Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0593

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-22 ta’ Ottubru 2020.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:851

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fit-22 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

    Kawża C‑593/19

    SK Telecom Co. Ltd

    vs

    Finanzamt Graz-Stadt

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (il‑Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112 – Miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni – Artikolu 59a – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Telefonija ċellulari – Servizzi ta’ roaming – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu temporanjament fit-territorju ta’ Stat Membru – Post tal‑provvista – Possibbiltà ta’ trasferiment ta’ dan il-post lejn it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Rekwiżit ta’ użu jew ta’ tgawdija effettiva fit-territorju tal-Istat Membru – Każ ta’ taxxa doppja, ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni – Nuqqas ta’ rilevanza tat-trattament fiskali fil-pajjiż terz”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2019, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SK Telecom Co. Ltd, kumpannija stabbilita fil-Korea t’Isfel, u l-Finanzamt ta’ Graz‑Stadt (l-Uffiċċju tat-Taxxa tal-Belt ta’ Graz, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar it-trattament fiskali ta’ servizzi ta’ roaming ipprovduti minn din il-kumpannija lil utenti li jirrisjedu fil-Korea t’Isfel iżda li joqogħdu temporanjament fl-Awstrija, li jikkonsistu f’li jingħataw aċċess għal network tat-telefonija ċellulari f’dan l-Istat Membru.

    3.

    Id-domandi li saru għandhom l-għan, essenzjalment, li jiddeterminaw jekk id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tawtorizzax lir-Repubblika tal-Awstrija tittrasferixxi l-post fejn jingħataw dawn is-servizzi ta’ roaming għat-territorju tagħha, bil-konsegwenza li dawn ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) Awstrijaka.

    4.

    Fil-bqija tal-konklużjonijiet tiegħi, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi dawn id-domandi fl-affermattiv.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Peress li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ipprovduti matul l-2011, il-verżjoni tad-Direttiva 2006/112 applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mill-emendi magħmula l-aħħar mid-Direttiva 2010/88, li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha skada fl-1 ta’ Jannar 2011 bis-saħħa tal-Artikolu 2 tagħha ( 3 ).

    6.

    Id-Direttiva 2006/112 għandha t-Titolu V bl-isem “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”. Fi ħdan dan it-Titolu V, il-Kapitolu 3 huwa ddedikat għall-“Post tal-forniment tas-servizzi”. Dan il-Kapitolu 3 jinkludi t-Taqsima 3 iddedikata għal “Dispożizzjonijiet partikolari”. L‑Artikoli 59, 59a u 59b tad-Direttiva 2006/112 jidhru taħt it-Taqsima 3 ( 4 ).

    7.

    L-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva, li jidher taħt is-subtaqsima 9 bl-isem “Forniment ta’ servizzi lil persuni mhux taxxabbli barra l-[Unjoni]” jgħid:

    “Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew li għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi barra [l-Unjoni], għandu jkun il-post fejn hija stabbilita dik il-persuna, fejn għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn normalment tirrisjedi:

    […]

    i)

    servizzi tat-telekomunikazzjonijiet;

    […]”

    8.

    L-Artikolu 59a u l-Artikolu 59b tad-Direttiva 2006/112 jidhru, min-naħa tagħhom, fis-subtaqsima 10 bl-isem: “Prevenzjoni ta’ tassazzjoni doppja jew non-tassazzjoni”.

    9.

    Skont l-Artikolu 59a tad-direttiva msemmija:

    “Sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tas-servizzi li l-post tal-forniment tagħhom hu rregolat mill-Artikoli 44, 45, 56, 58 u 59,

    a)

    iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab fit-territorju tagħhom, daqs li kieku kien jinsab barra l-[Unjoni] jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħu barra l-[Unjoni];

    b)

    iqisu l-post tal-forniment ta’ kwalunkwe jew ta’ dawk is-servizzi kollha, jekk jinsab barra l-[Unjoni], daqs li kieku kien jinsab fit-territorju tagħhom jekk l-użu effettiv u t-tgawdija tas-servizzi jseħħu fit-territorju tagħhom.

    Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għas-servizzi fornuti elettronikament fejn dawk is-servizzi jingħataw lil persuni mhux taxxabbli li ma jkunux stabbiliti [fl-Unjoni]”

    10.

    L-Artikolu 59b ta’ din l-istess direttiva jgħid:

    “Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Membri għandhom japplikaw [il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a] għal servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kif imsemmija fil-punt (j) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 59, fornuti lil persuni li m’humiex taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru, jew li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew li ġeneralment huma residenti fi Stat Membru, minn persuna taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha barra l-[Unjoni] jew li għandha stabbiliment fiss hemmhekk minn fejn jiġu fornuti s-servizzi, jew li, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ negozju jew stabbiliment fiss, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti barra l-[Unjoni].”

    B.   Id-dritt Awstrijak

    11.

    L-Artikolu 3a tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) tal-1994 (BGBl. 663/1994, iktar ’il quddiem l-“UstG 1994”), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (BGBl. I 34/2010), jipprovdi:

    “[…]

    (13)   Provvisti oħrajn, fis-sens tal-paragrafu 14, huma kkunsidrati li jinsabu:

    a)

    jekk il-klijent ma huwiex imprenditur, fis-sens tal-punt 3 tal-paragrafu 5 u m’għandux id-domiċilju, is-sede jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-[Unjoni], il-provvista l-oħra hija kkunsidrata bħala li tinsab fid-domiċilju, fis-sede jew fir-residenza abitwali tal-klijent fit-territorju tal-pajjiż terz;

    […]

    (14)   Il-provvisti li ġejjin huma kkunsidrati bħala provvisti oħra fis-sens tal-paragrafu 13:

    […]

    12. is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni;

    […]

