This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0655
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 20 January 2021.#Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu and Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov v LN.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Alba Iulia.#Reference for a preliminary ruling – Taxation – Value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 2 – Article 9 – Concepts of ‘economic activity’ and ‘taxable person’ – Transactions which seek to obtain income from goods on a continuing basis – Acquisition by a creditor of immovable property in the context of an enforcement procedure carried out for the purpose of the recovery of loans secured by mortgage guarantees and the sale of those buildings – Simple exercise of the right of ownership by its holder.#Case C-655/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Jannar 2021.
Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu u Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov vs LN.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2 – Artikolu 9 – Kunċetti ta’ ‘attività ekonomika’ u ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Tranżazzjonijiet intiżi li jieħdu minn proprjetà dħul li għandu natura permanenti – Akkwist minn kreditur ta’ proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bl-għan tal-irkupru ta’ self kopert b’garanziji ipotekarji u bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli – Sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà mid-detentur tiegħu.
Kawża C-655/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Jannar 2021.
Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu u Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov vs LN.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2 – Artikolu 9 – Kunċetti ta’ ‘attività ekonomika’ u ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Tranżazzjonijiet intiżi li jieħdu minn proprjetà dħul li għandu natura permanenti – Akkwist minn kreditur ta’ proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bl-għan tal-irkupru ta’ self kopert b’garanziji ipotekarji u bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli – Sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà mid-detentur tiegħu.
Kawża C-655/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:40
*A9* Curtea de Apel Alba Iulia, Cerere din 22/03/2018 (1126180)
*P1* Curtea de Apel Alba Iulia, Secția de Contencios Administrativ și Fiscal, Decizie din 07/04/2021 (ECLI:RO:CAALB:2021:059.000383)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Jannar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2 – Artikolu 9 – Kunċetti ta’ ‘attività ekonomika’ u ta’ ‘persuna taxxabbli’ – Tranżazzjonijiet intiżi li jieħdu minn proprjetà dħul li għandu natura permanenti – Akkwist minn kreditur ta’ proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bl-għan tal-irkupru ta’ self kopert b’garanziji ipotekarji u bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli – Sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà mid-detentur tiegħu”
Fil-Kawża C‑655/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura
Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Sibiu,
Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov
vs
LN,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal LN, minn G. Comăniţă, avocat, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Rotăreanu u S.‑A. Purza, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u R. Lyal, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Sibiu (AJFP Sibiu) (l-Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Sibiu, ir-Rumanija), u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP Brașov) (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Brasov, ir-Rumanija) u, min-naħa l-oħra, LN, dwar impożizzjoni addizzjonali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi li l-kunsinni ta’ merkanziji magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huma suġġetti għall-VAT. |
4 |
L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.” |
Id-dritt Rumen
5 |
L-Artikolu 125a tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi) tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (M. Of., Parti I, Nru 927/23 Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), jipprevedi: “1. Għall-finijiet ta’ dan it-titolu, il-kliem u l-espressjonijiet indikati iktar ’il quddiem għandhom it-tifsira li ġejja: […] 18. tikkostitwixxi ‘persuna taxxabbli’ fis-sens tal-Artikolu 127(1), persuna fiżika, grupp ta’ persuni, istituzzjoni pubblika, persuna ġuridika, u kull entità li tista’ teżerċita attività ekonomika; […] 20. tikkostitwixxi ‘persuna mhux taxxabbli’ persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 127(1) sabiex titqies bħala persuna taxxabbli; 21. jikkostitwixxu ‘persuna’ persuna taxxabbli, persuna ġuridika mhux taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli; […]” |
