Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0635

    Kawża C-635/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Novembru 2017 – E. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    ĠU C 63, 19.2.2018, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 63/5


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Novembru 2017 – E. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    (Kawża C-635/17)

    (2018/C 063/08)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: E.

    Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

    Domandi preliminari

    1)

    Fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86/KE (1) u tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-qrati Olandiżi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’kawża li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jekk, fid-dritt Olandiż, din id-direttiva ġiet iddikjarata direttament u inkundizzjonalment applikabbli għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?

    (ara d-deċiżjoni tar-rinviju tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat) tal-21 ta’ Ġunju 2017, NL:RVS:2017:1609, irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru tal-kawża C-380/17);

    2)

    L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat, unikament minħabba li ma jipprovdix, fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu, dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja,

    jew

    l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat immotivata unikament minħabba l-assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja ħlief jekk ir-refuġjat ikun ta spjegazzjoni plawsibbli għall-fatt li ma pprovdiex dawn id-dokumenti ta’ sostenn u għall-affermazzjoni tiegħu li għadu ma jistax jipproduċihom?


    (1)  Direttiva tal-Kunsilll tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


    Top