    (16)   Biex jiġu evitati każijiet ta’ taxxa doppja, ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Bundesminister für Finanzen (il-Ministru Federali għall-Finanzi) jista’ jipprovdi, permezz ta’ regolament, li provvisti oħra li l-post ta’ provvista tagħhom huwa ddeterminat skont il-paragrafi 6, 7, 12 jew 13(a), huma kkunsidrati li jinsabu fil-post fejn dawn il-provvisti oħra jintużaw jew jitgawdew. Għaldaqstant, il-post tal-provvista l-oħra jista’ jitqies li jinsab:

    1.

    fit-territorju tal-pajjiż terz minflok fit-territorju nazzjonali; u

    2.

    fit-territorju nazzjonali minflok fit-territorju tal-pajjiż terz. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-provvisti fis-sens tal-punt 14 tal-paragrafu 14, meta l-klijent ma jkunx imprenditur, fis-sens tal-punt 3 tal-paragrafu 5, u ma jkollux id-domiċilju, is-sede jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-[Unjoni].”

    12.

    Skont ir-regolament tal-Ministru Federali għall-Finanzi dwar it-trasferiment tal-post ta’ provvisti oħra relatati ma’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni (BGBl. II 383/2003), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (BGBl. II 221/2009):

    “Skont il-punti 13 u 14 tal-paragrafu 10 tal-Artikolu 3a, u l-paragrafu 13 tal-Artikolu 3a tal-UstG 1994 fil-verżjoni tal-Liġi Federali BGBl. I 71/2003, nordnaw dan li ġej:

    Artikolu 1. Fejn il-post ta’ provvista msemmija fil-punti 12 u 13 tal-paragrafu 14 tal-Artikolu 3a tal-UStG 1994, BGBl. 663, fil-verżjoni tal-Liġi Federali BGBl. I 52/2009, jinsab barra t-territorju tal-[Unjoni] skont l-Artikolu 3a tal-UstG 1994, il-provvista titwettaq fit-territorju nazzjonali, meta tintuża jew titgawda hemmhekk.

    Artikolu 2. Huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ telekomunikazzjoni s-servizzi li għandhom bħala l-għan it-trażmissjoni, l-emissjoni u r-riċezzjoni ta’ sinjali, kitbiet, xbihat u ħsejjes jew informazzjoni ta’ kull tip bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettromanjetiċi, inkluż l-assenjazzjoni u l-konċessjoni relatata ta’ dritt għall-użu ta’ mezzi għal tali trażmissjoni, emissjoni jew riċezzjoni.”

    III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    13.

    SK Telecom hija kumpannija tat-telefonija ċellulari stabbilita fil-Korea t’Isfel.

    14.

    Fl-2011, SK Telecom ipprovdiet servizzi tat-telefonija ċellulari lil uħud mill-klijenti tagħha, ibbażati wkoll fil-Korea t’Isfel, li kienu qegħdin temporanjament joqogħdu fl-Awstrija.

    15.

    Sabiex dawn in-nies ikunu jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom matul il-waqfa tagħhom fl-Awstrija, operatur tan-network Awstrijak għamel in-network tiegħu disponibbli għal SK Telecom bi ħlas ta’ tariffa għall-użu flimkien mal-VAT Awstrijaka (20 %).

    16.

    SK Telecom, min-naħa tagħha, iffatturat tariffi ta’ roaming lill-klijenti tagħha għall-użu tan-network Awstrijak.

    17.

    SK Telecom imbagħad ressqet talba għar-rimbors tal-VAT li kienet ġiet iffatturata lilha mill-operatur tan-network Awstrijak.

    18.

    Il-Finanzamt ċaħad din it-talba għal rimbors. Din iċ-ċaħda kienet ibbażata, essenzjalment, fuq l-obbligu li jiġu suġġetti għall-VAT Awstrijaka t-tariffi ta’ roaming iffatturati minn SK Telecom lill-klijenti tagħha, skont ir-regolament Awstrijak dwar it-trasferiment tal-post tal-provvisti, peress li dawn is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni ma kinux suġġetti, fil-Korea t’Isfel, għal taxxa paragunabbli mal-VAT Awstrijaka. Peress li SK Telecom wettqet tranżazzjonijiet taxxabbli fl-Awstrija, ma setgħetx tibbenefika mir-rimbors tal-VAT fil-kuntest tal-proċedura ssimplifikata ta’ rimbors.

    19.

    Billi l-appell tagħha quddiem il-Finanzamt ġie miċħud, SK Telecom ippreżentat rikors ġdid quddiem il-Bundesfinanzgericht (il‑Qorti Federali tal-Finanzi).

    20.

    Il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, laqgħet ir-rikors ta’ SK Telecom. Dik il-qorti tispeċifika li bbażat id-deċiżjoni tagħha mhux fuq xi tassazzjoni paragunabbli fil-pajjiż terz, iżda fuq l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regolament Awstrijak dwar it-trasferiment tal-post tal-provvisti, li bis-saħħa ta’ dan, il-post tal-provvista tas-servizzi ta’ roaming ipprovduti minn SK Telecom jinsab fit-territorju Awstrijak.

    21.

    Skont dik il-qorti, mill-Artikoli 59a u 59b tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li Stat Membru jista’ jittrasferixxi l-post tal-provvista għat-territorju tiegħu biss fir-rigward tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni pprovduti lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

    22.

    Fil-prattika, din l-interpretazzjoni timplika li l-provvista ta’ servizzi pprovduti minn SK Telecom, li tikkonsisti f’li tippermetti lill-klijenti tagħha stabbiliti fil-Korea t’Isfel jużaw l-abbonament tat-telefonija ċellulari tagħhom fl-Awstrija, bl-użu tan-network tat-telefonija ċellulari Awstrijaka, ma tikkostitwixxix tranżazzjoni taxxabbli fit-territorju Awstrijak. SK Telecom hija għalhekk suppost intitolata li tikseb, taħt il-proċedura ssimplifikata ta’ rimbors, ir-rimbors tal-VAT Awstrijaka mħallsa lill-operatur ta’ network Awstrijak.