6 |
L-Artikolu 127 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej: “1. Huwa meqjus bħala persuna taxxabbli kull min, b’mod indipendenti, iwettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika li taqa’ taħt il-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultat ta’ dawn l-attivitajiet. 2. Fis-sens ta’ dan it-titolu, l-attivitajiet ekonomiċi għandhom jinkludu l-attivitajiet ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u dawk tal-professjonijiet liberali jew simili għalihom. L-użu ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli bil-għan li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu b’mod partikolari jitqies bħala attività ekonomika. 21. Il-każijiet li fihom il-persuni fiżiċi li jwettqu kunsinni ta’ proprjetà immobbli jsiru persuni taxxabbli huma speċifikati permezz ta’ regolament. […]” |
7 |
L-Artikolu 152 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “1. Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija li d-dħul mill-bejgħ annwali rreġistrat jew attwali tagħha huwa taħt il-limitu ta’ EUR 35000, li l-ekwivalenti f’[f’lei Rumeni (RON)] huwa stabbilit skont ir-rata ta’ kambju kkomunikata mill-Banca Națională a României [(il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija)] fid-data tal-adeżjoni u arrotondat għal kull elf li jmiss, tista’ tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa, imsejħa iktar ’il quddiem l-“iskema speċjali ta’ eżenzjoni”, għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 126(1), bl-eċċezzjoni tal-kunsinni intra-Komunitarji ta’ mezzi tat-trasport ġodda, eżentati konformement mal-Artikolu 143(2)(b).” 2. Id-dħul mill-bejgħ li jservi bħala riferiment għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 huwa kkostitwit mill-ammont globali, mingħajr VAT, fil-każ previst fil-paragrafi 7 u 7a, tal-kunsinna ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli matul sena kalendarja, taxxabbli jew, skont il-każ, li kienu jkunu taxxabbli li kieku ma kinux twettqu minn impriża żgħira, tat-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi li għalihom il-post ta’ kunsinna jew ta’ provvista jitqies li huwa barra mill-pajjiż, fil-każ li t-taxxa tkun tista’ titnaqqas, jekk dawn it-tranżazzjonijiet kienu seħħew fir-Rumanija konformement mal-Artikolu 145(2)(b), tat-tranżazzjonijiet eżentati bi dritt għal tnaqqis u ta’ dawk eżentati mingħajr dritt għal tnaqqis, previsti fl-Artikolu 141(2)(a), (b), (e) u (f) jekk dawn ma humiex aċċessorji għall-attività prinċipali, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:
[…] 6. Persuna taxxabbli li tibbenefika mill-iskema speċjali ta’ eżenzjoni u li d-dħul mill-bejgħ tagħha, kif previst fil-paragrafu 2, huwa ogħla minn jew ekwivalenti għal-limitu għall-eżenzjoni matul sena kalendarja għandha titlob li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, konformement mal-Artikolu 153, f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data li fiha jintlaħaq jew jinqabeż l-imsemmi limitu. […] L-iskema speċjali ta’ eżenzjoni għandha tapplika sad-data ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT, konformement mal-Artikolu 153. Jekk il-persuna taxxabbli inkwistjoni ma titlobx li tiġi identifikata jew titlob li tiġi identifikata tardivament għall-finijiet tal-VAT, l-awtoritajiet fiskali kompetenti jkollhom id-dritt li jimponu fuqha obbligi ta’ ħlas tat-taxxa u obbligi anċillari għaliha, mid-data li fiha hija kellha tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, konformement mal-Artikolu 153. […]” |
8 |
L-Artikolu 153 tal-istess kodiċi jipprevedi: “1. Persuna taxxabbli stabbilita fir-Rumanija, konformement mal-Artikolu 125a(2)(b) u li teżerċita jew għandha l-intenzjoni li teżerċita attività ekonomika li tinvolvi tranżazzjonijiet taxxabbli u/jew eżentati mill-VAT bi dritt għal tnaqqis għandha titlob lill-awtorità fiskali kompetenti li tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT, kif ġej: […]
[…] 6. L-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti għandhom jipproċedu għall-identifikazzjoni tal-VAT, konformement ma’ dan l-artikolu, ta’ kull persuna li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu, hija obbligata tressaq talba għal identifikazzjoni, konformement mal-paragrafi 1, 2, 4 jew 5. 7. Meta persuna obbligata titlob li tiġi identifikata, konformement mal-paragrafi 1, 2, 4 jew 5, ma tagħmilx it-talba għal dan, l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti għandhom iwettqu ex officio l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT ta’ din il-persuna. […]” |
9 |
