Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0465

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Frar 2019.
    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Growth Energy u Renewable Fuels Association.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013 – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika – Dazju antidumping definittiv – Marġni ta’ dumping stabbilit fuq skala nazzjonali – Rikors għal annullament – Assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi mhux esportaturi u operaturi tas-suq/blenders – Locus standi – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali.
    Kawża C-465/16 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:155

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    28 ta’ Frar 2019 ( *1 )

    “Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013 – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika – Dazju antidumping definittiv – Marġni ta’ dumping stabbilit fuq skala nazzjonali – Rikors għal annullament – Assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi mhux esportaturi u operaturi tas-suq/blenders – Locus standi – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali”

    Fil-Kawża C‑465/16 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Awwissu 2016, kif ukoll appell inċidentali skont l-Artikolu 176 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis‑7 ta’ Novembru 2016,

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avocată,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

    Growth Energy, stabbilita f’Washington (l-Istati Uniti),

    Renewable Fuels Association, stabbilita f’Washington,

    irrappreżentati minn P. Vander Schueren, advocaat, assistit minn N. Mizulin u M. Peristeraki, avocats,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u M. França, bħala aġenti,

    ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol, irrappreżentata minn O. Prost u A. Massot, avocats,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ottubru 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:340), li permezz tagħha din, minn naħa, iddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Growth Energy u Renewable Fuels Association kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013 tat‑18 ta’ Frar 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2013, L 49, p. 10) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), u, min-naħa l-oħra, annullat dan ir-regolament sa fejn dan kien jikkonċerna lil Patriot Renewable Fuels LLC, Plymouth Energy Company LLC, POET LLC u Platinum Ethanol LLC, produtturi tal-bijoetanol membri ta’ Growth Energy kif ukoll ta’ Renewable Fuels Association.

    2

    Permezz tal-appell inċidentali tagħhom, Growth Energy u Renewable Fuels Association jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din laqgħet l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom biss b’mod limitat u, min-naħa l-oħra, tannulla ir-Regolament kontenzjuż inkwantu dan tal-aħħar jaffettwahom jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi mqajma minnhom.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament kontenzjuż

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 18 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

    4

    Wara lment ippreżentat fit‑12 ta’ Ottubru 2011 minn ePure, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol, assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-etanol rinnovabbli, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fil‑25 ta’ Novembru 2011, avviż ta’ inizjazzjoni ta’ proċedura tal-antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijoetanol li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2011, C 345, p. 7), fejn hija ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrikorri għall-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jintgħażlu l-produtturi-esportaturi tal-Istati Uniti tal-Amerika koperti mill-investigazzjoni mibdija fil-kuntest ta’ din il-proċedura (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni”).

    5

    Fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil ħames kumpanniji membri ta’ Growth Energy u Renewable Fuels Association, jiġifieri Marquis Energy, Patriot Renewable Fuels, Plymouth Energy Company, POET u Platinum Ethanol, li kienu ntgħażlu fil-kampjun tal-produtturi-esportaturi.

    6

    Fl‑24 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li ħabbar it-tkomplija tal-investigazzjoni, mingħajr l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, u l-estensjoni tagħha għall-operaturi tas-suq/blenders. Dan id-dokument kien jindika li f’dak l-istadju ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti kinux saru bi prezzijiet ta’ dumping, għar-raġuni li l-produtturi fil-kampjun ma kinux jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni u peress li kienu jwettqu l-bejgħ kollu tagħhom lill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti stabbiliti fl-Istati Uniti, li kienu sussegwentement iħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil qabel ma jbigħuh mill-ġdid.

    7

    Fis‑6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association id-dokument ta’ informazzjoni definittiv li fih hija eżaminat, abbażi tal-informazzjoni tal-operaturi tas-suq/blenders indipendenti, l-eżistenza ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni Ewropea, u pprevediet l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi bir-rata ta’ 9.6 % fuq skala nazzjonali, għal perijodu ta’ tliet snin.

    8

    Fit‑18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”), ir-Regolament kontenzjuż, li impona dazju antidumping fuq il-bijoetanol, imsejjaħ “karburant etanol”, b’rata ta’ 9.5 % fuq skala nazzjonali għal perijodu ta’ ħames snin.

    9

    Mill-punt 16 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kunsill ikkonstata, fil-premessi 12 sa 16 tar-Regolament kontenzjuż, li l-investigazzjoni kienet uriet li ebda produttur fil-kampjun ma kien esporta l-bijoetanol fis-suq tal-Unjoni u li ma kinux il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol, iżda l-operaturi tas-suq/blenders li kienu l-esportaturi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, b’tali mod li, sabiex itemm l-investigazzjoni, huwa bbaża ruħu fuq l-informazzjoni ta’ żewġ operaturi tas-suq/blenders li kienu aċċettaw li jikkooperaw.

    10

    Ġie indikat ukoll, fil-punt 17 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill spjega, fil-premessi 62 sa 64 tar-Regolament kontenzjuż, li kien iqis opportun li jiġi stabbilit marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali, peress li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien prodott u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni kienu jirrendu imprattikabbli l-istabbiliment ta’ marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    11

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2013, Growth Energy u Renewable Fuels Association ippreżentaw rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

    12

    Il-Qorti Ġenerali, wara li rrikonoxxiet, parzjalment, l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv tagħhom, ibbażata fuq il-ksur, mill-Kunsill, tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament antidumping bażiku, u, konsegwentement, annullat ir-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan kien jikkonċerna erba’ mill-ħames produtturi Amerikani fil-kampjun membri taż-żewġ assoċjazzjonijiet.

    13

    Hija wettqet stħarriġ tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association fil-punti 42 sa 162 tas-sentenza appellata, billi eżaminat suċċessivament il-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ azzjoni tagħhom bħala assoċjazzjoni, il-locus standi tagħhom u, fl-aħħar nett, l-interess ġuridiku tagħhom.

    14

    B’hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel nett, fil-punti 45 sa 64 tas-sentenza appellata, il-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ azzjoni tal-assoċjazzjonijiet, billi fakkret qabelxejn li tali dritt seta’ jiġi rrikonoxxut lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association, bħala assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol, biss fi tliet każijiet, jiġifieri, rispettivament, meta dispożizzjoni legali tkun tipprovdi dan espressament, meta l-impriżi li huma jirrappreżentaw jew xi wħud minnhom ikollhom locus standi individwali jew meta huma jkunu jistgħu jinvokaw interess li huwa individwali għalihom.

