Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0316

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2017.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:797

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2017 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑316/16 u C‑424/16

    B

    vs

    Land Baden-Württemberg

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (qorti amministrattiva superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja)]

    u

    Secretary of State for the Home Department

    vs

    Franco Vomero

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni – Protezzjoni minn tkeċċija – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija – Ċittadin tal-Unjoni li ma għandu l-ebda rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu – Interruzzjoni tal-kontinwità tar-residenza minn perijodu ta’ priġunerija – Reat imwettaq wara perijodu ta’ residenza ta’ 20 sena – Kunċett ta’ ‘mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija’”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑316/16 tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn B, imwieled fil-Greċja fl-1989 u li jgħix fil-Ġermanja flimkien ma’ ommu sa mis-sena 1993, u l-Land Baden-Württemberg (il‑Land ta’ Baden-Württemberg, il‑Ġermanja). Fl-2009, B wettaq reat li għalih ġie kkundannat. It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑424/16 toriġina minn tilwima bejn is-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Affarijiet Interni, ir-Renju Unit) u Franco Vomero, ċittadin Taljan, li ilu jgħix mis-sena 1985 fir-Renju Unit u li, fl-2001, wettaq omiċidju.

    2.

    Huwa f’dawn il-kuntesti fattwali li l-partijiet ikkonċernati – wara l-perijodi ta’ priġunerija tagħhom – ingħataw miżuri ta’ tkeċċija wara l-kundanni kriminali mogħtija għar-reati msemmija iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju jesprimu dubji serji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ), li jgħid li l-persuni li rrisjedew fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul l-“għaxar snin preċedenti” jibbenefikaw mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija. Dawn it-talbiet għal rinviju għal deċiżjoni preliminari jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina l-espressjoni li tinsab fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li tarrikkixxi l-ġurisprudenza reċenti tagħha li tikkonċerna d-dispożizzjoni kkonċernata.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, “[i]ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur” jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw partikolarment li ċittadin tal-Unjoni ma jsirx piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza tiegħu.

    4.

    L‑Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 jinsab fil-Kapitolu IV, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, u jipprovdi:

    “1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

    […]

    3.   Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

    4.   Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

    5.

    Il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika” jipprovdi, fl-Artikoli 27 u 28 tiegħu:

    “Artikolu 27

    Prinċipji ġenerali

    1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

    2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

    […]

    Artikolu 28

    Protezzjoni minn tkeċċija

    1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

    2.   L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

    3.   Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

    (a)

    għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

    (b)

    huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

    B.   Id-dritt Ġermaniż

    6.

    L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 ġie ttraspost fid-dritt Ġermaniż mill-Artikolu 6 tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern – FreizügG/EU (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni) tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl 2004 I, p. 1950). Skont dan l-artikolu fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit-28 ta’ Awwissu 2007:

    “(1)   […] it-telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat biss, wara li jiġi rrevokat iċ-ċertifikat ta’ dritt ta’ residenza permanenti u wara li jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika (Artikoli 45(3) u 52(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Id-dħul fit-territorju jista’ wkoll jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel sentenza. […]

    (2)   Kundanna kriminali ma tistax, waħedha, tiġġustifika d-deċiżjonijiet jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huma biss il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u unikament sa fejn iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Għandha għalhekk tkun theddida effettiva u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

    (3)   Għall-finijiet li tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 1, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-Ġermanja, l-età tagħha, il-kundizzjoni ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fil-Ġermanja u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

    (4)   Wara li jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ ssir biss għal raġunijiet serji.

    (5)   F’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li rrrisjedew fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, il-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għall-minuri meta t-telf tad-dritt tar-residenza huwa meħtieġ fl-interess tal-wild. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew diversi reati mwettqa intenzjonalment għal priġunerija jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun inkwistjoni s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.”

    C.   Id-dritt tar-Renju Unit

    7.

    L-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38 ġew ittrasposti fis-sistema ġuridika tar-Renju Unit mill-Artikolu 21 tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) (SI 2006/1003)).

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali

    A.   Il-Kawża C‑316/16, B

    8.

    B twieled fil-Greċja fl-1989. Fl-1993, fl-età ta’ 3 snin, wara s-separazzjoni tal-ġenituri tiegħu, B wasal fil-Ġermanja flimkien ma’ ommu li ilha taħdem f’dan l-Istat Membru minn meta waslu, u li ma għandhiex biss nazzjonalità Griega iżda wkoll dik Ġermaniża.

    9.

    Fl-età ta’ 8 snin, kontra r-rieda ta’ ommu, B ittieħed il-Greċja minn missieru għal xahrejn. Ir-ritorn tiegħu fil-Ġermanja seħħ biss wara l-intervent mill-awtoritajiet Griegi.

    10.

    Ħlief għal dan l-episodju u xi perijodi qosra ta’ vaganzi, B rrisjeda mingħajr interruzzjoni fil-Ġermanja sa mis-sena 1993. L-istess jgħodd għal ommu u għall-membri l-oħra tal-familja tiegħu, inklużi n-nanniet tiegħu li ilhom jgħixu fil-Ġermanja mis-sena 1989 u z-zija tiegħu.

    11.

    B mar il-kindergarten, l-iskola u kiseb id-diploma li tiċċertifika t-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja (Hauptschulabschluss). Għalkemm jaf sew il-lingwa Ġermaniża, il-ħiliet lingwistiċi tiegħu fil-Grieg huma limitati għal frażijiet bażiċi orali.

    12.

    Fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li B ibati minn personalità antisoċjali kif ukoll ilu jbati minn tfulitu mis-sindromu ta’ nuqqas ta’ attenzjoni u iperattività (ADHD). Minħabba dan, huwa segwa diversi drabi trattament terapewtiku u dejjem jieħu prodotti mediċinali.

    13.

    Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Novembru 2012 adottat mill-Amtsgericht Pforzheim (Il-Qorti Distrettwali ta’ Pforzheim, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ssemplifikati, B ingħata piena ta’ multa kuljum għal 90 ġurnata, sa massimu ta’ madwar EUR 3000, għal approprjazzjoni bla jedd, estorsjoni, attentat ta’ rikatt u pussess intenzjonali mhux awtorizzat ta’ arma pprojbita.

    14.

    Fl-10 ta’ April 2013, B attakka sala tal-logħob diġitali, armat b’pistola bil-balal tal-lastku, partikolarment sabiex jikseb il-flus meħtieġa biex iħallas din il-multa.

    15.

    Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2013, il-Landgericht Karlsruhe (qorti reġjonali ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) ikkundannat lil B għal ħames snin u tmien xhur priġunerija għal estorsjoni assimilata mas-serq flimkien ma’ vjolenza b’ċirkustanzi aggravanti, flimkien mal-ġarr intenzjonali mhux awtorizzat ta’ arma tan-nar u l-pussess intenzjonali mhux awtorizzat ta’ munizzjon. Din is-sentenza saret res judicata fl-1 ta’ Mejju 2014.

    16.

    Mit-12 ta’ April 2013, B ġie ddetenut, minbarra l-perijodu mill-15 ta’ Mejju 2013 sat-12 ta’ Awwissu 2013 li fih il-piena tiegħu ġiet eżegwita fil-forma ta’ multa kuljum.

    17.

    B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2014, id-dipartiment tal-barranin kompetenti ddikjara li B tilef id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet biex jiġi kkonstatat it-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 6(5) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, tat-30 ta’ Lulju 2004, flimkien mal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ġew issodisfatti. Fl-istess ħin, B kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għal perijodu ta’ seba’ snin mill-mument li jitlaq mill-Ġermanja.

    18.

    B ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2014 quddiem il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (qorti amministrattiva ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), li annullat id-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Settembru 2015.

    19.

    Il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (qorti amministrattiva superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), ġiet adita bl-appell ippreżentat kontra dan id-digriet mil-Land ta’ Baden-Württemberg. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Land ta’ Baden-Württemberg jiffavorixxi l-argument li l-konstatazzjoni tat-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza hija legali, filwaqt li B isostni li r-reat li wettaq ma kienx jikkostitwixxi “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, u li, minħabba li rrisjeda fil-Ġermanja mill-età ta’ 3 snin u ma għandu l-ebda rabta mal-Greċja, huwa jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista f’din id-dispożizzjoni.

    20.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra min-naħa tagħha li, fil-każ inkwistjoni, l-att imwettaq minn B ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni imperattiva ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, minn naħa, jekk B kien ibbenefika mill-protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, huwa ma jistax jitkeċċa mit-territorju. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li din il-protezzjoni tingħata lil B minħabba li ilu ddetenut, bħala prinċipju, mit-12 ta’ April 2013.

    B.   Il-Kawża C‑424/16, Vomero

    21.

    F. Vomero, konvenut fil-kawża prinċipali, huwa ċittadin Taljan li twieled fl-1957 u li mar jgħix fir-Renju Unit fit-3 ta’ Marzu 1985 mal-mara tiegħu, li hija ta’ nazzjonalità Brittanika. Il-koppja żżewġet ftit xhur wara d-dħul tiegħu fit-territorju tar-Renju Unit fejn F. Vomero kien jaħdem kultant u kien jieħu ħsieb il-ħamest itfal tagħhom.

    22.

    Fl-1998, il-koppja sseparat, F. Vomero telaq mid-dar taż-żwieġ u sussegwentement mar jgħix ma’ Edward Mitchell.

    23.

    Fl-1 ta’ Marzu 2001, F. Vomero qatel lil E. Mitchell. Fl-2002, ġie kkundannat għal tmien snin priġunerija għal omiċidju. Huwa nħeles fix-xahar ta’ Lulju 2006.

    24.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2007, ikkonfermata fis-17 ta’ Mejju 2007, il-Ministru tal-Affarijiet Interni ddeċieda li jkeċċi lil F. Vomero, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea). Fid-dawl tat-tkeċċija tiegħu, dan ġie miżmum sax-xahar ta’ Diċembru 2007.

    25.

    Qabel ma l-kawża prinċipali tressqet quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit), il-kawża nstemgħet mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [il-Qorti Superjuri (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit] u l-Court of Appeal (Il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit). Il-proċeduri ġew sospiżi darbtejn sakemm stenniet li jingħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9). Fil-frattemp, F. Vomero wettaq reati oħra li għalihom ġie kkundannat.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li F. Vomero ma kisibx id-dritt ta’ residenza permanenti qabel ma kien is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija. Madankollu, din il-qorti tosserva li F. Vomero rrisjeda fit-territorju tar-Renju Unit mit-3 ta’ Marzu 1985, li jippermetti li jiġi preżunt li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti “għall-għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jekk dan huwa l-każ, F. Vomero ma jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, sakemm din tal-aħħar ma tkunx ibbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

    IV. Il-proċeduri u d-domandi preliminari magħmula

    27.

    F’dawn il-kuntesti, il-qrati tar-rinviju għamlu d-domandi preliminari tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żewġ kawżi kkonċernati.

    28.

    Fil-Kawża C‑316/16, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Huwa eskluż a priori li l-kundanna u sussegwentement l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jistgħu jwasslu għall-ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fl-età ta’ 3 snin, bil-konsegwenza li l-kundizzjoni tar-residenza mhux interrotta ta’ għaxar snin, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tkunx issodisfatta u li, għalhekk, ma jkunx hemm lok li tingħata protezzjoni minn tkeċċija skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni, wara li jkun daħal fit-territorju fl-età ta’ 3 snin u jkun għadda ħajtu kollha fl-Istat Membru ospitanti inkwistjoni, ma jkollux iktar rabtiet mal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, u meta r-reat li wassal għall-kundanna tiegħu u għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jkun twettaq wara residenza ta’ 20 sena?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija twassalx għal ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni, għandu wieħed ma jiħux inkunsiderazzjoni l-piena ta’ priġunerija imposta għar-reat li jikkostitwixxi r-raġuni tat-tkeċċija?

    3)

    Fil-każ ta’ risposti negattivi għall-ewwel u għat-tieni domandi: Skont liema kriterji għandu wieħed jevalwa jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jistax xorta waħda, f’tali każ, jibbenefika mill-protezzjoni minn tkeċċija skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38?

    4)

    Fil-każ ta’ risposti negattivi għall-ewwel u għat-tieni domandi: hemm dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-istabbiliment tal-“mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija” u li fih ikun hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, sabiex jiġi vverifikat sa fejn in-natura mhux kontinwa tar-residenza matul l-għaxar snin li ppreċedew it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tipprekludi lil din tal-aħħar milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija?”

    29.

