Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0051

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt vs Teréz Ilyés u Emil Kiss.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola kuntrattwali li ma kinitx innegozjata individwalment’ – Klawżola inkluża fil-kuntratt wara l-konklużjoni tiegħu b’riżultat ta’ intervent mil-leġiżlatur nazzjonali – Artikolu 4(2) – Formulazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.
    Kawża C-51/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:750

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti – Direttiva 93/13/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola kuntrattwali li ma kinitx innegozjata individwalment’ – Klawżola inkluża fil-kuntratt wara l-konklużjoni tiegħu b’riżultat ta’ intervent mil-leġiżlatur nazzjonali – Artikolu 4(2) – Formulazzjoni ċara u li tinftiehem ta’ klawżola – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”

    Fil-Kawża C‑51/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

    OTP Bank Nyrt.,

    OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.

    vs

    Teréz Ilyés,

    Emil Kiss,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt., minn A. Lendvai, ügyvéd,

    għal T. Ilyés u E. Kiss, minn P. Dantesz, ügyvéd,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u A. Cleenewerck de Crayencour, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-punt 1(i) tal-Anness ta’ din id-direttiva.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt. (iktar ’il quddiem, flimkien, “OTP Bank”) u, min-naħa l-oħra, Teréz Ilyés u Emil Kiss (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni li ssellfu”) dwar talba għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt ta’ self iddenominat fi franki Svizzeri (CHF), u rrilaxxat u rrimborsat f’forint Ungeriżi (HUF).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13:

    “Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea]; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

    4

    L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    […]

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    6

    Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    7

    L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    8

    L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat fit-termini segwenti:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    9

    L-Anness tad-Direttiva 93/13, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)”, jinkludi l-punt 1(i), ifformulat kif ġej:

    “Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

    […]

    i)

    jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt”.

    Id-dritt Ungeriż

    Il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu

    10

    Skont l-Artikolu 203 tal-hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal-1996 dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji u ta’ Kreditu, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu”):

    “1.   L-istituzzjoni finanzjarja għandha tinforma kemm lill-klijenti attwali kif ukoll dawk potenzjali tagħha, b’mod sempliċi u li jinftiehem, bil-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizzi li tipprovdi, u l-emendi għal dawk il-kundizzjonijiet. […]

    […]

    6.   Fil-każ ta’ kuntratti konklużi ma’ klijenti bl-imnut li jagħtu self b’munita barranija jew li jkun fihom il-possibbiltà li tinxtara proprjetà immobbli, l-istituzzjoni finanzjarja għandha tispjega lill-klijent ir-riskju li jkun qiegħed jassumi bit-tranżazzjoni kuntrattwali u l-klijent għandu jżid il-firma tiegħu sabiex jikkonferma li huwa konxju minnu.”

    Il-Liġi DH 1

    11

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 1”):

    “Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self ma’ konsumaturi konklużi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ self ma’ konsumaturi’ għandu jkopri l-kuntratti ta’ self, ta’ kreditu jew ta’ leasing finanzjarju bbażati fuq muniti barranin (irreġistrati jew mogħtija f’munita barranija u rrimborsati f’forint Ungeriżi) jew fuq forint Ungeriżi u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk il-kuntratt ikun jinkorpora klawżoli kuntrattwali standard jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 4(1).”

    12

    Skont l-Artikolu 3(1), (2) u (5) ta’ din il-liġi:

    “1.   F’kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi, klawżoli – bl-eċċezzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment – li bis-saħħa tagħhom istituzzjoni ta’ kreditu tistipula li, għall-fini tal-ħlas lura tal-ammont ta’ finanzjament mogħti għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-fini tar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta s-self ikun tħallas, ikunu invalidi.

    2.   Minflok il-klawżola nulla msemmija fil-paragrafu 1 – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 – għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mal-ħruġ ta’ flus u r-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).

    […]

    5.   L-istituzzjoni finanzjarja għandha twettaq bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċjali.”

    13

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

    “1.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi li jipprevedu l-possibbiltà ta’ emenda unilaterali, għandha titqies li hija inġusta kwalunkwe klawżola ta’ tali kuntratt li tippermetti żieda unilaterali fl-interessi fl-ispejjeż u fit-tariffi – sakemm ma tkunx kundizzjoni kuntratwali nnegozjata individwalment […]

    2.   Klawżola kuntrattwali bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 tkun nulla jekk l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx ressqet proċedura ċivili kontenzjuża […], jew jekk il-qorti tkun ċaħdet ir-rikors jew għalqet il-proċedura, sakemm ma jkunx possibbli li titressaq il-proċedura kontenzjuża […], fir-rigward tal-klawżola kuntrattwali, iżda din il-proċedura ma tressqitx, jew tressqet iżda l-qorti ma kkonstatatx in-nullità tal-klawżola kuntrattwali skont il-paragrafu 2a.

    2a.   Klawżola kuntrattwali bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 tkun nulla jekk il-qorti tikkonstata n-nullità tagħha fuq il-bażi tal-liġi speċjali dwar il-bilanċ tal-kontijiet, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża mressqa permezz ta’ rikors ippreżentat mill-awtorità ta’ sorveljanza f’isem l-interess ġenerali.