Il-punt 3 tal-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Legii 571/2003 privind Codul fiscal (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li tapprova l-istandards metodoloġiċi ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat‑22 ta’ Jannar 2004 (M. Of., Parti I, Nru 112/6 Frar 2004), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi: “1. Fis-sens tal-Artikolu 127(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa, l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli, konformement mal-prinċipju fundamentali tas-sistema tal-VAT skont liema t-taxxa għandha tkun newtrali, ikopri kull tip ta’ tranżazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom, kif ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi van Tiem, C‑186/89, C‑306/94, Régie dauphinoise, u C‑77/01, Empresa de Desenvolvimento Mineiro SA (EDM). 2. B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-persuni fiżiċi ma jeżerċitawx attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa meta jiksbu dħul mill-bejgħ ta’ alloġġjamenti li jappartjenu lilhom personalment jew ta’ proprjetajiet oħra li huma jkunu użaw għal finijiet personali. Il-kategorija ta’ beni użati għal finijiet personali tinkludi l-bini u, jekk ikun il-każ, l-art relatata miegħu, li jappartjenu personalment lil persuni fiżiċi, li ntużaw għal finijiet ta’ abitazzjoni, inklużi d-djar għall-vaganzi u kull proprjetà oħra użata personalment mill-persuna fiżika kif ukoll il-proprjetà ta’ kwalunkwe natura li ntirtet legalment jew akkwistata b’applikazzjoni tal-miżuri korrettivi previsti mil-liġijiet dwar ir-rikostituzzjoni tad-dritt għall-proprjetà. 3. Il-persuna fiżika li ma tkunx diġà saret persuna taxxabbli għal attività oħra twettaq attività ekonomika meta tisfrutta proprjetà tanġibbli jew intanġibbli billi taġixxi bħala tali, b’mod indipendenti, u meta l-attività inkwistjoni titwettaq bl-għan li jinkiseb dħul ta’ natura permanenti, fis-sens tal-Artikolu 127(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa. 4. Fil-każ ta’ bini ta’ proprjetà immobbli minn persuni fiżiċi għal finijiet ta’ bejgħ, l-attività ekonomika għandha titqies li tkun bdiet fil-mument meta l-persuna inkwistjoni kellha l-intenzjoni li teżerċita tali attività, u l-intenzjoni tal-persuna inkwistjoni għandha tiġi evalwata abbażi ta’ elementi oġġettivi, pereżempju l-fatt li tibda tinkorri spejjeż u/jew tagħmel investimenti preparatorji bl-għan li tibda l-attività ekonomika. L-attività ekonomika għandha titqies li hija ta’ natura permanenti mill-bidu tagħha u għandha tinkludi wkoll it-trasferiment tal-proprjetà jew tal-partijiet mill-proprjetà immobbli mibnija, anki fil-każ ta’ proprjetà immobbli waħda biss. 5. Fil-każ ta’ akkwist ta’ artijiet u/jew ta’ bini mill-persuna fiżika għall-finijiet ta’ bejgħ, il-kunsinna ta’ dawn il-proprjetajiet hija attività ekonomika ta’ natura permanenti jekk il-persuna fiżika twettaq iktar minn tranżazzjoni waħda matul sena kalendarja. Madankollu, jekk il-persuna fiżika diġà tibni proprjetà immobbli għall-finijiet ta’ bejgħ, konformement mal-paragrafu 4, peress li l-attività ekonomika diġà titqies li tkun bdiet u li hija permanenti, kwalunkwe tranżazzjoni oħra mwettqa sussegwentement ma tistax titqies iktar li ssir fuq bażi okkażjonali. Għalkemm l-ewwel kunsinna hija kkunsidrata bħala okkażjonali, peress li hemm it-tieni kunsinna matul l-istess sena, l-ewwel kunsinna ma hijiex intaxxata, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 152 tal-Kodiċi tat-Taxxa. Il-kunsinni ta’ bini u ta’ artijiet, eżentati mit-taxxa konformement mal-Artikolu 141(2)(f) tal-Kodiċi tat-Taxxa, jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi stabbilita n-natura permanenti tal-attività ekonomika kif ukoll għall-kalkolu tal-limitu massimu ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 152 tal-Kodiċi tat-Taxxa.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 |
Matul is-sena 2009, LN tat diversi self lil terz, għal ammont totali ta’ EUR 80400, flimkien ma’ garanziji ipotekarji fuq diversi proprjetajiet immobbli. Peress li s-self ma setax jiġi rrimborsat, l-imsemmija proprjetajiet immobbli ġew irkantati u tlieta minnhom ġew aġġudikati lil LN. |
11 |
Matul is-sena 2010, LN ikkonkluda żewġ kuntratti ta’ bejgħ, fejn l-ewwel wieħed kien jirrigwarda wieħed mit-tliet proprjetajiet immobbli msemmija fil-punt preċedenti, u l-ieħor kien jirrigwarda art li kienet ġiet akkwistata matul is-sena 2005. Iż-żewġ immobbli l-oħra li kienu ġew aġġudikati lil LN kienu s-suġġett ta’ kuntratti ta’ bejgħ distinti matul is-snin 2011 u 2012. |
12 |