    Fil-Kawża C‑424/16, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tiddependi mill-pussess ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 u l-Artikolu 28(2) [tad-Direttiva 2004/38]?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, qegħdin isiru wkoll id-domandi segwenti: Il-perijodu ta’ residenza għall-‘għaxar snin preċedenti’, li jirreferi għalih l-Artikolu 28(3)(a) [tad-Direttiva 2004/38]:

    a)

    huwa sempliċi perijodu skont il-kalendarju li jibda jgħodd mid-data rilevanti (f’dan il-każ, id-data tad-deċiżjoni tat-tkeċċija), inklużi l-perijodi ta’ assenzja jew ta’ [priġunerija], jew

    b)

    perijodu potenzjalment mhux kontinwu li jibda jgħodd mid-data rilevanti u billi jiżdied/u l-perijodu/i fejn il-persuna kkonċernata ma kinitx assenti jew fil-ħabs, sakemm jintlaħaq, jekk ikun possibbli, total ta’ għaxar snin preċedenti ta’ residenza?

    3)

    Liema hija r-relazzjoni reali bejn il-kriterju ta’ għaxar snin residenza li jirreferi għalih l-Artikolu 28(3)(a) [tad-Direttiva 2004/38] u l-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni?”

    30.

    B, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C‑316/16. F. Vomero, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Gvern Daniż, il‑Gvern Irlandiż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fil-Kawża C‑424/16. Iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali. Il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, minbarra l-Gvern Grieg u l-Gvern Olandiż, kienu preżenti wkoll waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li seħħet fis-17 ta’ Lulju 2017.

    V. Analiżi

    A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑424/16: il-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tiddependi mid-dritt ta’ residenza permanenti?

    1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

    31.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑424/16, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk ċittadin tal-Unjoni, qabel ma jibbenefika mill-protezzjoni minn tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, għandux neċessarjament ikun kiseb dritt ta’ residenza permanenti skont il-modalitajiet deskritti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li jiżgura, min-naħa tiegħu, il-protezzjoni minn tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(2) tal-imsemmija direttiva.

    32.

    Ninnota li din id-domanda ssir biss fil-Kawża C‑424/16, fejn il-qorti tar-rinviju indikat li F. Vomero ma kisibx id-dritt ta’ residenza permanenti, li din il-qorti teħtieġ li tivverifika qabel ma tadotta d-deċiżjoni finali tagħha fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li F. Vomero kien impriġunat bejn is-sena 2001 u s-sena 2006, kif ukoll fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, partikolarment fis-sentenzi Dias ( 3 ) u Onuekwere ( 4 ).

    33.

    Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati terzi li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ preżenza fis-suq tax-xogħol fi Stat Membru, jiġifieri dawk li jibbażaw id-drittijiet tagħhom fuq id-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-dritt ta’ residenza tagħhom, bħala korollarju tad-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, ma huwiex affettwat minħabba l-priġunerija ( 5 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din il-pożizzjoni billi għamlet riferiment għall-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, li ma tippermettix li jiġi limitat id-dritt ta’ residenza ħlief fil-każ ta’ assenza jew minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika ( 6 ). Madankollu, fis-sentenza Dias ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dispożizzjoni simili tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-Artikolu 16(4) tagħha, tista’ tiġi applikata b’analoġija mal-perijodi li ppreċedew dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/38 li ma jikkostitwixxux residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva ( 8 ). Issa, minn naħa, fis-sentenza Dias ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-għan fuq kollox li tirrimedja lakuna tad-Direttiva 2004/38 u sitwazzjoni li setgħet isseħħ biss qabel din id-direttiva ( 10 ). Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tikkonċerna l-effett tal-priġunerija fuq il-pussess tad-drittijiet miksuba wara ftit snin ta’ preżenza fis-suq tax-xogħol, filwaqt li s-sentenza Onuekwere ( 11 ) tikkonċerna l-istadju tal-kisba ta’ dritt. Għalhekk, il-motivazzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Onuekwere ( 12 ), li tgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti jmur kontra l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2004/38, ma tistax tiġi ttrasposta għall-każ tat-telf ta’ dan id-dritt minħabba li, jekk ikun il-każ, dan huwa ċittadin tal-Unjoni li jidderiva konsegwenzi favorevoli mhux direttament mill-perijodi ta’ priġunerija, iżda mill-perijodi ta’ residenza preċedenti fit-territorju tal-Istat Membru.

    34.

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tiddependix mill-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti, żewġ pożizzjonijiet distinti ġew ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, billi l-membri tagħha ma laħqux l-unanimità dwar l-ewwel domanda preliminiari. Dan in-nuqqas ta’ qbil jikkaratterizza wkoll il-pożizzjonijiet tal-partijiet.

    35.

    Skont l-ewwel waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, sostnuta essenzjalment mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Grieg, mill-Gvern Olandiż u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, il-protezzjoni minn tkeċċija tingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni fi stadji progressivi. Għalhekk, il-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva tiddependi mill-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti – flimkien mal-benefiċċji li jirriżultaw mill-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38.

    36.

    It-tieni pożizzjoni, ippreferuta minn F. Vomero u mill-Gvern Daniż, hija bbażata fuq l-idea li l-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni minn tkeċċija. Għalhekk, ċittadin tal-Unjoni ma għandux neċessarjament jibbenefika mill-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex tiġi invokata l-protezzjoni minn tkeċċija fuq il-bażi tal-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva.

    2. Fuq in-natura gradwali tal-livelli ta’ protezzjoni minn tkeċċija fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38

    37.

    Il-pożizzjoni li tgħid li l-protezzjoni msaħħa prevista fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tiddependi mill-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti taqa’ taħt l-idea iktar ġenerali ta’ sistema ta’ protezzjoni ta’ natura progressiva.

    38.

    Id-Direttiva 2004/38 tadotta din il-loġika b’mod partikolari fir-rigward tal-gravità tat-theddida għas-sigurtà pubblika, li tiġġustifika restrizzjonijiet għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

    39.

    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, ċittadin tal-Unjoni ma jistax, bħala prinċipju, jitkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ħlief minħabba “politika pubblika jew sigurtà pubblika”. Sussegwentement, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, ċittadin tal-Unjoni, li għandu dritt ta’ residenza permanenti, ma jistax jitkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ħlief minħabba “raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ma tistax tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti, ħlief meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li dan l-aħħar kunċett huwa ħafna iktar strett minn dak ta’ “raġunijiet serji”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ( 13 ).

    40.

    Isegwi li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jiżgura livell ta’ protezzjoni minn tkeċċija ogħla minn dak previst fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, li, min-naħa tiegħu, jipprovdi livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak previst fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva.

    3. Il-livelli ta’ protezzjoni minn tkeċċija huma proporzjonali mal-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti?

    41.

