Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0257

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Prinċipji li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu – Direttiva 2009/18/KE – Artikolu 8(1) – Partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-korp investigattiv – Membri tal-korp investigattiv li jeżerċitaw, parallelament, funzjonijiet oħra – Nuqqas ta’ twaqqif ta’ korp investigattiv indipendenti.
    Kawża C-257/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:541

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Prinċipji li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu – Direttiva 2009/18/KE – Artikolu 8(1) – Partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-korp investigattiv – Membri tal-korp investigattiv li jeżerċitaw, parallelament, funzjonijiet oħra – Nuqqas ta’ twaqqif ta’ korp investigattiv indipendenti”

    Fil-Kawża C‑257/19,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑26 ta’ Marzu 2019,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. L. Kalėda u N. Yerrell, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    vs

    L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. J. Travers, SC u B. Doherty, BL,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn I. Jarukaitis, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma waqqfitx korp investigattiv indipendenti, fuq il-livell organizzattiv tiegħu, tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiv tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Diriettiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2009, L 131, p. 114).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    2

    Il-premessi 2, 13, 25 u 26 tad-Direttiva 2009/18 jipprovdu:

    “(2)

    L-investigazzjonijiet tekniċi fil-pront meta jseħħu xi diżgrazzji fuq il-baħar itejbu s-sigurtà marittima billi jgħinu ħalli jiġu pprevenuti milli jseħħu mill-ġdid diżgrazzji simili li jwasslu għal imwiet, telf ta’ vapuri u t-tniġġis tal-ambjent marittimu.

    […]

    (13)

    It-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà ta’ disgrazzji u inċidenti li jinvolvu bastimenti marittimi, jew bastimenti oħrajn f’portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra, b’mod imparzjali huwa ta’ importanza ewlenija għall-istabbiliment effettiv taċ-ċirkostanzi u l-kawżi ta’ tali diżgrazzja jew inċident. Għaldaqstant, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom jitwettqu minn investigaturi kwalifikati taħt il-kontroll ta’ korp jew entità indipendenti mogħtija s-setgħat meħtieġa sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess.

    […]

    (25)

    Għandu jittieħed kont dovut mill-Istati Membri u mill-[Unjoni] tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni dwar is-sigurtà.

    (26)

    Ladarba l-għan tal-investigazzjoni teknika dwar is-sigurtà huwa l-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà m’għandhom fl-ebda ċirkostanza jiddeterminaw ir-responsabbilità jew jattribwixxu l-ħtija.”

    3

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tittejjeb is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis mill-vapuri, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ diżgrazzji marittimi futuri, billi:

    (a)

    jiġu ffaċilitati t-twettiq fil-pront ta’ investigazzjonijiet ta’ sigurtà u l-analiżi adegwata ta’ diżgrazzji u aċċidenti marittimi sabiex jiġu ddeterminati l-kawżi tagħhom u

    (b)

    jiġu żgurati r-rappurtar f’waqtu u preċiż ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u proposti għal azzjoni ta’ rimedju.

    2.   Investigazzjonijiet taħt din id-Direttiva m’għandhomx ikunu konċernati bid-determinazzjoni ta’ responsabbiltà jew l-għoti ta’ tort. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp investigattiv jew entita’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa il-“korp investigattiv”) mhux qed iżomm lura milli jirrapporta bis-sħiħ il-kawżi tad-diżgrazzja jew inċident marittimuminħabba li t-tort jew ir-responsabbiltà jistgħu jkunu dedotti mill-konklużjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq mill-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 8 wara diżgrazzji marittimi serji ħafna:

    (a)

    li jinvolvu vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja;

    (b)

    li jseħħu fil-baħar territorjali u l-ilmijiet interni kif definiti f[il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar], irrispettivament mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti fid-diżgrazzja; jew

    (c)

    li jinvolvu interess sostanzjali tal-Istat Membru, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja u mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti.

    2.   Barra minn dan, f’każ ta’ diżgrazzji serji, il-korp investigattiv għandu jwettaq valutazzjoni preliminari sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex titwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà. Fejn il-korp investigattiv jiddeċiedi li ma jwettaqx investigazzjoni dwar is-sigurtà, ir-raġuni għal dik id-deċiżjoni għandha tiġi rreġistrata u nnotifikata konformement mal-Artikolu 17(3).

    Fil-każ ta’ kwalunkwe diżgrazzja jew inċident marittimi oħrajn, il-korp investigattiv għandu jiddeċiedi jekk għandhiex titwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà.

    […]”

    5

    Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/18:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ korp investigattiv permanenti imparzjali, mogħti s-setgħat meħtieġa, u minn investigaturi adegwatament kwalifikati, li jkunu kompetenti fil-kwistjonijiet relatati mad-diżgrazzji u l-aċċidenti marittimi.

    Sabiex investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq b’mod imparzjali, il-korp investigattiv għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista’ jkun f’kunflitt mal-kompitu fdat lilha [lilu].

    […]

    2.   Il-korp investigattiv għandu jiżgura li l-investigaturi individwali ikunu jafu x-xoghol f’dawk l-oqsma li jkollhom x’jaqsmu mad-dmirijiet investigattivi normali tagħhom u jkollhom esperjenza prattika fihom. Barra minn hekk, il-korp investigattiv għandu jiżgura li jkun lest li jagħti aċċess lil esperti adatti, kif ikun meħtieġ.

    3.   L-attivitajiet fdati lill-korp investigattiv jistgħu jiġu estiżi għall-ġbir u l-analiżi ta’ data relatata mas-sigurtà marittima, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ prevenzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ma jaffetwawx l-indipendenza tiegħu u ma jinkludux responsabbilità f’affarijiet regolatorji, amministrattivi jew ta’ standardizzazzjoni.

