This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0639
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 17 January 2019.#SIA „KPMG Baltics” v SIA „Ķipars AI”.#Request for a preliminary ruling from the the Augstākā tiesa.#Reference for a preliminary ruling — Settlement finality in payment and securities settlement systems — Directive 98/26/EC — Scope — Concept of ‘transfer order’ — Payment order sent by the holder of an ordinary current account to a credit institution subsequently declared insolvent.#Case C-639/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Jannar 2019.
SIA „KPMG Baltics” vs SIA „Ķipars AI”.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli – Direttiva 98/26/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ – Ordni ta’ ħlas mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu li sussegwentement ġiet iddikjarata insolventi.
Kawża C-639/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Jannar 2019.
SIA „KPMG Baltics” vs SIA „Ķipars AI”.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli – Direttiva 98/26/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ – Ordni ta’ ħlas mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu li sussegwentement ġiet iddikjarata insolventi.
Kawża C-639/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:31
*A9* Augstākā tiesa, Lēmums 08/11/2017 (ECLI:EU:C:2016:851)
*P1* Augstākā tiesa, Civillietu departaments, Spriedums 22/02/2019 (ECLI:LV:AT:2019:0222.C04345012.3.S)
*P2* Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesu kolēģija, Spriedums 15/05/2019 (ECLI:LV:RAT:2019:0515.C04345012.4.S)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli – Direttiva 98/26/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ – Ordni ta’ ħlas mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu li sussegwentement ġiet iddikjarata insolventi”
Fil-Kawża C‑639/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”,
vs
SIA “Ķipars AI”,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”, minn J. Ozoliņš, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u E. Petrocka-Petrovska, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u I. Rubene, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement [u] ta’ pagamenti u [ta’] titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107), kif emendata bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 146, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/26”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”, u SIA “Ķipars AI”, dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas mogħtija minn din tal-aħħar lil Latvijas Krājbanka. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 98/26 jistipulaw:
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva: “1. L-ordnijiet ta’ trasferiment u t-totalizzar(netting) għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi, anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant, ladarba l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti ta’ falliment kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli) jew kontra l-operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant. […] 3. Il-mument ta’ dħul ta’ ordni ta’ trasferiment fis-sistema għandu jkun definit mir-regoli ta’ dik is-sistema. Jekk hemm kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali li tirregola s-sistema dwar il-mument tad-dħul, ir-regoli ta’ dik is-sistema għandhom jaqblu mal-kondizzjonijiet bħal dawn. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 |
Fis‑17 ta’ Novembru 2011, Ķipars IA, id-detentriċi ta’ kont kurrenti ordinarju ma’ Latvijas Krājbanka, tat lil din tal-aħħar ordni li tittrasferixxi l-fondi kollha disponibbli f’dan il-kont kurrenti lejn kont ieħor li hija kellha ma’ bank ieħor. Din l-ordni ddaħħlet fis-sistema ta’ settlement interna ta’ Latvijas Krājbanka, u l-fondi ġew iddebitati mill-kont kurrenti ta’ Ķipars AI u rreġistrati f’kont intermedjarju ta’ Latvijas Krājbanka għall-finijiet tat-trasferiment. Madankollu, l-ordni ta’ ħlas ma ġietx iffinalizzata, peress li, ftit sigħat wara, il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u ta’ Kapital, il-Latvja) ipprojbixxiet lil Latvijas Krājbanka twettaq kwalunkwe tranżazzjoni li tirrigwarda ammonti ta’ iktar minn EUR 100000 u, sussegwentement, dan il-bank ġie ddikjarat insolventi. KPMG Baltics inħatret bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Latvijas Krājbanka. |
8 |
Peress li l-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell laqgħu r-rikors ippreżentat minn Ķipars AI għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, KPMG Baltics ippreżentat rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, Ķipars AI invokat, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/26. Minkejja li l-qorti tar-rinviju tqis, bħala prinċipju, li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi u istituzzjonijiet ta’ kreditu u, għaldaqstant, għall-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija xorta għandha dubji fuq dan il-punt, peress li tqis li l-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, jista’ jkopri wkoll ordni ta’ ħlas bħal dan minħabba n-natura tat-trasferiment tal-fondi. |
9 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
10 |
KPMG Baltics u l-Gvern Latvjan jikkontestaw, essenzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari, minħabba li l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26 u, għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma tippreżenta l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. |
11 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex preċiżament li tistabbilixxi jekk l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, l-argument ta’ KPMG Baltics u tal-Gvern Latvjan li din l-ordni ta’ ħlas ma taqax taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa indissoċjabbilment marbut mar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fuq il-mertu u, konsegwentement, ma għandux effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għall-imsemmija domanda (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 29, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
12 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni domanda, din ġiet magħmula biss fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jiġifieri jekk l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda wkoll ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
13 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula. |
Fuq id-domandi preliminari
14 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra, taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
15 |
Kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżgura l-istabbiltà tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli, billi jiġu mminimizzati d-disturbi għal sistema bħal din li jinħolqu minn proċedura ta’ insolvenza kontra wieħed mill-parteċipanti tagħha. |
16 |
Għal dan l-għan, l-imsemmija direttiva tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li l-ordnijiet ta’ trasferiment għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq terzi, anki fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra parteċipant, sakemm dawn ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. |
17 |
F’dan il-każ, l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħatat minn Ķipars IA, id-detentriċi ta’ kont kurrenti ordinarju ma’ Latvijas Krājbanka, lil din tal-aħħar sabiex tittrasferixxi l-fondi kollha disponibbli f’dan il-kont kurrenti lejn kont li Ķipars AI kellha ma’ istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali ordni ta’ ħlas taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għandu jsir riferiment kemm għall-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif ukoll għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tagħha. |
18 |
F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/26, id-dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli għal kwalunkwe sistema, kif iddefinita fl-Artikolu 2(a), għal kull parteċipant f’sistema bħal din, kif ukoll għas-sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni f’sistema bħal din jew fil-kuntest ta’ operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali. |
19 |
L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sistema” bħala, essenzjalment, arranġament formali bejn mill-inqas tliet parteċipanti, li jinkludi regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-clearing jew l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti. |
20 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, mill-Artikolu 2(a), (b) u (i) tad-Direttiva 98/26 jirriżulta li dan ikopri biss l-istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji li huma mogħtija min-naħa tal-parteċipanti f’tali sistema, fil-kuntest tagħha, lil parteċipanti oħra, li huma inkarigati li jwettquhom. Kuntrarjament, dan il-kunċett ma jkoprix l-istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji li huma mogħtija minn terzi, barra minn sistema bħal din. |
21 |
Din it-tifsira tal-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment” hija kkonfermata mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jissuġġetta l-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-ordnijiet ta’ trasferiment għall-kundizzjoni li dawn ikunu “ddaħħlu fis-sistema”. |
22 |
Barra minn hekk u fuq kollox, l-imsemmija tifsira hija kkonfermata mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva għandha għan speċifiku u limitat, li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistemi koperti minn din id-direttiva, billi tillimita l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza fuq dawn is-sistemi. Fil-fatt, sakemm istruzzjoni li tinvolvi obbligi finanzjarji ma tkunx iddaħlet f’tali sistema minn wieħed mill-parteċipanti tagħha, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha minħabba proċedura ta’ insolvenza ma joħloqx riskju sistemiku u ma jaffettwax l-istabbiltà ta’ sistema bħal din. Għalhekk, l-estensjoni tal-protezzjoni prevista minn din id-direttiva għall-ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija mill-parteċipanti f’tali sistemi, fi ħdan dawn is-sistemi, għal istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji mogħtija minn terzi, li jinsabu barra sistemi bħal dawn, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 98/26. |
23 |
B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26, għandu jiġi vverifikat jekk din tistax titqies bħala li ngħatat fil-kuntest ta’ sistema kif iddefinita fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva minn wieħed mill-parteċipanti tagħha. |
24 |
L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 98/26 jelenka, b’mod eżawrjenti, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parteċipant”. Dawn jistgħu jkunu “istituzzjoni”, “kontroparti ċentrali”, “aġent għas-settlement”, “clearing house” jew “operatur tas-sistema”. Dawn l-entitajiet huma, minn naħa tagħhom, iddefiniti, b’mod preċiż, fl-Artikolu 2(b) sa (e) u (p) ta’ din id-direttiva. |
25 |
Issa, mid-definizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, kif imfakkra fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li detentur ta’ kont kurrenti ordinarju, bħal Ķipars AI, ma jikkorrispondi għal ebda waħda mill-imsemmija entitajiet. B’mod partikolari, tali detentur ta’ kont kurrenti ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni”, peress li dan jirrigwarda biss, konformement mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, l-entitajiet li jistgħu jkunu responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija fi ħdan sistema, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment. |
26 |
Ċertament, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 98/26 jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li jiddeċiedu li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, parteċipant indirett jista’ jitqies bħala parteċipant jekk dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistemiku. Madankollu, ma jista’ jiġi dedott minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Latvja għamlet użu minn din il-fakultà. Fi kwalunkwe każ, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parteċipant indirett”, li tinsab fl-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li l-entitajiet li jistgħu jaqgħu taħt dan l-aħħar kunċett huma l-istess bħal dawk koperti mill-kunċett ta’ “parteċipant”, kif imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fejn id-differenza bejn parteċipant u parteċipant indirett hija li l-ewwel wieħed huwa marbut mas-sistema b’mod dirett filwaqt li t-tieni wieħed huwa marbut magħha biss permezz ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ parteċipant. Issa, meta detentur ta’ kont kurrenti ordinarju, bħal Ķipars AI, ma jikkorrispondi għal ebda minn dawn l-entitajiet, dan ma jistax jiġi meqjus bħala parteċipant indirett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-istess direttiva. |
27 |
B’hekk, ordni ta’ ħlas mogħtija minn tali detentur ta’ kont kurrenti ordinarju ma tistax titqies bħala li ngħatat minn parteċipant f’sistema fis-sens tal-Artikolu 2(a) u (f) tad-Direttiva 98/26. Minn dan isegwi, kif isostnu barra minn hekk il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tali ordni ta’ ħlas ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
28 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
29 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, kif emendata bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.