    15

    Hija kkonstatat, qabelxejn, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li Growth Energy u Renewable Fuels Association ma setgħux jinvokaw l-ewwel ipoteżi, sa fejn huma ma kienu identifikaw l-ebda dispożizzjoni li tagħtihom dritt speċifiku li jippreżentaw rikors u sa fejn ebda element mill-proċess ma ppermetta li jiġi konkluż li teżisti tali dispożizzjoni.

    16

    Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, hija għamlet distinzjoni, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, bejn erba’ kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi membri ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association.

    17

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ dawn tal-aħħar, sa fejn dan kien ġie ppreżentat f’isem Marquis Energy, filwaqt li din il-kumpannija kienet ippreżentat ir-rikors tagħha stess, irreġistrat bin-numru T‑277/13.

    18

    It-tieni nett, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, għar-raġuni li dan kien ġie ppreżentat f’isem żewġ operaturi tas-suq/blenders tal-bijoetanol, jiġifieri Murex u CHS, sa fejn dawn l-operaturi tas-suq/blenders kienu biss membri “assoċjati” tal-assoċjazzjonijiet mingħajr dritt tal-vot. Hija qieset li dawn iż-żewġ impriżi ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom matul eventwali rappreżentanza mill-imsemmija assoċjazzjonijiet, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma kellhomx locus standi.

    19

    It-tielet nett, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, hija indikat li hija kellha teżamina jekk ir-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association kienx ammissibbli inkwantu dawn kienu jirrappreżentaw, minn naħa, l-erba’ produtturi fil-kampjun għajr il-grupp Marquis Energy u, min-naħa l-oħra, kull membru ieħor għajr l-erba’ produtturi fil-kampjun, Marquis Energy jew l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS.

    20

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li kellu jiġi stabbilit, skont it-tielet ipoteżi, jekk Growth Energy u Renewable Fuels Association kellhomx interess individwali fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjoni li pparteċipat fil-proċedura antidumping.

    21

    Il-Qorti Ġenerali analizzat, it-tieni nett, fil-punti 64 sa 154 tas-sentenza appellata, il-locus standi ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, billi eżaminat suċċessivament il-locus standi individwali tagħhom, sussegwentement il-locus standi tagħhom bħala rappreżentanti tal-produtturi Amerikani fil-kampjun u, fl-aħħar nett, il-locus standi tagħhom bħala rappreżentanti tal-membri tagħhom għajr il-produtturi Amerikani fil-kampjun.

    22

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punti 77 sa 87 tas-sentenza appellata, li Growth Energy u Renewable Fuels Association kellhom locus standi f’isimhom stess, skont it-tielet ipoteżi, minħabba l-garanziji proċedurali li l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(1) u (2), kif ukoll l-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-Regolament antidumping bażiku jagħtu lill-assoċjazzjonijiet, iżda biss għall-finijiet tas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huma invokaw fil-kuntest tal-għaxar motiv.

    23

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fit-tieni lok, fil-punti 90 sa 150 tas-sentenza appellata, li l-produtturi Amerikani fil-kampjun kellhom locus standi kontra r-Regolament kontenzjuż u kkonkludiet, konsegwentement, li r-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-interessi tagħhom kien ammissibbli.

    24

    Hija kkonstatat, l-ewwel nett, fil-punti 92 sa 104 tas-sentenza appellata, li l-produtturi Amerikani fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, billi ċaħdet, fil-punti 105 sa 118 tal-imsemmija sentenza, id-diversi argumenti kuntrarji mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

    25

    Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-inċidenza diretta tal-produtturi Amerikani fil-kampjun, hija fakkret qabelxejn, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li kumpannija, li l-prodotti tagħha huma suġġetti għal dazju antidumping, hija direttament ikkonċernata minn regolament li jistabbilixxi dan id-dazju antidumping, għaliex dan ir-regolament jobbliga lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri sabiex jirċievu d-dazju stabbilit mingħajr ma jħallilhom xi marġni ta’ diskrezzjoni.

    26

    Sussegwentement hija kkonstatat, fil-punti 93 sa 104 tas-sentenza appellata, li l-produtturi Amerikani fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mid-dazju antidumping stabbilit fir-Regolament kontenzjuż, għar-raġuni li dawn kienu l-produtturi tal-prodott li, matul l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament kontenzjuż, kien suġġett għad-dazju antidumping.

    27

    F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha, fil-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata, fuq erba’ konstatazzjonijiet dwar il-funzjonament tas-suq tal-bijoetanol, kif stabbilit mill-Kunsill, wara li dan tal-aħħar kien qies huwa stess, fir-Regolament kontenzjuż, li volum għoli ta’ bijoetanol li joriġina mill-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun kien ġie esportat b’mod regolari lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

    28

    Fl-aħħar nett, fil-punti 105 sa 118 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet id-diversi argumenti mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija osservat f’dan ir-rigward, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li, anki jekk kienu l-operaturi tas-suq/blenders li batew id-dazju antidumping u rriżulta li l-katina kummerċjali tal-bijoetanol kienet ġiet interrotta b’mod li dawn l-operaturi tas-suq/blenders ma kinux f’pożizzjoni li jpoġġu l-oneru tad-dazju antidumping fuq il-produtturi, xorta kien jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping kien biddel il-kundizzjonijiet legali li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol prodott mill-produtturi fil-kampjun kien seħħ fis-suq tal-Unjoni, b’tali mod li l-pożizzjoni legali tal-imsemmija produtturi fl-imsemmi suq kienet, f’kull każ, direttament u sostanzjalment milquta.

    29

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 119 sa 130 tas-sentenza appellata, li l-erba’ produtturi fil-kampjun kienu individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, billi ċaħdet, fil-punti 131 sa 145 tas-sentenza appellata, id-diversi argumenti kuntrarji mressqa mill-Kunsill u l-Kummissjoni.

    30

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fit-tielet lok, fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata, li r-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association kien inammissibbli inkwantu kien ġie ppreżentata f’isem il-membri kollha ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għajr l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, u dan peress li l-imsemmija assoċjazzjonijiet kienu naqsu milli jipproduċu elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-membri tagħhom kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    31

    Il-Qorti Ġenerali eżaminat, it-tielet nett, l-interess ġuridiku ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association. Hija ċaħdet, fil-punti 155 sa 160 tas-sentenza appellata, l-argument imressaq mill-Kummissjoni, li jgħid li Growth Energy u Renewable Fuels Association ma kellhomx interess ġuridiku reali u attwali kontra r-Regolament kontenzjuż, sa fejn il-membri tagħhom ma kinux esportaw il-bijoetanol lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni u lanqas bdew jagħmlu dan fid-data tal-preżentata tar-rikors inkwistjoni.