    23.

    Wara rikors għal Reviżjoni ordinarju ppreżentat mill-Finanzamt, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) annullat id-deċiżjoni tal-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018.

    24.

    Skont il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), filwaqt li l-Artikolu 59b tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi obbligu li jiġi ttrasferit il-post tal-provvista, meta kumpannija stabbilita f’pajjiż terz tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjoni lil persuni mhux taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru, l-Artikolu 59a ta’ din id-direttiva jipprovdi għall-għażla li jiġi ttrasferit il-post tal-provvista f’każijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 59b tad-direttiva msemmija.

    25.

    Skont dik il-qorti, u kuntrarjament għall-opinjoni espressa mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi), il-leġiżlatur Awstrijak leġittimament għamel użu mill-għażla prevista fl‑Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 meta adotta r-regolament Awstrijak dwar it-trasferiment tal-post tal-provvisti.

    26.

    Adita wara rinviju mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) għad għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan ir-reġim nazzjonali mal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112.

    27.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    [Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a] tad-Direttiva [2006/112], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ roaming fi Stat Membru, fil-kuntest ta’ aċċess għan-netwerk tat-telefonija ċellulari nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti telefonati li jkunu deħlin u telefonati li jsiru, minn ‘klijent finali li ma huwiex taxxabbli’ li jirrisjedi b’mod temporanju fit-territorju nazzjonali jikkostitwixxi ‘użu u sfruttar’ fit-territorju nazzjonali li jippermetti t-trasferiment tal-post ta’ provvista tas-servizz mill-pajjiż terz għal dan l-Istat Membru, minkejja li la l-operatur tat-telefonija ċellulari li jipprovdi s-servizzi u lanqas il-klijent finali ma huma stabbiliti fit-territorju tal-[Unjoni] u l-klijent finali wkoll ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-[Unjoni]?

    2)

    [Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a] tad-Direttiva [2006/112], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ provvista tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni kif deskritt fl-ewwel domanda, li skont l-Artikolu 59 [ta’ din id-direttiva] jinsab barra mit-territorju tal-[Unjoni], jista’ jiġi ttrasferit lejn it-territorju ta’ Stat Membru, minkejja li la l-operatur tat-telefonija ċellulari li jipprovdi s-servizzi u lanqas il-klijent finali ma huma stabbiliti fit-territorju tal-[Unjoni] u l-klijent finali wkoll ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-[Unjoni], sempliċement għaliex, fil-pajjiż terz, is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni ma huma suġġetti għall-ebda taxxa komparabbli [għall-VAT] prevista mid-dritt tal-Unjoni?”

    28.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2019.

    29.

    SK Telecom, il-Gvern Awstrijak u dak Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV. Analiżi

    30.

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jittrasferixxi lejn it-territorju tiegħu l-post ta’ servizzi ta’ roaming li jippermetti l-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari li jinsab f’dak l-Istat Membru, fejn dawn is-servizzi jkunu pprovduti minn operatur tat-telefonija ċellulari stabbilit f’pajjiż terz lil utenti li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom f’dan il-pajjiż terz iżda li joqogħdu temporanjament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    31.

    Wara li ppreżentajt l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ din il-kawża, kif ukoll ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 59, 59a u 59b tad-Direttiva 2006/112, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li huwa meħtieġ li jitwieġbu fl-affermattiv id-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    A.   Fuq l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ din il-kawża

    32.

    Qabel ma nibda l-kunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi, nixtieq ineħħi kull dubju li jista’ jeżisti dwar l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ din il-kawża.

    33.

    Servizz ta’ roaming tat-telefonija ċellulari, bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi żewġ provvisti ta’ servizzi għall-iskopijiet tal-VAT.

    34.

    L-ewwel provvista ta’ servizzi tikkonċerna biss impriżi tat-telekomunikazzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ utenti tat-telefown (relazzjoni business-to-business jew “B2B”). Operatur ta’ network attiv fil-pajjiż ta’ roaming (l-Awstrija) jiftaħ in-network tiegħu għal operatur tat-telefonija ċellulari stabbilit fil-pajjiż ta’ oriġini (SK Telecom, stabbilita fil-Korea) għal ħlas ta’ tariffa.

    35.

    It-tieni provvista ta’ servizzi tpoġġi f’relazzjoni lill-operatur tat-telefonija ċellulari tal-pajjiż ta’ oriġini (SK Telecom) mal-utenti tat-telefown li jkunu abbonati mas-servizzi tiegħu (relazzjoni business-to-consumer jew “B2C”). Dan l-operatur “jissulloka”, b’ċertu mod, lill-utenti fil-pajjiż ta’ roaming (l-Awstrija) l-aċċess għan-network li jkun kiseb minn qabel bħala parti mill-ewwel provvista.

    36.

    Għalkemm id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss din it-tieni provvista ta’ servizzi (bejn SK Telecom u l-abbonati tagħha), u b’mod iktar speċifiku fuq il-post ta’ dan is-servizz, dawn il-kwistjonijiet nqalgħu fl-okkażjoni ta’ talba għal rimbors imressqa minn SK Telecom b’konnessjoni mal-ewwel provvista (bejn SK Telecom u l-operatur ta’ network Awstrijak).

    37.

    Fil-fatt, l-operatur ta’ network Awstrijak applika l-VAT Awstrijaka fl-okkażjoni tal-ewwel provvista ta’ servizzi. SK Telecom talbet ir-rimbors tal-ammont ta’ din il-VAT Awstrijaka. Il-Finanzamt ċaħditilha dan ir-rimbors, billi argumenta li t-tieni provvista ta’ servizzi kienet ukoll suġġetta għall-VAT Awstrijaka.

    38.

