ogħla, li jiddependi neċessarjament minn analiżi każ b’każ. Isegwi li mhux kull dħul li joriġina minn attivitajiet kummerċjali eżerċitati ma’ sħab kummerċjali marbuta ma’ pajjiż terz bi grad għoli ta’ korruzzjoni jikkostitwixxi fattur ta’ riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-klijent. Huma biss l-operazzjonijiet u d-dħul kummerċjali ta’ entitajiet importanti li għandhom rilevanza għal dan l-għan u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala element ta’ rabta ma’ dan il-pajjiż. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fejn il-klijent jikseb parti mid-dħul tiegħu – li tista’ titqies li hija kunsiderevoli meta mqabbla mad-dħul totali tiegħu – minn dan is-sieħeb kummerċjali marbut mal-pajjiż terz bi grad għoli ta’ korruzzjoni jew fil-każ fejn it-tranżazzjonijiet kummerċjali jkunu ta’ natura li joħolqu b’xi mod dipendenza tal-klijent fuq dan is-sieħeb kummerċjali.

    100.

    Fi kwalunkwe każ, b’mod konkret, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-każ ineżami fir-rigward tar-relazzjoni bejn RBA Consulting u s-sieħeb kummerċjali tagħha marbut mal-pajjiż terz b’livell għoli ta’ korruzzjoni u jekk, għaldaqstant, Rodl & Partner kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni din it-tranżazzjoni kummerċjali fl-evalwazzjoni tar-riskju tal-klijenta tagħha. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet li għamilt fil-punti 88 u 89 iktar ’il fuq jgħoddu mutatis mutandis għall-evalwazzjoni tar-riskju relatat ma’ RBA Consulting.

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda preliminari kif indikat fil-punt 2) tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    D. Fuq ir‑raba’ domanda preliminari

    102.

    Permezz tar-raba’ domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-entità marbuta b’obbligu, meta tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, li tikseb mingħand il-klijent kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz jew jekk l-eżami ta’ dan il-kuntratt imwettaq in situ jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti.

    103.

    Ir-raba’ domanda preliminari, bħat-tielet waħda, taqa’ fl-ambitu tal-kontestazzjonijiet magħmula mill-VID fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa minn Rodl & Partner tal-livell ta’ riskju tat-tieni klijenta tagħha inkwistjoni, RBA Consulting.

    104.

    Kif ġie indikat fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2015/849 jiddefinixxi l-miżuri (normali) ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom japplikaw fil-każ ta’ identifikazzjoni ta’ livell ta’ riskju normali. Fost dawn hemm dawk previsti fil-punti (c) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

    105.

    Kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 iktar ’il fuq u mill-Artikoli 8(2) u 13(4) tad-Direttiva 2015/849, hemm imsemmija, l-entitajiet marbuta b’obbligu huma marbuta li josservaw ir-rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju li huma wettqu fuq il-klijenti tagħhom, kif ukoll tal-idoneità tal-miżuri ta’ diliġenza li huma applikaw fir-rigward tal-klijenti tagħhom fir-rigward tal-livell ta’ riskju identifikat ( 45 ).

    106.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 40(1)(a) tad-Direttiva 2015/849 jimponi fuq dawn il-persuni l-obbligu li jżommu l-kopja tad-dokumenti u tal-informazzjoni meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti mid-direttiva nnifisha.

    107.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 ma jiddeterminawx b’mod preċiż il-modalitajiet kif l-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu josservaw dawn ir-rekwiżiti ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti. F’dan il-kuntest, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna preċiżament dawn il-modalitajiet.

    108.

    Dwar dan, inqis li fil-mument ta’ monitoraġġ bħal dak imwettaq mill-VID, persuna marbuta b’obbligu bħal Rodl & Partner hija obbligata li tiddokumenta b’mod xieraq u li tipprovdi provi tal-evalwazzjoni tar-riskju li hija wettqet fir-rigward ta’ klijent tagħha, tal-fatt li f’din l-evalwazzjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha ta’ riskju rilevanti, kif ukoll tal-fatt li din l-evalwazzjoni tipprovdi bażi xierqa għall-konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri ta’ diliġenza applikati għal dan il-klijent.

