EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0284
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 6 March 2018.#Slowakische Republik v Achmea BV.#Request for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Bilateral investment treaty concluded in 1991 between the Kingdom of the Netherlands and the Czech and Slovak Federative Republic and still applicable between the Kingdom of the Netherlands and the Slovak Republic — Provision enabling an investor from one Contracting Party to bring proceedings before an arbitral tribunal in the event of a dispute with the other Contracting Party — Compatibility with Articles 18, 267 and 344 TFEU — Concept of ‘court or tribunal’ — Autonomy of EU law.#Case C-284/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018.
Slowakische Republik vs Achmea BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bilaterali ta’ investiment konkluż fl‑1991 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u li għadu applikabbli bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-284/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Marzu 2018.
Slowakische Republik vs Achmea BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bilaterali ta’ investiment konkluż fl‑1991 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u li għadu applikabbli bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-284/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:158
*A9* Bundesgerichtshof, Beschluss vom 03/03/2016 (I ZB 2/15)
- Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2016 p.512-520
- Kottmann, Matthias: Investitionsschutzrecht: EuGH-Vorlage zur Wirksamkeit von Schiedsvereinbarungen in Investitionsschutzabkommen, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2016 p.519-520
- Forst, Gerrit: Vorlagen an den EuGH, Zeitschrift für europäisches Sozial- und Arbeitsrecht 2017 p.431-433
- Hoppe, Thomas: The German Federal Court of Justice Marks a Possible Way for the CJEU's Preliminary Ruling: The Compatibility of Investment Arbitration Clauses in Intra-EU Bilateral Investment Treaties with European Union Law, German Yearbook of International Law 2017 nº 59 p.615-624
*P1* Bundesgerichtshof, I. Zivilsenat, Beschluss vom 31/10/2018 (I ZB 2/15)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Marzu 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bilaterali ta’ investiment konkluż fl‑1991 bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u li għadu applikabbli bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ parti kontraenti jadixxi Tribunal Arbitrali fil-każ ta’ tilwima mal-parti kontraenti l-oħra – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑284/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura
Slowakische Republik
vs
Achmea BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ġunju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Slowakische Republik, minn M. Burgstaller, solicitor, u K. Pörnbacher, Rechtsanwalt, |
– |
għal Achmea BV, minn M. Leijten, D. Maláčová, H. Bälz u R. Willer, Rechtsanwälte, kif ukoll minn A. Marsman, advocaat, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u M. Hedvábná, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi u N. Grünberg, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, S. Papaioannou u G. Karipsiadis, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u A. Rubio González, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou u E. Zachariadou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u G. Bambāne, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Klamert, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, L. Bosek, R. Szczęch u M. Cichomska, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, bħala aġent, assistit minn R. Mangu u E. Gane, consilieri, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche, J. Baquero Cruz, L. Malferrari u F. Erlbacher, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Slowakische Republik (ir-Repubblika Slovakka) u Achmea BV dwar sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012 mogħtija mit-Tribunal Arbitrali previst mill-Ftehim fuq l-Inċentivazzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka (iktar ’il quddiem it-“TBI”). |
Il-kuntest ġuridiku
It-TBI
3 |
It-TBI, konkluż matul is-sena 1991, daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1992. Skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, il-partijiet kontraenti jobbligaw ruħhom li jiżguraw lill-investimenti tal-investituri tal-parti kontraenti l-oħra trattament ġust u xieraq kif ukoll li ma jtellfux, b’miżuri inġusti jew diskriminatorji, il-ġestjoni, l-operazzjoni, l-użu, it-tgawdija jew iċ-ċessjoni ta’ dawn l-investimenti. Skont l-Artikolu 4 tat-TBI, kull waħda mill-partijiet kontraenti għandha tiggarantixxi li l-pagamenti dwar investiment, b’mod partikolari benefiċċji, interessi u dividendi, ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti, mingħajr restrizzjoni jew dewmien mhux iġġustifikat u f’munita konvertibbli liberament. |