    32

    F’dan ir-rigward, hija osservat, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Kummissjoni, li hija sempliċi intervenjenti, ma setgħetx tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku, hija kellha madankollu teżamina tali eċċezzjoni ex officio. F’dan il-każ, hija ddeċidiet, minn naħa, li Growth Energy u Renewable Fuels Association kellhom interess ġuridiku sa fejn l-annullament tad-dazju antidumping impost mir-Regolament kontenzjuż, li jolqot l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, seta’ jikseb benefiċċju lil dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet kellhom interess ġuridiku, sa fejn huma kienu invokaw ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom stess.

    33

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors, fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, kif ġej:

    “161

    Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li:

    dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament [kontenzjuż] sa fejn jikkonċerna lil Marquis Energy (ara l-punt 51 [tas-sentenza appellata]);

    l-ewwel disa’ motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw il-locus standi personali tagħhom (ara l-punt 87 [tas-sentenza appellata]);

    dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-regolament [kontenzjuż] sa fejn jikkonċerna lill-membri tar-rikorrenti differenti mill-ħames produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun (ara l-punti 55 u 154 [tas-sentenza appellata]);

    162

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jitolbu:

    l-ewwel nett, l-annullament tar-regolament [kontenzjuż] sa fejn dan jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun (ara l-punt 150 [tas-sentenza appellata]) u,

    it-tieni nett, l-annullament tar-regolament [kontenzjuż] sa fejn dawn jinvokaw, fl-għaxar motiv, ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom stess matul il-proċedura antidumping (ara l-punt 87 [tas-sentenza appellata]).”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    34

    Fil-kuntest tal-appell prinċipali, il-Kunsill jitlob prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, u

    tikkundanna lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association għall-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell sostnuti minnu.

    35

    Sussidjarjament, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u

    tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

    36

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli, u

    tikkundanna lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association għall-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    37

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association fl-ewwel istanza u, għal dak li jirrigwarda l-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv kif ukoll il-motivi l-oħra, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u

    tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    38

    Fir-risposta tagħhom, Growth Energy u Renewable Fuels Association jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u tikkonferma l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnhom fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċedura tal-appell.

    39

    Fil-kuntest tal-appell inċidentali, Growth Energy u Renewable Fuels Association jitolbu prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan jiċħad ir-rikors għal annullament tagħhom;

    tannulla r-Regolament kontenzjuż fl-intier tiegħu, inkwantu dan jaffettwa lilhom kif ukoll lill-membri kollha tagħhom, u

    tikkundanna lill-Kunsill ibati, minn naħa, l-ispejjeż sostnuti minnhom fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-kuntest tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tiegħu stess.

    40

    Sussidjarjament, u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, Growth Energy u Renewable Fuels Association jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel disa’ motivi ta’ annullament li huma ressqu individwalment u fuq il-motivi kollha ta’ annullament li huma ressqu f’isem il-membri tagħhom għajr l-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnhom sa issa fil-proċedura fl-ewwel istanza u fil-proċeduri tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali u tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-bqija tal-proċedura.

    41

    Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali fl-intier tiegħu u tikkonferma l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u

    tikkundanna lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association għall-ispejjeż sostnuti minnu fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali kif ukoll għall-ispejjeż tagħhom stess.

    42

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell inċidentali bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat, u

    tikkundanna lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell prinċipali

    43

    Fil-kuntest tal-appell tiegħu, il-Kunsill iqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament antidumping bażiku. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma kienx fattibbli li jiġu applikati dazji individwali għall-produtturi Amerikani magħżula fil-kampjun.

    44

    Fil-kuntest tan-noti tagħha insostenn tal-Kunsill, il-Kummissjoni tiddikjara li tappoġġa mingħajr riżervi l-appell prinċipali mressaq mill-Kunsill u tikkondividi l-argumenti ppreżentati minnu fir-replika tiegħu. Madankollu, hija tqajjem ukoll aggravju li ma tqajjimx mill-Kunsill, iżda li tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio. Hija ssostni li r-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, sa fejn id-difiża tal-interessi kummerċjali tal-membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet ma taqax taħt l-għan soċjali ta’ dawn tal-aħħar, kif iddefinit fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

    45

    Growth Energy u Renewable Fuels Association jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appell fl-intier tiegħu. Minn naħa, huma jsostnu li, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill qiegħed jikkontesta essenzjalment elementi fattwali, mingħajr ma jinvoka żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li, fil-kuntest tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill jesponi l-argumenti tiegħu b’ċarezza suffiċjenti.

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina, qabelxejn, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell prinċipali mqajma minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, sussegwentement l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni fil-kuntest tan-nota tagħha insostenn tal-Kunsill, ibbażat fuq żball li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ddikjarat ir-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association ammissibbli u, fl-aħħar nett, l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kunsill, li jikkontesta l-locus standi ta’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet u, b’mod partikolari, l-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju, ibbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun u, konsegwentement, Growth Energy u Renewable Fuels Association, kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    Fuq l-ammissibbiltà tal-appell prinċipali

    47

    Għandu jitfakkar li, ċertament, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi ta’ dritt li jkunu tnisslu minnhom (sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 21; tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, EU:C:2002:736, punt 69, kif ukoll tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 77).

    48

    F’dan il-każ, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball doppju ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE meta kkonkludiet li Growth Energy u Renewable Fuels Association kienu, minn naħa, direttament ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun. Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, il-Kunsill jikkontesta, b’mod iktar preċiż, il-fatt li dawn il-produtturi jistgħu jitqiesu bħala li huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, peress li, essenzjalment, huma ma kinux esportaw direttament il-bijoetanol lejn l-Unjoni.

    49

    B’dan il-mod, il-Kunsill għalhekk jikkontesta l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li hija għamlet, f’dan il-każ ir-rikonoxximent tal-locus standi ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association kontra r-Regolament kontenzjuż, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-appell prinċipali għandu, għall-inqas minn dan l-aspett, jiġi ddikjarat ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, EU:C:2002:736, punt 71; tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑208/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:506, punt 76, kif ukoll tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑209/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:507, punt 74).

    50

    Minn dan isegwi li, mingħajr ma huwa neċessarju, f’dan l-istadju, li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà taż-żewġ aggravji l-oħra mqajma mill-Kunsill, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali mqajma minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-aggravju bbażat fuq l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association mqajma b’mod awtonomu mill-Kummissjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    51

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenrali kellha tiċħad bħala inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, sa fejn, essenzjalment, l-istatuti ta’ assoċjazzjoni dawn l-assoċjazzjonijiet ma kinux jippermettilhom jiddefendu l-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari u/jew tal-membri ta’ dawn tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, hija obbligata teżamina ex officio dan l-argument.