Matul is-sena 2016, fl-okkażjoni ta’ kontroll fiskali, ġie kkonstatat mill-AJFP Sibiu li t-tranżazzjonijiet imwettqa mis-sena 2010 kienu pproduċew, fit‑30 ta’ Ġunju 2010, dħul ta’ ammont ta’ RON 611364 (madwar EUR 145000), b’tali mod li dawn it-tranżazzjonijiet ġew ikklassifikati bħala attività ekonomika ta’ natura permanenti eżerċitata sabiex jinkiseb dħul. Għaldaqstant, l-AJFP Sibiu qieset, li, LN kellu jiġi identifikat għall-finijiet tal-VAT mill‑10 ta’ Lulju 2010 minħabba li l-limitu massimu ta’ dħul mill-bejgħ ta’ EUR 35000 li taħtu l-iskema speċjali ta’ eżenzjoni, prevista fl-Artikolu 152(1) u (2) tal-Kodiċi tat-Taxxa, kienet applikabbli kien inqabeż. |
13 |
Skont l-AJFP Sibiu, iż-żewġ proprjetajiet immobbli mibjugħa minn LN matul is-sena 2010 ma kinux intużaw b’mod personali, iżda akkwistati bl-għan li jerġgħu jinbiegħu sabiex jinkiseb dħul minnhom. |
14 |
F’dak li jirrigwarda l-bejgħ imwettaq matul is-sena 2011, l-AJFP Sibiu qieset li dan kellu jiġi eżentat mill-VAT, peress li l-kunsinna tal-oġġett korrispondenti saret wara l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara l-ewwel okkupazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-bejgħ magħmul matul is-sena 2012, l-awtorità fiskali qieset, min-naħa l-oħra, li din it-tranżazzjoni kienet suġġetta għall-VAT. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ avviż tat-28 ta’ Marzu 2016, l-AJFP Sibiu issuġġettat lil LN għal taxxi addizzjonali tal-VAT kif ukoll għal interessi u għal penalitajiet moratorji. |
16 |
L-ilment imressaq minn LN kontra dan l-avviż ta’ taxxa ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brasov tat-8 ta’ Novembru 2016. |
17 |
LN ippreżenta quddiem it-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu, ir-Rumanija) rikors kontenzjuż li fil-kuntest tiegħu huwa kkontesta, b’mod partikolari, is-setgħa tal-amministrazzjoni fiskali li tintaxxa persuna fiżika li ma identifikatx ruħha volontarjament għall-VAT u li tikklassifika bħala attività ekonomika tranżazzjonijiet legali ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
18 |
It-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn LN. Din il-qorti kkunsidrat, fil-fatt, li attività ekonomika tinsab essenzjalment fil-kisba ta’ dħul ta’ natura permanenti, b’tali mod li s-sempliċi akkwist u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ma jistgħux jikkostitwixxu fihom infushom attività ekonomika. Barra minn hekk, hija qieset li, f’dan il-każ, il-bejgħ sussegwenti tal-proprjetajiet immobbli akkwistati bl-irkant kien sempliċement modalità li kellu l-konvenut fil-kawża prinċipali sabiex jikseb l-irkupru tas-self li huwa kien ta matul is-sena 2009. |
19 |
L-amministrazzjoni fiskali appellat minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija). |
20 |
Skont din il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tranżazzjoni legali li permezz tagħha kreditur li jkun ta self b’garanziji ipotekarji fir-rigward ta’ immobbli jiġi aġġudikat dawn l-immobbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata u sussegwentement ibigħhom għandhiex tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, suġġett bħala tali għall-VAT skont l-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll dwar jekk il-persuna li wettqet din it-tranżazzjoni legali għandhiex titqies bħala persuna taxxabbli, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva. |
21 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
22 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-tranżazzjoni li permezz tagħha persuna tingħata proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bil-għan tal-irkupru ta’ self mogħti preċedentement u, sussegwentement, tipproċedi għall-bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli tikkostitwixxi attività ekonomika, u jekk l-imsemmija persuna għandhiex, abbażi ta’ din it-tranżazzjoni, titqies bħala persuna taxxabbli. |
23 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tranżazzjonijiet legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkonsistew fil-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli preċedentement aġġudikati lil kreditur-sellief wara proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi tal-ipoteki li jiggarantixxu l-kreditu ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-ex proprjetarju tal-proprjetajiet immobbli. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li, għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna għall-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma milquta minn din it-taxxa. Għalhekk, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, huma suġġetti għall-VAT, minbarra l-importazzjoni ta’ oġġetti, l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti, il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas ġewwa Stat Membru minn persuna taxxabbli (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C‑263/15, EU:C:2016:392, punti 20 u 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” għandu jiġi ddefinit b’rabta ma’ dak ta’ “attività ekonomika” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Minn dan isegwi li hija l-eżistenza ta’ tali attività li tiġġustifika l-klassifika bħala persuna taxxabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Słaby et, C‑180/10 u C‑181/10, EU:C:2011:589, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u din tal-aħħar hija, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, kull min jeżerċita, b’mod indipendenti u jkun xi jkun il-post, tali attività ekonomika. |
