Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0585

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Novembru 2019.
    Kawża mressqa minn Finanzamt Linz u Finanzamt Kirchdorf Perg Steyr.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Emenda ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata – Artikolu 108(3) TFUE – Obbligu ta’ Komunikazzjoni – Projbizzjoni ta’ implimentazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Eżenzjoni – Artikolu 58(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament – Artikolu 44(3) – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi formula ta’ kalkolu għar-rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija.
    Kawża C-585/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:969

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Emenda ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata – Artikolu 108(3) TFUE – Obbligu ta’ Komunikazzjoni – Projbizzjoni ta’ implimentazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Eżenzjoni – Artikolu 58(1) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regolament– Artikolu 44(3) – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi formula ta’ kalkolu għar-rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija”

    Fil-Kawża C‑585/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura mressqa minn

    Finanzamt Linz,

    Finanzamt Kirchdorf Perg Steyr,

    fil-preżenza ta’:

    Dilly’s Wellnesshotel GmbH

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis,, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Dilly’s Wellnesshotel GmbH, minn M. Kroner, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Awstrijak, minn F. Koppensteiner, H. Schamp u G. Hesse kif ukoll minn C. Pesendorfer, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Blanck-Putz, K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta fl-14 ta’ Frar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), b’mod partikolari tal-Artikolu 58(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Finanzamt Linz (iċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Linz, l-Awstrija) u mill-Finanzamt Kirchdorf Perg Steyr (iċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Kirchdorf Perg Steyr, l-Awstrija) dwar ir-rimbors, lil Dilly’s Wellnesshotel GmbH, ta’ taxxi fuq l-enerġija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 994/98

    3

    Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-[Artikoli 107 u 108 TFUE] għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 11) (iktar ’il quddiem ir- “Regolament Nru 994/98”), kienu fformulati kif ġej:

    “(4)

    […] huwa xieraq, sabiex tkun assigurata s-sorveljanza effiċjenti u tkun simplifikata l-amministrazzjoni, mingħajr ma tiddgħajjef is-sorveljanza tal-Kummissjoni [Ewropea], li l-Kummissjoni titħalla tiddikjara permezz ta’ regolamenti, f’suġġetti fejn il-Kummissjoni għandha biżżejjed esperjenza sabiex tiddefinixxi kriterji ta’ kompatibilità ġenerali, li ċertu kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq komuni skond disposizzjoni waħda jew aktar ta’ l-[Artikolu 107(2) u (3) TFUE] u huma eżenti mill-proċedura provduta fl-[Artikolu 108(3) TFUE];

    (5)

    Billi regolamenti għal eżenzjoni ta’ gruppi jżidu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali;[…]”.

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżenzjonijiet tal-grupp”:

    “1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolamenti addottati f’konformità mal-proċeduri provduti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità ma’ l-Artikolu [107 TFUE], tiddikjara li l-kategoriji li ġejjin għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni u m’għandhomx ikunu soġġetti għall-bżonnijiet ta’ notifika ta’ l-[Artikolu 108(3) TFUE]:

    (a)

    għajnuna favur:

    […]

    (iii)

    ħarsien tal-ambjent;

    […]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

    5

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2013, tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15), kien jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”, li:

    “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    b)

    ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

    […]

    ii)

    għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

    […]

    ċ)

    ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

    […]”

    6

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida”, kien jipprovdi:

    “1.   “Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu [109 TFUE] jew għal kull disposizzjoni relevanti tagħahom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. […]

    […]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004

    7

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, u Rettifika ĠU 2009, L 84M, p. 475), intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, huwa redatt kif ġej:

    “1.   “Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-[Regolament Nru 659/1999], alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

    2.   L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

    […]

    (ċ)

    l-issikkar ta’ ċerti kriterji għall-applikazzjoni ta’ skema awtorizzata ta’ għajnuna, tnaqqis fl-intensità ta’ l-għajnuna jew tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli;

    […]”

    Ir-Regolament Nru 800/2008

    8

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni” li jidher fil-Kapitolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Komuni”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għajnuna għall-iskemi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu [107(3) TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE] sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

    9

    Ir-Regolament Nru 800/2008 ġie mħassar bir-Regolament Nru 651/2014.

    Ir-Regolament Nru 651/2014

    10

    Il-premessi 2 sa 5 u 64 tar-Regolament Nru 651/2014 huma fformulati kif ġej:

    “(2)

    Bil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) [COM(2012) 209 finali, tat-8 ta’ Mejju 2012], il-Kummissjoni nediet rieżami usa’ tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-miri ewlenin ta’ din il-modernizzazzjoni huma […] (ii) li tiffoka l-iskrutinju ex-ante tal-Kummissjoni tal-miżuri ta’ għajnuna fuq il-każijiet bl-ikbar impatt fuq is-suq intern, waqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat […] Ir-rieżami tar-[Regolament Nru 800/2008] jikkostitwixxi element ċentrali tas-SAM.

    (3)

    Dan ir-Regolament għandu jippermetti prijoritizzazzjoni aħjar tal-attivitajiet ta’ infurzar tal-għajnuna mill-Istat, simplifikazzjoni akbar u għandu jkollu trasparenza akbar, evalwazzjoni effettiva u l-kontroll dwar il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni, waqt li jippreserva l-kompetenzi istituzzjonali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri […].