    […]

    5.   Il-korp investigattiv għandu jingħata l-jedd li jaġixxi minnufih kull meta jiġi mgħarref b’xi diżgrazzja, u li jikseb riżorsi suffiċjenti sabiex iwettaq ħidmietu b’mod indipendenti. L-investigaturi tiegħu għandhom jingħataw status li jintitolhom għall-garanziji neċessarji ta’ indipendenza..

    6.   Il-korp investigattiv jista’ jgħaqqad il-kompiti tiegħu taħt din id-Direttiva mal-ħidma ta’ investigazzjonijiet ta’ aċċidenti għajr diżgrazzji marittimi bil-kundizzjoni li t-tali investigazzjonijiet ma jipperikolawx l-indipendenza tiegħu.”

    6

    L-Artikolu 14(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mwettqa taħt din id-Direttiva għandhom jirriżultaw f’rapport pubblikat preżentat f’format definit mill-korp investigattiv kompetenti u konformement mat-taqsimiet rilevanti tal-Anness I.

    Korpi investigattivi jistgħu jiddeċiedu li investigazzjoni dwar is-sigurtà, li ma tikkonċernax diżgrazzja marittima serja ħafna, jew abbażi tal-każ, diżgrazzja marittima serja, u l-konklużjonijiet tagħha ma jkollhomx il-potenzjal li jwasslu għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti fututi, għandhom jirriżultaw f’rapport simplifikat li għandu jiġi ppubblikat.

    2.   Il-korpi investigattivi għandhom jagħmlu kull sforz biex jagħmlu r-rapport msemmi fil-paragrafu 1, inklużi l-konklużjonijiet tiegħu u kull rakkomandazzjoni possibbli, disponibbli lill-pubbliku, u speċjalment lis-settur marittimu, fi żmien 12‑il xahar mid-data tad-diżgrazzja. Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f’dak iż-żmien, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12‑il xahar mid-data tad-diżgrazzja.”

    7

    L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħed kont debitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà magħmla mill-korpi investigattivi minn dawk indirizzati u, fejn ikun il-każ, tittieħed azzjoni ta’ segwitu taħt il-liġi [tal-Unjoni] u internazzjonali.

    2.   Fejn ikun il-każ, il-korp investigattiv jew il-Kummissjoni għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta’ analiżi ta’ data astratta u tar-riżultati globali tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru.

    3.   Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda ċirkustanza m’għandha tiddetermina r-responsabbiltà jew tassenja t-tort għal xi diżgrazzja.”

    Id-dritt Irlandiż

    Il-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili

    8

    L-Artikolu 7 tal-Merchant Shipping (Investigation of Marine Casualties) Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Bastimenti Merkantili (Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji Marittimi), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili”) waqqaf il-Marine Casualty Investigation Board (il-Bord ta’ Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji Marittimi, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“MCIB”). Skont l-Artikolu 7(1), il-kompitu tal-MCIB huwa li “jwettaq l-investigazzjoni fil-każ ta’ diżgrazzja marittima u [li] jippubblika r-rapporti relatati ma’ tali investigazzjonijiet”. Skont l-Artikolu 7(3), dan il-korp għandu “s-setgħat neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew konnessi mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu”.

    9

    L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili jipprevedi li l-MCIB “għandu jkun indipendenti mill-Ministru fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u għandu, b’mod ġenerali, ikun indipendenti minn kull persuna jew korp ieħor li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-funzjonijiet eżerċitati mill-[MCIB]”. Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, il-kelma “Ministru” għandha tinftiehem bħala l-Ministru għar-Riżorsi Marini u Naturali.

    10

    L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “Il-[MCIB] għandu jkun kompost minn:

    tliet persuni maħtura mill-Ministru;

    is-surveyor prinċipali, u

    is-Segretarju Ġenerali tad-Department of the Marine and Natural Resources [il-Ministeru għar-Riżorsi Marini u Naturali, l-Irlanda], jew id-delegat tiegħu”.

    11

    L-Artikolu 9(2) tal-istess liġi jipprevedi li l-Ministru għandu jinnomina waħda mill-persuni maħtura skont l-Artikolu 9(1) bħala l-President tal-MCIB u t-tieni persuna bħala supplent tal-imsemmi president.

    12

    It-terminu “surveyor prinċipali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili bħala li jirreferi għall-persuna li tokkupa l-pożizzjoni jew li teżerċita l-funzjonijiet ta’ surveyor prinċipali tal-Marine Survey Office (l-Ispettorat tan-Navigazzjoni, l-Irlanda), li jaqa’ taħt il-Ministeru għar-Riżorsi Marini u Naturali.

    13

    L-Artikolu 17 ta’ din il-liġi jistabbilixxi regoli dwar il-kunflitti ta’ interessi u jipprevedi b’mod partikolari li l-membri tal-MCIB, kif ukoll il-konsulenti, l-esperti u l-investigaturi għandhom jikkomunikaw “kull interess, ta’ natura pekunjarja jew ta’ tip ieħor, marbut jew relatat ma’ bastiment jew mat-tagħbija ta’ bastiment involut f’diżgrazzja marittima, jew f’kull kwistjoni oħra li tkun trid tiġi suġġetta għall-eżami tal-[MCIB]”.

    Il-Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili

    14

    Skont ir-Regolament 4 tal-European Communities (Merchant Shipping) (Investigation of Accidents) Regulations 2011 (ir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal‑2011 dwar il-Bastimenti Merkantili (Investigazzjoni ta’ Inċidenti), iktar ’il quddiem il-“Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili”), il-MCIB huwa nnominat bħala korp investigattiv permanenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/18.