    3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u 2a, l-istituzzjoni finanzjarja għandha twettaq bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċjali.”

    Il-Liġi DH 2

    14

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta adotta l-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi XL tal-2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Clearance tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi XXXVIII tal-2014 dwar Suġġetti Speċifiċi marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) li Tarmonizza l-Ġurisprudenza dwar Ftehimiet ta’ Self konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi, u dwar Numru ta’ Dispożizzjonijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 2”), il-leġiżlatur Ungeriż, b’mod partikolari, obbliga lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jirregolarizzaw fuq il-livell finanzjarju, permezz ta’ bilanċ tal-kontijiet, il-vantaġġi rċevuti indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, minn dawn l-istituzzjonijiet fuq il-bażi ta’ klawżoli inġusti.

    Il-Liġi DH 3

    15

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal-2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita Barranija li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH3”):

    “Il-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi għandhom ikunu emendati ipso jure, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

    16

    L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija konkluż ma’ konsumaturi, l-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha d-dejn ikun dovut hija meħtieġa, fit-terminu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH2], tikkonverti f’self iddenominat f’forint Ungeriżi d-dejn kollu li jkun ibbażat fuq kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, jew id-dejn kollu li jirriżulta minn tali kuntratt, kif ikkalkolat fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH2], inklużi l-interessi, it-tariffi, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż mitluba f’munita barranija, u dan billi tapplika r-rata miż-żewġ rati ta’ interessi li ġejjin li l-iktar tkun favorevoli għall-konsumatur fid-data ta’ referenza:

    (a)

    ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2014 sas-7 ta’ Novembru 2014, jew

    (b)

    ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis-7 ta’ Novembru 2014.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Fil-15 ta’ Frar 2008, il-persuni li ssellfu kkuntrattaw, ma’ ELLA Első Lakáshitel Kereskedelmi Bank Zrt., il-predeċessur legali ta’ OTP Bank, self iddenominat fi franki Svizzeri, iżda rrilaxxat u rrimborsat f’forint Ungeriżi (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self inkwistjoni”). Dan tal-aħħar, iggarantit b’garanzija mhux aċċessorja, kien iddenominat f’din il-munita fuq il-bażi tar-rata tal-kambju ta’ dakinhar. Il-kuntratt ta’ self kien jinkludi klawżoli li kienu jistabbilixxu, minn naħa, differenza bejn ir-rata tal-kambju applikabbli għar-rilaxx tas-self u dik applikabbli għar-rimbors tiegħu, li kienu rispettivament ir-rata ta’ xiri u r-rata ta’ bejgħ applikati minn OTP Bank u mill-predeċessur legali tagħha (iktar ’il quddiem id-“differenza fir-rata tal-kambju”), u, min-naħa l-oħra, possibbiltà ta’ emenda unilaterali favur min isellef li tippermettilu jżid l-interessi, l-ispejjeż u t-tariffi (iktar ’il quddiem il-“possibbiltà ta’ emenda unilaterali”).

    18

    Il-punt 4.7.1 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni kien jipprovdi li d-“debitur huwa obbligat jeżegwixxi l-obbligi ta’ ħlas tiegħu, iddenominati fil-munita tas-self, bil-ħlas tal-valur ekwivalenti f’forint Ungeriżi fuq il-kont ‘kreditu’ […] miftuħ fil-kotba ta’ [OTP Bank] għall-finijiet ta’ dan is-self. Id-debitur huwa obbligat jeżegwixxi l-obbligi ta’ ħlas sa mhux iktar tard mill-jum tal-iskadenza tad-dejn, skont ir-rata tal-bejgħ tal-minuta magħżula, ippubblikata konformement mar-rekwiżiti tar-regoli interni, billi jiżgura li jqiegħed flus fil-kont imsemmi iktar ’il fuq, sa mhux iktar tard mill-jum tal-iskadenza, f’ammont ekwivalenti f’fornit Ungeriżi. Il-kreditur għandu jaqleb għal fornit Ungeriżi l-obbligi ta’ ħlas iddenominati f’munita tad-debitur skont ir-rata msemmija f’dan il-punt fil-jum ta’ skadenza u għandu jirreġistra din is-somma fid-debitu tal-imsemmi kont ‘kreditu’ f’forint Ungeriżi”.

    19

    Il-punt 10 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, intitolat “Dikjarazzjoni ta’ notifika ta’ riskju”, kien ifformulat b’dan il-mod:

    “Fir-rigward tar-riskji tas-self, id-debitur jiddikjara li huwa konxju ta’ u li jifhem l-informazzjoni ddettaljata relatata ma’ din il-kwistjoni pprovduta lilu mill-kreditur, u huwa konxju tar-riskju li jieħu self f’munita barranija, riskju li huwa biss iġorr. Fir-rigward tar-riskju tar-rata tal-kambju, huwa konxju, b’mod partikolari, li, jekk matul it-terminu tal-kuntratt ikun hemm varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-forint Ungeriż u l-frank Svizzeru li jkunu sfavorevoli (jiġifieri, fil-każ ta’ deprezzament tar-rata tal-kambju tal-forint Ungeriż għall-kuntrarju tar-rata tal-kambju fil-ħin tal-ħruġ tal-ħlas), jista’ jiġri wkoll li l-valur tal-kambju tal-ħlasijiet bin-nifs tar-rimbors, li huma ffissati f’munita barranija u pagabbli f’forint Ungeriż, jiżdied b’mod sinjifikattiv. Bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, id-debitur jikkonferma li hu konxju li r-riperkussjonijiet ekonomiċi ta’ dan ir-riskju jġorrhom huwa kompletament. Huwa jiddikjara wkoll li huwa eżamina bir-reqqa l-effetti possibbli tar-riskju tar-rata tal-kambju u li jaċċettahom, wara li evalwa r-riskju fid-dawl tas-solvenza u tas-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, u li ma huwa ser ikun jista’ jressaq l-ebda pretenzjoni kontra l-bank bħala konsegwenza tar-riskju tar-rata tal-kambju.”