    (4)

    L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 800/2008] ippermettitilha tiddefinixxi aħjar il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti kategoriji ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern u tifrex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet ta’ kategorija. Hi uriet ukoll biċ-ċar il-bżonn li jissaħħu t-trasparenza u l-monitoraġġ, u li titwettaq evalwazzjoni xierqa ta’ skemi kbar ħafna waqt li jittieħed kont tal-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern.

    (5)

    Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu definiti abbażi ta’ sett ta’ prinċipji komuni li jiżguraw li l-għajnuna […] tingħata b’mod għal kollox trasparenti u tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta’ kontroll uevalwazzjoni regolari […].

    […]

    (64)

    Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa b’segwitu għad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 għar-ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), li jiffavorixxi l-protezzjoni ambjentali koperta b’dan ir-Regolament, indirettament tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ambjent. […] Biex titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għajnuna għandha tingħata bl-istess mod lill-kompetituri kollha li jinsabu f’sitwazzjoni reali simili. Biex ikun ippreservat aħjar is-sinjal tal-prezz li t-taxxa ambjentali timmira li tagħti għall-impriżi, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jfasslu skema ta’ tnaqqis tat-taxxa bbażata fuq mekkaniżmu ta’ ħruġ tal-flus għal ammont fiss ta’ kumpens annwali (refużjoni fiskali).”

    11

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    14.

    ‘għajnuna individwali’ tfisser:

    […]

    (ii)

    għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema tal-għajnuna;

    […]”

    12

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, jipprevedi:

    “Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija minn skemi bħal dawn u għajnuna ad hoc ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) [TFUE] u jkunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna stabbiliti f’Kapitol III ta’ dan ir-Regolament.”

    13

    Skont l-Artikolu 44 ta’ dan l-istess regolament intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-[Direttiva 2003/96]”:

    “1.   L-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-[Direttiva 2003/96] jkunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikol 107(3) [TFUE] u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE], sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u f’Kapitolu I jiġu ssodisfati.

    […]

    3.   Skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi jkunu bbażati fuq tnaqqis ta’ rata tat-taxxa ambjentali jew fuq il-ħlas ta’ ammont ta’ kumpens fiss jew fuq kombinament ta’ dawn il-mekkaniżmi.

    […]”

    14

    L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 651/2014, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.

    2.   Kwalunkwe għajnuna li mhijiex eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] bis-saħħa ta’ dan ir-regolament jew ta’ oħrajn adottati skont l-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 994/98] li qabel kienu fis-seħħ, tiġi vvalutata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

    3.   Kull għajnuna mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2015 bis-saħħa ta’ kull regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-[Regolament 994/98] li kien fis-seħħ fil-mument tal-għotja tkun kompatibbli mas-suq intern u eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] bl-esklużjoni tal-għajnuna reġjonali. Skemi ta’ għajnuna ta’ kapital ta’ riskju favur SMEs stabbiliti qabel l-1 ta’ Lulju 2014 u eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) [TFUE] skont ir-[Regolament Nru 800/2008], jibqgħu eżentati u kompatibbli mas-suq intern sat-terminazzjoni tal-ftehim ta’ finanzjament, sakemm l-impenn tal-finanzjament pubbliku fil-fond sostnut ta’ investiment tal-ekwità privata, abbażi ta’ tali ftehim, sar qabel l-1 ta’ Jannar 2015 u l-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-eżenzjoni jibqgħu ssodisfati.

    4.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kull skema ta’ għajnuna eżentata minn dan ir-Regolament għandha tibqa’ eżentata għal perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur, bl-eċċezzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna reġjonali. L-eżenzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna reġjonali tiskadi fid-data ta’ skadenza tal-pjanijiet approvati ta’ għajnuna reġjonali. L-eżenzjoni tal-għajnuna għall-finanzjament ta’ riskju skont l-Artikolu 21(2)(a) tiskadi fit-tmiem tal-perjodu previst fil-ftehim ta’ finanzjament, sakemm l-impenn tal-finanzjament pubbliku għall-fond sostnut ta’ investiment tal-ekwità privata sar abbażi ta’ dan il-ftehim f’sitt (6) xhur minn tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, u l-kundizzjonijiet kollha l-oħra għal eżenzjoni jibqgħu ssodisfati.”

    15

    L-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014.

    […]”

    Id-dritt Awstrijak

    16

    L-Artikolu 1(1) tal-Energieabgabenvergütungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Rimbors tat-Taxxi fuq l-Enerġija, iktar ’il quddiem il-“EAVG”), jistabbilixxi:

    “It-taxxi fuq l-enerġija mħallsa abbażi tar-riżorsi tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu rrimborsati fuq talba mwettqa għal kull sena kalendarja (sena finanzjarja), sakemm dawn it-taxxi jeċċedu (bħala totali) 0.5 % tal-ammont tad-differenza bejn

    1.   it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz 1994 (il-Liġi Awstrijaka dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ tal-1994) u

    2.   it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ tal-1994 li huma pprovduti lill-impriża (valur tal-produzzjoni netta).”

