Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CA0349

    Kawża C-349/20: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Marzu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) – ir-Renju Unit) – NB, AB vs Secretary of State for the Home Department (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2004/83/KE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) – Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2004/83/KE – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA)

    ĠU C 171, 25.4.2022, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 171, 25.4.2022, p. 8–9 (GA)

    25.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/9


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Marzu 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) – ir-Renju Unit) – NB, AB vs Secretary of State for the Home Department

    (Kawża C-349/20) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni - Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali - Direttiva 2004/83/KE - Artikolu 12 - Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat - Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) - Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2004/83/KE - Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA)

    (2022/C 171/11)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: NB, AB

    Konvenut: Secretary of State for the Home Department

    fil-preżenza ta’: United Nations High Commissioner for Refugees (UK)

    Dispożittiv

    1)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) waqfitx, b’tali mod li persuna tista’ titlob ipso facto l-“istatus ta’ refuġjat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali, iċ-ċirkustanzi rilevanti bħalma jkunu mhux biss fil-mument tat-tluq ta’ din il-persuna miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA, iżda wkoll fil-mument fejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jeżaminaw applikazzjoni għal għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati jiddeċiedu dwar l-azzjoni mibdija kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti ta’ tali status.

    2)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest tal-analiżi intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) waqfitx, b’tali mod li persuna tista’ titlob ipso facto l-“istatus ta’ refuġjat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-persuna kkonċernata tistabbilixxi li hija kienet imġiegħla titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħha u indipendenti mir-rieda tagħha, huwa l-Istat Membru, jekk iqis li dik il-persuna issa tinsab f’pożizzjoni li tirritorna f’dik iż-żona u li hemmhekk tibbenefika minn dik il-protezzjoni jew minn dik l-assistenza, li għandu jistabbilixxi li dan huwa l-każ.

    3)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) waqfitx, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod li persuna li talbet li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali kienet imġiegħla titlaq miż-żona ta’ operazzjoni ta’ dan l-organu, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fit-territorju tiegħu hija topera kellha l-intenzjoni li timponi dannu fuq dik il-persuna jew li ċċaħħadha mill-assistenza, permezz ta’ azzjoni jew ta’ omissjoni. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-assistenza jew il-protezzjoni tal-UNRWA effettivament waqfet għal kwalunkwe raġuni b’tali mod li dan l-organu ma għadux f’pożizzjoni, għal raġunijiet oġġettivi jew marbuta mas-sitwazzjoni individwali tal-imsemmija persuna, li jiżguralha l-kundizzjonijiet ta’ għajxien konformi mal-missjoni li huwa inkarigat minnha.

    4)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA), b’tali mod li persuna tista’ titlob ipso facto l-“istatus ta’ refuġjat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/83, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assistenza pprovduta lil dik il-persuna minn atturi tas-soċjetà ċivili, bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-kundizzjoni li magħhom l-UNRWA jkollha relazzjoni formali ta’ kooperazzjoni ta’ natura stabbli, li fil-kuntest tagħha dawn tal-aħħar jassistu lill-UNRWA fit-twettiq tal-mandat tagħha.


    (1)  ĠU C 62, 22.2.2021.


    Top