26 |
Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva bħala li jiġbor fih l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizz u, b’mod partikolari, “l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa”. |
27 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sfruttament”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, hija ġurisprudenza stabbilita li dan il-kunċett jagħmel riferiment, konformement mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità tas-sistema komuni tal-VAT, għal kull tranżazzjoni, tkun xi tkun il-forma legali tagħha, intiża sabiex jiġi ġġenerat mill-oġġett inkwistjoni dħul ta’ natura permanenti (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, SPÖ Landesorganisation Kärnten, C‑267/08, EU:C:2009:619, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C‑263/15, EU:C:2016:392, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Min-naħa l-oħra, is-sempliċi akkwist jew is-sempliċi bejgħ ta’ proprjetà ma jistgħux jikkostitwixxu sfruttament ta’ proprjetà intiża li tipproduċi dħul ta’ natura permanenti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li l-uniku dħul minn dawn it-tranżazzjonijiet huwa kkostitwit mill-benefiċċju eventwali meta l-imsemmija proprjetà tinbiegħ (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Słaby et, C‑180/10 u C‑181/10, EU:C:2011:589, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Bl-istess mod, is-sempliċi eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà mid-detentur tiegħu ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala li jikkostitwixxi attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2011, Słaby et, C‑180/10 u C‑181/10, EU:C:2011:589, punt 36; tad‑9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma, C‑331/14, EU:C:2015:456, punt 23, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2019, IO (VAT – Attività ta’ membru ta’ kunsill ta’ sorveljanza), C‑420/18, EU:C:2019:490, punt 29). |
30 |
Minn naħa, fir-rigward tal-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk attività tikkostitwixxix attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-numru u d-daqs tal-bejgħ ma jistgħux jikkostitwixxu kriterju ta’ distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ operatur li jaġixxi b’mod privat, li jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u dawk ta’ operatur li t-tranżazzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu attività ekonomika (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Słaby, C‑180/10 u C‑181/10, EU:C:2011:589, punt 37, kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Paulo Nascimento Consulting, C‑692/17, EU:C:2019:867, punt 25). |
31 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bejgħ ta’ art għall-bini, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti l-fatt li l-persuna kkonċernata ħadet passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi użat mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi. Fil-fatt, inizjattivi bħal dawn normalment ma jaqgħux taħt l-iskop tal-ġestjoni tal-assi personali, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn dan ma jistgħux jitqiesu li huma s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma, C‑331/14, EU:C:2015:456, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali inizjattivi jaqgħu pjuttost fil-kuntest ta’ attività eżerċitata bl-għan li jinkiseb dħul minnha ta’ natura permanenti u għalhekk tista’ tiġi kklassifikata bħala ekonomika. |
32 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni legali li permezz tagħha kreditur li jkun ta self b’garanziji ipotekarji li jirrigwardaw immobbli u li dawn l-immobbli ngħataw lilu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jipproċedi, wara terminu ddeterminat, għall-bejgħ tagħhom tikkostitwixxix attività ekonomika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, jew jekk din taqax sempliċement taħt l-eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha. |
33 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jsegwi li l-konvenut fil-kawża prinċipali, matul is-sena 2009, ta diversi self lill-istess persuna fiżika b’garanziji ipotekarji fuq immobbli u li, peress li dan is-self ma ġiex irrimborsat, tlieta minn dawn l-immobbli ġew aġġudikati lill-kreditur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkant li seħħet matul din l-istess sena 2009. Sussegwentement, il-kreditur ipproċeda għall-bejgħ ta’ dawn it-tliet proprjetajiet immobbli matul is-snin 2010 sa 2012. |