    17

    L-Artikolu 1(1) tal-EAVG huwa kkompletat mill-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, li jipprovdi:

    “1.   Fuq talba tal-benefiċjarju, l-ammont li jaqbeż l-ammont imsemmi fl-Artikolu 1 tal-valur tal-produzzjoni netta jiġi rrimborsat għal sena kalendarja (sena finanzjarja). L-applikazzjoni għandha tinkludi l-ammont ikkonsmat fl-impriża abbażi tar-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3), u l-ammonti msemmija fl-Artikolu 1. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard minn qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tar-rimbors. It-talba hija kkunsidrata bħala dikjarazzjoni fiskali. Għandu jiġi deċiż permezz ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u l-ammont tar-rimbors għandu jiġi ppreżentat taħt il-forma ta’ tranżazzjoni waħda.

    2.   Meta jiġi kkalkolat l-ammont ta’ rimbors, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-limitu ta’ 0.5 % tal-valur tal-produzzjoni netta u kemm l-ammonti f’daqqa sussegwenti, fejn l-iżgħar ammont jiġi kkreditat:

    L-ammont ta’ rimbors għandu jiġi kkreditat b’eżenzjoni ta’ rata fissa għal kulħadd għall-perijodu ta’ konċessjoni ta’ EUR 400. […]”

    18

    L-Artikolu 2(1) tal-EAVG, fil-verżjoni tagħha emendata bil-Budgetbegleitgesetz (il-Liġi ta’ Akkumpanjament tal-Baġit), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. I, 92/2004 (iktar ’il quddiem il-“BBG”), kien jipprevedi:

    “Id-dritt għal rimbors jeżisti favur l-impriżi kollha, sakemm dawn ma jipprovdux ir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3), jew is-sħana (fwar jew ilma sħun) prodotta mir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-imsemmi Artikolu 1(3).”

    19

    Il-Budgetbegleitgesetz 2011, (il-Liġi Supplimentari tal-Baġit tal-2011), tat-30 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. I, 111/2010) (iktar ’il quddiem il-“BBG 2011”) emendat lill-Artikolu 2(1) tal-EAVG kif ġej:

    “Id-dritt għar-rimbors jeżisti biss favur xi impriżi fejn jiġi pprovat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni korporali u sakemm huma ma pprovdewx ir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3), jew is-sħana (fwar jew ilma sħun) prodotta mir-riżorsi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1(3).”

    20

    Il-BBG 2011 żiedet il-paragrafu 7 mal-Artikolu 4 tal-EAVG, li huwa fformulat kif ġej:

    “L-Artikoli 2 u 3, rispettivament fil-verżjoni [tal-BBG 2011], huma applikabbli, bla ħsara għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, għat-talbiet għal rimbors li jirrigwardaw il-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2010.”

    21

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-linji gwida dwar it-taxxi fuq l-enerġija 2011, tal-15 ta’ April 2011, stabbiliti mill-Bundesministerium für Finanzen (il-Ministeru Federali għall-Finanzi, l-Awstrija), li jikkostitwixxu għajnuna għall-interpretazzjoni, b’mod partikolari, dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija, dan il-ministeru indika li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, l-impriżi ta’ produzzjoni biss kellhom dritt għal rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija.

    22

    Fid-29 ta’ Awwissu 2013, l-imsemmi ministeru emenda l-imsemmija linji gwida billi stabbilixxa din id-data għall-1 ta’ Frar 2011.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    23

    Permezz ta’ talba tad-29 ta’ Diċembru 2011, Dilly’s Wellnesshotel, li tmexxi lukanda, talbet ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija li jirrigwardaw lis-sena 2011.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2012, iċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Linz ċaħad din it-talba għar-raġuni li, wara l-BBG tal-2011, l-Artikoli 2 u 3 tal-EAVG illimitaw, għat-talbiet ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija lill-impriżi li fir-rigward tagħhom huwa pprovat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni korporali. Għalhekk, għall- “impriżi ta’ servizzi”, ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija huwa eskluż għall-perijodu wara din l-aħħar data.

    25

    Dilly’s Wellnesshotel appellat kontra din id-deċiżjoni.

    26

    Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Marzu 2012, l-Unabhängiger Finanzsenat (il-Kamra tal-Finanzi Indipendenti, l-Awstrija) ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

    27

    Dilly’ s Wellnesshotel appellat minn din is-sentenza.

    28

    Permezz ta’ sentenza tal-19 ta’ Marzu 2013, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) annullat l-imsemmija sentenza. B’mod partikolari, din il-qorti ddeċidiet li l-Unabhängiger Finanzsenat (il-Kamra tal-Finanzi Indipendenti) irrifjutat b’mod żbaljat li taċċetta dritt għal rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija għax-xahar ta’ Jannar 2011.

    29

    B’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), li ssuċċediet lill-Unabhängiger Finanzsenat (l-Awla tal-Finanzi Indipendenti), ressqet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

    30

    B’sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel (C‑493/14, EU:C:2016:577), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas, fi skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ta’ riferiment ċar għal dan ir-regolament, permezz taċ-ċitazzjoni tat-titolu tiegħu u l-indikazzjoni tar-riferiment tiegħu ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi li din l-iskema titqies li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun eżenti, skont l-imsemmi regolament, mill-obbligu tan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    31

    Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Awwissu 2016, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Dilly’s Wellnesshotel, u tatha r-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija marbuta mas-sena 2011 u mhux biss fix-xahar ta’ Jannar ta’ din is-sena, għar-raġuni, b’mod partikolari, li fin-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-obbligu ta’ notifika, l-esklużjoni tal-impriżi ta’ servizzi mid-dritt għar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija ma kinitx daħlet fis-seħħ.