    Kif spjegajt qabel, il-livell ta’ protezzjoni minn tkeċċija għandu natura progressiva fis-sistema prevista mid-Direttiva 2004/38. Madankollu, fil-Kawża C‑424/16, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx domandi dwar il-livell gradwali ta’ protezzjoni minn tkeċċija, iżda minflok tipprova ssir taf jekk il-kundizzjonijiet previsti għall-benefiċċju minn kull livell ta’ din il-protezzjoni humiex organizzati f’sekwenza.

    42.

    Il-livell ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi element prinċipali tas-sistema ta’ protezzjoni minn tkeċċija prevista fid-Direttiva 2004/38, minħabba li l-livell ta’ din il-protezzjoni huwa proporzjonali mal-intensità tal-integrazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-eżistenza ta’ tali relazzjoni hija indikata fil-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38, li tgħid li għandha tiġi limitata l-portata tal-miżuri ta’ tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġu kkunsidrati diversi elementi fattwali, inkluż il-“grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati”. Il-premessa 24 tad-direttiva tikkonferma dan l-approċċ billi tispeċifika li “aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija”.

    43.

    Barra minn hekk, il-leġiżlatur iddeċieda li jintroduċi, fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, kriterji li jippermettu li jiġi evalwat il-grad ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti skont it-tul tar-residenza fit-territorju tiegħu. Ir-residenza msejħa “legali” ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tippermetti li jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti flimkien mal-protezzjoni minn kull deċiżjoni ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li, skont l-Artikolu 28(3) tad-direttiva, ir-residenza “għall-għaxar snin preċedenti” tagħti protezzjoni ogħla.

    44.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi li, bħala prinċipju, il-kontinwità tar-residenza qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti ma għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux total ta’ sitt xhur f’sena, jew minn assenzi itwal meta dawn ikunu ġġustifikati mir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 jindika li d-dritt ta’ residenza permanenti jintilef biss permezz ta’ assenzi mill-Istat Membru ospitanti għal tul itwal minn sentejn konsekuttivi.

    45.

    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-kisba u tat-telf ta’ dritt ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 ma jistgħux jiġu ttrasposti mingħajr distinzjoni għall-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

    46.

    Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li perijodu ta’ priġunerija jinterrompi l-kontinwità tar-residenza legali li hija neċessarja sabiex jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 ( 14 ), filwaqt li, fir-rigward tar-residenza għal għaxar snin imsemmija fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, skont is-sentenza G. ( 15 ), tali perijodu ta’ ċaħda ta’ libertà jista’ jinterrompi l-kontinwità tar-residenza biss “bħala prinċipju” ( 16 ).

    47.

    Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Tsakouridis ( 17 ), saru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li jiġu applikati b’analoġija l-kundizzjonijiet rigward it-telf tad-dritt ta’ residenza, previsti fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38, sabiex jiġi evalwat sa fejn l-assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti jimpedixxu l-kisba tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li hija kontra dan l-approċċ billi indikat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jwettqu evalwazzjoni globali sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jkunu ġew minsuġa preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti ( 18 ).

    48.

    Il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq hija riflessa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li ppreżentat ipoteżijiet ta’ sitwazzjonijiet fejn individwu preżenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul għaxar snin ma kienx kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti. L-ewwel ipoteżi prevista mill-Kummissjoni, li tirrifletti r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tsakouridis ( 19 ), tikkonċerna persuna li rrisjediet legalment fl-Istat Membru ospitanti matul mill-inqas għaxar snin, fejn din tal-aħħar kienet ħadmet matul erba’ snin fl-Istat Membru ospitanti u wara rritornat fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha għal seba’ xhur, biex wara reġgħet marret taħdem għal tliet snin fl-Istat Membru ospitanti; wara ritorn ieħor fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, hija marret lura fl-Istat Membru ospitanti fejn kompliet b’xogħolha. It-tieni sitwazzjoni prevista mill-Kummissjoni tirrifletti s-sentenza G. ( 20 ) u tikkonċerna persuna li rrisjediet fl-Istat Membru ospitanti għal mill-inqas għaxar snin u kienet ħadmet fih matul dan il-perijodu kollu, filwaqt li din ir-residenza kienet interrotta minn perijodi qosra ta’ priġunerija.

    49.

    Madankollu, nirrileva li fis-sentenzi Tsakouridis u G., il-partijiet ikkonċernati ma kinux tilfu d-dritt ta’ residenza permanenti tagħhom ( 21 ). Għalhekk, meta rrispondiet għad-domandi preliminari f’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-premessa li l-benefiċċju tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38 ma kienx ikkontestat.

    50.

    Barra minn hekk, fis-sentenza Tsakouridis ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma sostnietx espliċitament li l-perijodi ta’ assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li jkunu itwal minn dawk speċifikati fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 biss setgħu jinterrompu l-kontinwità tar-residenza tal-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, b’mod li l-persuna suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fl-istess ħin, tiġi miċħuda minn dritt ta’ residenza permanenti. L-analiżi ta’ din is-sentenza tippermetti li wieħed jaħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost ipprevediet l-ipoteżi kuntrarja. Skont il-kuntest fattwali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, Panagiotis Tsakouridis telaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti darbtejn biss, l-ewwel darba għal madwar sitt xhur u nofs u, it-tieni darba, għal ftit iktar minn sittax‑il xahar. Barra minn hekk, fis-sentenza Tsakouridis ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li fejn “jiġi konkluż li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ P. Tsakouridis, li kiseb dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, miżura ta’ tkeċċija tista’, jekk ikun il-każ, tiġi ġġustifikata fil-preżenza ta’ ‘raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika’, kif jipprovdi l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38”.

    51.

    Barra minn hekk, mid-Direttiva 2004/38, u partikolarment mill-qari flimkien tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 7(1) tagħha, ma jirriżultax li d-dritt ta’ residenza legali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal tul ta’ iktar minn tliet xhur jista’ jiġi limitat skont il-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti. Għalhekk, hija possibbli r-residenza legali b’mod mhux kontinwu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin mingħajr ma jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti. Madankollu, din il-possibbiltà ma għandhiex neċessarjament twassal għall-għoti tal-protezzjoni minn tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    52.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fis-sentenza Lassal ( 24 ) li l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti hija suġġetta għall-integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. F’dan ir-rigward, fis-sentenzi Dias ( 25 ) u Onuekwere ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-livell ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti ma huwiex ibbażat biss fuq fatturi territorjali u temporali, iżda wkoll fuq fatturi kwalitattivi.

    53.