    20

    Fis-16 ta’ Mejju 2013, il-persuni li ssellfu ppreżentaw, quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), rikors għall-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni għar-raġuni, b’mod partikolari, li huma ma setgħux jevalwaw il-portata tar-riskju tal-kambju sa fejn il-klawżola kuntrattwali ma kinitx ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem.

    21

    Barra minn hekk, fit-22 ta’ Lulju 2013, OTP Bank xoljiet l-imsemmi kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-persuni li ssellfu.

    22

    Skont OTP Bank, il-predeċessur legali tagħha kienet issodisfat kompletament l-obbligu ta’ informazzjoni tagħha fir-rigward tar-riskju tal-kambju, konformement mal-obbligi imposti mill-Artikolu 203 tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu.

    23

    Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) laqgħet it-talba tal-persuni li ssellfu permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2016. Hija osservat, l-ewwel nett, li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self f’muniti barranin kienet, dak iż-żmien, iktar favorevoli u inqas oneruża mill-konklużjoni ta’ kuntratt iddenominat f’forint Ungeriżi. It-tieni nett, OTP Bank kien imissha kienet taf, fid-dawl tal-kriżi sottostanti, li l-użu tal-frank Svizzeru bħala munita ta’ refuġju kien jimplika riskji kunsiderevoli, mingħajr madankollu ma wissiet b’dan lill-persuni li ssellfu. Barra minn hekk, il-klawżola kuntrattwali dwar ir-riskju tal-kambju ma kinitx ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem. Dik il-qorti ddeċidiet li taqleb il-bilanċ tad-dejn tal-persuni li ssellfu f’forint Ungeriżi, bħallikieku l-kuntratt ta’ self inkwistjoni kien iddenominat f’din il-munita.

    24

    OTP Bank ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), għar-raġuni li l-qorti tal-ewwel istanza ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt Ungeriż li kienu daħlu fis-seħħ wara l-preżentata tar-rikors tal-persuni li ssellfu, b’mod partikolari dawk tal-Liġi DH 2, u r-rekwiżiti proċedurali introdotti minnhom u li għandhom jiġu ssodisfatti mill-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent fi proċedura dwar kuntratt ta’ self iddenominat f’muniti barranin.

    25

    Għall-kuntrarju, il-persuni li ssellfu qegħdin jitolbu li d-deċiżjoni tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tiġi kkonfermata. Skonthom, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tal-Liġi DH 1, bħala prinċipju, jikklassifikaw bħala inġusta kull klawżola li tipprevedi jew differenza fir-rata tal-kambju, jew possibbiltà ta’ emenda unilaterali, filwaqt li l-klawżoli l-oħra tal-kuntratt, b’mod partikolari dawk dwar l-informazzjoni dwar ir-riskji marbuta mar-rata tal-kambju, ma jaqgħux taħt dawn id-dispożizzjonijiet u għandhom jiġu evalwati każ b’każ.

    26

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Liġi DH 1 kienet adottata b’reazzjoni, minn naħa, għad-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) (Magyar Közlöny 2014/91., p. 10975), mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt ċivili, u, min-naħa l-oħra, għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282). L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li huma nulli l-klawżoli tal-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi dwar id-differenza fir-rata tal-kambju li ma jkunux ġew innegozjati individwalment. L-imsemmija liġi teżiġi li tali klawżola tiġi ssostitwita, b’effett retroattiv, bi stipulazzjoni li tipprevedi l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju uffiċjali tal-munita kkonċernata, ikkalkolata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

    27

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-deċiżjoni msemmija fil-punt preċedenti, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li “[k]lawżola f’kuntratt tal-konsumatur għal self f’munita barranija li taħtha r-riskju tar-rata tal-kambju jinġarr mingħajr ebda limitu mill-konsumatur — sabiex tingħata rata ta’ interessi iktar favorevoli — hija klawżola kuntrattwali li tirreferi għas-suġġett prinċipali li n-natura inġusta tagħha, bħala regola ġenerali, ma tistax tiġi eżaminata. Din il-klawżola tista’ tiġi eżaminata u ddikjarata inġusta biss jekk, meta jiġi konkluż il-kuntratt, u wara li jiġi kkunsidrat it-test tal-kuntratt u l-informazzjoni rċevuta mingħand l-istituzzjoni finanzjarja, il-kontenut tagħha la kien ċar għal u lanqas ma kien jinftiehem minn konsumatur medju, li jkun raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u prudenti. Il-klawżoli kuntrattwali relatati mar-riskju tar-rata tal-kambju għandhom ikunu inġusti, u konsegwentement il-kuntratt ikun invalidu għalkollox jew parzjalment, fejn il-konsumatur, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata miksuba mill-istituzzjoni finanzjarja jew minħabba d-dewmien sabiex tiġi rċevuta din l-informazzjoni, għandu għaliex jaħseb li r-riskju tar-rata tal-kambju ma huwiex ġenwin jew li huwa jkollu jġorr ir-riskju fi grad limitat”.