    32

    Il-Qorti tar-rinviju hija attwalment adita bl-appell ippreżentat miċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Linz kontra din is-sentenza.

    33

    Permezz ta’ talba oħra tal-25 ta’ Lulju 2014, Dilly’s Wellnesshotel talbet ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija li jirrigwardaw il-perijodu inkluż bejn Frar 2013 u Jannar 2014.

    34

    B’deċiżjoni tas-9 ta’ Jannar 2015, iċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Kirchdorf Perg Steyr ċaħad din it-talba għar-raġuni li lukanda hija impriża ta’ servizzi u mhux impriża li l-attività prinċipali tagħha hija l-manifattura ta’ beni korporali. Issa, b’effett mill-1 ta’ Frar 2011, rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija huwa possibbli biss għall-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura ta’ beni korporali.

    35

    Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Frar 2017, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors minn Dilly’s Wellnesshotel kontra din id-deċiżjoni u kkonċediet ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija skont it-talba ta’ Dilly’s Wellnesshotel, billi rreferiet, essenzjalment, għas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Awwissu 2016, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

    36

    Il-Qorti tar-rinviju hija attwalment adita bl-appell ippreżentat miċ-Ċentru tat-Taxxi ta’ Kirchdorf Perg Steyr kontra s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2017.

    37

    Il-Qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija jikkostitwixxi, skont l-EAVG, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-BBG, għajnuna li kienet ġiet approvata b’mod impliċitu u illimitat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 u l-premessa 72 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/565/KE tad-9 ta’ Marzu 2004 dwar sistema implimentata fl-Awstrija li tipprevedi r-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija li tolqot il-gass naturali u l-elettriku fl-2002 u fl-2003 (ĠU 2005, L 190, p. 13).

    38

    Hija tindika wkoll li, fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni jipprekludi limitazzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna, bħal dik introdotta mill-BBG tal-2011, li permezz tagħha d-dritt għar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija għandu jingħata biss lill-impriżi li fir-rigward tagħhom jiġi pprovat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni korporali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għandha tibqa’ fis-seħħ.

    39

    Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li hemm diversi kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, li għar-riżoluzzjoni tagħhom hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 4(7) tal-EAVG, li jipprevedi li l-emenda leġiżlattiva li tirriżulta mill-BBG tal-2011 hija applikabbli “bla ħsara għall-approvazzjoni mill-[Kummissjoni]”.

    40

    Il-Qorti tar-rinviju għandha dubji, fl-ewwel lok, fuq il-punt dwar jekk il-limitazzjoni prodotta għall-iskema ta’ għajnuna mill-BBG 2011 kinitx teħtieġ notifika lill-Kummissjoni.

    41

    Fil-każ fejn kien hemm obbligu ta’ notifika tal-iskema ta’ għajnuna emendata inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-fatt li l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet formali kollha previsti mir-Regolament Nru 800/2008 għandux bħala konsegwenza li l-għajnuna kkonċernata għandha tkompli tingħata lill-benefiċjarji kollha msemmija fl-EAVG, fil-verżjoni emendata tagħha mill-BBG, b’tali mod li jeżisti obbligu ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti għall-emenda leġiżlattiva li tirriżulta mill-BBG tal-2011.

    42

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li t-tnaqqis tat-taxxa jkun iddeterminat minn formula ta’ kalkolu konkreta, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwiex konformi mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014, li jgħid li l-kalkolu tat-tnaqqis tat-taxxa għandu jkun ibbażat fuq tnaqqis tar-rata applikabbli tat-taxxa ambjentali, fuq il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ kumpens jew fuq taħlita tat-tnejn. Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Modifika ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, li permezz tagħha Stat Membru jirrinunzja li jkompli juża l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna għal grupp speċifiku (separabbli) ta’ benefiċjarji u jnaqqas għalhekk biss il-livell ta’ għajnuna mogħtija taħt miżura ta’ għajnuna eżistenti, tikkostitwixxi, f’każ bħal dak inkwistjoni, modifika ta’ skema ta’ għajnuna li hija suġġetta (fil-prinċipju) għal notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE?

    2)

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-[Regolament Nru 800/2008], il-projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE tista’, fil-każ ta’ difett formali, trendi inapplikabbli restrizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, b’mod li l-Istat Membru jkun marbut, minħabba l-projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni, iħallas għajnuna lil ċerti benefiċjarji (‘obbligu ta’ implementazzjoni’)?

    3)

    (a)

    Leġiżlazzjoni dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija bħal dik inkwistjoni, li tistabbilixxi espliċitament, permezz ta’ formola legali ta’ kalkolu, l-ammont ta’ rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija, tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mir-[Regolament Nru 651/2014]?

    (b)

    L-Artikolu 58(1) tar-[Regolament Nru 651/2014] jistabbilixxi eżenzjoni, b’effett minn Jannar 2011, fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    44

    Għandu jiġi osservat li l-Gvern Awstrijak isostni li sunt ta’ informazzjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jipprovdi li rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija li jolqtu l-gass naturali u l-enerġija elettrika huwa previst biss favur impriżi li fir-rigward tagħhom huwa pprovat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni korporali, ġie kkomunikat lill-Kummissjoni mir-Repubblika tal-Awstrija u li din il-komunikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala notifika mwettqa skont il-proċedura ta’ notifika ssimplifikata, prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004.