    Jiena naf li f’dawn it-tliet sentenzi l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw fuq kollox il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Dawn is-sentenzi ma jikkonċernawx, jew mill-inqas mhux direttament, il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva. Madankollu, jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jmorru lil hinn mill-portata tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38. Kif indikajt diġà fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-livell ta’ integrazzjoni għandu rwol fis-sistema ta’ protezzjoni minn tkeċċija stabbilita skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.

    54.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-protezzjoni minn tkeċċija, prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll il-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, jingħataw skont il-grad ta’ integrazzjoni meħtieġ. L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tinsab fil-grad ta’ integrazzjoni meħtieġ sabiex jingħata ċertu livell ta’ protezzjoni, li huwa r-riżultat konġunt tal-istess fatturi. Għalhekk, ma huwiex possibbli li wieħed jibbenefika mil-livell ta’ protezzjoni superjuri mingħajr ma jkun laħaq preċedentement il-grad ta’ integrazzjoni li jippermetti li wieħed jibbenefika mill-protezzjoni tal-livell inferjuri.

    4. Fuq l-argument ta’ koerenza għan-natura sekwenzjali tal-livelli ta’ protezzjoni minn tkeċċija fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38

    55.

    It-tagħlim idderivat mill-analiżi globali tad-Direttiva 2004/38 isostni l-pożizzjoni li għadni kif spjegajt iktar ’il fuq.

    56.

    Fis-sistema prevista mid-Direttiva 2004/38, il-protezzjoni minn tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva tikkostitwixxi wieħed mill-vantaġġi dderivati mid-dritt ta’ residenza permanenti ( 27 ). L-effett tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jidher b’mod partikolari, minn naħa, permezz tal-aċċess, li bħala prinċipju huwa inkundizzjonali, għal ċerti għajnuniet finanzjarji ( 28 ) u, min-naħa l-oħra, fil-liberalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jirrisjedi legalment f’dan it-territorju. B’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza permanenti ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Infakkar li dawn il-kundizzjonijiet b’mod partikolari huma intiżi li jiżguraw li ċittadin tal-Unjoni ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu. Mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati jirriżulta li d-detentur ta’ dritt ta’ residenza permanenti jista’ jikkostitwixxi piż għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u ma jistax jitkeċċa mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ( 29 ).

    57.

    F’dan il-kuntest, l-argument li l-protezzjoni minn tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tiddependix minn dritt ta’ residenza permanenti jwassal għal konsegwenzi paradossali. Fil-fatt, f’dan il-każ, ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jitkeċċa biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika u, fl-istess ħin, jista’ jitkeċċa meta jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, li jwassal biex is-sistema ta’ protezzjoni minn tkeċċija prevista mid-Direttiva 2004/38 issir manifestament inkoerenti.

    58.

    Huwa veru li mill-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali jikkostitwixxix piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar, qabel ma jadotta miżura ta’ tkeċċija, għandu “jqis id-dewma tar-residenza” kif ukoll “iċ‑ċirkostanzi personali” tiegħu. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, li timplika t-telf tad-dritt ta’ residenza, għandha tiġi ppreċeduta minn eżami bir-reqqa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 30 ). Madankollu, dawn il-miżuri intiżi għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma humiex ekwivalenti għad-dritt ta’ residenza permanenti li – fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 – jeskludi sistematikament il-possibbiltà li individwu jitkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minħabba raġunijiet marbuta mal-funzjonament tas-sistema ta’ għajnuna soċjali.

    59.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑424/16 li l-protezzjoni msaħħa tiddependi mill-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, konformement mal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

    B.   Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari fil-Kawża C‑424/16: il-metodu għall-kalkolu tal-perijodu li jikkorrispondi mal-“għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38

    1. Kunsiderazzjonijiet preliminari

    60.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, magħmula fil-Kawża C‑424/16, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “[l-]għaxar snin preċedenti”, li tinsab fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jidhirli li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tistabbilixxi jekk il-perijodi ta’ assenza u priġunerija jistgħux jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ residenza sabiex jiġu kkalkolati l-għaxar snin preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    61.

    Barra minn hekk, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑424/16, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina r-relazzjoni preċiża bejn il-kriterju tal-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u l-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni.

    62.

    Billi tinvoka l-kunċett tal-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni fit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju jidher li qed tqajjem inkoerenza bejn il-kriterju tal-perijodu tal-“għaxar snin preċedenti”, li huwa konkret u preċiż, u l-“evalwazzjoni globali ta’ rabta’ ta’ integrazzjoni”, li tikkostitwixxi kunċett legali ħafna iktar vag. Fid-dawl tal-fatt li din l-evalwazzjoni globali titwettaq meta l-perijodu tal-“għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 huwa interrott minn episodji ta’ assenza jew priġunerija, hemm lok li t-tieni u t-tielet domandi jiġu eżaminati flimkien.

    2. Fuq in-natura tal-perijodu tal-“għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38

    63.

    L-ewwel nett, ninnota li, fis-sentenza G. ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-espressjoni tal-“għaxar snin preċedenti”, li tinsab fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, billi indikat li l-kalkolu magħmul skont din id-dispożizzjoni huwa differenti minn dak li jsir għall-finijiet tal-għoti tad-dritt ta’ residenza permanenti billi l-perijodu kkonċernat “għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu u kkalkolat b’lura, sa mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata” ( 32 ).

    64.

    Isegwi li, għall-kuntrarju tad-dritt ta’ residenza permanenti, il-protezzjoni minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tikkostitwixxix dritt li, ladarba miksub, jipproduċi effetti li jdumu li jkunu indipendenti mill-kwistjoni tat-tkeċċija u paragunabbli ma’ dawk deskritti fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din il-protezzjoni tingħata bil-kundizzjoni li persuna tkun irrisjediet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul perijodu ta’ għaxar snin li, bħala prinċipju, ma jkunx interrott, li għandu jiġi evalwat kull darba li tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija.

    3. Fuq l-integrazzjoni tal-perijodi ta’ assenza fil-kalkolu tal-“għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38

    65.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li l-perijodu tal-“għaxar snin preċedenti” bħala prinċipju ma għandux jiġi interrott.

    66.

    Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tsakouridis ( 33 ), ma tistax tiġi meħtieġa minn ċittadin tal-Unjoni projbizzjoni totali ta’ assenza, għaliex dan imur kontra l-għan ta’ moviment liberu tal-persuni mitlub mid-Direttiva 2004/38, li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu dissważi milli jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom minħabba li sempliċi assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tista’ jkollha effett fuq id-dritt tagħhom għal protezzjoni msaħħa minn tkeċċija.