4 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmi ftehim jipprevedi: “1) Sa fejn possibbli, it-tilwim kollu bejn waħda mill-partijiet kontraenti u investitur tal-parti kontraenti l-oħra dwar investiment ta’ dan tal-aħħar għandu jiġi riżolt bonarjament. 2) Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, kull waħda milll-partijiet kontraenti qiegħda tagħti l-kunsens tagħha sabiex tilwima fis-sens tas-subartikolu 1 ta’ dan l-artikolu titressaq quddiem tribunal arbitrali jekk din ma tkunx ġiet riżolta bonarjament f’perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha waħda mill-partijiet għat-tilwima tkun talbet is-soluzzjoni bonarja. 3) It-tribunal arbitrali msemmi fis-subartikolu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun ikkostitwit bil-mod segwenti għal kull każ: kull parti fit-tilwima għandha taħtar arbitru u ż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom flimkien jagħżlu t-tielet arbitru, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu jkun il-president tat-Tribunal. Kull parti fit-tilwima għandha taħtar l-arbitru tagħha fi żmien xahrejn mid-data li fiha l-investitur jinnotifika lill-parti kontraenti l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu li jissottometti t-tilwima lil tribunal arbitrali, u l-president għandu jinħatar fi żmien tliet xhur minn dik l-istess data. 4) Jekk il-ħatriet ma jkunux saru fil-perijodi hawn fuq indikati, kull parti fit-tilwima tista’ titlob lill-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa. Jekk il-president ikun ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jew jekk huwa ma jkunx jista’ jeżerċita din il-funzjoni għal xi raġuni oħra, il-viċi president għandu jintalab sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa. Jekk il-viċi president ikun ċittadin ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jew ikun ukoll impossibbli għalih li jeżerċita din il-funzjoni, il-membru l-iktar anzjan tal-Istitut tal-Arbitraġġ li ma jkollux in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet kontraenti għandu jintalab sabiex jagħmel il-ħatriet meħtieġa. 5) It-tribunal arbitrali għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu skont ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL). 6) It-tribunal arbitrali għandu jiddeċiedi abbażi tad-dritt, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, imma mhux esklużivament:
7) It-tribunal għandu jiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti; id-deċiżjoni għandha tkun finali u vinkolanti fuq il-partijiet għat-tilwima.” |
Id-dritt Ġermaniż
5 |
Skont l-Artikolu 1059(2) taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), sentenza arbitrali tista’ tiġi annullata biss jekk ikun hemm waħda mir-raġunijiet ta’ annullament imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li fosthom hemm in-nullità tal-Ftehim ta’ Arbitraġġ skont il-liġi li l-partijiet issuġġettawh għaliha u n-natura kuntrarja għall-ordni pubbliku tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 |
Fl‑1 ta’ Jannar 1993, ir-Repubblika Slovakka ssuċċediet, bħala aventi kawża tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, għad-drittijiet u għall-obbligi ta’ din tal-aħħar skont it-TBI u, fl‑1 ta’ Mejju 2004, ingħaqdet mal-Unjoni Ewropea. |
7 |
Fil-kuntest ta’ riforma tas-sistema tas-saħħa tagħha, ir-Repubblika Slovakka, matul is-sena 2004, fetħet is-suq Slovakk lill-operaturi nazzjonali u lill-operaturi ta’ Stati oħrajn li joffru servizzi ta’ assigurazzjoni privata għall-mard. Achmea, impriża li tagħmel parti minn grupp ta’ assigurazzjonijiet Olandiż, wara li akkwistat l-approvazzjoni bħala organu ta’ assigurazzjoni għall-mard, stabbilixxiet sussidjarja fis-Slovakkja, li fiha investiet kapital u li permezz tagħha kienet toffri assigurazzjonijiet privati għall-mard fis-suq Slovakk. |
8 |
Matul is-sena 2006, ir-Repubblika Slovakka rrevokat parzjalment il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-assigurazzjoni privata għall-mard. B’mod partikolari, permezz ta’ liġi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, hija pprojbixxiet id-distribuzzjoni tal-benefiċċji mill-attivitajiet ta’ assigurazzjoni privata għall-mard. Sussegwentement, peress li l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2011, iddeċidiet li din il-projbizzjoni kienet kuntrarja għall-Kostituzzjoni Slovakka, ir-Repubblika Slovakka awtorizzat mill-ġdid, permezz ta’ liġi li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2011, id-distribuzzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni. |
9 |
Peress li qieset li l-miżuri leġiżlattivi tar-Repubblika Slovakka kienu kkawżawlha dannu, Achmea tat bidu, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2008, għal proċedura arbitrali kontra dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 8 tat-TBI. |
10 |
Peress li Frankfurt am Mein (il-Ġermanja) intgħażel bħala l-post tal-arbitraġġ, id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għall-proċedura arbitrali inkwistjoni. |
11 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura arbitrali, ir-Repubblika Slovakka qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitrali. F’dan ir-rigward, hija argumentat li, minħabba s-sħubija tagħha mal-Unjoni, ir-rikors għal Tribunal Arbitrali previst fl-Artikolu 8(2) tat-TBI kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Permezz ta’ sentenza arbitrali qabel tat id-deċiżjoni finali tas‑26 ta’ Ottubru 2010, it-Tribunal Arbitrali ċaħad din l-eċċezzjoni. It-talbiet għall-annullament ta’ din is-sentenza ppreżentati mir-Repubblika Slovakka quddiem il-qrati Ġermaniżi fl-ewwel istanza u fl-appell ma rnexxewx. |
