Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0637

    Kawża C-637/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Portugall) fil-15 ta’ Novembru 2017 – Cogeco Communications Inc vs Sport TV Portugal et

    ĠU C 32, 29.1.2018, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 32/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Portugall) fil-15 ta’ Novembru 2017 – Cogeco Communications Inc vs Sport TV Portugal et

    (Kawża C-637/17)

    (2018/C 032/21)

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Cogeco Communications Inc

    Konvenuti: Sport TV Portugal, SA, Controlinvest-SGPS SA, Nos-SGPS SA

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikoli 9(1), 10(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/104/UE (1) tas-26 ta’ Novembru 2014, kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li joħolqu drittijiet għal individwu (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Kanadiż) li dan jista’ jinvoka ġuridikament kontra individwu ieħor (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż) fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, meta fid-data għall-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni (27 ta’ Frar 2015), it-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, ikun għadu lanqas skada?

    2)

    L-Artikolu 10(2), (3) u (4) tad-Direttiva, kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Código Civil Português [Kodiċi Ċivili Portugiż] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

    a)

    tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 3 snin għal dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali;

    b)

    tistabbilixxi li dan it-terminu ta’ 3 snin għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna li ġġarrab preġudizzju ħadet konjizzjoni tad-drittijiet tagħha, minkejja li mingħajr ma kellhiex għarfien dwar min kienet il-persuna responsabbli u dwar il-portata sħiħa tad-danni; u

    c)

    teskludi kwalunkwe regola li timponi jew tawtorizza s-sospensjoni jew l-interruzzjoni ta’ dak it-terminu strettament inkwantu awtorità tal-kompetizzjoni adottat miżuri fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri relatati mal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li magħha hija relatata l-azzjoni għal kumpens?

    3)

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 623 tal-Código de Processo Civil Português [Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

    a)

    tipprovdi li kundanna definittiva mogħtija fi proċeduri ta’ ksur ma tipproduċix effetti f’azzjonijiet ċivili kwalunkwe li fihom jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti mill-ksur imwettaq? Jew (skont l-interpretazzjoni li tingħata)

    b)

    tiddeċiedi li tali kundanna definittiva fi proċeduri ta’ ksur tikkostitwixxi biss fir-rigward tat-terzi preżunzjoni konfutabbli li tirrigwarda l-eżistenza tal-fatti li jintegraw il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u elementi tat-tip legali, fi kwalunkwe azzjoni ċivili li fiha jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti fuq it-twettiq ta’ ksur?

    4)

    L-Artikoli 9(1), 10(2), (3) u (4) tad-Direttiva, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 28 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe regola oħra tad-dritt primarju jew sekondarju, ġurisprudenza stabbilita jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li magħhom ma hijiex kompatibbli l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż li, fir-rigward tal-fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, id-dħul fis-seħħ u d-data stabbilita għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar, ma jiħdux inkunsiderazzjoni t-test u l-għanijiet tad-Direttiva u ma humiex intiżi li jilħqu r-riżultat imfittex minnha?

    5)

    Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mid-domandi preċedenti, l-Artikolu 22 tad-Direttiva, kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom l-applikazzjoni għall-każ mill-qorti nazzjonali tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jew tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż fil-verżjoni attwali tiegħu, iżda interpretati u applikati b’mod li jkunu kompatibbli mal-Artikolu 10 tad-Direttiva?

    6)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, individwu jista’ jinvoka l-Artikolu 22 tad-Direttiva kontra individwu ieħor quddiem qorti nazzjonali f’azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba bir-riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?


    (1)  Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).


    Top