    15

    Skont ir-Regolament 6 ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-MCIB għandu jwettaq investigazzjoni dwar is-sigurtà fil-każ ta’ diżgrazzja serja ħafna u għandu jwettaq evalwazzjoni minn qabel, fil-każ ta’ diżgrazzja serja, sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok li ssir tali investigazzjoni jew le.

    16

    Ir-Regolament 11 tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ rapport fuq kull investigazzjoni dwar is-sigurtà mwettqa.

    17

    Ir-Regolament 12(1) ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprovdi li l-MCIB għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà lill-partijiet ikkonċernati u għandu jiżgura s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali. Ir-Regolament 12(2) jipprevedi li r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà magħmula mill-MCIB fl-ebda każ ma jistgħu jiddeterminaw ir-responsabbiltà jew jattribwixxu l-ħtija għal diżgrazzja.

    Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18

    Fit‑13 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Irlanda, fil-kuntest tal-proċedura “EU Pilot”, fejn stednitha tipprovdi kjarifiki dwar kwistjonijiet differenti marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/18 u, b’mod partikolari, tispjega l-modalitajiet previsti fid-dritt Irlandiż sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva u l-imparzjalità meħtieġa fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li żewġ membri tal-MCIB, jiġifieri s-surveyor prinċipali u s-Segretarju Ġenerali tad-Department of Transports, Tourism and Sports (il-Ministeru għat-Trasport, għat-Turiżmu u għall-Isport, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem id-“DTTS”), li issa jassumi l-kompetenzi tal-Ministeru għar-Riżorsi Marini u Naturali, kienu jeżerċitaw funzjonijiet oħra regolamentari u ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport marittimu u/jew tas-sajd.

    19

    Fis‑17 ta’ Settembru 2015, l-Irlanda wieġbet għal din l-ittra, fejn ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili. B’mod partikolari, hija għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-istruttura u l-funzjonament tal-MCIB, kif ukoll dwar ir-rwol tas-surveyor prinċipali, membru ta’ dan il-korp, u dwar dak tas-supplent tiegħu, fil-każ ta’ investigazzjoni mwettqa mill-MCIB jew ta’ redazzjoni ta’ rapport dwar diżgrazzja marittima. Hija invokat ukoll l-assenza ta’ rwol imwettaq mill-Ministru u d-DTTS f’dawn l-istess sitwazzjonijiet.

    20

    Fid‑29 ta’ April 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, li fiha hija enfasizzat li l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru ma kinux biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-osservanza, mill-MCIB, tar-rekwiżiti ta’ indipendenza stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, minħabba li, l-ewwel nett, is-surveyor prinċipali tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni u s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS kienu membri tal-MCIB, it-tieni nett, id-DTTS kien assuma l-kontroll u r-responsabbiltajiet kollha fil-qasam tat-trasport marittimu fl-Irlanda u, fl-aħħar nett, dan l-ispettorat kien jeżerċita funzjonijiet regolamentari u ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni bħall-ispezzjoni u l-approvazzjoni tal-bastimenti, iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet tal-baħħara u t-tressiq ta’ proċeduri fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni.

    21

    Fit‑22 ta’ Ġunju 2016, l-Irlanda wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-MCIB kien jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/18 u li l-Kummissjoni ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ xi kunflitt ta’ interessi min-naħa tal-membri tal-MCIB bħala aġenti tal-Ministeru responsabbli tagħhom, u lanqas ta’ xi nuqqas ta’ osservanza, fil-prattika, tar-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni.

    22

    Fit‑28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda, li fiha hija qieset li, billi ma waqqfitx korp investigattiv indipendenti, fuq il-livell organizzattiv tiegħu, tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/18. Il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

    23

    Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, l-Irlanda, fit-tweġiba tagħha għall-imsemmija opinjoni motivata, ikkontestat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

    24

    Peress illi ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba tal-Irlanda, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    25

    Il-Kummissjoni tilmenta li l-Irlanda li ma osservatx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 billi ma pprevedietx, fid-dritt nazzjonali tagħha, leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza, fuq il-livell organizzattiv, tal-istruttura ġuridika u tal-proċess deċiżjonali, tal-MCIB fir-rigward ta’ kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu.

    26

    Din l-istituzzjoni tenfasizza li, anki jekk l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili jipprevedi li l-MCIB għandu jkun indipendenti minn kull persuna jew korp ieħor li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-funzjonijiet eżerċitati minnu, l-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-MCIB għandu jkun kompost minn ħames membri, li minnhom għandhom jagħmlu parti, b’mod obbligatorju, is-surveyor prinċipali u s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS jew id-delegat tiegħu. Il-Kummissjoni tirrileva li l-imsemmija surveyor prinċipali u segretarju ġenerali jeżerċitaw funzjonijiet bħala membri tal-MCIB filwaqt li jkomplu jwettqu l-kompiti abitwali tagħhom bħala, rispettivament, Direttur tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni u Segretarju Ġenerali tad-DTTS. Għaldaqstant l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili jorbot b’mod espliċitu l-kwalità ta’ dawn iż-żewġ membri tal-MCIB mal-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet oħra.