    45

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’ħafna okkażjonijiet, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha (sentenza tas-27 ta’ April 2017, A-Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’dan il-każ, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li notifika lill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma saritx mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 108(3) TFUE. B’mod partikolari, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk din is-sistema hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmija dispożizzjoni jew jekk hijiex eżentata minn dan l-obbligu skont ir-Regolament Nru 651/2014, filwaqt li, permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tfittex li tidentifika l-eventwali konsegwenzi li hija għandha tislet mill-ksur tal-imsemmi obbligu.

    47

    L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni u minn Dilly’s Wellnesshotel huma bbażati wkoll fuq din l-istess premessa. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-komunikazzjoni, skont ir-Regolament Nru 800/2008, ta’ informazzjoni fil-qosor fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tissostitwixxi notifika xierqa, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, u li barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma użatx il-formola ta’ notifika ssemplifikata prevista fl-Anness II tar-Regolament Nru 794/2004, skont l-Artikolu 4(2)(c) ta’ dan ir-regolament.

    48

    Konsegwentement, u bla ħsara għall-punt li jsir magħruf f’liema kundizzjonijiet notifika ta’ skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tista’ titqies li saret skont l-Artikolu 108(3) TFUE, peress li dan il-punt ma kienx is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula f’din il-kawża billi tibbaża ruħha fuq il-premessa li tgħid li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

    Fuq l-ewwel domanda

    49

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 108(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li temenda skema ta’ għajnuna billi tnaqqas iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna, hija suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ notifika previst f’din id-dispożizzjoni.

    50

    Għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni dwar tali obbligu ta’ notifika hija eżaminata bla ħsara għall-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun eżentata minn dan l-obbligu minħabba l-applikazzjoni għal din is-sistema ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, possibbiltà li hija eżaminata fil-kuntest tar-risposta għat-tielet domanda.

    51

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprevedi rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija li jolqtu l-gass naturali u l-enerġija elettrika biss favur l-impriżi li fir-rigward tagħhom huwa pprovat li għandhom bħala attività prinċipali l-manifattura ta’ beni korporali. Konsegwentement, skont din il-leġiżlazzjoni, il-fornituri ta’ servizzi, bħal Dilly’s Wellnesshotel, huma esklużi mir-rimbors ta’ taxxi fuq l-enerġija.

    52

    Għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa, barra minn hekk mhux ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tgħid li l-iskema ta’ għajnuna preċedenti għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li kienet tirrikonoxxi dritt għar-rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija kemm għall-impriżi ta’ produzzjoni kif ukoll għall-impriżi ta’ servizzi, ġiet approvata b’mod impliċitu mill-Kummissjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2005/565.

    53

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, din il-premessa, bla ħsara għall-fondatezza tagħha, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, b’mod li l-iskema ta’ għajnuna preċedenti għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha titqies bħala għajnuna eżistenti, bis-saħħa tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

    54

    Fir-rigward tal-mertu tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura intiża sabiex tiġi stabbilita jew immodifikata għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    L-obbligu fuq l-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika kull għajnuna ġdida lill-Kummissjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 32).

    56

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE l-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE li huma intiżi li jistabbilixxu jew li jimmodifikaw għajnuna, waqt li huwa ppreċiżat li dawn il-modifiki jistgħu jirrigwardaw jew għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, EU:C:1994:311, punt 13, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 46).

    57

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna ġdida hija ddefinita bħala kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu modifika lill-għajnuna eżistenti.

    58

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 jiddefinixxi bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti, kull modifika, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

    59

    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(2) (c) tar-Regolament Nru 794/2004, it-tisħiħ tal-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata inkunsiderazzjoni fost l-emendi magħmula għall-għajnuna eżistenti li għandhom, bħala prinċipju, jiġu nnotifikati.

    60

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċirku tal-benefiċjarji li għalihom l-għoti ta’ din l-għajnuna huwa previst sabiex tiġi vverifikata, b’mod partikolari, in-natura selettiva ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, EU:C:2001:598, punti 33 sa 36 kif ukoll il-punti 40 u 55).

    61

    Minn dan isegwi li emenda tal-kriterji li tgħid li l-benefiċjarji ta’ għajnuna huma identifikati ma hijiex limitata għal modifika ta’ natura purament formali jew amministrattiva, iżda tikkostitwixxi element li l-effetti tiegħu jistgħu jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw il-kwistjoni dwar jekk miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, konsegwentement, in-neċessità li din l-għajnuna tiġi nnotifikata b’mod konformi mal-obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    62

    Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-istħarriġ li din l-istituzzjoni hija mitluba teżerċita wara n-notifika, magħmula skont din l-aħħar dispożizzjoni, ta’ proġett intiż sabiex ibiddel iċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna, ma huwiex limitat sabiex jiġi vverifikat jekk il-modifika kkonċernata wasslitx għal tnaqqis tan-numru ta’ benefiċjarji, iżda jimplika, b’mod partikolari, evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-bidla tal-kriterji ta’ applikazzjoni li jirriżultaw minn din il-bidla toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Issa, in-notifika minn qabel ta’ tali bidla tippermetti preċiżament li jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ.