    52

    Hija tqis li, billi ddeskriviet lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association bħala “assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol”, fil-punt 1 tas-sentenza appellata, u sussegwentement bħala “assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol”, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Fil-fatt, dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma jistgħux, bħala assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonstitwiti skont id-District of Columbia Non-profit Corporation Act (il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Mingħajr Skop ta’ Lukru tad-Distrett ta’ Columbia), iwettqu attivitajiet ta’ difiża tal-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari u/jew tal-membri tagħhom.

    53

    Tali attività tkun, barra minn hekk, inkompatibbli mal-għan speċifiku ta’ Growth Energy, li huwa li “tippromwovi l-etanol bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli, nadifa u sostenibbli”, kif ukoll mal-għan soċjali ta’ Renewable Fuels Association, li huwa li “tippromwovi u ssostni l-iżvilupp ta’ industrija nazzjonali tal-karburanti rinnovabbli vijabbli u kompetittiva”. Barra minn hekk, Growth Energy u Renewable Fuels Association imkien ma argumentaw li r-rikors tagħhom kien jaqa’ fil-kuntest tal-għanijiet statutorji tagħhom, u dan billi l-Qorti Ġenerali kkonstatat, għall-kuntrarju, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-iskop tal-azzjoni ġudizzjarja tagħhom kien li “jipproteġu l-industrija Amerikana tal-etanol”.

    54

    Growth Energy u Renewable Fuels Association jsostnu li l-fatt li għandhom ma għandhomx skop ta’ lukru bl-ebda mod ma jimplika li huma ma jistgħux jiddefendu l-interessi kummerċjali ta’ settur partikolari u/jew tal-membri tagħhom, iżda jfisser sempliċement li dawn ma jistgħux jieħdu benefiċċji finanzjarji mill-attivitajiet tagħhom u jqassmu d-dividendi lil azzjonisti. Huma jżidu li l-Kummissjoni kkonkludiet arbitrarjament li l-għan soċjali ta’ Renewable Fuels Association kien limitat għal kunsiderazzjonijiet nazzjonali u kien jeskludi d-difiża tal-interessi kummerċjali tal-membri tagħha fil-pajjiżi terzi. Il-promozzjoni ta’ industrija nazzjonali hija, fil-fatt, marbuta wkoll mat-tkabbir, li minnu l-esportazzjonijiet jiffurmaw parti, b’tali mod li r-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan jaffettwa l-kompetittività tal-imsemmija industrija, jaqa’ taħt il-missjoni tagħha.

    55

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, bħala “parti oħra” fl-appell, ma tistax tinvoka f’dan l-istadju tal-proċedura l-iżnaturament tal-provi f’dan ir-rigward, mhux invokat fuq dan il-punt mill-Kunsill, u ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-għanijiet tal-assoċjazzjoni huma fir-realtà iktar limitati. Hija kellha tippreżenta appell inċidentali skont l-Artikolu 178 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56

    Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 172 u 176 ta’ dawn ir-regoli, il-partijiet awtorizzati jippreżentaw risposta jistgħu jippreżentaw, permezz ta’ att separat, distint mir-risposta, appell inċidentali li, skont l-Artikolu 178(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3) tal-imsemmija regoli, għandu jkun intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata abbażi ta’ aggravji u argumenti tad-dritt distinti minn dawk invokati fir-risposta.

    57

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jirriżulta li r-risposta ma tistax tkun intiża għall-annullament tas-sentenza appellata għal aggravji distinti u awtonomi minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitressqu biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali (sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punti 99 sa 101, u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 20).

    58

    F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni tqajjem aggravju bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset li Growth Energy u Renewable Fuels Association kienu awtorizzati statutorjament sabiex jiddefendu l-interessi kummerċjali tas-settur tal-bijoetanol jew tal-membri tagħhom, li l-Kunsill ma qajjimx, u li jikkostitwixxi, għaldaqstant, aggravju distint u awtonomu ta’ annullament tas-sentenza appellata li jista’ jitqajjem biss fil-kuntest ta’ appell inċidentali.

    59

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tagħha, tista’ tiddeċiedi, jekk hemm bżonn ex officio, dwar l-aggravju ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35; kif ukoll id-digrieti tal‑15 ta’ April 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑517/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:190, punt 54, u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, C‑323/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:952, punt 31).

    60

    L-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni madankollu ma jistax jirnexxi.

    61

    Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li Growth Energy u Renewable Fuels Association ma għandhom l-ebda skop ta’ lukru bl-ebda mod ma jimplika li ma jistgħux jiżguraw id-difiża, fi proċeduri legali, tal-interessi kollettivi tal-persuni ġuridiċi li huma jirrappreżentaw. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni la stabbilixxiet u lanqas allegat li dawn ma kellhomx locus standi in judicio.

    62

    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ma jirriżultax b’mod manifest li l-għan soċjali ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association ma jippermettilhomx li jiżguraw id-difiża tal-interessi kummerċjali tal-membri tagħhom fil-pajjiżi terzi. Hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan soċjali ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet huwa stabbilit b’mod wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi azzjoni ġudizzjarja intiża għad-difiża tal-interessi tal-membri ta’ dawn tal-aħħar kontra miżuri ta’ difiża kummerċjali.

    63

    Minn dan isegwi li l-aggravju awtonomu tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dritt.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażata fuq inċidenza diretta tal-produtturi Amerikani fil-kampjun

    L-argumenti tal-partijiet

    64

    Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-erba’ produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, fejn din il-konklużjoni hija, barra minn hekk, iġġustifikata mill-elementi esposti fil-punti 114, 116 u 117 ta’ dik is-sentenza.

    65

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-fatt, li dawn l-erba’ produtturi kienu direttament ikkonċernati, peress li dawn kienu l-produtturi tal-prodott li, matul l-importazzjoni tiegħu fl-Unjoni, kien suġġett għad-dazju antidumping. L-impożizzjoni ta’ tali dazju biddel il-kundizzjonijiet legali li taħthom l-bijoetanol kien ikkummerċjalizzat fis-suq tal-Unjoni. Issa, il-konstatazzjoni ta’ tali effett dirett hija inkompatibbli ma’ dik magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 44 sa 51). Bħala produtturi li ma jbigħux direttament il-prodotti tagħhom fl-Unjoni, huma jistgħu l-iktar l-iktar ikunu indirettament ikkonċernati minn perspettiva ekonomika, sa fejn huma jinsabu potenzjalment fi żvantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ produtturi oħra tal-bijoetanol li fuqhom ma jiġi impost ebda dazju.