    109.

    Fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni tar-riskju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni relazzjoni jew tranżazzjoni kummerċjali ma’ sieħeb marbut ma’ pajjiż terz b’livell għoli ta’ korruzzjoni, l-entità marbuta b’obbligu għandha tipprovdi d-dokumentazzjoni xierqa lill-awtorità kompetenti li turi li hija analizzat din it-tranżazzjoni jew relazzjoni kummerċjali u ħaditha debitament inkunsiderazzjoni sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-livell ta’ riskju tal-klijent.

    110.

    Madankollu, l-obbligu ta’ prova u ta’ dokumentazzjoni tal-entità marbuta b’obbligu, fil-fehma tiegħi, mhux dejjem tippreżupponi l-preżentazzjoni fiżika tal-kopja ta’ kuntratt. Skont il-każ, il-prova tista’ tiġi prodotta permezz ta’ modalitajiet oħra li madankollu għandhom ikunu xierqa għal dan il-għan. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ, kif indikat essenzjalment il-Kummissjoni, permezz tal-produzzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni dwar il-kuntratt li jinkludu l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni effettiva tar-riskju marbut ma’ din ir-relazzjoni kummerċjali u li huma f’pożizzjoni li juru li l-entità marbuta b’obbligu effettivament analizzat u kkunsidrat il-kuntratt inkwistjoni fl-evalwazzjoni tagħha tar-riskju fir-rigward tal-klijent.

    111.

    L-entità marbuta b’obbligu ma tistax, madankollu, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din ir-relazzjoni kummerċjali fl-analiżi tar-riskju fir-rigward tal-klijent, billi tinvoka l-impossibbiltà li jiġi pprovdut il-kuntratt inkwistjoni. L-assenza kompleta ta’ provi u dokumentazzjoni dwar relazzjoni kummerċjali rilevanti għall-analiżi tar-riskju fir-rigward tal-klijent tikkostitwixxi ksur tal-obbligi msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq. Evidentement hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod konkret jekk dan huwiex il-każ fil-każ ineżami.

    112.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari kif indikat fil-punt 3) tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    E. Fuq il‑ħames domanda preliminari

    113.

    Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-entità marbuta b’obbligu għandha tapplika miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti kummerċjali eżistenti, anki fil-każ fejn ma tiġi skoperta ebda bidla sinjifikattiva fis-sitwazzjoni tal-klijent u l-perijodu stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri sabiex tadotta miżuri ġodda ta’ monitoraġġ ma jkunx skada u jekk dan l-obbligu japplikax biss għall-klijenti li lilhom jiġi attribwit riskju għoli.

    114.

    Din id-domanda saret minħabba li fil-kawża prinċipali il-VID ikkonstatat ksur min-naħa ta’ Rodl & Partner tal-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus, li tipprevedi li l-entità marbuta b’obbligu għandha taġġorna perijodikament, u fi kwalunkwe każ, mill-inqas darba kull 18‑il xahar, l-informazzjoni dwar il-klijenti tagħha ( 46 ). Madankollu, meta l-VID wettqet monitoraġġ ta’ Rodl & Partner, ma kinux għadhom għaddew 18‑il xahar minn meta RBA Consulting kienet saret klijenta tagħha.

    115.

    L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti mhux biss għall-klijenti ġodda kollha iżda wkoll, fil-mument opportun, għall-klijenti eżistenti, skont ir-riskju, b’mod partikolari fil-każ ta’ bidla fis-sitwazzjoni tal-klijent (jew f’sitwazzjonijiet oħra miżjuda bl-emendi introdotti bid-Direttiva 2018/843).

    116.

    F’dan ir-rigward infakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 47 ).

    117.