    B’hekk, skont ir-risposti li ser jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula, huma possibbli żewġ soluzzjonijiet għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni:

    jew il-post tat-tieni provvista ta’ servizzi huwa fl-Awstrija: f’dan il-każ, SK Telecom hija responsabbli għall-VAT Awstrijaka fuq l-ammonti ffatturati lill-abbonati tagħha, filwaqt li għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input Awstrijaka li ħallset fuq l-ewwel provvista;

    jew il-post tat-tieni provvista ta’ servizzi huwa fil-Korea t’Isfel: f’dan il-każ, il-VAT Awstrijaka ma hijiex dovuta fuq dan is-servizz u SK Telecom għandha d-dritt għar-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa fuq l-ewwel provvista.

    39.

    Il-Kummissjoni esprimiet ċerti riservi dwar l-issuġġettar tal-ewwel provvista ta’ servizzi għall-VAT Awstrijaka. Din l-istituzzjoni speċifikat li, skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112, il-post ta’ provvista ta’ servizzi bejn persuni taxxabbli (relazzjoni “B2B”) jinsab fil-post fejn il-klijent stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu, jiġifieri l-Korea t’Isfel għar-rigward ta’ SK Telecom ( 5 ).

    40.

    Ma jidhirlix li huwa opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza din il-problema minħabba li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar l-ewwel provvista ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha l-ebda materjal ta’ spjegazzjoni dwar dan is-suġġett.

    41.

    Fi kwalunkwe każ, din l-inċertezza relatata mat-tassazzjoni tal-ewwel provvista ta’ servizzi fl-Awstrija ma tqajjimx dubji dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li l-issuġġettar tat-tieni provvista ta’ servizzi għall-VAT Awstrijaka tiddependi fuq ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi.

    42.

    Fl-aħħar nett, SK Telecom sostniet li jkun “artifiċjali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ), li jiġu sseparati d-diversi komunikazzjonijiet li joriġinaw mill-istess SIM card. Għalhekk, is-servizzi ta’ roaming inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiffurmaw parti minn provvista waħda ta’ servizzi tat-telefonija ċellulari pprovduta lill-utenti tagħha, li tinsab fil-Korea t’Isfel u hija eżentata mill-VAT fl-Unjoni.

    43.

    Ma iniex konvint b’din il-linja ta’ argumentazzjoni. Infakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull provvista għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti ( 7 ). Għalhekk, huwa biss meta żewġ elementi jew atti jew iktar ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu marbuta tant mill-qrib li jiffurmaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli, li d-diviżjoni tagħha tkun artifiċjali, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw servizz wieħed għal skopijiet tal-VAT ( 8 ).

    44.

    Issa, is-servizzi ta’ roaming bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsistu fl-offerta ta’ aċċess għal network tat-telefonija ċellulari f’pajjiż li mhux il-pajjiż ta’ oriġini, huma oġġettivament separabbli mis-servizzi tat-telefonija ċellulari pprovduti fil-pajjiż ta’ oriġini.

    45.

    Kif ġustament indika l-Gvern Spanjol, fil-prattika l-fatturi indirizzati lill-utenti ġeneralment jippermettu li wie]ed jidentifika s-servizzi ta’ roaming bħala servizzi separati mill-aċċess għan-network lokali. Dawn il-fatturi juru b’mod partikolari n-numru ta’ sejħiet deħlin u ħerġin, kif ukoll id-dejta kkunsmata, grazzi għas-servizzi ta’ roaming, fuq in-network tal-Istat miżjur. Għalhekk, għalkemm il-klijent irid ikollu kuntratt mal-operatur tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu biex jaċċedi għalih, is-servizzi ta’ roaming jikkostitwixxu servizz differenti u mhux aċċessorju għal dak li l-operatur jipprovdi lill-klijenti tiegħu biex jaċċedu għan-network lokali.

    B.   Fuq l-artikolazzjoni tal-Artikoli 59, 59a u 59b tad-Direttiva 2006/112

    46.

    L-Artikoli 59, 59a u 59b tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxu kriterji ta’ konnessjoni speċifiċi fir-rigward tal-post ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi ( 9 ).

    47.

    Bħala punt preliminari, ninnota li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha ġustament fuq il-premessa li s-servizzi ta’ roaming inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “servizzi ta’ telekomunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/112 ( 10 ). Din il-premessa ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    48.

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe deroga prevista mil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, jirriżulta mill-Artikolu 59(i) ta’ din id-direttiva li l-post tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ipprovduti lil persuna mhux taxxabbli li hija stabbilita jew li għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha barra l-Unjoni, huwa l-post fejn din il-persuna hija stabbilita jew għandha d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha, jiġifieri barra mill-Unjoni.

    49.

    Fi kliem aktar sempliċi, din id-dispożizzjoni tipprovdi li s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni pprovduti lil persuni mhux taxxabbli li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom barra l-Unjoni ma humiex suġġetti għall-VAT.

    50.

    Madankollu, l-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidderogaw minn dan il-prinċipju taħt ċerti kundizzjonijiet, billi jittrasferixxu l-post ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi għat-territorju tagħhom.

    51.

    Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni, li r-Repubblika tal-Awstrija għamlet użu minn din il-possibbiltà billi adottat ir-regolament tal-Ministru Federali għall-Finanzi dwar it-trasferiment tal-post ta’ provvisti oħra relatati ma’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 11 ).

    52.

    Nippreċiża li l-Artikolu 59b tad-Direttiva 2006/112 jagħmilha obbligatorja li l-post tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni jiġi ttrasferit meta dawn jiġu pprovduti lil persuni li ma humiex taxxabbli iżda li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi dawn huma pprovduti lil persuni li ċertament mhumiex taxxabbli, iżda li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom barra mill-Unjoni, jiġifieri fil-Korea t’Isfel. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija irrilevanti biex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif ġustament indikaw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni.

    53.