12 |
Permezz ta’ sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012, it-Tribunal Arbitrali kkundanna lir-Repubblika Slovakka tħallas lil Achmea danni f’ammont prinċipali ta’ EUR 22.1 miljun. Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din is-sentenza arbitrali quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Mein, il-Ġermanja). Peress li dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, ir-Repubblika Slovakka appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja). |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Mejju 2004, it-TBI jikkostitwixxi ftehim bejn l-Istati Membri, b’mod illi, fil-każ ta’ kunflitt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprevalu, fl-oqsma li jirregolaw, fuq id-dispożizzjonijiet tat-TBI. |
14 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka esprimiet xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-klawżola arbitrali fl-Artikolu 8 tat-TBI mal-Artikoli 18, 267 u 344 TFUE. Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dawn id-dubji, madankollu hija qieset li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u peress li dawn għandhom importanza kunsiderevoli minħabba n-numru kbir ta’ trattati bilaterali ta’ investiment li għadhom fis-seħħ bejn l-Istati Membri li jinkludu klawżola arbitrali, kien meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’din il-kawża sabiex tiddeċiedi t-tilwima li hija adita biha. |
15 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-applikabbiltà nfisha tal-Artikolu 344 TFUE. Qabelxejn, mill-għan u mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, minkejja li ma jirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħha, din tal-aħħar ma tirrigwardax it-tilwim bejn individwu u Stat Membru. |
16 |
Sussegwentement, l-Artikolu 344 TFUE jirrigwarda biss it-tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li s-sentenza arbitrali tas‑7 ta’ Diċembru 2012 ittieħdet abbażi tat-TBI biss. |
17 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 344 TFUE għandu l-għan li jiggarantixxi l-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha u, fl-istess ħin, huwa manifestazzjoni speċifika tad-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dan li l-Artikolu 344 TFUE jipproteġi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe tilwima li fiha d-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi applikat jew interpretat. Fir-realtà, din id-dispożizzjoni tipproteġi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biss sa fejn l-Istati Membri għandhom jirrikorru għall-proċeduri quddiemha previsti mit-Trattati. Issa, tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi deċiża fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, it-Trattati ma jipprevedu ebda proċedura ġudizzjarja li tippermetti lil investitur, bħal Achmea, jargumenta, quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dritt għal kumpens fil-konfront ta’ Stat Membru li jagħtih Trattat bilaterali ta’ investiment bħat-TBI. |
18 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix klawżola arbitrali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
19 |
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, qabelxejn, li, fiha nfisha, il-proċedura arbitrali ma hijiex ta’ natura li tiżgura l-uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-Artikolu 267 TFUE huwa intiż li jiggarantixxi. Fil-fatt, anki jekk, skont l-Artikolu 8(6) tat-TBI, it-Tribunal Arbitrali kellu josserva d-dritt tal-Unjoni u, fil-każ ta’ kunflitt, japplikah bi prijorità, madankollu huwa ma jkollux il-possibbiltà li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, peress li ma jistax jitqies bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, sussegwentement, li l-unità ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ madankollu titqies li hija żgurata f’dan il-każ sa fejn, qabel l-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali, qorti statali tista’ tintalab tistħarreġ il-kompatibbiltà tas-sentenza arbitrali mad-dritt tal-Unjoni u tista’, fil-każ ta’ bżonn, tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, skont il-punt 2(b) tal-Artikolu 1059(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, in-natura kuntrarja għall-ordni pubbliku tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali tagħmel parti mir-raġunijiet ta’ annullament ta’ tali sentenza. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ deċiżjonijiet arbitrali li jiddeċiedu tilwim bejn individwi, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati nazzjonali fuq sentenza arbitrali li tirrigwarda tilwima bejn individwu u Stat Membru tista’ validament tiġi limitata għall-ksur tad-dispożizzjonijiet fundamentali biss tad-dritt tal-Unjoni. Din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha bħala effett li klawżola arbitrali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun kuntrarja għall-Artikolu 267 TFUE. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju żżid, fl-aħħar nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-istabbiliment, ’il barra mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni, ta’ qorti speċjali responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni peress li ma jimminax l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimietx riżervi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ sistema ġudizzjarja li kienet intiża, essenzjalment, li ssolvi tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet infushom tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni u ma kinitx taffettwa l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas il-fakultà, jew l-obbligu, għal dawn tal-aħħar li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari. Issa, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preċiżament imsejjaħ sabiex jagħti deċiżjoni fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-TBI, li huwa jkollu jinterpreta fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital. |
22 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, kuntrarjament għall-investituri Olandiżi jew Slovakki, l-investituri tal-Istati Membri minbarra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Slovakka ma għandhomx il-possibbiltà li jadixxu Tribunal Arbitrali minflok qorti statali, fatt li jikkostitwixxi żvantaġġ kunsiderevoli li jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 18 TFUE. Madankollu, il-limitazzjoni, permezz ta’ ftehim bilaterali intern għall-Unjoni, tal-benefiċċju ta’ vantaġġ liċ-ċittadini tal-Istati Membri kontraenti hija diskriminatorja biss jekk iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn li ma jgawdux minn dan il-vantaġġ ikunu jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli. Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-fatt li d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi japplikaw biss għaċ-ċittadini ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri kontraenti huwa konsegwenza inerenti għall-konvenzjonijiet bilaterali konklużi bejniethom. |
23 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
24 |
Wara li nqraw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fid‑19 ta’ Settembru 2017, il-Gvern Ċek, Ungeriż u Pollakk, permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑3 ta’ Novembru, fid‑19 u fis‑16 ta’ Ottubru 2017 rispettivament, talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
25 |
Insostenn tat-talbiet tagħhom, l-imsemmija Gvernijiet jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. |
26 |
Għandu madankollu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 30). |
27 |
Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha huwa jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu x’ikunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Dan ingħad, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, f’dan il-każ, peress li t-talbiet huma limitati li juru n-nuqqas ta’ qbil tal-Gvern Ċek, Ungeriż u Pollakk mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u ma jagħmlu ebda argument ġdid li abbażi tiegħu din il-kawża tista’ tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-punti neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni u li dawn ġew ittrattati bejn il-persuni kkonċernati. |
30 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
31 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tat-TBI, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu. |
32 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika s-sistema ta’ kompetenzi stabbilita permezz tat-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħha. Dan il-prinċipju huwa b’mod partikolari rifless fl-Artikolu 344 TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, fil-konfront kemm tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, hija ġġustifikata minħabba karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u d-dritt tagħha, dwar, b’mod partikolari, l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll in-natura nfisha tal-imsemmi dritt. Id-dritt tal-Unjoni huwa fil-fatt ikkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Dawn il-karatteristiċi taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 165 sa 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata]. |
34 |
Id-dritt tal-Unjoni huwa għaldaqstant ibbażat fuq il-premessa fundamentali li tipprovdi li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħrajn kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom. Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jieħdu, għal dan l-għan, kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 168 u 173 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata]. |
35 |
Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 174]. |
36 |
F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 19 TUE, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja huma responsabbli sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 68, u 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 175 kif ukoll is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 33]. |
37 |
B’mod partikolari, l-element ċentrali ta’ din is-sistema ġudizzjarja huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati [Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
38 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari. |