    27

    Il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li, fi ħdan id-DTTS, l-Ispettorat tan-Navigazzjoni huwa responsabbli mill-ispezzjoni, mill-investigazzjonijiet, miċ-ċertifikazzjoni u mill-approvazzjoni fir-rigward tal-bastimenti u tat-tagħmir tar-radju tal-bastimenti, mill-eżami u miċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet tal-baħħara u mill-kontroll tal-osservanza tar-regoli applikabbli, billi jwettaq verifiki tal-organizzazzjonijiet u tal-installazzjonijiet, kif ukoll billi jibda proċeduri fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni. Hija tirrileva li dan l-ispettorat huwa wkoll responsabbli sabiex jippubblika avviżi lin-navigaturi dwar kull suġġett rilevanti, fil-kuntest tar-rwol tiegħu ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

    28

    Il-Kummissjoni żżid li s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS imexxi dan il-Ministeru kollu u huwa responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tiegħu. Hija ssostni li huwa għandu taħt l-awtorità tiegħu, b’mod partikolari, l-Ispettorat tan-Navigazzjoni, kif ukoll l-uffiċjali li jgħassu l-kosta Irlandiża u d-Diviżjoni tal-Politika ta’ Sigurtà Marittima, li hija responsabbli mill-politika u mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza, inkluż mis-sistema ta’ monitoraġġ tat-traffiku marittimu.

    29

    Il-Kummissjoni tindika, min-naħa l-oħra, li l-MCIB għandu l-obbligu jwettaq investigazzjonijiet fil-każ ta’ diżgrazzji marittimi serji ħafna, li jinvolvu bastimenti li jtajru bandiera Irlandiża jew li jseħħu fl-ilmijiet Irlandiżi.

    30

    Minn dawn iż-żewġ elementi hija tiddeduċi li kull investigazzjoni dwar is-sigurtà għandha punti komuni, b’mod ġenerali, mal-attivitajiet u mar-responsabbiltajiet tad-DTTS u tas-Segretarju Ġenerali tiegħu, kif ukoll, b’mod partikolari, mal-Ispettorat tan-Navigazzjoni u mas-surveyor prinċipali tiegħu. Fil-fatt, il-membri inkwistjoni tal-MCIB huma mitluba jassumu, parallelament, ir-responsabbiltà għas-sigurtà marittima tal-bastimenti li jtajru bandiera Irlandiża kif ukoll għall-ispezzjonijiet ta’ sigurtà fl-ilmijiet Irlandiżi. Din is-sitwazzjoni twassal għal nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18. Il-fatt li l-MCIB jista’ jeżerċita attivitajiet oħra minbarra dawk ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva lanqas ma jippermetti li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ indipendenza li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 8(1).

    31

    Il-Kummissjoni żżid li, fi tmiem investigazzjoni, il-MCIB għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà lill-partijiet ikkonċernati u għandu jiżgura s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali, skont ir-Regolament 11(1) u r-Regolament 12(1) tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili, sabiex itejjeb is-sigurtà marittima u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżgrazzja marittima fil-futur. Minn dan hija tikkonkludi li s-surveyor prinċipali u s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS jistgħu, fil-prattika, ikunu mġiegħla jindirizzaw rakkomandazzjonijiet lilhom innifishom, sa fejn kull rakkomandazzjoni tal-MCIB intiża li ttejjeb is-sigurtà marittima jew li tiżgura s-segwitu ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà speċifiċi żvelati permezz ta’ investigazzjoni tiġi implimentata mid-DTTS u/jew mill-Ispettorat tan-Navigazzjoni, responsabbli mill-kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni u sabiex jippubblika l-avviżi lin-navigaturi dwar temi speċifiċi.

    32

    Il-Kummissjoni tammetti li la l-kliem u lanqas l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 ma jeżiġu li l-korp investigattiv ikun indipendenti mill-korpi pubbliċi kollha. Madankollu, hija tenfasizza li, skont din id-dispożizzjoni, il-korp investigattiv għandu jkun indipendenti, fuq il-livell organizzattiv tiegħu, tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, minn kull parti li l-interessi tagħha “jist[għu] jkun[u] f’kunflitt” mal-kompiti fdati lilu. Mill-użu tal-kundizzjonal jirriżulta b’mod ċar li, permezz ta’ dan l-obbligu, l-imsemmija direttiva hija intiża li tipprevjeni l-kunflitti ta’ interessi potenzjali, fatt li għandu jwassal lill-Istati Membri jipprevedu garanziji ġuridiċi suffiċjenti ta’ indipendenza f’dak li jirrigwarda l-korp investigattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-partijiet li jeżerċitaw funzjonijiet regolamentari, meta dawn tal-aħħar jikkoinċidu mal-għan tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.

    33

    Issa, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istatus ta’ tnejn mill-ħames membri tal-MCIB, jeżisti riskju intrinsiku ta’ kunflitt ta’ interessi. L-argument tal-Gvern Irlandiż ibbażat fuq il-prattika li tikkonsisti fir-rikors, fi ħdan id-DTTS, għas-supplent tas-surveyor prinċipali sabiex jieħu konjizzjoni tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-MCIB jew sabiex jeżamina r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar inklużi f’rapport ta’ investigazzjoni u indirizzati lill-Ministru jew lid-DTTS jikkostitwixxi rikonoxximent impliċitu, mill-Irlanda, tal-eżistenza ta’ tali kunflitt ta’ interessi li jirriżulta mill-preżenza, fost il-membri tal-MCIB, tas-surveyor prinċipali u tas-Segretarju Ġenerali tad-DTTS. Ir-rikors, fil-prattika, għas-supplent tas-surveyor prinċipali fi ħdan id-DTTS ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi garanzija suffiċjenti ta’ indipendenza.

    34

    F’ dak li jirrigwarda r-rapporti tal-MCIB, li l-Irlanda tinvoka sabiex turi li dan tal-aħħar jaġixxi, fil-prattika, b’mod indipendenti fir-rigward tad-DTTS, il-Kummissjoni tirrileva li, billi tindika li l-MCIB, fir-rapporti tiegħu, jiġbed l-attenzjoni għal elementi tal-leġiżlazzjoni Irlandiża jew tal-applikazzjoni tagħha li jistgħu jittejbu, l-Irlanda impliċitament tirrikonoxxi li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mwettqa mill-MCIB jeżaminaw u, għaldaqstant jissovrapponu l-attivitajiet tad-DTTS.