    28

    Sussegwentement, bl-adozzjoni tal-Liġi DH 2, il-leġiżlatur Ungeriż obbliga lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirregolarizzaw, permezz ta’ bilanċ ta’ kontijiet, is-somom irċevuti indebitament fuq il-bażi tal-klawżoli inġusti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tal-Liġi DH 1. Min-naħa tagħha, il-Liġi DH 3 stabbilixxiet li s-self ikkonċernat kellu jiġi kkonvertit b’mod definittiv f’forint Ungeriżi, skont ir-rata tal-kambju prevista fl-Artikolu 10 tagħha, sabiex jiġu evitati r-riskji marbuta mal-kambju fil-futur.

    29

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, bl-adozzjoni ta’ liġijiet bħal-Liġi DH 1 u l-Liġi DH 3, il-leġiżlatur Ungeriż ipprova jirrimedja l-problema kkawżata mill-konklużjoni ta’ numru kbir ħafna ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’muniti barranin, b’mod partikolari bl-annullament tad-differenza fir-rata tal-kambju u bl-impożizzjoni tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija. Madankollu, l-imsemmija qorti tindika li, anki jekk din ir-rata tal-aħħar hija iktar favorevoli għall-konsumatur minn dik prevista fil-kuntratt ta’ self, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-riskju ta’ varjazzjoni fir-rata tal-kambju tal-munita barranija fil-konfront tal-munita li fiha jsir ir-rimbors jibqa’, fil-każ li tissaħħaħ il-munita barranija jew li tiddgħajjef il-munita nazzjonali, fuq il-persuna li tissellef.

    30

    Madankollu, minn naħa, tali sostituzzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali permezz ta’ dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali jista’ jkollha bħala riżultat, skont il-qorti tar-rinviju, li dawn l-istipulazzjonijiet ma jibqgħux koperti mid-Direttiva 93/13, peress li ma humiex “klawżola kuntrattwali li ma kinitx ġiet innegozjata individwalment”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn l-istipulazzjonijiet jiġu kklassifikati bħala “klawżoli kuntrattwali”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, dik dwar ir-riskju tal-kambju tista’ taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din l-istess direttiva, peress li tkun tista’ tikkostitwixxi klawżola kuntrattwali li “tirrifletti dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma tkunx suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

    31

    Fil-każ li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma tapplikax għal dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija ser ikollha tevalwa jekk il-klawżola dwar ir-riskju tal-kambju hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, sa fejn il-persuni li ssellfu rċevew biss informazzjoni ġenerali fir-rigward tar-riskju tal-kambju.

    32

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, meta teżamina din il-klawżola, hija tistax tieħu inkunsiderazzjoni wkoll klawżoli oħra li jistgħu jkunu inġusti, kif kienu jinsabu fil-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, u dan anki jekk, f’data ulterjuri, dawn kienu ġew annullati u, jekk ikun il-każ, issostitwiti permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

    33

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-identifikazzjoni ex officio ta’ klawżoli inġusti mill-qorti nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kúria (il-Qorti Suprema) interpretat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni, kif għamlet din tal-aħħar, l-osservanza tal-prinċipju ta’ dispożittiv, li jipprovdi li d-deċiżjoni dwar rikors għandha tingħata fuq il-bażi tal-fatti u tat-talbiet imressqa mill-partijiet, fid-dawl tal-pretensjoni invokata. B’hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk għandhiex il-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu, li tevalwa n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli li l-konsumatur, fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, ma invokax insostenn tal-pretensjoni tiegħu.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju u li, minħabba t-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li kienet tistabbilixxi differenza bejn il-prezz offrut mix-xerrej u l-prezz mitlub mill-bejjiegħ u l-obbligu li jiġi sostnut ir-riskju korrispondenti tar-rata tal-kambju, saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc bħala konsegwenza tal-intervent tal-leġiżlatur li sar fid-dawl tat-tilwimiet dwar l-invalidità li kienu jaffettwaw numru kbir ta’ kuntratti hija kkunsidrata bħala klawżola li ma hijiex innegozjata individwalment fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 93/13] u, għal din ir-raġuni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

    2)

    Fil-każ li l-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 93/13], ir-regola ta’ esklużjoni tal-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi wkoll għal klawżola kuntrattwali li tikkorrispondi ma’ dispożizzjonijet legali imperattivi fis-sens tal-punt 26 tas-sentenza [tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb AG (C‑92/11, EU:C:2013:180)] li ġew adottati jew daħlu fis-seħħ sussegwentement għall-konklużjoni tal-kuntratt? Għandha tiġi inkluża wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ esklużjoni klawżola kuntrattwali li saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc sussegwentement għall-konklużjoni tiegħu bħala konsegwenza ta’ dispożizzjoni legali imperattiva li tirrimedja l-invalidità kkawżata min-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tirrendi impossibbli l-eżekuzzjoni tal-kuntratt?