39 |
Għal dan l-għan, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk it-tilwim li t-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI huwa mitlub jiddeċiedi jistax ikun dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
40 |
F’dan ir-rigward, anki jekk wieħed jassumi li, bħalma tippretendi b’mod partikolari Achmea, dan it-Tribunal, minkejja l-formulazzjoni wiesgħa ħafna tal-Artikolu 8(1) tat-TBI, ikun imsejjaħ jagħti deċiżjoni biss fuq ksur eventwali ta’ dan il-ftehim, xorta jibqa’ l-fatt li, għal dan l-għan, huwa għandu, konformement mal-Artikolu 8(6) tat-TBI, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tad-dritt fis-seħħ tal-parti kontraenti kkonċernata kif ukoll ta’ kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-partijiet kontraenti. |
41 |
Issa, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għandu jitqies fl-istess ħin kemm li jagħmel parti mid-dritt fis-seħħ f’kull Stat Membru kif ukoll li jirriżulta minn ftehim internazzjonali bejn l-Istati Membri. |
42 |
Minn dan isegwi li, fuq din il-bażi doppja, it-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI huwa, skont il-każ, mitlub jinterpreta, saħansitra anki japplika, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. |
43 |
Għandu, għaldaqstant, jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk tribunal arbitrali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jekk jistax jitqies bħala qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-fatt li tribunal stabbilit minn Stati Membri jinsab fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni għandu l-effett li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu suġġetti għal mekkaniżmi ta’ natura li jiżguraw l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/09, (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
44 |
F’dan ir-rigward, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet in-natura ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” tal-qorti inkwistjoni mill-fatt li din, fit-totalità tagħha, kienet element tas-sistema ta’ soluzzjoni ġudizzjarja ta’ tilwim fil-qasam fiskali previst mill-Kostituzzjoni Portugiża nfisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punti 25 u 26). |
45 |
Issa, fil-kawża prinċipali, it-Tribunal Arbitrali ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u fis-Slovakkja. Hija barra minn hekk preċiżament in-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni ta’ dan it-Tribunal, meta mqabbla ma’ dik tal-qrati ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, li tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet prinċipali tal-Artikolu 8 tat-TBI. |
46 |
Din il-karatteristika tat-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika li dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal “ta xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
47 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hemm ebda raġuni valida li tiġġustifika li qorti komuni għal diversi Stati Membri, bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, ma tkunx tista’ tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bħall-qrati fi ħdan kull wieħed minn dawn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 21, u tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 40). |
48 |
Madankollu, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex tali qorti komuni għal diversi Stati Membri, paragunabbli mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux. Fil-fatt, filwaqt li, minn naħa, din tal-aħħar hija responsabbli biex tiżgura konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli legali komuni għat-tliet pajjiżi tal-Benelux u li, min-naħa l-oħra, il-proċedura quddiemha hija kwistjoni fi proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li wara l-eżitu tagħha tiġi stabbilita interpretazzjoni finali ta’ regoli legali komuni fil-Benelux, it-Tribunal Arbitrali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux tali rabtiet mas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 41). |
49 |
Minn dan isegwi li tribunal, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI, ma jistax jitqies bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari. |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat ukoll, fit-tielet lok, jekk is-sentenza arbitrali mogħtija minn tali tribunal hijiex, konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 19 TUE, suġġetta għall-istħarriġ ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiżgura li l-kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni li dan it-tribunal jista’ jintalab jittratta jkunu jistgħu, eventwalment, jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. |
51 |
Għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(7) tat-TBI, id-deċiżjoni tat-Tribunal Arbitrali previst f’dan l-artikolu hija finali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(5) tat-TBI, dan it-Tribunal Arbitrali jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu konformement mar-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-UNCITRAL u, b’mod partikolari, jagħżel huwa stess is-sede tiegħu u, konsegwentement, id-dritt applikabbli għall-proċedura li tirregola l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità tas-sentenza li permezz tagħha jiddeċiedi t-tilwima miġjuba quddiemu. |