34 |
Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fl-ewwel lok, it-tranżazzjonijiet legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettqu mill-konvenut fil-kawża prinċipali bl-għan tal-kostituzzjoni mill-ġdid tal-assi tiegħu u għall-irkupru tal-krediti tiegħu, wara n-nuqqas ta’ rimbors tas-self mogħti. Fit-tieni lok, bl-għan tal-irkupru tad-dejn tiegħu u tar-rikostituzzjoni tal-assi, il-konvenut fil-kawża prinċipali ma ħax passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art u, b’mod partikolari, ma użax mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. |
35 |
Issa, bla ħsara għall-verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, dawn iċ-ċirkustanzi jidhru li jistabbilixxu li l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali rrilevaw fir-realtà s-sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà kif ukoll tal-ġestjoni tajba tal-assi privati, u, konsegwentement, ma jidħlux fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. |
36 |
Bl-istess mod, ebda wieħed mill-elementi l-oħra kkomunikati mill-qorti tar-rinviju ma huwa ta’ natura li juri n-natura ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, tal-attività mwettqa mill-konvenut fil-kawża prinċipali. |
37 |
Għaldaqstant, ma tistax tintlaqa’ l-pożizzjoni tal-Gvern Rumen, li ċ-ċirkustanza li l-konvenut fil-kawża prinċipali ppreżenta ruħu huwa stess fil-proċedura ta’ rkant u akkwista, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-proprjetajiet immobbli koperti mill-garanziji ipotekarji, mingħajr ma jistenna l-irkupru tas-somom mislufa permezz tal-eżekuzzjoni forzata tal-garanziji tad-debitur tiegħu, jikkonferma li kien hemm sfruttament ta’ proprjetà tanġibbli sabiex jinkiseb dħul minnha ta’ natura permanenti u, konsegwentement, il-konvenut fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala persuna suġġetta għall-VAT. |
38 |
Fil-fatt, din l-aħħar ċirkustanza tidher pjuttost ta’ natura li tistabbilixxi li l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, kif esposti fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, jaqa’ fil-kuntest tal-ġestjoni tal-assi personali tal-konvenut fil-kawża prinċipali. |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tranżazzjonijiet legali mwettqa mill-konvenut għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-ġestjoni ta’ assi privati peress li, kif jirriżulta mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-ewwel nett, il-persuna kkonċernata kellha bħala għan l-irkupru tal-krediti tagħha u l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-patrimonju tagħha u li, it-tieni nett, hija ma ħaditx passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-artijiet. Minn dan isegwi li l-persuna kkonċernata ma tistax titqies li hija suġġetta għall-VAT, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, fir-rigward tal-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li dawn it-tranżazzjonijiet ma kellhomx ikunu suġġetti għall-imsemmija taxxa. |
40 |
Għal kull bon fini, għandu jiġi ppreċiżat li t-tilwima fil-kawża prinċipali kif esposta mill-qorti tar-rinviju kif ukoll id-domandi preliminari tagħha ma jirrigwardawx bejgħ immobiljari meqjus bħala estensjoni diretta ta’ attività ekonomika ta’ għoti ta’ self li tkun eżerċitata minn LN. |
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tranżazzjoni li permezz tagħha persuna tiġi aġġudikata proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bl-għan tal-irkupru ta’ self mogħti preċedentement u, sussegwentement, tipproċedi għall-bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, attività ekonomika, meta din it-tranżazzjoni taqa’ taħt is-sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà, kif ukoll tal-ġestjoni tajba tal-assi privati, b’tali mod li l-imsemmija persuna ma tistax, taħt l-imsemmija tranżazzjoni, titqies bħala persuna taxxabbli. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tranżazzjoni li permezz tagħha persuna tiġi aġġudikata proprjetà immobbli maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija bl-għan tal-irkupru ta’ self mogħti preċedentement u, sussegwentement, tipproċedi għall-bejgħ ta’ din il-proprjetà immobbli ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, attività ekonomika meta din it-tranżazzjoni taqa’ taħt is-sempliċi eżerċizzju tad-dritt ta’ proprjetà, kif ukoll tal-ġestjoni tajba tal-assi privati, b’tali mod li l-imsemmija persuna ma tistax, taħt l-imsemmija tranżazzjoni, titqies bħala persuna taxxabbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.