    3)

    Fil-każ li, skont ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, tista’ tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju, ir-rekwiżit ta’ lingwaġġ sempliċi u ċar li għalih jirreferi l-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt ukoll meta jitwettaq, skont il-modalitajiet deskritti fil-fatti, l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit legalment u fformulat b’mod neċessarjament ġenerali, jew huwa neċessarju wkoll li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar ir-riskju għall-konsumatur magħrufa mill-entità finanzjarja jew li għaliha din l-entità seta’ kellha aċċess fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

    4)

    Il-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-klawżoli kuntrattwali dwar il-possibbilità ta’ emenda unilaterali u dwar id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ – li, snin wara, irriżultaw li huma inġusti – ġew inklużi fil-kuntratt flimkien mal-klawżola dwar l-assunzjoni tar-riskju tar-rata tal-kambju, b’mod li, bħala effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli, il-konsumatur ma setax fir-realtà jipprevedi, b’mod assolut, kif sussegwentement kienu ser jevolvu l-obbligi ta’ ħlas u lanqas il-mekkaniżmu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-obbligi huwa rilevanti mil-lat tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza u tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1(i) tal-Anness tad-[Direttiva 93/13], għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 93/13]? Jew il-klawżoli kuntrattwali sussegwentement iddikjarati inġusti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tan-natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-riskju tar-rata tal-kambju?

    5)

    Jekk il-qorti nazzjonali tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur, hija għandha l-obbligu, fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tieħu wkoll ex officio inkunsiderazzjoni, b’osservanza tad-dritt għal smigħ tal-partijiet fil-proċedura kontradittorja, in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali oħra li ġewx invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom? Il-prinċipju li l-qorti għandha taġixxi ex officio skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika wkoll meta ir-rikorrent huwa konsumatur jew, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni li d-dritt ta’ awtonomija tal-partijiet jokkupa fil-proċedura kollha u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti partikolari tal-proċedura, il-prinċipju li l-partijiet għandhom id-dritt jiddelimitaw is-suġġett tal-kawża jeskludi, f’dan il-każ, l-eżami ex officio?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

    35

    OTP Bank teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel sar-raba’ domanda għar-raġunijiet, essenzjalment, li huma ta’ natura ipotetika u li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Skont OTP Bank, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa żbaljata li l-Liġijiet DH 1 u DH 3 kellhom l-effett li jqiegħdu r-riskju tal-kambju marbut mal-kuntratti ta’ self iddenominati f’muniti barranin fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, l-imsemmija liġijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kúria (il-Qorti Suprema), b’mod partikolari d-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE tagħha, ma kellhomx l-effett li jimponu l-emenda ex tunc tal-klawżoli dwar ir-riskju tal-kambju li kienu diġà jinsabu fil-kuntratti eżistenti. B’hekk, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa n-natura ċara u li tinftiehem tal-formulazzjoni ta’ kull klawżola suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Id-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet DH 1 u DH 3 ma emendawx il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema).

    36

    Fir-rigward tal-ħames domanda, OTP Bank issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Peress li hemm qbil bejn il-partijiet dwar dan il-punt, ma hemmx konnessjoni mar-realtà tat-tilwima.

    37

    Għandu jitfakkar qabel kollox li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ OTP Bank li l-Liġijiet DH 1 u DH 3 ma jibdlux is-sitwazzjoni tal-konsumatur fir-rigward tar-riskju tal-kambju u li, għalhekk, id-domandi huma ta’ natura ipotetika, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tosserva, essenzjalment, li l-adozzjoni ta’ dawn il-liġijiet kellha, minn tal-inqas, ċerti effetti fuq dan ir-riskju.

    39

    Huwa minnu li mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż mid-deċiżjoni tar-rinviju stess, jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali riskju toħroġ min-natura stess tal-kuntratt li, f’dan il-każ, hija espressa b’mod partikolari fil-punt 4.7.1 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, li jipprovdi li d-debitur huwa obbligat jeżegwixxi l-obbligi ta’ ħlas tiegħu, iddenominati fil-munita tas-self, bil-ħlas tal-valur ekwivalenti f’forint Ungeriżi, ikkalkolat skont ir-rata tal-bejgħ tal-munita fil-jum meta jkun dovut il-ħlas.

    40

    Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1, li jipprovdi li l-klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju, li hija ddikjarata nulla, hija ssostitwita b’dispożizzjoni li timponi l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju uffiċjali ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita korrispondenti, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, li jipprovdi li l-kuntratti ta’ self iddenominati f’muniti barranin huma kkonvertiti ipso jure f’kuntratti ddenominati fil-forint Ungeriż, xorta waħda għandhom l-effett li, fil-prattika, ir-riskju tal-kambju jibqa’ fuq il-konsumatur sa fejn ir-rata tal-kambju, fil-mument ta’ din il-konverżjoni, hija ffisata fuq il-bażi ta’ medja.