52 |
F’dan il-każ, it-Tribunal Arbitrali adit minn Achmea għażel bħala sede Frankfurt am Main, li għamel id-dritt Ġermaniż applikabbli għall-proċedura li tirregola l-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità tas-sentenza arbitrali mogħtija minn dan it-tribunal fis‑7 ta’ Diċembru 2012. Hija għaldaqstant din l-għażla li tat lir-Repubblika Slovakka, bħala parti għat-tilwima, il-possibbiltà li titlob, konformement ma’ dan id-dritt, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-sentenza arbitrali, billi adixxiet, għal dan l-għan, il-qorti Ġermaniża kompetenti. |
53 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jiġi eżerċitat mill-imsemmija qorti biss sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettih. Barra minn hekk, l-Artikolu 1059(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi biss stħarriġ limitat li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-validità, fid-dawl tal-liġi applikabbli, tal-ftehim ta’ arbitraġġ jew l-osservanza tal-ordni pubbliku bir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza arbitrali. |
54 |
Ċertament, f’dak li jirrigwarda l-arbitraġġ kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti relatati mal-effikaċja tal-proċedura arbitrali jiġġustifikaw li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet arbitrali eżerċitat mill-qrati tal-Istati Membri jkollu natura limitata, sakemm id-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 35, 36 u 40, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 34 sa 39). |
55 |
Madankollu, proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI, hija distinta minn proċedura ta’ arbitraġġ kummerċjali. Fil-fatt, filwaqt li din il-proċedura tal-aħħar issib l-oriġini tagħha fl-awtonomija tal-volontà tal-partijiet inkwistjoni, il-proċedura tal-ewwel tirriżulta minn trattat, li permezz tiegħu l-Istati Membri qablu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess u, għaldaqstant, mas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuqhom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34), tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-punt preċedenti, dwar l-arbitraġġ kummerċjali, ma jistgħux jiġu trasposti għal proċedura ta’ arbitraġġ, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI. |
56 |
Konsegwentement, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tat-Tribunal Arbitrali msemmija fl-Artikolu 8 tat-TBI u mfakkra fil-punti 39 sa 55 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, bil-konklużjoni tat-TBI, l-Istati Membri li huma parti għalih stabbilixxew mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim bejn investitur u Stat Membru li jista’ jeskludi l-possibbiltà li dan it-tilwim, minkejja li jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ikun riżolt b’mod li jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa ta’ dan id-dritt. |
57 |
Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali, li jipprevedi l-ħolqien ta’ qorti inkarigata bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li d-deċiżjonijiet tagħha jorbtu l-istituzzjonijiet, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt tali ftehim, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom, kemm-il darba l-awtonomija tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha jkunu osservati [ara, f’dan is-sens, Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE ‑ I), tal‑14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punti 40 u 70; 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punti 74 u 76, kif ukoll 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 182 u 183]. |
58 |
Madankollu, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li t-tilwim li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitrali msemmi fl-Artikolu 8 tat-TBI jista’ jirrigwarda l-interpretazzjoni kemm ta’ dan il-ftehim kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li dan it-tilwim jiġi suġġett għal organu li ma jikkostitwixxix element tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija prevista minn ftehim li ma ġiex konkluż mill-Unjoni, iżda minn Stati Membri. Issa, l-imsemmi Artikolu 8 huwa ta’ natura li jimmina, minbarra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-preżervazzjoni tan-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati, żgurat mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. |
59 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 8 tat-TBI jimmina l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. |
60 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tat-TBI, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem Tribunal Arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu. |
Fuq it-tielet domanda
61 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Istati Membri, bħall-Artikolu 8 tal-Ftehim fuq l-Inċentivazzjoni u l-Protezzjoni Reċiproċi tal-Investimenti bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka, skont liema investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem Tribunal Arbitrali, li dan l-Istat Membru huwa obbligat jaċċetta l-kompetenza tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.