    Minn perspettiva letterali, jirriżulta mill-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom l-obbligu li japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza għall-klijenti eżistenti fiż-“żminijiet xierqa”, “fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju”. Jirriżulta wkoll li wieħed, iżda mhux l-uniku, mill-każijiet fejn dan ikun xieraq huwa l-każ ta’ “meta jinbidlu ċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ klijent partikolari”. Id-Direttiva 2015/849 ma tipprovdi, min-naħa l-oħra, ebda preċiżazzjoni dwar x’għandu jinftiehem bi “żminijiet xierqa”. Madankollu, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-entità marbuta b’obbligu għandha tapplika jew taġġorna l-miżuri ta’ diliġenza meta dan mhux biss jidher li jkun neċessarju, iżda wkoll xieraq, fid-dawl tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus marbut mal-klijent, li kif intwera diġà tiddependi fuq analiżi tal-fatturi rilevanti kollha. Barra minn hekk, dejjem mill-perspettiva letterali, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tillimitax dan l-obbligu biss fir-rigward ta’ klijenti li lilhom jiġi attribwit livell ta’ riskju għoli.

    118.

    Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija kkonfermata mill-perspettiva sistematika. Minn naħa, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II, dwar l-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, tad-Direttiva 2015/849. Isegwi li l-obbligu impost fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu skont din id-dispożizzjoni japplika għall-klijenti kollha indipendentement mill-fatt li jippreżentaw riskju normali, baxx jew għoli.

    119.

    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat fil-punt 63 iktar ’il fuq, fis-sistema tad-Direttiva 2015/849, l-evalwazzjoni tar-riskju hija proċess dinamiku u, sa fejn huwa raġonevoli, wieħed kontinwu. L-entitajiet marbuta b’obbligu huma għalhekk bħala prinċipju marbuta li jeżerċitaw monitoraġġ permanenti, fil-limiti ta’ raġonevolezza, fuq it-tranżazzjonijiet tal-klijenti tagħhom. Isegwi li, fil-każ fejn huma jsiru jafu b’elementi, bħalma huma tranżazzjonijiet kummerċjali, li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tar-riskju relattiv għall-klijent, huma għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u, fejn xieraq, li jirrevedu l-analiżi tar-riskju u, eventwalment, il-livell ta’ miżuri ta’ diliġenza applikati għal dan il-klijent.

    120.

    Interpretazzjoni estensiva, fil-limiti tar-raġonevolezza, tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2015/849, imfakkar fil-punt 31.

    121.

    F’dak li jirrigwarda din il-kawża, nirrileva, qabelxejn, li, kif enfasizzaw il-Gvern Latvjan u l-qorti tar-rinviju nnifisha, id-dritt Latvjan jipprevedi obbligu fuq l-entità marbuta b’obbligu li taġġorna perijodikament l-informazzjoni dwar il-klijenti tagħha, iżda t-terminu ta’ 18‑il xahar jikkostitwixxi biss it-terminu massimu li fih għandu jseħħ dan l-aġġornament. Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni konformi mal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 timplika, fil-fehma tiegħi, li din ma tistax tinftiehem fis-sens li ma jeżistix obbligu għall-entità marbuta b’obbligu li tirrevedi u, eventwalment timmodifika l-analiżi tagħha tar-riskju fir-rigward ta’ klijent – u konsegwentement, fejn xieraq, li tadatta l-miżuri li jiġu applikati fil-konfront tiegħu –, kull darba li ssir taf b’elementi li jista’ jkollhom effett fuq din l-evalwazzjoni tar-riskju.

    122.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet konklużi bejn “RBA Consulting” u l-kumpannija marbuta mal-pajjiż b’riskju għoli ta’ korruzzjoni, li f’dan ir-rigward ma huwiex ikkontestat li Rodl & Partner kienet saret taf bihom, kinux jikkostitwixxu tranżazzjonijiet ta’ natura li jippermettu li jiġi kkunsidrat xieraq, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ RBA Consulting, – u fid-dawl ta’ dawn it-tranżazzjonijiet –, li Rodl & Partner taġġorna l-imsemmija evalwazzjoni u li eventwalment tibdel il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijent tagħha, indipendentement mill-iskadenza tat-terminu massimu ta’ 18‑il xahar previst mil-leġiżlazzjoni Latvjana.

    123.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ħames domanda preliminari kif indikat fil-punt 4) tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    F. Fuq is‑sitt domanda preliminari

    124.

    Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta tippubblika informazzjoni dwar deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandhiex l-obbligu li tiżgura l-konformità eżatta tal-informazzjoni ppubblikata mal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni.

    125.

    F’dan ir-rigward jeħtieġ, qabelxejn, li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Gvern Latvjan li skonthom din id-domanda hija ipotetika u għalhekk inammissibbli ( 48 ). Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi fatt li ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni kemm tal-Artikolu 60(1) u kif ukoll tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2015/849, li huma marbuta fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan l-aħħar paragrafu, ma jrendix din il-kwistjoni ipotetika. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta espliċitament li anki fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet kienu jeżistu ineżattezzi fil-pubblikazzjoni relatata mad-deċiżjoni kkontestata.

    126.

    Fil-mertu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 60(2) jirriżulta li hija l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet li kontrihom ikun tressaq appell li għandha tkun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet. Tali informazzjoni għandha għalhekk tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-imsemmija deċiżjonijiet. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għas-sitt domanda preliminari kif indikat fil-punt 5) tat-Taqsima IV ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    IV. Konklużjoni

    127.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2015/849, ikkunsidrat flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux awtomatikament fuq entità marbuta b’obbligu li tattribwixxi lil klijent livell ta’ riskju ogħla u, konsegwentement, li tadotta fir-rigward tiegħu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti, fid-dawl tal-fatt li dan il-klijent ikun organizzazzjoni mhux governattiva u li l-persuna awtorizzata u impjegata tal-klijent tkun ċittadin ta’ pajjiż terz li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni. B’applikazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri mid-Direttiva 2015/849, Stat Membru jista’ madankollu jiddetermina fid-dritt nazzjonali tiegħu li dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu fatturi ta’ riskju ogħla li entità marbuta b’obbligu tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju li hija għandha twettaq fil-konfront ta’ klijent tagħha.

    2)

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849, ikkunsidrat flimkien mal-punt 3(b) tal-Anness III tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux obbligu awtomatiku li jittieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti fil-każijiet kollha fejn l-imsieħeb kummerċjali ta’ klijent, iżda mhux il-klijent innifsu, ikun assoċjat b’xi mod ma’ pajjiż li jippreżenta riskju għoli ta’ korruzzjoni. Madankollu, il-fatt li l-klijent jikseb parti kunsiderevoli mid-dħul tiegħu jew iwettaq tranżazzjonijiet kummerċjali importanti b’rabta ma’ tali pajjiż jikkostitwixxi fattur ta’ riskju ogħla li entità marbuta b’obbligu għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tar-riskju ta’ klijent.

    3)

    L-Artikolu 13(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix neċessarjament fuq l-entità marbuta b’obbligu, meta hija tadotta miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, li neċessarjament tikseb mingħand il-klijent kopja tal-kuntratt konkluż bejn dan il-klijent u terz. Madankollu, l-entità marbuta b’obbligu tkun obbligata, fejn neċessarju, li tipprovdi d-dokumentazzjoni xierqa lill-awtorità kompetenti li turi li hija tkun analizzat din it-tranżazzjoni jew relazzjoni kummerċjali u tkun ħaditha debitament inkunsiderazzjoni sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-livell ta’ riskju tal-klijent.

    4)

    L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entità marbuta b’obbligu hija obbligata, fil-limitu ta’ raġonevolezza, li teżerċita monitoraġġ permanenti tat-tranżazzjonijiet u tar-relazzjonijiet tan-negozju tal-klijenti tagħha anki meta l-perijodu massimu stabbilit fid-dritt tal-Istati Membri għar-reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-klijent ikun għadu ma skadiex jew meta ma jiġux identifikati bidliet sinjifikattivi fis-sitwazzjoni tal-klijent. Fil-każ fejn l-entità marbuta b’obbligu ssir taf b’elementi li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tar-riskju tal-klijent, hija għandha teħodhom inkunsiderazzjoni u, fejn xieraq, tirrevedi l-analiżi tar-riskju u eventwalment, il-livell ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta applikati lil dan il-klijent. Dan l-obbligu ma japplikax biss għall-klijenti li jippreżentaw riskju għoli.