    35

    L-Irlanda preliminarjament tfakkar, l-ewwel nett, il-kliem tal-Artikoli 8 u 17 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili li jipprevedu l-indipendenza tal-MCIB u jistabbilixxu regoli dwar il-kunflitti ta’ interessi għall-membri ta’ dan il-korp. Hija żżid li dan tal-aħħar huwa suġġett għall-Ethics in Public Office Act 1995 (il-Liġi tal‑1995 dwar l-Etika fis-Servizz Pubbliku) u għall-iStandards in Public Office Act 2001 (il-Liġi tal‑2001 dwar l-Istandards fis-Servizz Pubbliku), li jipprevedu li l-persuni li jokkupaw ċerti funzjonijiet fis-servizz pubbliku għandhom jiddikjaraw l-interessi li jistgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali t-twettiq tal-kompiti tagħhom. L-Irlanda tinvoka wkoll it-twaqqif, mil-liġi, tal-iStandards in Public Office Commission (il-Kummissjoni dwar l-Istandards fis-Servizz Pubbliku, l-Irlanda), li għandha l-għan li tinvestiga l-ilmenti u li tipprovdi gwida ddettaljata dwar il-mod kif l-uffiċjali għandhom josservaw il-leġiżlazzjoni.

    36

    Il-MCIB huwa suġġett għal din il-leġiżlazzjoni. Huwa wkoll suġġett għall-Code of Practice for the Governance of State bodies (il-Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Governanza tal-Korpi tal-Istat), li jipprevedi, fl-Artikolu 5(1) tiegħu, l-obbligu għall-MCIB li jadotta kodiċi ta’ kondotta għall-membri tiegħu u għall-persunal tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tinvoka l-Code of Business Conduct (il-Kodiċi ta’ Kondotta Professjonali) tal-MCIB u tenfasizza li, skont dan il-kodiċi, regoli jipprevedu, b’mod partikolari, l-imparzjalità ta’ dan il-korp, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ interessi, l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni u l-obbligi legali tal-MCIB.

    37

    It-tieni nett, l-Irlanda tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li kull investigazzjoni mwettqa mill-MCIB neċessarjament tippreżenta punti komuni mal-attivitajiet u mar-responsabbiltajiet tad-DTTS. Hija tinvoka diversi eżempji li, fil-fehma tagħha, juru li ċerti investigazzjonijiet ma jidħlux fuq l-attivitajiet jew ir-responsabbiltajiet tad-DTTS. Barra minn hekk, l-Irlanda tenfasizza li l-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili tipprevedi li s-surveyors tad-DTTS ma għandhomx jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-MCIB. Barra minn hekk, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/18, il-MCIB waqqaf kumitat ta’ investigaturi indipendenti, li minn fosthom huwa jinnomina investigatur, każ b’każ, jekk ikun il-każ, u skont il-bżonnijiet tal-investigazzjoni.

    38

    It-tielet nett, l-Irlanda tenfasizza li l-MCIB huwa kompost minn ħames membri, b’tali mod li ż-żewġ membri indikati mill-Kummissjoni ma jikkontrollawhx. Ir-rakkomandazzjonijiet kollha fformulati mill-MCIB huma indirizzati lill-korpi pubbliċi Irlandiżi u mhux liż-żewġ membri inkwistjoni. Il-MCIB ma jindirizza ebda rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà lill-Ispettorat tan-Navigazzjoni u l-fatt li huwa joħroġ rapporti ta’ investigazzjoni li jinkludu rakkomandazzjonijiet intiżi għad-DTTS juri l-indipendenza tiegħu iktar milli jinvalidaha.

    39

    Sussegwentement għal dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, l-Irlanda tinsisti fuq tliet punti.

    40

    Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li d-Direttiva 2009/18 teżiġi li l-MCIB ikun indipendenti mhux mid-DTTS, iżda minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompiti fdati lilu, fatt li, fil-fehma tiegħu, jirreferi għall-proprjetarju tal-bastiment jew għal kull persuna oħra direttament involuta fl-inċident li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni u mhux għal korp pubbliku bħad-DTTS.

    41

    Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/18 ma tipprevedix rekwiżit speċifiku li jipprovdi li l-korp investigattiv għandu jkun indipendenti mill-korpi regolatorji.

    42

    L-Irlanda tirrileva, f’dan ir-rigward, li, fl-Artikolu 8(1) tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ l-inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE tat‑23 ta’ Novembru 2005 (KUMM (2005 590 finali)) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Direttiva”), kien previst li l-korp investigattiv għandu jkun “b’mod partikolari, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni, ir-riżorsi umani, in-navigazzjoni bla periklu, il-manutenzjoni, il-kontroll tat-traffiku marittimu, il-kontroll statali tal-portijiet, l-operat tal-portijiet marittimi u, b’mod ġenerali, minn kull parti li l-interessi tagħha jafu jkunu konflinġenti mal-kompitu afdat f’idej[h]”.

    43

    Issa, din il-formulazzjoni ma ġietx riprodotta fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 17/2008, adottata mill-Kunsill fis‑6 ta’ Ġunju 2008 bil-għan li jadotta d-Direttiva 2008/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttivi 1999/35/KE u 2002/59/KE (ĠU 2008, C 184 E, p. 23), li neħħiet ir-rekwiżit ta’ korp investigattiv indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-affarijiet marittimi.

    44

    Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ried li l-korp investigattiv ikun indipendenti mill-korpi pubbliċi kollha jew minn kull influwenza possibbli, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa seta’ jesprimi din il-kundizzjoni, hekk kif sar f’atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni.