    Nippreċiża wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-għażla offruta fl-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 huwa usa’ minn dak tal-obbligu impost fl-Artikolu 59b ta’ dik id-direttiva, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, u kif dan jirriżulta mill-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-għażla offruta lill-Istati mill-Artikolu 59a ta’ din id-direttiva ma hijiex ristretta għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 59b ta’ dik l-istess direttiva.

    54.

    Wara li ntqal dan, hemm lok, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-implimentazzjoni, minn Stat Membru, tal-għażla offruta mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 biex jiġi ttrasferit għat-territorju tiegħu l-post ta’ ċerti provvisti ta’ servizzi, b’mod partikolari t-telekomunikazzjonijiet.

    55.

    Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kundizzjonijiet f’dan ir-rigward.

    56.

    L-ewwel nett, “l-użu jew it-tgawdija effettivi” tas-servizzi għandu jseħħ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Din il-kundizzjoni hija s-suġġett tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    57.

    It-tieni nett, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu minn din l-għażla “[s]abiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Din il-kundizzjoni hija s-suġġett tat-tieni domanda.

    C.   Dwar ir-rekwiżit ta’ użu jew tgawdija effettivi ta’ servizzi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (l-ewwel domanda)

    58.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova tivverifika, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ roaming li jippermettu l-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari li jinsab fi Stat Membru, li huma pprovduti minn operatur tat-telefonija ċellulari stabbilit f’pajjiż terz lil utenti li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom f’dak il-pajjiż terz iżda joqogħdu temporanjament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala s-suġġett tal-“użu jew tgawdija effettiva” fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    59.

    Il-Gvern Awstrijak u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, kuntrarjament għal SK Telecom.

    60.

    Qabel ma tingħata risposta għal din id-domanda, jiddispjaċini nindika l-eżistenza ta’ inkonsistenzi kemxejn sorprendenti, innotati wkoll minn SK Telecom, bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-espressjoni “użu jew tgawdija effettivi” li hemm fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, skont il-verżjonijiet lingwistiċi kkonsultati, din l-espressjoni tieħu s-sura ta’ “użu jew tgawdija” jew inkella “użu u tgawdija effettivi”.

    61.

    Din l-espressjoni toriġina mill-Artikolu 9(3) preċedenti tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE ( 12 ). Issa, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, kienet teżisti diġà disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi li jużaw il-konġunzjoni “jew” u dawk li jużaw il-konġunzjoni “u” ( 13 ). Nippreċiża li dik id-dispożizzjoni kienet ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Athesia Druck, li kienet tikkonċerna s-servizzi ta’ reklamar, madankollu mingħajr ma solviet il-kwistjoni ta’ din id-disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ( 14 ).

    62.

    Fil-proposta tagħha għal riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388, li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/112, jidhirli li l-Kummissjoni kienet ipproponiet armonizzazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha billi tirrakkomanda l-użu tal-konġunzjoni “jew” ( 15 ).

    63.

    B’mod kurjuż, meta ġiet adottata d-Direttiva 2006/112, il-kamp tal-“jew” ċertament rebaħ ħafna aderenti skont l-imsemmija proposta, iżda ma kellux rebħa totali. Fil-fatt, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża, Olandiża u Svediża tal-Artikolu 58 (l-Artikolu 59a futur) ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni inizjali tagħha, baqgħu fidili lejn il-kamp tal-“u” ( 16 ).

    64.

    Biex ikomplu jikkomplikaw ruħhom iktar l-affarijiet, l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/8 qalbet bosta verżjonijiet lingwistiċi — notevolment il-verżjonijiet bil-lingwa Taljana u Portugiża — għall-kamp tal-“u”. Għalhekk, il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, li qabel kien l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, issa huma maqsuma bejn il-kamp tal-“jew” u l-kamp tal-“u” ( 17 ).

    65.

    Jien nenfasizza li din id-disparità baqgħet sal-lum, fil-verżjoni ta’ din id-direttiva li tirriżulta mill-emendi magħmula mid-Direttiva (UE) 2020/285 ( 18 ).

    66.

    Fil-fehma tiegħi, l-imperattivi taċ-ċertezza legali jirrikjedu li din id-disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 tiġi solvuta.

    67.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-VAT, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi varji ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tar-regoli li hija tikkostitwixxi komponent tagħhom ( 19 ).

    68.

    Skont din il-ġurisprudenza, hemm, fl-opinjoni tiegħi, erba’ raġunijiet li jiġġustifikaw li l-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 jiġi interpretat bħala li jirrikjedi użu jew tgawdija effettiva tas-servizzi kkonċernati fit-territorju tal-pajjiż tal-Istat Membru.

    69.

    Fl-ewwel lok, din l-interpretazzjoni hija skont ir-rieda espliċita tal-Kummissjoni, fiż-żmien tal-proposta tagħha għal riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388, ta’ armonizzazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha favur l-espressjoni “l-użu jew it-tgawdija effettiva”, kif indikajt fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din ir-rieda ma jidhirx li kienet ġiet ikkontestata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta’ din id-direttiva, b’tali mod li ż-żamma tad-disparità bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tista’ tkun ir-riżultat ta’ traduzzjonijiet xi ftit infeliċi ta’ din l-espressjoni.

    70.

    Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija konsistenti mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddefinixxi l-post tal-provvista ta’ servizzi, bħala regola ġenerali, bħala l-post tal-konsum effettiv tagħhom ( 20 ). Barra minn hekk, din ir-rieda hija skont l-opinjoni espressa mill-Kumitat tal-VAT dwar dan is-suġġett ( 21 ), kif ġustament innota l-Gvern Awstrijak: “Il-Kumitat tal-VAT jaqbel kważi unanimament li l-post tal-użu jew it-tgawdija effettivi tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, tas-servizzi ta’ xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u tas-servizzi elettroniċi huwa meqjus il-post fejn il-klijent ikun jista’ effettivament juża s-servizz ipprovdut lilu. F’ċirkustanzi normali, dan ikun il-post fiżiku fejn jingħata s-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    71.

    Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija essenzjali mil-lat semantiku minħabba r-relazzjoni bejn it-termini “użu” u “tgawdija”. L-Académie Française tiddefinixxi l-“exploitation” [tgawdija] bħala “l’action d’exploiter un bien, de le faire valoir, de le gérer, en vue d’en tirer un profit ” [l-att biex tgawdi oġġett, li tasserixxih, li tiġġestih, biex tieħu benefiċċju minnu]. Skont din id-definizzjoni tas-soltu, ma jidhirlix possibbli li tgawdi oġġett mingħajr ma tużah. Fi kliem ieħor, kwalunkwe tgawdija tippreżupponi użu, bl-espressjoni tal-aħħar ikollha tifsira aktar ġenerali.

    72.

    Għaldaqstant, il-kelma “użu” ma jkollha l-ebda effett utli fl-espressjoni “użu u tgawdija effettivi” (li dejjem ikun jeħtieġ tgawdija), iżda mhux fl-espressjoni “użu jew tgawdija effettiva” (li tirriferi kemm għas-sempliċi użu kif ukoll għat-tgawdija).

    73.

    Fl-aħħar nett, u fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni favur l-espressjoni “użu jew tgawdija” tirriżulta mill-kuntest li fih hemm l-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112. It-terminu “tgawdija” għandu konnotazzjoni ekonomika, kif jidher mid-definizzjoni stabbilita mill-Akkademja Franċiża, iċċitata iktar ’il fuq. Issa, skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, kull attività ekonomika tinvolvi, b’xi eċċezzjonijiet, l-issuġġettar għall-VAT. Għalhekk, l-espressjoni “użu u tgawdija effettivi” għandha t-tendenza li teskludi s-servizzi pprovduti lil persuni mhux suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 59a ta’ dik id-direttiva, peress li dawn ma “jgawdux” minn dawn is-servizzi.

    74.

    Interpretazzjoni bħal din tkun inkompatibbli mal-kuntest normattiv li fih tidħol din id-dispożizzjoni, u dan għal mill-inqas żewġ raġunijiet. Minn naħa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 jeskludi speċifikament ċerti servizzi pprovduti lil persuni mhux taxxabbli mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li loġikament jimplika li servizzi bħal dawn huma, bħala prinċipju, koperti b’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 59a jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 59 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda esklużivament servizzi pprovduti lil persuni mhux taxxabbli.

    75.

    Għalhekk, u fil-qosor, ma huwiex ikkontestat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 jirrigwarda servizzi pprovduti lil persuni mhux taxxabbli. Issa, persuni mhux taxxabbli ma “jgawdux” is-servizzi pprovduti lilhom, li jimplika attività ekonomika, huma sempliċiment “jużawhom”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha neċessarjament tiġi interpretata fis-sens li teħtieġ “użu jew tgawdija effettiva” tas-servizzi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    76.

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jiena niddeduċi li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi l-użu jew it-tgawdija effettiva tas-servizzi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    77.

    Issa, fil-fehma tiegħi, ftit hemm dubju li s-servizzi ta’ roaming, bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma tabilħaqq is-suġġett ta’ użu effettiv fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

    78.

    Infakkar li dawn is-servizzi ta’ roaming għandhom x’jaqsmu biss mal-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari li jinsab fl-Istat Membru kkonċernat minn utenti li joqogħdu temporanjament f’dan l-Istat Membru, jiġifieri l-Awstrija fil-każ fil-kawża prinċipali, u dan bl-esklużjoni tal-parti tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni li tinvolvi l-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari fil-pajjiż terz ta’ oriġini, jiġifieri l-Korea t’Isfel fil-kawża prinċipali ( 22 ).

    79.

    Jidhirli li tliet fatturi jxaqilbu bil-kbir favur użu effettiv tas-servizzi ta’ roaming fl-Istat Membru kkonċernat.

    80.

    L-ewwel nett, in-network tat-telefonija ċellulari użat jinsab f’dak l-Istat Membru. It-tieni nett, l-utenti li jingħataw aċċess għal dak in-network joqogħdu temporanjament f’dak l-Istat Membru. It-tielet nett, u kif sostna l-Gvern Spanjol, servizzi ta’ roaming bħal dawn jistgħu jiġu kkunsmati biss fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-preżenza tagħhom fit-territorju Awstrijak tikkostitwixxi l-unika raġuni li għaliha l-utenti residenti fil-Korea t’Isfel jitolbu l-aċċess għal network tat-telefonija ċellulari Awstrijak.

    81.

    Barra minn hekk, u kif ġustament indikat il-Kummissjoni, l-aċċess mill-klijenti Koreani għan-network tat-telefonija ċellulari Awstrijak iseħħ b’mod identiku għall-aċċess li jgawdi minnu klijent Awstrijak għall-istess network, li hija indikazzjoni ċara ta’ użu effettiv fl-Awstrija.

    82.

    Għaldaqstant, jien konvint li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-fatt jintużaw fit-territorju Awstrijak.

    83.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda kif ġej. Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ roaming li jippermettu l-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari li jinsab fi Stat Membru, li huma pprovduti minn operatur tat-telefonija ċellulari stabbilit f’pajjiż terz lil utenti li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom f’dak il-pajjiż terz iżda li joqogħdu temporanjament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, għandhom ikunu kkunsidrati bħala s-suġġett ta’ “użu effettiv” fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    D.   Fuq ir-rekwiżit li jiġu evitata t-taxxa doppja, in-nuqqas ta’ tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (it-tieni domanda)

    84.

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li tiġi evitata t-“tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” huwa ssodisfatt meta servizzi ta’ roaming, bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda, ma jkunux suġġetti għal taxxa paragunabbli mal-VAT fil-pajjiż terz ikkonċernat.