    67.

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Tsakouridis ( 34 ), li, sabiex jiġi stabbilit sa fejn il-perijodi ta’ nuqqas ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jimpedixxu lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull assenza tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li mmotivaw lill-persuna kkonċernata meta telqet minn dan l-Istat Membru. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, għandu jiġi vverifikat jekk l-assenzi inkwistjoni jimplikawx iċ-ċaqliq lejn Stat ieħor li huwa ċentru tal-interessi personali jew professjonali tal-persuna kkonċernata ( 35 ). Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li tali ċaqliq jindika li r-rabtiet mal-Istat Membru ospitanti ġew interrotti ( 36 ). Konsegwentement, grad ta’ integrazzjoni negliġibbli ma jiġġustifikax il-konstatazzjoni li l-kontinwità ta’ residenza għal għaxar snin fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 inżammet, b’tali mod li persuna kkonċernata tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija.

    68.

    Jidhirli li l-kunċett tal-evalwazzjoni globali, imwettqa biss meta tqum il-kwistjoni tal-kontinwità tar-residenza matul l-għaxar snin preċedenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ tkeċċija, ġie introdott mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tkunx illużorja jew totalment ineffikaċi minħabba rekwiżit mhux realistiku, jiġifieri l-kontinwità inkundizzjonata tal-preżenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jidhirli li r-riferiment għar-rabta ta’ integrazzjoni jippermetti li jsiru iktar flessibbli t-termini ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tiġi żgurata t-tgawdija effettiva tal-moviment liberu.

    69.

    Għalhekk, fil-każ ta’ perijodi ta’ nuqqas ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jiġi stabbilit sa fejn dawn il-perijodi jwaqqfu r-residenza u jimpedixxu lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti.

    4. Fuq l-integrazzjoni tal-perijodi ta’ priġunerija fil-kalkolu tal-“għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38

    a) Fuq l-effett tal-perijodi ta’ priġunerija fuq l-għoti tal-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, fid-dawl tas-sentenzi Onuekwere u G.

    70.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni mill-qorti nazzjonali ta’ piena ta’ priġunerija hija ta’ natura li turi n-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna kkonċernata tal-valuri stabbiliti mis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti fid-dritt kriminali ta’ dan tal-aħħar ( 37 ). Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ osservanza huwa min-naħa tiegħu r-raġuni li tiġġustifika l-konstatazzjoni li tgħid li l-perijodi ta’ priġunerija, minn naħa, la għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti ( 38 ) u lanqas għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, li jinterrompu, bħala prinċipju, il-kontinwità tar-residenza, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ( 39 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-preżunzjoni li persuna kkundannata tista’ tislet mill-perijodi ta’ priġunerija d-dritt għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38 imur manifestament kontra l-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva ( 40 ). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sa fejn id-diskontinwità ta’ residenza matul l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata xxekkel lil din tal-aħħar milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kull darba, fil-mument preċiż li tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija ( 41 ).

    71.

    Se mmur lura fil-qosor qabelxejn għall-analiżi tiegħi li tinsab fil-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jgħidu li, fil-kuntest tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-għoti tal-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija jiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni rrisjediex f’dan l-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Għalhekk, għalkemm huwa kkonstatat li dan il-perijodu ġie interrott, l-episodji kollha ta’ assenza jew ta’ priġunerija matul l-għaxar snin preċedenti jiġu meqjusa bħala perijodi ta’ residenza fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, ma jidhirlix possibbli li jiġi sostnut li, minn naħa, perijodu ta’ priġunerija ma jinterrompix il-kontinwità tar-residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li, min-naħa l-oħra, fl-istess ħin, dan il-perijodu ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit li ċittadin tal-Unjoni rrisjeda fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti ( 42 ).

    72.

    Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet li tikkonċerna l-effett ta’ perijodu ta’ priġunerija fuq l-għoti tal-protezzjoni minn tkeċċija teħtieġ ċerti preċiżazzjonijiet.

    73.

    L-ewwel nett, minn naħa, jidhirli improbabbli li ċittadin tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà, li timmotiva t-tkeċċija tiegħu, mingħajr ma jkun wettaq delitt tant gravi li jkun iġġustifikat li jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija. Għalhekk, il-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati mill-protezzjoni minn tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38, mill-inqas fis-sistemi fejn miżuri ta’ tkeċċija jiġu wara l-kundanna kriminali, tiġi ddetenuta meta tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, jew kienet reċentement il-ħabs. L-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 ikun fil-parti l-kbira nieqes mis-sustanza tiegħu jekk l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tipprekludi b’mod sistematiku l-għoti tal-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

    74.

    Min-naħa l-oħra, ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija anki għal reat mhux intenzjonali. Huwa dubjuż li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi assimilata ma’ nuqqas ta’ osservanza tal-valuri stabbiliti mid-dritt kriminali, nuqqas ta’ osservanza li jista’ jikkaratterizza reat intenzjonali. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri pprevedew il-possibbiltà li tiġi imposta piena ta’ priġunerija qasira għar-reati minuri. Il-fatt li jiġu dderivati l-istess konsegwenzi għall-kontinwità ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, tal-perijodu inizjali ta’ piena imposta għal delitt gravi u ta’ perijodu ta’ priġunerija relattivament qasir impost għal reat minuri, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, ma jidhirlix li l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija fil-każ ta’ kundanna mhux iġġustifikata tkun tista’ tinterrompi l-kontinwità ta’ residenza minħabba li, f’din is-sitwazzjoni, dan ma huwiex reat imwettaq u kkonstatat b’mod validu fil-kuntest tal-proċedura kriminali. Għalhekk, anki jekk wieħed jissupponi li l-perijodi ta’ priġunerija jistgħu jipprekludu l-għoti tal-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, isegwi li l-eżami tar-reat li jwassal għall-kundanna u għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jikkostitwixxi element li ma għandux jiġi eskluż meta tittieħed id-deċiżjoni li tingħata din il-protezzjoni msaħħa.

    75.

    It-tieni nett, huwa r-reat stess li jmur kontra l-valuri stabbiliti mid-dritt kriminali tal-Istat Membru ospitanti. L-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija twassal biss sabiex wieħed jippreżumi li l-persuna kkundannata wettqet reat serju.

    76.