    45

    Fit-tieni lok, l-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li, minn naħa, is-surveyor prinċipali u s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS, membri tal-MCIB, huma influwenzati mill-funzjonijiet li huma jeżerċitaw barra minn dan il-korp u, min-naħa l-oħra, il-MCIB huwa influwenzat minn dawn iż-żewġ membri.

    46

    L-Irlanda tenfasizza li dawn tal-aħħar huma minoritarji fi ħdan il-MCIB u li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ elementi konkreti li juru li l-imparzjalità jew l-indipendenza tal-MCIB ġew kompromessi. Il-fatt li wieħed jibbaża ruħu fuq preżunzjoni ma huwiex permess. L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tissupponi li jeżisti nuqqas ta’ indipendenza minħabba r-rabtiet strutturali li jeżistu bejn żewġ korpi u li hija lanqas ma tista’ tinvoka kunflitt ta’ interessi bbażat biss fuq tali rabtiet.

    47

    Fit-tielet lok, l-Irlanda tinvoka diversi eżempji ta’ rapporti tal-MCIB, li fihom kritika u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-uffiċjali li jgħassu l-kosta Irlandiża u, b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Irlandiża jew tal-implimentazzjoni tagħha, fatt li juri l-indipendenza tal-MCIB fir-rigward tad-DTTS.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48

    Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili, is-Segretarju Ġenerali tad-DTTS, li jmexxi dan il-Ministeru kollu, u s-surveyor prinċipali tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni, li jiddependi mid-DTTS, huma wkoll membri tal-MCIB. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom eżerċitati fi ħdan id-DTTS u dan l-ispettorat, dawn iż-żewġ persuni huma mitluba jassumu, parallelament mal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-MCIB, ir-responsabbiltà għas-sigurtà marittima tal-bastimenti li jtajru bandiera Irlandiża kif ukoll għas-sigurtà fl-ilmijiet Irlandiżi. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tilmenta li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, minħabba li dan l-Istat Membru ma għandux leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza, fuq il-livell organizzattiv tiegħu, tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, tal-MCIB minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu.

    49

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili u r-Regolament 4 tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili, il-MCIB huwa responsabbli sabiex jeżerċita, fl-Irlanda, il-funzjonijiet tal-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/18. Huwa taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-korp li jitwettqu l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

    50

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ korp investigattiv permanenti u imparzjali. Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li, “[s]abiex investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq b’mod imparzjali, il-korp investigattiv għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista’ jkun f’kunflitt mal-kompitu fdat lilha [lilu]”.

    51

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-DTTS u l-Ispettorat tan-Navigazzjoni humiex, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-MCIB, għandu jitfakkar l-għan ta’ din id-direttiva.

    52

    Għaldaqstant, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tagħha huwa li tittejjeb is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis mill-bastimenti, li jitnaqqas ir-riskju ta’ diżgrazzji marittimi billi jiġu ffaċilitati l-organizzazzjoni diliġenti ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u analiżi korretta tad-diżgrazzji u tal-inċidenti marittimi u billi jiġi żgurat li jingħata rendikont preċiż u f’waqtu tal-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u tal-proposti għal miżuri korrettivi.

    53

    Mill-premessa 13 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li hija ta’ importanza ewlenija li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà relatati mad-diżgrazzji u mal-inċidenti li jinvolvu bastimenti li jbaħħru jew bastimenti oħra f’portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra jitwettqu b’mod imparzjali sabiex jiġu stabbiliti b’mod effettiv ċ-ċirkustanzi u l-kawżi ta’ dawn id-diżgrazzji u ta’ dawn l-inċidenti. Skont din l-istess premessa, dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu minn investigaturi kkwalifikati, taħt il-kontroll ta’ korp jew ta’ entità indipendenti, mogħtija s-setgħat neċessarji sabiex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi.

    54

    Barra minn hekk, għalkemm, b’mod konformi mal-Artikolu 15(3) u mal-premessa 26 tad-Direttiva 2009/18, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà ma humiex intiżi li jiddeterminaw ir-responsabbiltà jew li jattribwixxu l-ħtija, dawn madankollu huma intiżi għar-redazzjoni ta’ rapporti dwar id-diżgrazzji, skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà magħmula mill-korp investigattiv għandhom, skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-destinatarji tagħhom. Hekk kif tiddikjara l-premessa 25 tad-Direttiva 2009/18, dawn għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll mill-Istati Membri u mill-Unjoni, sabiex tittejjeb is-sigurtà marittima.

    55

    Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili u r-Regolamenti 6 u 12 tal-Leġiżlazzjoni dwar il-Bastimenti Merkantili, il-MCIB għandu l-kompitu li jwettaq investigazzjonijiet dwar is-sigurtà, kif ukoll li jħejji rapporti u jagħmel rakkomandazzjonijiet, li jistgħu jwassluh jieħu konjizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar in-navigazzjoni marittima.

    56

    Issa, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa d-DTTS li huwa responsabbli minn din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Politika ta’ Sigurtà Marittima, li tinsab taħt l-awtorità ta’ dan il-Ministeru, hija responsabbli mill-politika u mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza, inkluż mis-sistema ta’ monitoraġġ tat-traffiku marittimu.

    57

    Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet tal-MCIB jistgħu wkoll iwasslu lil dan tal-aħħar jieħu konjizzjoni tal-attivitajiet ta’ sigurtà marittima, ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ approvazzjoni tal-bastimenti.