    85.

    Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-qorti tar-rinviju nnifisha kif ukoll mill-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, inqis li t-tassazzjoni eventwali fil-pajjiż terz ikkonċernat, jiġifieri l-Korea t’Isfel fil-kawża prinċipali, huwa fatt irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    86.

    Fil-fatt, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tirriżulta f’li l-applikazzjoni tar-regoli fiskali armonizzati fil-livell tal-Unjoni ssir suġġetta għat-trattament fiskali applikat f’pajjiż terz. Filwaqt li tali subordinazzjoni ma hijiex, minnha nnifisha, inkonċepibbli, għandha, fl-opinjoni tiegħi, tkun is-suġġett ta’ għażla espliċita u inekwivoka mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, li ma jsemmix il-pajjiżi terzi.

    87.

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-opinjoni espressa mill-Kumitat tal-VAT ( 23 ) dwar dan is-suġġett: “Il-Kumitat tal-VAT jaqbel unanimament li meta l-Istati Membri jirrikorru għal din l-għażla biex jintaxxaw is-servizzi attwalment użati jew gawduti fit-territorju tagħhom dan ma jiddependix mit-trattament fiskali li għalih huma suġġetti s-servizzi barra mill-Komunità. B’mod partikolari, il-fatt li servizz jista’ jiġi intaxxat f’pajjiż terz skont ir-regoli nazzjonali tiegħu ma jipprekludix Stat Membru milli jintaxxa dan is-servizz jekk fil-fatt jintuża jew jitgawda fit-territorju tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    88.

    Fir-realtà, l-espressjoni “tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” tirreferi għal trattament tat-taxxa fil-livell tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, li Stat Membru jirrikorri għall-għażliet offruti mill-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 huwa suġġett għall-eżistenza ta’ każ ta’ taxxa doppja, ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    89.

    Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, huwa ovvju meta wieħed jirrikorri għal din id-dispożizzjoni dan ma jistax jiġi ġġustifikat mir-rieda li tiġi evitata taxxa doppja, peress li tirriżulta, fil-prattika, fit-tassazzjoni tal-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Istat Membru inkwistjoni.

    90.

    Min-naħa l-oħra, li wieħed jirrikorri għal din l-għażla jista’ jkun iġġustifikat mir-rieda li jiġi evitat każ ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni.

    91.

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li s-servizzi ta’ roaming inkwistjoni ma humiex suġġetti għall-VAT fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, meta r-Repubblika tal-Awstrija tinvoka l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, bil-ħsieb li l-post ta’ tali provvista ta’ servizzi jiġi ttrasferit lejn it-territorju tagħha, bil-konsegwenza li dawn ikunu suġġetti għall-VAT Awstrijaka, huwa ġġustifikat mir-rieda li jiġi evitat każ ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

    92.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej. Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħtieġa li tiġi evitata t-“tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” hija ssodisfatta meta s-servizzi ta’ roaming, bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda, ma jkunux suġġetti għall-VAT fi ħdan l-Unjoni, li jikkostitwixxi każ ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, it-trattament fiskali f’pajjiż terz huwa irrilevanti għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    V. Konklużjoni

    93.

    Wara l-kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari tal-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija) kif ġej:

    1)

    Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi ta’ roaming li jippermettu l-użu ta’ network tat-telefonija ċellulari li jinsab fi Stat Membru, li huma pprovduti minn operatur tat-telefonija ċellulari stabbilit f’pajjiż terz lil utenti li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom f’dak il-pajjiż terz iżda li joqogħdu temporanjament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, għandhom ikunu kkunsidrati bħala s-suġġett ta’ “użu effettiv” fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    2)

    Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/88, għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-ħtieġa li tiġi evitata t-“tassazzjoni doppja, in-non-tassazzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” hija ssodisfatta meta servizzi ta’ roaming, bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda, ma jkunux suġġetti għall-VAT fi ħdan l-Unjoni, li jikkostitwixxi każ ta’ “nuqqas ta’ tassazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, it-trattament fiskali f’pajjiż terz huwa irrilevanti għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88/UE tas-7 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, L 326, p. 1), iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2006/112”.

    ( 3 ) Direttiva 2010/88/UE tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112 (ĠU 2010, L 326, p. 1). Infakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa biex jitwieġbu d-domandi preliminari, u b’mod partikolari l‑Artikolu 59a tad-Direttiva 2006/112, kienu ġew emendati l-aħħar mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/8/KE tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112 (ĠU 2008, L 44, p. 11).

    ( 4 ) Nispeċifika li dawn id-dispożizzjonijiet għaddew minn emendi sostanzjali mill-1 ta’ Jannar 2015 bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/8, li jfissru b’mod partikolari t-tħassir tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 59a, u tal-Artikolu 59b tad-Direttiva 2006/112.

    ( 5 ) Jekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-VAT Awstrijaka nġabret bi żball fuq din l-ewwel provvista ta’ servizzi, huwa ovvju li SK Telecom se jkollha d-dritt li tikseb ir-rimbors ta’ din it-taxxa miġbura indebitament. Nippreċiża li dan ix-xenarju huwa differenti mill-proċedura ta’ “rimbors” tal-VAT imsemmija fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi din l-aħħar proċedura tikkonċerna l-VAT li kienet tkun inġabret debitament imma li SK Telecom tista’ titlob ir-rimbors tagħha jekk ma tkunx wettqet tranżazzjonijiet taxxabbli fl-Awstrija.

    ( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C‑349/96, EU:C:1999:93, punti 26 sa 32); tas-27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C‑392/11, EU:C:2012:597, punti 13 sa 28), u tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland (C‑155/12, EU:C:2013:434, punti 19 sa 26).

    ( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse (C‑392/11, EU:C:2012:597, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland (C‑155/12, EU:C:2013:434, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 fihom regola ġenerali għad-determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni għall-provvisti ta’ servizzi, filwaqt li l-Artikoli 46 sa 59a ta’ dik id-direttiva jipprovdu għal sensiela ta’ konnessjonijiet speċifiċi. L-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 ma jieħdu l-ebda preċedenza fuq l-Artikoli 46 sa 59a tagħha. F’kull sitwazzjoni, għandu jiġi mistoqsi jekk din tikkorrispondix għal wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 46 sa 59a tal-imsemmija direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, din is-sitwazzjoni tkun taqa’ taħt l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2016, A u B, C‑453/15, EU:C:2016:933, punt 18; tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C‑647/17, EU:C:2019:195, punti 2021, u s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2020, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Servizzi ta’ hosting fiċ-ċentru ta’ data), C‑215/19, C‑215/19, EU:C:2020:518, punti 5154).

    ( 10 ) Skont din id-dispożizzjoni, huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ telekomunikazzjoni “servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul ta’ sinjali, kliem, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta’ kull natura bil-fil, bir–radju, strumenti tal-vista jew b’sistemi oħra elettro-manjetiċi, inkluż it-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi użata l-kapaċità ta’ din it-trasmissjoni, dħul jew ħruġ, bl-inklużjoni tad-disposizzjoni ta’ aċċess għan-networks ta’ informazzjoni globali”.

    ( 11 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 12 ) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

    ( 13 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin jużaw il-konġunzjoni “u”: ara b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża (“l’utilisation et l’exploitation effectives”), Ingliża (“effective use and enjoyment”), Taljana (“l’effettiva utilizzazione e l’effettivo impiego”), Spanjola (“la utilización y la explotación efectivas”), Olandiża (“het werkelijke gebruik en de werkelijke exploitatie”), Portugiża (“a utilização e a exploração efectivas”) u Svediża (“den egentliga användningen och utnyttjandet”). Il-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin użaw il-konġunzjoni “jew”: ara b’mod partikolari l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża (“tatsächliche Nutzung oder Auswertung”) u Daniża (“faktiske benyttelse eller udnyttelse”).

    ( 14 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2009 (C‑1/08, EU:C:2009:108, punti 28 sa 33).

    ( 15 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni), COM(2004) 246 finali, 15 ta’ April 2004, Artikolu 58. Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“effective use or enjoyment”), Ġermaniża (“tatsächliche Nutzung oder Auswertung”), Daniża (“fattiske benyttelse eller udnyttelse”), Franċiża (“l’utilisation ou l’exploitation effectives”), Taljana (“l’effettiva utilizzazione o l’effettivo impiego”), Spanjola (“la utilización o la explotación efectivas”), Olandiża (“het werkelijke gebruik of de werkelijke exploitatie”), Portugiża (“a utilização ou a exploração efectivas”) u Svediża (“den egentliga användningen eller det egentliga utnyttjandet”).

    ( 16 ) Verżjonijiet lingwistiċi li jużaw il-konġunzjoni “u”: ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“effective use and enjoyment”), Olandiża (“het werkelijke gebruik en de werkelijke exploitatie”) u Svediża (“den faktiska användningen och det faktiska utnyttjandet”). Verżjonijiet lingwistiċi li jużaw il-konġunzjoni “jew”: ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“tatsächliche Nutzung oder Auswertung”), Daniża (“fattiske benyttelse eller udnyttelse”), Franċiża (“l’utilisation ou l’exploitation effectives”), Taljana (“l’effettiva utilizzazione o l’effettivo impiego”), Spanjola (“la utilización o la explotación efectivas”) u Portugiża (“a utilização ou a exploração efectivas”).

    ( 17 ) Verżjonijiet lingwistiċi li jużaw il-konġunzjoni “u”: ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (“effective use and enjoyment”), Taljana (“l’effettiva utilizzazione e l’effettiva fruizione”), Olandiża (“het werkelijke gebruik en de werkelijke exploitatie”), Portugiża (“a utilização e a exploração efectivas”) u Svediża (“den faktiska användningen och det faktiska utnyttjandet”). Verżjonijiet lingwistiċi li jużaw il-konġunzjoni “jew”: ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“tatsächliche Nutzung oder Auswertung”), Daniża (“fattiske benyttelse eller udnyttelse”), Franċiża (“l’utilisation ou l’exploitation effectives”), u Spanjola (“la utilización o la explotación efectivas”).

    ( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112 (ĠU 2020, L 62, p. 13). Din id-direttiva tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tagħha.

    ( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑309/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:610, punt 49) u tat-12 ta’ Ottubru 2017, Lombard Ingatlan Lízing (C‑404/16, EU:C:2017:759, punt 21).

    ( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/8: “Għall-forniment kollu tas-servizzi l-post tat-tassazzjoni għandu, fil-prinċipju, ikun il-post fejn iseħħ tabilħaqq il-konsum. […]”. Ara, ukoll, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna (C‑647/17, EU:C:2019:195, punt 29). Nippreċiża wkoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li d-Direttiva 2008/8 emendat profondament ir-reġim li kien jirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE tas-17 ta’ Ġunju 1999 li temenda s-Sitt Direttiva 77/388 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 324). Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn SK Telecom u meħuda mill-premessi tad-Direttiva 1999/59 huma irrilevanti fil-kuntest tal-kawża preżenti.

    ( 21 ) Kumitat tal-VAT, Linji Gwida li joħorġu mid-89 laqgħa tat-30 ta’ Settembru 2009, Dokument B, Taxud.D.1 (2010) 176579, nru 645, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/guidelines-vat-committee-meetings_en.pdf

    ( 22 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Kumitat tal-VAT, Linji Gwida li joħorġu mid-89 laqgħa tat-30 ta’ Settembru 2009, Dokument B, Taxud.D.1 (2010) 176579, nru 645, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/guidelines-vat-committee-meetings_en.pdf

    Top