    66

    Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li d-dazji antidumping bidlu l-kundizzjonijiet legali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat u, b’hekk, affettwaw direttament u sostanzjalment il-pożizzjoni tal-produtturi kollha fil-kampjun, irrispettivament minn jekk ikunux jew le esportaturi. Billi kkonkludiet li l-produtturi kollha kienu awtomatikament direttament ikkonċernati, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisprudenza stabbilita li hija ssemmi, u konsegwentement wettqet “esaġerazzjoni” ġudizzjarja.

    67

    Il-Qorti Ġenerali għalhekk injorat il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li teħtieġ li l-miżura li tkun is-suġġett ta’ rikors għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra, billi aċċettat bħala suffiċjenti bidla allegata u indiretta fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-erba’ produtturi fil-kampjun.

    68

    Growth Energy u Renewable Fuels Association iqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li huma kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    69

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li hija s-suġġett tar-rikors teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Compagnie Continentale (France) vs Il‑Kummissjoni, C‑391/96 P, EU:C:1998:194, punt 41, kif ukoll id-digrieti tal‑10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld vs Il‑Kummissjoni, C‑142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163, punt 22, u tal‑21 ta’ April 2016, Makro autoservicio mayorista u Vestel Iberia vs Il‑Kummissjoni, C‑264/15 P u C‑265/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:301, punt 45).

    70

    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li hija kkontestata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

    71

    L-istituzzjonijiet fil-fatt isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-produtturi Amerikani fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż minħabba l-fatt li volum sinjifikattiv tal-produzzjoni tagħhom tal-bijoetanol kien ġie esportat, permezz ta’ operaturi tas-suq/blenders, b’mod regolari lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, b’tali mod li l-pożizzjoni legali tagħhom fis-suq tal-Unjoni kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali minħabba l-impożizzjoni tad-dazju antidumping.

    72

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping fuq prodott ikollhom, minħabba n-natura u l-portata tagħhom, natura normattiva, peress li jkunu japplikaw b’mod ġenerali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, ma huwiex eskluż li dawn ikunu jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment uħud minnhom, b’mod partikolari, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-produtturi u l-esportaturi tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-atti li jimponu dazji antidumping huma ta’ natura li jikkonċernaw direttament u individwalment l-impriżi produttriċi u esportatriċi tal-prodott inkwistjoni li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping abbażi tal-informazzjoni dwar l-attività kummerċjali tagħhom. Dan huwa l-każ għall-impriżi produttriċi u esportatriċi li jistgħu juru li huma ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew kienu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni, 239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punti 1112, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill, 240/84, EU:C:1987:202, punt 5).

    74

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li impriża ma tistax titqies li hija direttament ikkonċernata minn regolament li jimponi dazju antidumping fid-dawl biss tal-kwalità tagħha ta’ produttriċi tal-prodott suġġett għall-imsemmi dazju, peress li, f’dan ir-rigward, il-kwalità ta’ esportatriċi hija essenzjali. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-inċidenza diretta, fir-rigward ta’ regolament li jimponi dazji antidumping, ta’ xi wħud mill-produtturi u mill-esportaturi tal-prodott inkwistjoni kienet dovuta b’mod partikolari għall-fatt li l-prattiki ta’ dumping huma imputati lilhom. Madankollu, prattika ta’ dumping ma tistax tiġi imputata lil produttur li ma jesportax il-produzzjoni tiegħu lejn is-suq tal-Unjoni, iżda li jillimita ruħu li jbigħha fis-suq nazzjonali.

    75

    Konsegwentement, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li prodott jispiċċa fis-suq tal-Unjoni, anki f’volum kunsiderevoli, ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li, ladarba dan il-prodott jiġi affettwat mill-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, il-produttur tiegħu huwa direttament affettwat fis-sitwazzjoni legali tiegħu mill-imsemmi dazju.

    76

    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 63 tar-Regolament kontenzjuż, u kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-produtturi Amerikani fil-kampjun ma kinux esportaw direttament il-produzzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-ebda prattika ta’ dumping ma ġie imputat lilhom u l-ebda marġni ta’ dumping individwali ma seta’ jiġi stabbilit fil-konfront tagħhom, kif jirriżulta mill-premessi 64 u 76 tar-Regolament kontenzjuż u kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punti 107 sa 112 tas-sentenza appellata.

    77

    Peress li l-imsemmija produtturi ma kinux esportaw direttament il-produzzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni u peress li ma ġewx, għalhekk, identifikati definittivament fir-Regolament kontenzjuż bħala esportaturi, huma la kienu direttament kkonċernati mill-konstatazzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping, u lanqas affettwati direttament għal dak li jirrigwarda l-assi tagħhom, peress li l-produzzjoni tagħhom ma kinitx suġġetta direttament għad-dazji antidumping imposti.

    78

    Huwa minnu li produtturi Amerikani tal-bijoetanol ġew identifikati fl-atti tal-istituzzjonijiet, sa fejn huma kienu ntgħażlu inizjalment mill-Kummissjoni sabiex jkunu parti mill-kampjun ta’ produtturi-esportaturi Amerikani. Madankollu, din iċ-ċirkustanza, imsemmija barra minn hekk mill-Qorti Ġenerali fil-punt 119 tas-sentenza appellata, iddedikat għall-analiżi tal-inċidenza individwali tal-produtturi Amerikani fil-kampjun, ma hijiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li dawn huma direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    79

    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huma biss l-“impriżi produttriċi u esportatriċi” tal-prodott suġġett għal dazju antidumping li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping, u li jistgħu juru li huma kienu identifikati fl-atti tal-istituzzjonijiet, li għandhom jitqiesu bħala li huma direttament ikkonċernati mir-regolament li jistabbilixxi l-imsemmi dazju.

    80

    Issa, kif diġà ġie osservat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li l-produtturi Amerikani fil-kampjun ma esportawx direttament il-produzzjoni tagħhom tal-bijoetanol lejn is-suq tal-Unjoni.

    81

    Għalkemm huwa minnu li r-Regolament kontenzjuż jista’ jpoġġi lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol f’pożizzjoni kompetittiva żvantaġġuża, din iċ-ċirkustanza, jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, ma tippermettix fiha nnifisha li jitqies li dawn il-produtturi kienu affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, u li huma kienu, għaldaqstant, direttament ikkonċernati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 37, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, il-Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et, C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616, punt 49).