    5)

    L-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tippubblika informazzjoni dwar deċiżjoni li tistabbilixxi sanzjoni jew miżura amministrattiva minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din l-istess direttiva, l-awtorità kompetenti tkun obbligata tiżgura ruħha li l-informazzjoni ppubblikata tkun taqbel eżattament ma’ dik li tinsab fid-deċiżjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73). Id-Direttiva 2015/849 ġiet emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2015/849 u d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43).

    ( 3 ) Latvijas Vēstnesis, 2008, Nru 116.

    ( 4 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-evalwazzjoni tal-pajjiż inkwistjoni mwettqa minn Transparency International (www.transparency.org/en/countries/russia).

    ( 5 ) Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849 u l-punt 63 infra.

    ( 6 ) Ara, f’din il-kawża, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2018/843.

    ( 7 ) Ara n-nota 3 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

    ( 8 ) Fil-fatt, l-emendi li saru mid-Direttiva 2018/843 għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/849 (suġġett tal-ewwel tliet domandi preliminari) ma jikkonċernawx din il-kawża. L-Artikolu 13(1)(c) u l-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849 (imsemmija fir-raba’ u s-sitt domanda preliminari) ma ġewx emendati bid-Direttiva 2018/843. L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 (imsemmi fil-ħames domanda preliminari) ġie emendat bid-Direttiva 2018/843 iżda l-emendi ma jidhrux rilevanti għar-risposta għall-ħames domanda preliminari.

    ( 9 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, ECOTEX BULGARIA (C‑544/19, EU:C:2021:803, punt 44).

    ( 10 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102), sussegwentement imħassra bid-Direttiva 2015/849, sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Awtoriċiklaġġ) (C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Dawn il-miżuri huma intiżi li ma jħallux jew, tal-inqas, jirrestrinġu kemm jista’ jkun dawn l-attivitajiet, billi jistabbilixxu, għal dan il-għan, ostakoli fl-istadji kollha li dawn l-attivitajiet jista’ jkollhom, kontra dawk li jaħslu l-flus u dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu (ara, f’dan ir-rigward, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, LG u MH (Autoriciclaggio) (C‑790/19, EU:C:2021:661, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

    ( 12 ) L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju huwa wkoll espliċitament imsemmi fl-Artikolu 4(1), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1), fl-Artikolu 30(8), fl-Artikolu 31(6) u fl-Artikolu 48(6) u (10) tad-Direttiva 2015/849.

    ( 13 ) Ara, speċifikament, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tad-Direttiva 2015/849.

    ( 14 ) Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2015/849, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta’ piż fuq is-suq intern u relatati mal-attivitajiet transkonfinali.

    ( 15 ) Ara t-Taqsimiet 1 sa 3 tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2015/849, intitolat “Diliġenza dovuta tal-klijenti”.

    ( 16 ) F’dan ir-rigward, ara b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 107; iktar ’il quddiem is-“sentenza Safe Interenvios”).

    ( 17 ) Ara l-premessa 30 tad-Direttiva 2015/849.

    ( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Safe Interenvios, punt 64, kif ukoll punt 107.

    ( 19 ) Ara b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 87.

    ( 20 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 59.

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 107.

    ( 22 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 61) u Safe Interenvios, punt 76.

    ( 23 ) Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li kull Stat Membru għandu jidentifika u jimmitiga r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawh (enfasi tiegħi).

    ( 24 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 105.

    ( 25 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 73.

    ( 26 ) Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, tippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw fid-dritt nazzjonali tagħhom, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, sitwazzjonijiet oħra li jippreżentaw riskju ikbar u għalhekk jiġġustifikaw jew anki jeżiġu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti minbarra miżuri ta’ diliġenza normali. Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 74.

    ( 27 ) F’dan ir-rigward, ara, f’dan is-sens, b’riferiment għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60, is-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Jyske Bank Gibraltar (C‑212/11, EU:C:2013:270, punt 61) u Safe Interenvios, punt 76.

    ( 28 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 77.

    ( 29 ) Fil-fatt dan jinsab fil-Kapitolu I tad-Direttiva 2015/849, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”. Ara, fir-rigward tad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 78.