    Issa, għalkemm ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dias ( 43 ), invokat fil-punt 25 tas-sentenza Onuekwere ( 44 ), li jirrifletti l-punti 31 u 32 tas-sentenza G. ( 45 ), kien direttament applikabbli fil-kuntest tal-persuni ddetenuti, il-perijodu ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li jibda mill-mument meta jitwettaq ir-reat, għandu jitqies bħala li jwaqqaf ir-residenza. Infakkar li fis-sentenza Dias ( 46 ), fir-rigward tas-sitwazzjoni legali li tippreċedi d-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat b’analoġija r-regoli li jikkonċernaw l-effett tal-assenzi fuq it-telf ta’ dritt ta’ residenza għall-perijodu ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ residenza mingħajr permess tippreġudika r-rabta ta’ integrazzjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru kkonċernat peress li l-integrazzjoni ma hijiex spjegata esklużivament minn fatturi temporali u territorjali, iżda wkoll permezz ta’ fatturi kwalitattivi ( 47 ). Għalhekk, bl-istess mod, dawn il-fatturi jikkorrispondu mal-osservanza tal-valuri stabbiliti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

    77.

    Għaldaqstant għandu jinftiehem li, fis-sentenzi Onuekwere ( 48 ) u G. ( 49 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma assimilatx l-interruzzjoni tal-kontinwità ta’ residenza mar-reat innifsu, iżda mal-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, peress li din is-soluzzjoni tipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiddeċiedu dwar it-tkeċċija milli jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà kriminali u l-konsegwenzi tagħha lil hinn mill-proċeduri kriminali.

    78.

    It-tielet nett, jekk, bħala regola ġenerali, l-assenza ta’ integrazzjoni ta’ kwalità twassal sabiex jitqies li perijodi ta’ preżenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jwaqqfu r-residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, għandu għalhekk jiġi mistoqsi għal-liema raġuni l-grad ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni matul l-għaxar snin preċedenti ma jiġix eżaminat kull darba li tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija tiegħu, anki jekk qatt ma jkun ġie ddetenut.

    79.

    Għalhekk, ma iniex konvint li huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri stabbiliti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li jiġġustifika l-konstatazzjoni li l-perijodi ta’ priġunerija jwaqqfu awtomatikament ir-residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    b) Fuq il-kontinwità tar-residenza bħala kundizzjoni tal-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38

    80.

    Kif osservajt fil-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni ssir biss meta tiġi ppreġudikata l-kontinwità ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jekk din il-kontinwità ma tiġix ippreġudikata, jiġi preżunt il-grad ta’ integrazzjoni miksub mill-ġdid matul il-perijodu tal-għaxar snin preċedenti msemmi f’din id-dispożizzjoni.

    81.

    F’dan ir-rigward, ninnota li fis-sentenza Tsakouridis ( 50 ) il-qorti tar-rinviju riedet tkun taf sa fejn assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mill‑protezzjoni msaħħa prevista f’din id-dispożizzjoni. Issa, wara perijodu ta’ assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, P. Tsakouridis kien ġie suġġett għal ritorn furzat f’dan l-Istat Membru sabiex fih jiskonta piena ta’ priġunerija imposta mill-qorti kriminali tal-Istat Membru msemmi. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan il-fatt u ż-żmien li għadda f’detenzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jkunu ġew minsuġa preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti ( 51 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ffavorixxietx l-argument li l-priġunerija tinterrompi l-kontinwità ta’ residenza tal-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost qieset il-kwistjoni dwar jekk tali perijodu ta’ preżenza furzata fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li jkun konsekuttiv għall-perijodi ta’ assenza, kontra r-rieda ta’ P. Tsakouridis, ippermettiex li tiġi ppreġudikata l-konstatazzjoni li ċ-ċentru tal-interessi personali, tal-familja jew professjonali tiegħu kienu ċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor minħabba l-assenzi tiegħu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 52 ).

    82.

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li għadni kif ipproponejt tidhirli konformi ma’ dik tal-Kummissjoni ( 53 ). Fil-fatt, il-komunikazzjoni tagħha tistipula li, “[b]ħala regola, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jikkunsidraw iż-żmien li realment ġie skontat fil-ħabs meta jikkalkolaw il-perjodu ta’ reżidenza skont l-Artikolu 28 [tad-Direttiva 2004/38] meta ma jkunux inbnew konnessjonijiet mal-Istat Membru ospitanti” ( 54 ). Minn dan jista’ jiġi dedott, a contrario, li l-Kummissjoni bbażat fuq il-premessa li, meta tqum il-kwistjoni tal-livell ta’ protezzjoni minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(2) u (3) tad-Direttiva 2004/38, il-perijodi ta’ priġunerija ma jkunux irrilevanti bil-kundizzjoni li dan ikun ċittadin tal-Unjoni stabbilit sew fl-Istat Membru ospitanti.

    83.

    Għalkemm l-integrazzjoni, li hija l-bażi ta’ sistema ta’ protezzjoni minn miżuri ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, hija evalwata skont il-lokalizzazzjoni taċ-ċentru tal-interessi personali, tal-familja jew professjonali ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tiegħu, li jimplika l-eżistenza ta’ rabta reali ma’ dan l-Istat Membru, il-priġunerija ta’ dan iċ-ċittadin tippermetti li jitqajjem dubju dwar l-integrazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru. Priġunerija hija ekwivalenti għal preżenza furzata fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li tista’ tippreġudika l-konstatazzjoni li – billi jiġu adottati t-termini tas-sentenza Tsakouridis ( 55 ) – iċ-ċentru tal-interessi nstab u nżamm fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fl-eżerċizzju tal-moviment liberu. Għalhekk, fil-każ ta’ priġunerija, l-integrazzjoni matul l-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) ma tistax tiġi preżunta u, konsegwentement, il-kontinwità tar-residenza tiġi ppreġudikata.

    84.

    Dan japplika iktar u iktar meta l-grad ta’ integrazzjoni jiġi evalwat skont fatturi kwalitattivi, imsemmija fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minkejja l-fatt li, fl-opinjoni tiegħi, dawn il-fatturi jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-lokalizzazzjoni effettiva taċ-ċentru tal-interessi personali ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Matul id-detenzjoni, minn naħa, l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti tista’ tiġi mfixkla minħabba l-limitazzjoni tal-libertà taċ-ċittadin tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-piena ta’ priġunerija li tiżola d-delinkwent mis-soċjetà tirrappreżenta, bħala prinċipju, ultima ratio għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, l-uniku mezz reali u prattiku għall-protezzjoni tas-soċjetà minn individwi estremament perikolużi. Għalhekk, bħala prinċipju, il-pieni li ma jiċħdux il-libertà għandhom jingħataw prijorità mill-qrati kriminali u l-piena ta’ priġunerija għandha tiġi imposta biss sabiex jiġi ssanzjonat l-aġir manifestament inaċċettabbli għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan isegwi li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tippermetti li jiġi preżunt li l-individwu inkwistjoni wettaq reat serju, b’tali mod li huwa probabbli li dan ma josservax il-valuri tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

    85.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, fil-każ ta’ priġunerija, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tat-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ġewx minsuġa preċedentement rabtiet ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti jew jekk ġewx interrotti matul il-priġunerija, b’mod li l-protezzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tkunx tista’ tingħata.