    82

    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż. Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appell, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, inkwantu hija annullat ir-Regolament kontenzjuż, sa fejn dan kien jikkonċerna lil Patriot Renewable Fuels, Plymouth Energy Company, POET u Platinum Ethanol.

    Fuq l-appell inċidentali

    83

    Fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħhom, Growth Energy u Renewable Fuels Association jqajmu żewġ aggravji bbażati fuq analiżi żbaljata magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta llimitat il-portata tal-locus standi individwalment tagħhom għall-għaxar motiv tagħhom intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Huma jikkontestaw, għalhekk, il-konklużjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fit-tieni inċiż tal-punt 161 tas-sentenza appellata, l-ewwel disa’ motivi tagħhom bħala inammissibbli.

    84

    It-tieni nett, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ċaħdithom mil-locus standi f’isem il-membri l-oħra tagħhom għajr il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, jiġifieri, minn naħa, l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS u, min-naħa l-oħra, il-membri l-oħra mhux fil-kampjun. Huma jikkontestaw, għalhekk, il-konklużjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fit-tielet inċiż tal-punt 161 tas-sentenza appellata, ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn huwa intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż inkwantu jikkonċerna lill-membri tar-rikorrenti għajr il-ħames produtturi Amerikani fil-kampjun.

    85

    Il-Kunsill jitlob li ż-żewġ aggravji tal-appell inċidentali jiġu miċħuda.

    86

    Il-Kummissjoni ssostni wkoll, sussidjarjament, li ż-żewġ aggravji tal-imsemmi appell għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati, iżda tqajjem ukoll, prinċipalment, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

    Fuq l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali

    87

    Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-appell inċidentali ġie ffirmat elettronikament minn persuna li ssostni li hija membru tal-kamra tal-avukati ta’ Ateni (il-Greċja) u tal-kamra tal-avukati ta’ Brussell (il-Belġju), iżda la ċ-ċertifikat ta’ eżerċizzju tal-professjoni u lanqas il-prokura ta’ din il-persuna ma ġew prodotti, li, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, huwa biżżejjed sabiex l-appell jiġi ddikjarat inammissibbli.

    88

    Hija ssostni, fit-tieni lok, li l-appell inċidentali, ippreżentat minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, bl-istess mod kif kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli r-rikors għal annullament li huma ppreżentaw fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dawn ma kinux awtorizzati, mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, li jippreżentawh. Il-Kummissjoni tressaq b’mod iktar preċiż l-istess argumenti bħal dawk li hija invokat sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-risposta għall-appell ippreżentat minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet, miġbura fil-qosor fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza.

    89

    F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-oriġinal tal-appell inċidentali ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association ġie ffirmat debitament minn avukat, li l-istatus tiegħu ma huwiex ikkontestat u li, fi kwalunkwe każ u skont l-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ipproduċa debitament, minn naħa, id-dokument ta’ leġittimazzjoni li jiċċertifika li huwa awtorizzat jeżerċità l-professjoni tiegħu quddiem qorti ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, il-mandati maħruġa minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association.

    90

    L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

    91

    It-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda wkoll, għar-raġunijiet esposti fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    92

    L-ewwel aggravju mqajjem minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    93

    L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq il-konstatazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li r-Regolament kontenzjuż ma biddilx is-sitwazzjoni legali, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet.

    94

    Huma jqisu, qabelxejn, li regolament antidumping jista’ jaffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ individwu b’xi mod ieħor għajr is-sempliċi ħlas ta’ dazju antidumping. F’dan il-każ, ir-Regolament kontenzjuż biddel id-drittijiet u l-obbligi tagħhom peress li l-eżistenza stess tagħhom hija bbażata fuq il-mandat u l-missjoni tagħhom li jiżguraw id-difiża u r-rappreżentanza tad-drittijiet tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol f’isem il-membri tagħhom, produtturi fil-kampjun jew le.

    95

    Huma jsostnu, sussegwentement, li, bil-għan li jirrappreżentaw b’mod adegwat lill-membri tagħhom quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Għaldaqstant, regolament li jimponi dazju antidumping ikun ta’ detriment, b’mod individwali u fid-dawl tal-għan soċjali tagħha, għal assoċjazzjoni li ma setgħetx tikseb ir-riżultat mistenni mill-intervent tagħha.

    96

    Huma jsostnu, fl-aħħar nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111), għar-raġuni li l-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ma kinitx komparabbli ma’ dik ta’ negozjatur li jaġixxi formalment f’isem il-membri tiegħu bħal fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza.

    97

    Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li tgħid li huma setgħu jitqiesu li huma direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż biss għal dak li jirrigwarda l-għaxar aggravju tagħhom, intiż għall-protezzjoni tal-garanziji proċedurali li ngħatawlhom mill-Artikolu 6(7), mill-Artikolu 19(1) u (2), u mill-Artikolu 20(2), (4) u (5) tar-Regolament antidumping bażiku.

    98

    Huwa jsostnu li ż-żewġ sentenzi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, jiġifieri s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, EU:C:1983:259, punt 31), u tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 55), ma jippermettux li tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni. Minkejja li minn dawn is-sentenzi jista’ jiġi dedott li parti fil-kawża tista’ tkun individwalment ikkonċernata minn att biss “meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali”, min-naħa l-oħra, dawn ma jikkonfermawx it-teżi li din il-kwalità għandha tkun limitata għal dawk il-motivi biss li jallegaw ksur ta’ drittijiet proċedurali.

    99

    Huma jqisu li, ladarba tiġi kkonstatata l-inċidenza diretta u individwali ta’ parti fil-kawża, ir-rikors ta’ din tal-aħħar għandu jitqies li huwa ammissibbli fl-intier tiegħu. Il-partijiet ikkonċernati kollha fis-sens tar-Regolament antidumping bażiku, kemm jekk huma produtturi, esportaturi, importaturi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, igawdu l-istess drittijiet skont dan ir-regolament. Billi ċaħdithom minn “locus standi sħiħ”, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, barra minn hekk, li l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk iressqux ilment jew jekk jikkontestawx miżura li tikkawża dannu lilhom u lill-membri tagħhom.