    41

    Issa, il-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza ma tistax tingħeleb bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju u, għalhekk, ir-rilevanza tad-domandi preliminari sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck, C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Fir-rigward tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu tal-qorti nazzjonali li, f’ċerti ċirkustanzi, tqajjem ex officio motivi li l-partijiet ma qajmux quddiemha tapplikax ukoll f’kawża bħall-kawża prinċipali, fejn il-konsumatur ma huwiex il-konvenut iżda r-rikorrent.

    43

    F’dan id-dawl, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki meta jkun hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi soluzzjoni għall-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan huwa opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li ntalbet interpretazzjoni tagħhom kienu diġà interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jwassalx sabiex jipprekludiha milli terġa’ tagħti deċiżjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan il-każ, la jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, la jidher li l-problema hija ta’ natura ipotetika u lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha.

    45

    Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

    Fuq l-ewwel domanda

    46

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “klawżola li ma kinitx innegozjata individwalment”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari klawżola kuntrattwali emendata permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali obbligatorja, bħalma huwa l-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, adottata wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ma’ konsumatur, bil-għan li tieħu post klawżola vvizzjata b’nullità li tinsab fl-imsemmi kuntratt, filwaqt li timponi l-applikazzjoni ta’ rata tal-kambju ffissata mill-Bank Nazzjonali għall-kalkolu tal-ammont tas-self li jkun għadu dovut.

    47

    Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, klawżola għandha dejjem titqies li ma kinitx innegozjata individwalment meta tkun ifformulata minn qabel u meta għalhekk il-konsumatur ma setax jinfluwenza l-kontenut tagħha.

    48

    F’dan il-każ, peress li l-klawżoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew imposti mil-leġiżlatur nazzjonali, huwa evidenti li l-partijiet fil-kuntratt ma nnegozjawhomx individwalment.

    49

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “klawżola li ma kinitx innegozjata individwalment”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari klawżola kuntrattwali emendata permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali obbligatorja, adottata wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ konsumatur, bil-għan li tieħu post klawżola vvizzjata b’nullità li tinsab fl-imsemmi kuntratt.

    Fuq it-tieni domanda

    50

    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, kif diġà ntqal fil-punt 39 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ riskju tal-kambju toħroġ min-natura stess tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, b’mod partikolari mill-punt 4.7.1 tiegħu. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, iż-żamma ta’ dan ir-riskju tal-kambju tirriżulta wkoll, minn tal-inqas parzjalment, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jintroduċu emenda ipso jure tal-kuntratti pendenti, li tinvolvi s-sostituzzjoni tar-rata tal-kambju tal-munita li fiha huwa ddenominat il-kuntratt ta’ self b’rata tal-kambju uffiċjali, iffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

    51

    B’hekk, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkopri klawżoli emendati bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali obbligatorji, adottati wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self ma’ konsumatur u maħsuba sabiex jieħdu post klawżola ta’ dan il-kuntratt ivvizzjata b’nullità, liema klawżoli jimponu rata tal-kambju uffiċjali ffissata mill-Bank Nazzjonali għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tas-self li jkun għadu dovut, filwaqt li jżommu r-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur fil-każ li l-munita nazzjonali tiddgħajjef fil-konfront tal-munita barranija li fiha kien iddenominat il-kuntratt ta’ self.

    52

    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jikkonċerna l-klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji, jistabbilixxi esklużjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-esklużjoni teħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 2728 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Din l-esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 93/13 hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet għal ċerti kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28).

    54

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti konklużi ma’ dawn tal-aħħar minn bejjiegħa jew fornituri, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imsemmi għan kif ukoll tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 93/13, u fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, skont l-Artikolu 6(1) tagħha, jistabbilixxu “li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom […] ma jkunux jorbtu lill-konsumatur” u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, jipprevedi mezzi adegwati u effettivi sabiex “jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għalkemm din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom”, xorta jibqa’ l-fatt li l-qafas stabbilit fid-dritt nazzjonali għall-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi permezz tad-Direttiva 93/13 ma jistax jibdel il-portata u, għalhekk, is-sustanza ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 6465).

    57

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Artikolu 3 tal-Liġi DH 1 u l-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3 ġew adottati wara l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’muniti barranin, peress li l-leġiżlatur nazzjonali qies li kienet inġusta l-klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju li kienet tinsab b’mod ġenerali f’tali kuntratti u ddeċieda, f’dan il-kuntest, li jissostitwixxi r-rata tal-kambju ffissata skont il-modalitajiet kuntrattwali b’rata tal-kambju ddefinita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

    58

    Mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li dawn il-liġijiet ġew adottati f’kuntest partikolari, sa fejn huma bbażati fuq id-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) Nru 2/2014 PJE mogħtija fl-interess tal-uniformità tad-dritt, li permezz tagħha dik il-qorti ddeċidiet dwar in-natura inġusta jew il-preżunzjoni ta’ natura inġusta ta’ klawżoli dwar id-differenza fir-rata tal-kambju u dwar il-possibbiltà ta’ emenda unilaterali inklużi f’kuntratti ta’ kreditu jew ta’ self iddenominati f’muniti barranin u konklużi ma’ konsumaturi.

    59

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kemm l-imsemmija deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) u kemm il-Liġi DH 1 huma bbażati fuq is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282).