    ( 30 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, sentenza Safe Interenvios, punt 106.

    ( 31 ) Minn din il-perspettiva tista’ tkun utli li titfakkar id-distinzjoni li teżisti f’ċerti ordinamenti kostituzzjonali bejn riżerva ta’ liġi assoluta (fejn il-liġi għandha tistabbilixxi leġiżlazzjoni eżawrjenti tal-aspetti kollha tal-kwistjoni) u riżerva ta’ liġi relattiva (fejn il-liġi tista’ tillimita ruħha li tiddetermina l-elementi ġenerali tar-regola li mbagħad jiġu ddettaljati f’atti sussegwenti li mhux neċessarjament ikollhom status leġiżlattiv).

    ( 32 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2015/849.

    ( 33 ) F’dan ir-rigward, ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 86.

    ( 34 ) Ara l-punt 50, iktar ’il fuq, u s-sentenza Safe Interenvios, punt 106.

    ( 35 ) Dan huwa r-rapport intitolat “Juridisko personu un nevalstisko organizāciju noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma finansēšanas riski” (Riskji ta’ Ħasil tal-Flus u ta’ Finanzjament tat-Terroriżmu tal-Persuni Ġuridiċi u tal-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi). Kif imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq, fid-deskrizzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju l-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li l-VID għamlet riferiment għal rapport ippubblikat fit‑22 ta’ Ġunju 2018. Ma huwiex ċar jekk dan huwiex l-istess dokument jew dokumenti oħra.

    ( 36 ) Il-Gvern Latvjan iċċita r-rapport tal-Kumitat ta’ Esperti tal-Kunsill tal-Ewropa (Moneyval) intitolat “Anti-money laundering and counter-terrorist financing measures Latvia Fifth Round Mutual Evaluation Report”.

    ( 37 ) www.fatf-gafi.org/countries/#high-risk

    ( 38 ) Ara l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2015/849 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal‑14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU 2016, L 254, p. 1).

    ( 39 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-analiżi mwettqa minn Transparency International, bħala “sors kredibbli”. Ara www.transparency.org/en/countries/russia.

    ( 40 ) Ara l-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849.

    ( 41 ) Kif jirriżulta mill-punt 16 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-qorti tar-rinviju tirriproduċi argument imressaq minn Rodl & Partner li jirreferi għas-sempliċi ipoteżi tal-eżistenza ta’ tali prattika. Għal din ir-raġuni ma naħsibx li huwa neċessarju li tiġi analizzata l-kwistjoni, imqajma minn Rodl & Partner, rigward il-kompatibbiltà eventwali ta’ tali prattika nazzjonali mal-Artikolu 56 TFUE.

    ( 42 ) Guidance for a risk-based approach – Accounting Profession ta’ Ġunju 2019, konsultabbli fuq is-sit https://www.fatf-gafi.org/media/fatf/documents/reports/RBA-Accounting-Profession.pdf (Ara p. 22 et seq. u, b’mod partikolari, p. 27).

    ( 43 ) Fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi allinjata l-interpretazzjoni tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-ħasil tal-flus mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2015/849 in fine.

    ( 44 ) Ara l-punt 71(a) u Box Nru 2 f’p. 26 fl-imsemmija Gwida tal-FATF.

    ( 45 ) Ara, b’riferiment għad-Direttiva 2005/60, is-sentenza Safe Interenvios, punt 86.

    ( 46 ) Ara l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Latvjana kontra l-Ħasil tal-Flus.

    ( 47 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP (C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Il-Gvern Latvjan isostni, minn naħa, li, billi tagħmel riferiment għall-Artikolu 60(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849, id-domanda preliminari tikkonċerna żewġ sitwazzjonijiet li ma jistgħux jippreżentaw ruħhom simultanjament jiġifieri kemm is-sitwazzjoni li fiha tiġi ppubblikata deċiżjoni mhux ikkontestata u kif ukoll dik li fiha tiġi ppubblikata deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, l-eżitu tal-kawża prinċipali ma jiddependix mill-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ ineżattezza mwettqa qabel il-pubblikazzjoni.

    Top