    100

    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu ċ-ċaħda tal-ewwel aggravju, billi jsostnu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-portata tal-locus standi tal-assoċjazzjonijiet kien limitat għad-difiża tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    101

    Kif jirriżulta mill-punti 77 sa 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li kien jeħtieġ li jiġi rrikonoxxut lil Growth Energy u lil Renewable Fuels Association locus standi kontra r-Regolament kontenzjuż, iżda biss b’mod limitat, sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

    102

    B’mod iktar preċiż, hija ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li Growth Energy u Renewable Fuels Association ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, inkwantu dan kien jimponi dazji antidumping biss fuq il-prodotti tal-membri tagħhom, b’mod li huwa ma biddilx is-sitwazzjoni legali tagħhom. Madankollu, hija ddeċidiet, fit-tieni lok, fil-punti 80 sa 85 u 87 tas-sentenza appellata, li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet kellhom madankollu locus standi kontra r-Regolament kontenzjuż, fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li pparteċipaw fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, iżda biss b’mod limitat, sabiex tiġi żgurata biss is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mir-Regolament antidumping bażiku. Hija ddeċidiet, fit-tielet lok, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li huma ma setgħux jinvokaw is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 28 sa 30), peress li l-pożizzjoni tagħhom bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi skont ir-Regolament antidumping bażiku ma kinitx komparabbli ma’ dik ta’ negozjatur li jaġixxi formalment f’isem il-membri tiegħu.

    103

    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju tagħhom, li tirrigwarda l-punti 79 u 86 tas-sentenza appellata, Growth Energy u Renewable Fuels Association isostnu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali kellha tagħtihom locus standi sħiħ u komplet, sa fejn huma pparteċipaw b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva antidumping. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet, minn naħa, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li huma ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li huma ma kinux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 28 sa 30).

    104

    L-argumenti mressqa minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association ma jistgħux madankollu jirnexxu.

    105

    Fil-fatt, minn naħa, ma jistax jitqies, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva, fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament kontenzjuż biddel id-drittijiet u l-obbligi ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, minħabba s-sempliċi fatt li huma kellhom mandat u missjoni sabiex jiżguraw id-difiża u r-rappreżentanza tal-industrija Amerikana tal-bijoetanol f’isem il-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 160 sa 165 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament li s-sitwazzjoni ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association ma kienet bl-ebda mod komparabbli mas-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ negozjatur inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 28 sa 30).

    106

    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Growth Energy u Renewable Fuels Association isostnu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta llimitat il-portata tad-dritt għal azzjoni legali kontra r-Regolament kontenzjuż unikament għad-difiża tad-drittijiet proċedurali tagħhom u kkonstatat, għaldaqstant, li kien ammissibbli biss l-għaxar motiv tagħhom.

    107

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna fiżika jew ġuridika li għandha drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni ma tistax tingħata, bħala prinċipju, fil-preżenza ta’ kwalunkwe garanzija proċedurali, locus standi kontra dan l-att sabiex tikkontesta l-legalità sostantiva tiegħu. Fil-fatt, il-portata eżatta tad-dritt għal azzjoni legali ta’ individwu kontra att tal-Unjoni tiddependi mill-pożizzjoni legali stabbilita favur tiegħu mid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu protetti l-interessi leġittimi hekk irrikonoxxuti (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 13, u tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 191/82, EU:C:1983:259, punt 31, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il‑Kunsill, C‑355/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:286, punt 44).

    108

    Għaldaqstant, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 157 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li tiġi invokata l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali ma jistax iwassal għall-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan ikun ibbażat fuq motivi bbażati fuq il-ksur ta’ regoli sostantivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2009, WWF-UK vs Il‑Kunsill, C‑355/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:286, punt 47).

    109

    Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    110

    Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, Growth Energy u Renewable Fuels Association isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ċaħdithom mil-locus standi f’isem il-membri tagħhom għajr il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, jiġifieri l-ewwel nett, l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS u, it-tieni nett, il-membri l-oħra mhux fil-kampjun.

    111

    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, li d-difiża tal-interessi ta’ Murex u ta’ CHS ma setgħetx tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li dawn l-operaturi tas-suq/blenders kienu sempliċement membri “assoċjati” ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association u ma kellhomx għalhekk dritt tal-vot. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrikonoxxi l-locus standi ta’ assoċjazzjonijiet, ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-membri assoċjati u l-membri l-oħra u, għall-kuntrarju, tiddikjara b’mod ċar li huwa ammissibbli r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi f’isem wieħed jew iktar mill-membri tagħha li huma stess setgħu jippreżentaw rikors ammissibbli.

    112

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ukoll meta ddeċidiet, fil-punti 152 sa 154 tas-sentenza appellata, li l-membri l-oħra ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, mhux inklużi fil-kampjun ta’ produtturi-esportaturi, ma kinux direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, sa fejn, minn naħa, dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma kinux identifikawhom u, min-naħa l-oħra, ma kienu pproduċew ebda prova li turi li huma kienu esportaw il-bijoetanol lejn l-Unjoni u li l-prodotti tagħhom kienu suġġetti għad-dazju antidumping stabbilit minn dan ir-regolament. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li, minħabba l-fatt li jistabbilixxi dazju antidumping fuq skala nazzjonali fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti, ir-Regolament kontenzjuż għandu jitqies li jikkonċerna direttament lill-produtturi Amerikani kollha, peress li s-sitwazzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar tiġi direttament affettwata mid-dazju antidumping mill-mument meta l-prodott tagħhom jidħol fis-suq tal-Unjoni. L-esportaturi potenzjali huma bl-istess mod direttament ikkonċernati, peress li d-dazju antidumping għandu effett fuq is-siti ta’ esportazzjoni tal-prodott.

    113

    Growth Energy u Renewable Fuels Association jżidu li l-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli teżamina l-kwistjoni tal-inċidenza individwali tagħhom. Issa, huma pparteċipaw matul il-proċedura bħala rappreżentanti tal-membri kollha tagħhom, billi pproduċew provi li l-importazzjonijiet Amerikani ma kkawżaw l-ebda dannu sinjifikattiv lill-industrija tal-Unjoni Ewropea. In-natura partikolari ta’ dan il-każ tinsab fil-fatt li r-Regolament kontenzjuż ġie adottat abbażi tal-osservazzjonijiet tagħhom, li jirriflettu l-opinjoni u l-pożizzjoni tal-membri tagħhom. Jekk ma jingħatawx locus standi, il-Kunsill ikun jista’ jevita kull stħarriġ effettiv ta’ legalità. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, hija żbaljata u esaġerata.