    60

    Fil-punt 82 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’ċerti ċirkustanzi, is-sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali, stabbilit permezz tal-kuntratt, bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar u ma hijiex intiża li tannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti.

    61

    Fil-fatt, li kieku l-qorti nazzjonali ma setgħetx tissostitwixxi klawżola inġusta, li mingħajrha l-kuntratt ikkonċernat ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti, b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, l-imsemmija qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu. Dan jista’ jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, sa fejn tali annullament iwassal bħala prinċipju sabiex jagħmel eżiġibbli immedjatament l-ammont tas-self li jkun għadu dovut b’mod li jista’ jaqbeż il-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur u, għalhekk, x’aktarx li jippenalizza lill-konsumatur iktar milli lil min ikun ta s-self li, għaldaqstant, ma jkunx dissważ milli jinkludi tali klawżoli fil-kuntratti proposti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 8384).

    62

    Issa, fir-rigward tal-kawża prinċipali, mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, meta ssostitwixxa, skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1 u skont l-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3, il-klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju bi klawżola li tipprovdi li r-rata tal-kambju ddefinita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, fis-seħħ fid-data meta jkun dovut il-ħlas, għandha tapplika bejn il-partijiet fil-kuntratt, l-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali kienet li jiddetermina ċerti kundizzjonijiet dwar l-obbligi inklużi f’kuntratti ta’ self ta’ dan it-tip.

    63

    F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-kundizzjonijiet inklużi fil-kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jkunu ddeterminati minn leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C‑446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punt 31).

    64

    Minn dan isegwi li klawżoli kuntrattwali, bħal dawk imsemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi obbligatorji, ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

    65

    Madankollu, tali kunsiderazzjoni ma tfissirx li klawżola kuntrattwali oħra, bħalma hija dik dwar ir-riskju tal-kambju, hija, fl-intier tagħha, eskluża wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u ma tistax għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl tagħha.

    66

    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat b’mod strett. B’hekk, il-fatt li ċerti klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jimplikax li l-validità ta’ klawżoli oħra, inklużi fl-istess kuntratt u li ma humiex indirizzati minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ma tistax tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-imsemmija direttiva.

    67

    F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-emendi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1 u mill-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3 ma kinux intiżi li jiddeterminaw kompletament il-kwistjoni tar-riskju tal-kambju fir-rigward tal-perijodu bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni u l-konverżjoni tiegħu f’forints Ungeriżi, bis-saħħa tal-Liġi DH 3.

    68

    Fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali li jindirizzaw il-kwistjoni tar-riskju tal-kambju u li ma humiex koperti minn dawn l-emendi leġiżlattivi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali klawżoli jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u jistgħu jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami każ b’każ, li ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 43).

    69

    Barra minn hekk, il-fatt li l-kundizzjonijiet dwar id-differenza fir-rata tal-kambju huma b’hekk esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tagħha ma jipprekludix li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra b’mod partikolari fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367), jibqgħu applikabbli għas-suġġetti l-oħra kollha koperti minn din id-direttiva u, b’mod partikolari, għar-regoli proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mill-imsemmija direttiva.

    70

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkoprix klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali obbligatorji, introdotti wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur u intiżi li jieħdu post klawżola ta’ dan il-kuntratt ivvizzjata b’nullità, filwaqt li jimponu rata tal-kambju ffissata mill-Bank Nazzjonali. Madankollu, klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex eskluża mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tielet domanda

    71

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li l-klawżoli kuntrattwali għandhom ikunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem jimplika li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tipprovdi informazzjoni ddettaljata dwar ir-riskju tal-kambju, li tinkludi analiżi tar-riskji dwar il-konsegwenzi ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw jekk il-munita nazzjonali tiddgħajjef fil-konfront tal-munita bbaranija li fiha jkun ġie ddenominat is-self.

    72

    F’dan ir-rigward, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tagħti deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ klawżoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda għandha ġurisdizzjoni sabiex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ minn dawk tal-Artikolu 4(2) tagħha, tislet il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika meta teżamina klawżoli kuntrattwali fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    F’dan id-dawl, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’muniti barranin, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem ma jistax jiġi limitat biss għan-natura li tinftiehem mill-aspetti formali u grammatikali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Fir-rigward ta’ self iddenominat f’muniti barranin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, kif fakkar il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku fir-rakkomandazzjoni CERS/2011/1 tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2011 dwar self f’munita barranija (ĠU 2011, C 342, p. 1), l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħtu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-kawża, informazzjoni din li għandha tindirizza minn tal-inqas l-impatt fuq ir-rimborsi ta’ deprezzament qawwi fil-munita legali tal-Istat Membru fejn ikun residenti min jissellef u ta’ żieda fir-rata tal-interessi barranin (Rakkomandazzjoni A – Għarfien ta’ dawk li jissellfu dwar ir-riskju, punt 1) (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 49).

    75

    B’mod iktar partikolari, min jissellef għandu, minn naħa, ikun informat b’mod ċar dwar il-fatt li, meta jikkonkludi kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, huwa jkun qiegħed jesponi ruħu għal riskju tal-kambju li eventwalment jista’ jkun ekonomikament diffiċli għalih li jassumih fil-każ li l-munita li fiha jirċievi d-dħul tiegħu tiddgħajjef fil-konfront tal-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħ jew il-fornitur, f’dan il-każ l-istituzzjoni bankarja, għandu jesponi l-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ self f’muniti barranin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 50).