    63

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li temenda skema ta’ għajnuna billi tnaqqas iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna, hija suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ notifika previst f’din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tielet domanda

    Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda

    64

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok peress li din tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 651/2014, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tistax tiġi eżentata, bis-saħħa ta’ dan l-istess regolament, mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    65

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill jista’ jagħmel kull regolament xieraq fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jista’, b’mod partikolari, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) TFUE għandu japplika kif ukoll il-kategoriji ta’ għajnuna eżentati mill-proċedura prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 108(4) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta r-regolamenti li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kunsill iddetermina, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    B’dan il-mod, huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE, li sar huwa nnifsu l-Artikolu 109 TFUE) li kien ġie adottat ir-Regolament Nru 994/98, li bis-saħħa tiegħu ġie adottat, sussegwentement, ir-Regolament Nru 800/2008 (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-aħħar regolament ġie huwa stess mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 651/2014, li wkoll ġie adottat bis-saħħa tar-Regolament Nru 994/98.

    67

    Minn dan jirriżulta li, minkejja l-obbligu ta’ notifika qabel kull miżura intiża li tistabbilixxi jew li temenda għajnuna ġdida, li hija imposta fuq Stati Membri bis-saħħa tat-Trattati u li, kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 651/2014, dan l-Istat Membru jista’ jibbenefika mill-possibbiltà li jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika (ara, f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 800/2008, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 36).

    68

    Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 jirriżulta li kwalunkwe għajnuna li ma hijiex eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) TFUE, bis-saħħa ta’ dan ir-regolament jew ta’ oħrajn adottati abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 994/98 li qabel kienu fis-seħħ, tiġi evalwata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-oqfsa, il-linji gwida, u l-komunikazzjonijiet applikabbli.

    69

    F’dan id-dawl, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel (C‑493/14, EU:C:2016:577), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawża tat lok għal din is-sentenza, ma hijiex eżentata mill-obbligu ta’ notifika bis-saħħa tar-Regolament Nru 800/2008, peress li din l-iskema ma kinitx tinkludi riferiment espress għal dan ir-regolament skont l-Artikolu 3(1) tagħha. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jirriżulta li l-iskema ta’ għajrnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza hija wkoll dik inkwistjoni fil-kuntenst tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, mill-fatti li wasslu għall-kawża ppreżentati f’din it-talba, kif esposti fil-punti 30 sa 32 kif ukoll fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-appelli li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju ġew ippreżentati kontra s-sentenzi li permezz tagħhom il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi), wara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’ s Wellnesshotel (C‑493/14, EU:C:2016:577), tat ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija mitluba minn Dilly’ s Wellnesshotel.

    70

    Issa, il-fatt li, minħabba l-assenza ta’ riferiment espress għar-Regolament Nru 800/2008 fl-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, din is-sistema ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni abbażi ta’ dan ir-regolament ma jistax, fih nnifsu, jipprekludi li l-imsemmija sistema tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 651/2014, li għandu, kif jirriżulta mill-punti 9 u 66 ta’ din is-sentenza, iħassar u jissostitwixxa r-Regolament Nru 800/2008. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 651/2014, permezz tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 800/2008, ir-Regolament Nru 651/2014 kien intiż, b’mod partikolari, sabiex jiddefinixxi aħjar il-kundizzjonijiet li fihom ċerti kategoriji ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern u li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet skont il-kategorija. Huwa għalhekk, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 3 kif ukoll mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 651/2014, fid-dawl tal-kundizzjonijiet kollha, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi għall-kategorija ta’ għajnuna kkonċernata, stabbiliti fir-Regolament Nru 651/2014, li għandu jiġi evalwat jekk għajnuna tistax tibbenefika minn eżenzjoni bis-saħħa ta’ dan l-aħħar regolament.

    71

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika bis-saħħa tar-Regolament Nru 651/2014, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħar-Regolament Nru 800/2008, bħala temperament għar-regola ġenerali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ notifika, ir-Regolament Nru 651/2014 u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 37).

    72

    Tali approċċ huwa kkonfermat fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-regolamenti ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, kif imsemmija fil-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 994/98. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta tali regolamenti, sabiex tiżgura sorveljanza effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u sabiex tissimplifika l-ġestjoni amministrattiva, mingħajr ma jiddgħajjef l-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, tali regolamenti wkoll għandhom bħala għan li jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. L-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regolamenti, inkluż, konsegwentement, permezz tar-Regolament Nru 651/2014, tippermetti li jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jiġu ssodisfatti b’mod sħiħ (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 38).

    73

    F’dan il-każ, l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tirrigwarda r-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija relatat mas-sena 2011 kif ukoll il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Frar 2013 u x-xahar ta’ Jannar 2014, filwaqt li r-Regolament Nru 651/2014 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014, skont l-Artikolu 59 ta’ dan l-aħħar regolament.

    74

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mit-titolu stess tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 651/2014, dan l-artikolu jipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli għall-għajnuna mill-Istat imsemmija fid-dispożizzjonijiet tiegħu. B’mod partikolari, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li r-Regolament Nru 651/2014 japplika għall-għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li dan ir-regolament jipprevedi, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9 tiegħu, dan l-aħħar artikolu li jipprevedi obbligi ta’ pubblikazzjoni u ta’ informazzjoni dwar il-miżuri ta’ għajnuna.