    114

    Il-Kunsill jitlob li t-tieni aggravju tal-appell inċidentali jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala kompletament infondat fid-dritt.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    115

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata, li Growth Energy u Renewable Fuels Association ma kellhomx locus standi bħala rappreżentanti, rispettivament, tal-membri tagħhom “assoċjati” Murex u CHS. F’dan ir-rigward, hija osservat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li, bħala membru assoċjat ta’ Renewable Fuels Association, CHS kellha, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din l-assoċjazzjoni, id-dritt li tattendi għal-laqgħat tal-membri, iżda ma kellhiex id-dritt li tivvota. Hija osservat ukoll, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li, bħala membru assoċjat ta’ Growth Energy, Murex lanqas ma kellha, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din l-assoċjazzjoni, id-dritt li tivvota. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li CHS u Murex ma kellhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom matul eventwali rappreżentanza ta’ dawn tal-aħħar mill-assoċjazzjoni tagħhom.

    116

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata, li Growth Energy u Renewable Fuels Association, minn naħa, ma kienu identifikaw b’ismu l-ebda wieħed mill-membri tagħhom li seta’ kellu locus standi, ħlief għall-produtturi Amerikani fil-kampjun u l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS, u, min-naħa l-oħra, ma kienu pproduċew l-ebda prova li turi li tali membri kienu esportaw il-bijoetanol lejn l-Unjoni u għalhekk ġew suġġetti għad-dazju antidumping impost mir-Regolament kontenzjuż. Minn dan hija kkonkludiet li ma setax jitqies li l-imsemmija membri setgħu kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    117

    Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni aggravju mqajma mill-Kunsill. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, Growth Energy u Renewable Fuels Association ma jikkontestawx l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-fatti inkwistjoni, iżda biss il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, u, b’mod iktar preċiż, il-konklużjonijiet tagħha li jgħidu, minn naħa, li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma għandhomx locus standi f’isem l-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS u, min-naħa l-oħra, li l-produtturi Amerikani tal-bijoetanol mhux fil-kampjun ma humiex direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    118

    Sussegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, ibbażata fuq żball li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ma kellhomx locus standi f’isem il-membri tagħhom li ma jagħmlux parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi, għandha tiġi miċħuda.

    119

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 69 sa 82 ta’ din is-sentenza, la l-fatt li parti, għalkemm sostanzjali, tal-produzzjoni tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol tiġi esportata lejn l-Unjoni u lanqas il-fatt li dawn jistgħu jkollhom iħallsu d-dazju antidumping impost mir-Regolament kontenzjuż ma jikkostitwixxu elementi suffiċjenti sabiex jitqies li huma direttament ikkonċernati minn dan ir-regolament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    120

    Jeħtieġ, għall-kuntrarju, li tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tieni aggravju. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-difiża tal-interessi tal-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS ma setgħetx tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, sa fejn dawn ma kellhomx il-kwalità ta’ membru assoċjat ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet u, għaldaqstant, ma kellhomx dritt tal-vot fi ħdan l-imsemmija assoċjazzjonijiet.

    121

    Fil-fatt, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex tintwera l-assenza ta’ locus standi ta’ tali assoċjazzjonijiet.

    122

    Kif l-Avukat Ġenerali enfasizza, fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ta’ assoċjazzjoni li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha tiddependi, fit-tieni ipoteżi prevista mill-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tas-sentenza appellata, mil-locus standi individwali tal-impriżi li din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il‑Kummissjoni, C‑409/96 P, EU:C:1997:635, punti 4647; sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 56; tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 33, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87).

    123

    Issa, ma jistax jiġi aċċettat li l-assenza ta’ dritt tal-vot ta’ ċerti membri ta’ assoċjazzjoni, jew ta’ strument ieħor li jippermettilhom jinvokaw l-interessi tagħhom fi ħdan dan tal-aħħar, hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija assoċjazzjoni ma għandhiex l-għan li tirrappreżenta tali membri.

    124

    Barra minn hekk, tali kundizzjoni tista’, kif osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tiegħu, tkun diffiċli li tiġi evalwata, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-differenzi possibbli skont il-liġi li tirregola l-istatuti ta’ assoċjazzjoni tal-assoċjazzjoni kkonċernata.

    125

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kellhom ikunu Growth Energy u Renewable Fuels Association li juru mhux biss li l-membri tagħhom kienu direttament u individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iżda wkoll li l-membri li l-interessi tagħhom kellhom l-intenzjoni jiddefendu setgħu, barra minn hekk, jinvokaw l-interessi individwali tagħhom fi ħdan dawn l-assoċjazzjonijiet.

    126

    Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors għal annullament ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association fil-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjoni li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom u, b’mod iktar preċiż, tal-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS, mingħajr ma eżaminat jekk dawn tal-aħħar kinux direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    127

    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    128

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi hija stess dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun.

    129

    Kif jirriżulta mill-punti 69 sa 82 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-produtturi Amerikani fil-kampjun kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, peress li volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol li kienu ġew esportati lejn l-Unjoni kienu nxtraw matul il-perijodu ta’ investigazzjoni mill-operaturi tas-suq/blenders mingħandhom.

    130

    Issa, sa fejn Growth Energy u Renewable Fuels Association illimitaw ruħhom, sabiex jistabbilixxu li huma kienu direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-produtturi Amerikani fil-kampjun, li jinvokaw l-istatus ta’ dawn il-produtturi, li jistgħu jaraw is-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom sostanzjalment affettwata mill-impożizzjoni tad-dazju antidumping imposta minn dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma wrewx li dawn il-produtturi kienu direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mir-Regolament kontenzjuż.

    131

    Għaldaqstant, peress li kellhom ikunu Growth Energy u Renewable Fuels Association li jistabbilixxu li l-membri tagħhom kienu mhux biss individwalment, iżda wkoll direttament ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76, kif ukoll tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 93), jeħtieġ li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u li jiġi miċħud ir-rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż bħala li huwa, fuq dan il-punt, inammissibbli.

    Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

    132

    Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi hija stess dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association, fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-operaturi tas-suq/blenders Murex u CSH, peress li r-rikors tagħhom ġie miċħud fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli mingħajr ma hija eżaminat jekk dawn l-operaturi tas-suq/blenders kinux direttament u individwalment ikkonċernati mir-Regolament kontenzjuż.

    133

    Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association sa fejn dawn ippreżentaw dan ir-rikors fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS.

    134

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), hija annullata, ħlief sa fejn ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Growth Energy u minn Renewable Fuels Association individwalment bħala partijiet ikkonċernati fil-proċedura.

     

    2)

    Ir-rikors għal annullament ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association huwa miċħud bħala inammissibbli sa fejn huma ppreżentaw dan ir-rikors fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun.

     

    3)

    Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association sa fejn dawn ippreżentaw dan ir-rikors fil-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-operaturi tas-suq/blenders Murex u CHS.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top