    76

    Fl-aħħar nett, kif tispeċifika l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13, huwa meħtieġ li l-konsumatur effettivament ikollu l-opportunità jieħu konoxxenza tal-klawżoli kollha tal-kuntratt. Fil-fatt, l-informazzjoni, mogħtija f’ħin adegwat qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali sabiex jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-preżenza fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni tal-punt 10 tiegħu, intitolat “Dikjarazzjoni ta’ notifika ta’ riskju”, li l-formulazzjoni tiegħu ġiet esposta fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, moqri flimkien ma’ informazzjoni komplementari oħra eventwalment mogħtija qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. F’dan ir-rigward, mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni li ssellfu ngħataw, b’mod partikolari, nota ta’ informazzjoni komplementari dwar ir-riskju tal-kambju li kienet tinkludi eżempji ta’ kalkolu konkreti tar-riskju fil-każ li l-forint Ungeriż jiddgħajjef fil-konfront tal-frank Svizzeru, punt dan madankollu li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    78

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-kawża. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola dwar ir-riskju tal-kambju għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm mill-aspetti formali u grammatikali u kemm fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, ikun jista’ mhux biss ikollu konoxxenza tal-possibbiltà li l-munita nazzjonali tiddgħajjef fil-konfront tal-munita bbaranija li fiha jkun iddenominat is-self, iżda jkun jista’ jevalwa wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

    Fuq ir-raba’ domanda

    79

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali tiġi evalwata b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tiegħu, kif ukoll b’riferiment għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, u dan anki meta wħud minn dawn il-klawżoli kienu ġew iddikjarati jew preżunti inġusti u annullati, f’mument ulterjuri, mil-leġiżlatur nazzjonali.

    80

    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat, f’sitwazzjoni fejn il-klawżola kkonċernata tikkonċerna d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, jekk din il-klawżola hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-klawżoli kollha tal-kuntratt li kienu inklużi fih fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, peress li huwa f’dan il-mument li l-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaderixxi mal-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel minn dan tal-aħħar.

    81

    Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-kawża prinċipali, li d-dħul fis-seħħ iktar tard tal-Liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3, sa fejn emendaw b’mod obbligatorju u ex tunc uħud mill-klawżoli inklużi fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni, ma huwiex fost iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura trasparenti tal-klawżola dwar ir-riskju tal-kambju.

    82

    Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, kif dawn kienu jeżistu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

    83

    Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, minkejja l-fatt li wħud minn dawn il-klawżoli jkunu ġew iddikjarati jew preżunti inġusti u, għalhekk, annullati, f’mument ulterjuri, mil-leġiżlatur nazzjonali.

    Fuq il-ħames domanda

    84

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tqajjem ex officio, minflok il-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li dan il-konsumatur ikun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur.

    85

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, skont il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

    86

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-korpi amministrattivi jkollhom mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni inferjuri meta mqabbla mal-bejjiegħa jew mal-fornituri (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tevalwa ex officio, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa sabiex tagħmel dan, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk, tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    Dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali tqies li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva għall-konsumatur, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju mhux negliġibbli li dan ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu jew jiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex jeżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    89

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura għall-konsumaturi, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies bħala norma ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li, fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali, jokkupaw il-livell ta’ normi ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    90

    Minn dan isegwi li l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 teżiġi li, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali għandha tqajjem ex officio, inkluż, jekk ikun il-każ, minflok il-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, il-klawżoli eventwalment inġusti inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur.

    91

    Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tqajjem ex officio, minflok il-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa sabiex tagħmel dan.

    Fuq l-ispejjeż

    92

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-kunċett ta’ “klawżola li ma kinitx innegozjata individwalment”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri b’mod partikolari klawżola kuntrattwali emendata permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali obbligatorja, adottata wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ konsumatur, bil-għan li tieħu post klawżola vvizzjata b’nullità li tinsab fl-imsemmi kuntratt.

     

    2)

    L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkoprix klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali obbligatorji, introdotti wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur u intiżi li jieħdu post klawżola ta’ dan il-kuntratt ivvizzjata b’nullità, filwaqt li jimponu rata tal-kambju ffissata mill-bank nazzjonali. Madankollu, klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex eskluża mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    3)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem jobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-kawża. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola dwar ir-riskju tal-kambju għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm mill-aspetti formali u grammatikali u kemm fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, ikun jista’ mhux biss ikollu konoxxenza tal-possibbiltà li l-munita nazzjonali tiddgħajjef fil-konfront tal-munita bbaranija li fiha jkun iddenominat is-self, iżda jkun jista’ jevalwa wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu.

     

    4)

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, minkejja l-fatt li wħud minn dawn il-klawżoli jkunu ġew iddikjarati jew preżunti inġusti u, għalhekk, annullati, f’mument ulterjuri, mil-leġiżlatur nazzjonali.

     

    5)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tqajjem ex officio, minflok il-konsumatur fil-kwalità tiegħu ta’ rikorrent, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa sabiex tagħmel dan.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top