    75

    Skont l-Artikolu 2(14) tar-Regolament Nru 651/2014, il-kunċett ta’ “għajnuna individwali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludi, b’mod partikolari, kull għajnuna mogħtija lil benefiċjarju individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna. Jaqgħu taħt dan il-kunċett it-tnaqqis fiskali li r-rikorrenti tinvoka fil-kawżi prinċipali.

    76

    Minn dan isegwi li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 651/2014, l-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, filwaqt li din ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, tista’ madankollu tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika bis-saħħa tiegħu.

    77

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-għan segwit mir-Regolament Nru 651/2014 li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tiegħu, li jippermetti definizzjoni aħjar tal-prijoritajiet fil-qasam tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tal-imsemmi regolament, ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 800/2008 kienet tikkostitwixxi element ċentrali tal-modernizzazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li din il-modernizzazzjoni kienet tinvolvi eżami mill-ġdid vasta tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat u peress li kellha fost l-għanijiet prinċipali tagħha l-għan li jiġi ffurmat l-eżami ex ante tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Kummissjoni fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar effett fuq is-suq intern.

    78

    Ma tistax tiġi kkontestata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58 (1) tar-Regolament Nru 651/2014, esposta fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, l-argument imressaq minn Dilly’s Welnesshotel li dan il-paragrafu għandu jiġi interpretat flimkien mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 651/2014 bl-ebda mod ma jeżiġi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-imsemmi paragrafu 1 ikun applikabbli, il-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 58 intiżi, kull wieħed minnhom, għar-regoli tranżitorji għal sitwazzjonijiet differenti.

    79

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, kif isostnu l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 651/2014 jeżenta mill-obbligu ta’ notifika l-għajnuna individwali mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2014, bħal dik imħallsa bis-saħħa tal-iskema inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sa fejn din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti minn dan ir-regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9 tiegħu.

    80

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, abbażi ta’ skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ tiġi eżentata, bis-saħħa ta’ dan l-istess regolament, mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

    Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

    81

    Fl-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 651/2014, mingħajr ma tiċċita ebda dispożizzjoni speċifika tiegħu. Madankollu, mill-kliem stess ta’ din id-domanda kif ukoll minn konstatazzjonijiet oħra esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, bħal dawk riprodotti fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, permezz tal-imsemmija domanda, din il-qorti tfittex li tiddetermina jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 44(3) ta’ dan ir-regolament hijiex issodisfatta fil-kuntest tal-kawżi prinċipali.

    82

    B’mod partikolari, il-kliem tal-ewwel parti tat-tielet domanda jagħmel riferiment għall-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tiffissa espliċitament, f’formula ta’ kalkolu, l-ammont tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija, filwaqt li l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014 jipprovdi li l-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis ta’ taxxa għandhom ikunu bbażati fuq tnaqqis tar-rata applikabbli tat-taxxa ambjentali, fuq il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ kumpens jew fuq taħlita tat-tnejn. Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tesponi fid-dettall fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha r-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji dwar jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax titqies li tissodisfa l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, hija tirrileva espressament li hija tal-fehma li kemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1), (2) u (4) tar-Regolament Nru 651/2014 kif ukoll dawk li jirriżultaw minn diversi dispożizzjonijiet oħra li jinsabu fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, huma ssodisfatti fil-kuntest tal-kawżi prinċipali.

    83

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li għaliha l-ammont tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija huwa ffissat b’mod espliċitu f’formula ta’ kalkolu prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi din l-iskema, hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 651/2014 jipprevedi li huma kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(2) jew (3) TFUE, u huma eżentati mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, b’mod partikolari, l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna, sakemm dawn l-iskemi u din l-għajnuna jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fil-Kapitolu III tiegħu għall-kategorija ta’ għajnuna kkonċernata.

    85

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 651/2014, li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, japplikaw, hekk kif jirriżulta mit-titolu stess ta’ dan l-artikolu u mill-paragrafu 1 tiegħu, għall-għajnuna taħt forma ta’ tnaqqis mit-taxxi ambjentali mogħtija skont id-Direttiva 2003/96. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, bla ħsara għall-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva humiex effettivament sodisfatti fil-każ tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    86

    Għalhekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali skema ta’ għajnuna tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014, mill-għażla jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni, sa fejn huwa permess li dawn tal-aħħar jipprovdu jew għal tnaqqis tar-rata ta’ tassazzjoni applikabbli, jew il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ kumpens, jew inkella kombinazzjoni tat-tnejn, li, kif issostni l-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis ta’ tassazzjoni kkunsidrat jippermetti li jiġi ddeterminat b’mod trasparenti liema tnaqqis ta’ taxxa huwa effettivament applikabbli, filwaqt li tħalli ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet tiegħu.

    87

    F’dan l-aħħar rigward, il-premessa 64 tar-Regolament Nru 651/2014 tispeċifika, b’mod partikolari, li sabiex ikun ippreservat aħjar is-sinjal tal-prezz li t-taxxa ambjentali timmira li tagħti għall-impriżi, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jfasslu skema ta’ tnaqqis tat-taxxa bbażata fuq mekkaniżmu ta’ ħlas ta’ ammont fiss ta’ kumpens annwali (rimbors tat-taxxa).