    58

    Issa, ma huwiex ikkontestat li d-DTTS, b’mod ġenerali, jassumi r-responsabbiltà għas-sigurtà marittima tal-bastimenti li jtajru bandiera Irlandiża u tal-bastimenti li jinsabu fl-ilmijiet Irlandiżi. Id-DTTS għandu wkoll taħt l-awtorità tiegħu l-uffiċjali li jgħassu l-kosta Irlandiża kif ukoll l-Ispettorat tan-Navigazzjoni, li huwa responsabbli mill-ispezzjoni, mill-investigazzjonijiet, miċ-ċertifikazzjoni u mill-approvazzjoni fir-rigward tal-bastimenti u tat-tagħmir tar-radju tal-bastimenti, mill-eżami u miċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet tal-baħħara u mill-kontroll tal-osservanza tar-regoli applikabbli, billi jwettaq verifiki tal-organizzazzjonijiet u tal-installazzjonijiet, kif ukoll billi jibda proċeduri fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni.

    59

    Minn dan isegwi li l-MCIB jista’ jitwassal, fl-investigazzjonijiet li huwa jwettaq, jieħu konjizzjoni tal-attivitajiet imwettqa direttament mill-DTTS, iżda wkoll mid-Diviżjoni tal-Politika ta’ Sigurtà Marittima kif ukoll mill-uffiċjali li jgħassu l-kosta u mill-Ispettorat tan-Navigazzjoni, l-istess kif jista’ jitwassal, fir-rapporti li huwa jħejji, jikkontesta l-ġestjoni tal-kompetenzi mogħtija lil dawn l-awtoritajiet pubbliċi u jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq prattiki li għandhom jiġu segwiti fil-futur jew fuq riformi li għandhom jiġu introdotti.

    60

    Minn dan għandu jiġi konkluż li d-DTTS u l-Ispettorat tan-Navigazzjoni huma partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-MCIB, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18.

    61

    Tali konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument imressaq mill-Irlanda.

    62

    Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 huwa intiż li jiżgura l-indipendenza tal-korp investigattiv fir-rigward, biss, tal-proprjetarji ta’ bastimenti jew ta’ kull persuna oħra involuta direttament fl-inċident li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni.

    63

    Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, l-Irlanda tinvoka l-abbandun, fid-Direttiva 2009/18, ta’ kundizzjoni msemmija fil-Proposta għal Direttiva. Skont l-Irlanda, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni neħħa din il-kundizzjoni sabiex jadotta biss id-dispożizzjoni fil-formulazzjoni tagħha hekk kif tirriżulta mill-Artikolu8 (1) tad-Direttiva 2009/18 juri li r-rekwiżit ta’ korp investigattiv indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-affarijiet marittimi ġie abbandunat.

    64

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni indikata fil-Proposta għal Direttiva kienet issemmi biss l-indipendenza funzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jiġifieri li l-korp investigattiv kellu jkun “b’mod partikolari, funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-aċċertar li l-bastimenti jilħqu l-istandards biex jitħallew ibaħħru, miċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjoni, ir-riżorsi umani, in-navigazzjoni bla periklu, il-manutenzjoni, il-kontroll tat-traffiku marittimu, il-kontroll statali tal-portijiet, l-operat tal-portijiet marittimi u, b’mod ġenerali, minn kull parti li l-interessi tagħha jafu jkunu konflinġenti mal-kompitu afdat f’idej[h]”. Issa, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, fil-formulazzjoni tagħha hekk kif ġiet adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ma huwiex limitat għall-indipendenza funzjonali, iżda jirrigwarda indipendenza ħafna iktar wiesgħa, inkwantu issa l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw fir-rigward tal-korp investigattiv indipendenza fuq il-livell kemm organizzattiv tiegħu kif ukoll tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, fejn din l-indipendenza testendi fir-rigward ta’ kull persuna li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lil dan il-korp. Għalhekk ma jistax jiġi aċċettat li, permezz ta’ din l-għażla ta’ formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi li awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġu inklużi fost il-partijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza tal-korp investigattiv.

    65

    L-Irlanda ssostni, barra minn hekk, li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ried li l-korp investigattiv ikun indipendenti mill-korpi pubbliċi kollha jew minn kull influwenza possibbli, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa seta’ jesprimi din il-kundizzjoni, hekk kif huwa kien għamel fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

    66

    Madankollu, minn naħa, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ma jirriżultax li l-Kummissjoni allegat li l-korp investigattiv kellu jkun indipendenti mill-korpi pubbliċi kollha.

    67

    Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, fl-Artikolu 28 ta’ dik id-direttiva u fl-Artikolu 52 ta’ dak ir-regolament, il-kundizzjoni ta’ indipendenza hija fformulata f’termini differenti minn dawk adottati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18, is-sempliċi fatt li l-formulazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet hija differenti ma jistax iwassal għal interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 b’mod differenti minn dak li din id-dispożizzjoni tipprevedi. Din teżiġi fir-rigward tal-korp investigattiv indipendenza fuq il-livell organizzattiv tiegħu, tal-istruttura ġuridika tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, fir-rigward ta’ “kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista’ jkun f’kunflitt mal-kompitu fdat [lil dan il-korp]” u din l-espressjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari, awtoritajiet pubbliċi.

    68

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-indipendenza tal-MCIB fir-rigward tad-DTTS u tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni ma hijiex żgurata minħabba l-preżenza, fi ħdan il-MCIB, ta’ żewġ membri li jeżerċitaw, parallelament, funzjonijiet fi ħdan id-DTTS u dan l-ispettorat.

    69

    Il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili, il-MCIB huwa kompost minn ħames membri, fosthom is-Segretarju Ġenerali tad-DTTS, jew id-delegat tiegħu, u s-surveyor prinċipali tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni. Issa, fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati, parallelament, minn dawn iż-żewġ membri, minn naħa, fi ħdan id-DTTS jew l-Ispettorat tan-Navigazzjoni u, min-naħa l-oħra, fi ħdan il-MCIB, il-preżenza tagħhom hija ta’ natura li turi li l-Irlanda ma tosservax l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18.