    88

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-għan li tiġi ggarantita natura trasparenti għall-mekkaniżmu ta’ kalkolu tat-tnaqqis ta’ tassazzjoni huwa parti mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 651/2014 u speċifikat fil-premessi 3 sa 5 tiegħu li jagħti iktar importanza lit-trasparenza u lill-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-livelli nazzjonali u tal-Unjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 72 ta’ din is-sentenza, dan l-għan jidher fost dawk imfittxija, b’mod ġenerali, mir-regolamenti ġenerali ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna.

    89

    F’dan il-każ, mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnaqqis ta’ tassazzjoni li jikkostitwixxi l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huwa bbażat fuq formula ta’ kalkolu ddefinita b’mod konkret fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmija skema. B’mod partikolari, skont din il-leġiżlazzjoni, it-taxxi fuq l-enerġija għandhom jiġu rrimborsati fis-sena kalendarja sakemm dawn jaqbżu, b’kollox, 0.5 % tal-valur tal-produzzjoni netta tal-impriża. Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tillimita l-ammont tar-rimbors b’riferiment għal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti mid-Direttiva 2003/96. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni nazzjonali ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ammont tat-tnaqqis ta’ taxxa li jirriżulta minn din il-formula ta’ kalkolu.

    90

    Għalhekk, skont din l-iskema, l-ammont tat-taxxi fuq l-enerġija li għandu jiġi rrimborsat jikkorrispondi jew għad-differenza bejn l-ammont sħiħ ta’ dawn it-taxxi u 0.5 % tal-valur tal-produzzjoni netta tal-impriża benefiċjarja, jew għad-differenza bejn l-ammont sħiħ ta’ dawn it-taxxi u l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għas-sorsi ta’ enerġija msemmija. Fost dawn iż-żewġ metodi ta’ kalkolu, huwa applikat dak li jiddetermina l-ammont tat-taxxi fuq l-enerġija li għandu jiġi rrimborsat l-iktar baxx.

    91

    Minn dan jirriżulta li, bis-saħħa tal-formula ta’ kalkolu li hija tipprevedi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tiddetermina żewġ rati potenzjali mnaqqsa tat-taxxa ambjentali kif ukoll dik ta’ dawn iż-żewġ rati li għandha tiġi applikata għal kull impriża benefiċjarja. Tali formula ta’ kalkolu ma tippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali li jiddeterminaw liberament l-ammont tat-taxxa li l-impriża għandha effettivament tħallas, li jikkorrispondi għall-ammont ikkonservat mill-awtoritajiet fiskali wara l-ħlas lura hekk ikkalkolat.

    92

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, kull wieħed mill-metodi alternattivi ta’ kalkolu li hija magħmula minnhom il-formula ta’ kalkolu prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif esposti fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, jimplika tnaqqis tar-rata applikabbli tat-taxxa ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ewwel metodu ta’ kalkolu, ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli hija effettivament imnaqqsa għal 0.5 % tal-valur tal-produzzjoni netta tal-impriża benefiċjarja, filwaqt li, fil-kuntest tat-tieni metodu ta’ kalkolu, ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli hija effettivament imnaqqsa għal-livell minimu ta’ tassazzjoni applikabbli għas-sors tal-enerġija kkonċernata.

    93

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija bbażata fuq waħda mill-mekkaniżmi speċifiċi ta’ tnaqqis tat-taxxi ambjentali previsti fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014, b’mod li l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta.

    94

    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi formula ta’ kalkolu li minnha jirriżultaw żewġ rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni differenti, peress li, kif jirriżulta mill-punti 89 sa 91 ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni tippermetti wkoll li jiġi ddeterminat liema minn dawn iż-żewġ rati għandu effettivament jiġi applikat f’każ konkret, l-eżistenza ta’ żewġ rati alternattivi ta’ tassazzjoni b’hekk ma tikkompromettix l-għan imfittex mill-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014 kif espost fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza.

    95

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li għaliha l-ammont tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija huwa ffissat b’mod espliċitu f’formula ta’ kalkolu prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi din l-iskema, hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni domanda

    96

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiddetermina l-konsegwenzi li hija għandha tislet għat-tilwim inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi, kellha tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 108(3) TFUE, b’tali mod li l-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema għandha titqies li hija illegali.

    97

    Issa, mir-risposti mogħtija għall-ewwel u t-tielet domanda jirriżulta li, minkejja l-obbligu ta’ notifika ta’ prinċipju li huwa impost abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-għajnuna mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema matul il-perijodi kkonċernati fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi hija eżentata minn dan l-obbligu bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 651/2014, sa fejn il-kundizzjonijiet kollha previsti fil-Kapitolu I kif ukoll fl-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament jiġu osservati, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    98

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    99

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li temenda skema ta’ għajnuna billi tnaqqas iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna, hija suġġetta, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 58(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, abbażi ta’ skema ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ tiġi eżentata, bis-saħħa ta’ dan l-istess regolament, mill-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

     

    3)

    L-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 651/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ għajnuna, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li għaliha l-ammont tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija huwa ffissat b’mod espliċitu f’formula ta’ kalkolu prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi din l-iskema, hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top