    70

    Għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni ma ssostnix li l-MCIB huwa mċaħħad minn indipendenza fir-rigward tal-istruttura ġuridika tiegħu, hemm biss lok li jiġi eżaminat jekk il-preżenza, fi ħdan dan il-korp, tas-Segretarju Ġenerali tad-DTTS, jew tad-delegat tiegħu, kif ukoll tas-surveyor prinċipali tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni, iċċaħdux mill-indipendenza tiegħu fuq il-livell organizzattiv u tal-proċess deċiżjonali.

    71

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 u lanqas dispożizzjoni oħra ta’ din tal-aħħar ma jiddefinixxu dan il-kunċett. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni is-sens ordinarju tiegħu. Għalhekk, fir-rigward tal-korpi pubbliċi, l-indipendenza normalment tirreferi għal status li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi bil-libertà kollha fir-rigward tal-korpi li fir-rigward tagħhom għandha tkun żgurata l-indipendenza tiegħu, ħieles minn kull istruzzjoni u minn kull pressjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑530/16, EU:C:2018:430, punt 67).

    72

    F’dan il-każ, huwa minnu li l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili jipprevedi li l-MCIB għandu jkun indipendenti mid-DTTS fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u għandu, b’mod ġenerali, ikun indipendenti minn kull persuna jew korp ieħor li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-funzjonijiet eżerċitati mill-MCIB. Barra minn hekk, l-Artikolu 17 ta’ din il-liġi jistabbilixxi regoli dwar il-kunflitti ta’ interessi tal-membri tal-MCIB, li huwa suġġett, barra minn hekk, għal regoli ta’ etika.

    73

    Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu prinċipju ġenerali ta’ indipendenza u regoli dwar il-kunflitti ta’ interessi, l-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar il-Bastimenti Merkantili, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, jipprevedi li s-Segretarju Ġenerali tad-DTTS u s-surveyor prinċipali tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni għandhom ikunu membri tal-MCIB. Issa, il-preżenza, fi ħdan dan il-korp investigattiv, ta’ żewġ uffiċjali li huma responsabbli, rispettivament, għad-DTTS u għal dan l-ispettorat, awtoritajiet pubbliċi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-MCIB, għandha l-konsegwenza li l-indipendenza ta’ dan il-korp fuq il-livell kemm organizzattiv tiegħu kif ukoll tal-proċess deċiżjonali tiegħu ma hijiex iggarantita.

    74

    Fil-fatt, is-sempliċi preżenza ta’ dawn il-membri, li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi tagħhom hija evidenti, peress li fl-istess ħin dawn huma membri tal-MCIB u responsabbli għal awtoritajiet pubbliċi li l-azzjoni tagħhom tista’ tiġi eżaminata minn dan il-korp investigattiv u tista’ tkun is-suġġett ta’ kritika u ta’ rakkomandazzjonijiet min-naħa tiegħu, hija, fiha nnifisha, inkompatibbli mal-indipendenza ta’ dan il-korp fuq il-livell organizzattiv.

    75

    Fir-rigward tar-rwol li dawn il-membri jistgħu jkollhom fid-deċiżjonijiet tal-korp investigattiv, favur, jekk ikun il-każ, l-interessi tal-amministrazzjonijiet li għalihom huma responsabbli, b’mod partikolari billi jiddefendu regoli, proċeduri jew prattiki eżistenti tagħhom, dan huwa ta’ natura li jaffettwa l-indipendenza tal-MCIB fuq il-livell tal-proċess deċiżjonali.

    76

    L-eżistenza ta’ dan il-kunflitt ta’ interessi u ta’ dan ir-rwol potenzjali hija biżżejjed sabiex il-ksur tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18 jiġi stabbilit, peress li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jadottaw il-miżuri li jiżguraw, minn qabel, l-indipendenza oġġettiva tal-korp investigattiv, hekk kif jikkonferma l-użu tal-kundizzjonal fl-espressjoni “jista’ jkun f’kunflitt”, li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni.

    77

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, il-konstatazzjoni li, f’każijiet speċifiċi, il-korp investigattiv aġixxa b’mod parzjali ma hijiex neċessarja sabiex il-ksur jiġi stabbilit, peress li l-kundizzjonijiet tal-indipendenza għandhom ikunu oġġettivament issodisfatti, b’tali mod li l-MCIB ikun protett minn kull influwenza, diretta jew indiretta, min-naħa tal-partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 41).

    78

    Għaldaqstant, l-eżempji ta’ rapporti tal-MCIB iċċitati mill-Irlanda, li fihom ġew ifformulati kritika jew proposti fir-rigward tad-DTTS jew tal-Ispettorat tan-Navigazzjoni, ma jistgħux juru li dan l-Istat Membru kkonforma mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18.

    79

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, il-fatt li l-membri kkonċernati huma minoritarji fi ħdan il-MCIB ma huwiex rilevanti, peress li l-preżenza, fi ħdan korp investigattiv, ta’ anki membru wieħed li fl-istess ħin jeżerċita responsabbiltajiet fi ħdan parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lil dan il-korp għandha bħala konsegwenza li dan tal-aħħar ma huwiex ħieles minn kull suspett ta’ parzjalità fir-rigward ta’ din il-parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 52).

    80

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ma waqqfitx korp investigattiv indipendenti, fuq il-livell organizzattiv tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18.

    Fuq l-ispejjeż

    81

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    82

    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-Irlanda tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi ma waqqfitx korp investigattiv indipendenti, fuq il-livell organizzattiv tiegħu u tal-proċess deċiżjonali tiegħu, minn kull parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lilu, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

     

    2)

    L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top