    86.

    Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑424/16, la nara t-“tensjoni” bejn il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u l-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni u lanqas in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni globali. Din l-evalwazzjoni ssir biss meta tqum il-kwistjoni tal-kontinwità ta’ residenza matul għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kontinwità nżammitx minkejja perijodi ta’ assenza jew ta’ priġunerija.

    87.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u t-tielet domandi preliminari fil-Kawża C‑424/16 li l-espressjoni “[l-]għaxar snin preċedenti”, li tinsab fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna perijodu mhux interrott, ikkalkolat b’lura mill-mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, inklużi eventwalment perijodi ta’ assenza jew ta’ priġunerija, bil-kundizzjoni li wieħed minn dawn il-perijodi ta’ assenza jew ta’ priġunerija ma kellux l-effett li jikser ir-rabtiet ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti.

    C.   Fuq id-domandi preliminari fil-Kawża C‑316/16: l-aspetti integrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti

    1. L-istabbiliment fit-tul fl-Istat Membru ospitanti u l-assenza ta’ kwalunkwe rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini huma żewġ aspetti suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tista’ tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38?

    88.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑316/16, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk jistax jiġi eskluż immedjatament l-argument li l-kundanna u, sussegwentement, l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jistgħu jinterrompu r-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadin tal-Unjoni li, wara li jkun daħal fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fl-età ta’ 3 snin, ikun għadda ħajtu kollha fih u ma jkollux iktar rabtiet mal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, meta r-reat li jkun wassal għall-kundanna tiegħu u għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jkun twettaq wara residenza ta’ 20 sena, fejn, minħabba dan, il-kundizzjoni tar-residenza mhux interrotta matul l-għaxar snin preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ma tkunx issodisfatta u li, għalhekk, ma jkunx hemm lok li tingħata l-protezzjoni minn tkeċċija skont din id-dispożizzjoni.

    89.

    Jidhirli li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju, tixtieq tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-istabbiliment fit-tul fl-Istat Membru ospitanti u l-assenza ta’ kwalunkwe rabta mal-Istat Membru ta’ nazzjonalità humiex żewġ aspetti suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tista’ tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38.

    90.

    Huwa veru li s-sitwazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 hija intiża b’mod partikolari, kif tistabbilixxi l-premessa 24 ta’ din id-direttiva, għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu rrisjedew ħajjithom kollha fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, perijodu sinjifikattiv ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jipproteġi minn tkeċċija b’mod imsaħħaħ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    91.

    Madankollu, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tsakouridis ( 56 ) b’riferiment għall-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38, fir-rigward tal-benefiċċju tal-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, il-kriterju determinanti jinsab fil-kwistjoni dwar jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni rrisjediex f’dan l-Istat Membru matul l-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

    92.

    Dan il-perijodu, bħala prinċipju, ma għandux ikun interrott. Issa, meta tqum il-kwistjoni tal-kontinwità tiegħu, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa preċedentement mal-Istat Membru ospitanti ġewx interrotti, b’mod li l-protezzjoni msaħħa tingħata jew le.

    93.

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni “globali”, hemm lok li jiġu integrati, kif jindika l-isem tagħha, “l-aspetti kollha rilevanti f’kull każ ineżami” ( 57 ). Kif spjegajt qabel fil-punti 83 u 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti hija spjegata minn fatturi temporali, territorjali u kwalitattivi. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-ipoteżi prevista fl-ewwel domanda preliminari, it-tul ta’ residenza, bħala kriterju purament temporali, ma jistax ikun l-uniku kriterju użat sabiex jiġi evalwat il-grad tar-rabtiet ta’ integrazzjoni.

    94.

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi qabel, il-portata tal-evalwazzjoni globali mwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni ġewx interrotti ma tistax tiġi limitata għall-uniċi kriterji tal-istabbiliment fit-tul fl-Istat Membru ospitanti u tal-assenza ta’ kwalunkwe rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini.

    2. Fuq l-integrazzjoni tal-perijodu ta’ priġunerija fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata fil-kuntest tad-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali

    a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

    95.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ċ-ċittadini tal-Unjoni inkwistjoni, li t-tkeċċija tagħhom ġiet ordnata matul il-priġunerija, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet wara l-kundanna kriminali, ikunu żvantaġġati, mingħajr ma dan ikun konkretament iġġustifikat, fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jordnaw miżuri ta’ tkeċċija bħala piena jew bħala miżura anċillari.

    96.

    Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jinkludix dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat il-“mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija” ( 58 ), li jindika d-data li fiha għandha titwettaq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata. Jekk ikun il-każ, għandhom ikunu l-Istati Membri li jadottaw modalitajiet proċedurali f’dan ir-rigward, b’osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali.

    97.

    Permezz ta’ din ir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tfakkar tħassib diġà mqajjem fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha. Hija tikkunsidra li s-sistemi deċiżjonali differenti jippermettu li jiġi varjat ir-riżultat tal-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni skont il-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Fis-sistemi fejn jiġu adottati miżuri ta’ tkeċċija barra mill-kuntest tal-proċedura kriminali, għalkemm l-awtorità kompetenti tadotta miżura ta’ tkeċċija malajr wara l-kundanna, it-tul tad-detenzjoni probabbilment ser ikun relattivament qasir. Għall-kuntrarju, jekk tiddifferixxi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija, dan jista’ jwassal għall-ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni minħabba tul tal-priġunerija estiż.

    98.

    Jidhirli li t-tħassib imqajjem fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ domandi preliminari jindirizza l-istess problema. Huwa veru li, permezz tad-dubji espressi fit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju timmira pjuttost għall-portata temporali tal-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni, billi tistaqsi jekk il-perijodu ta’ priġunerija għandux jiġi integrat fiha, filwaqt li, permezz tar-raba’ domanda, hija tixtieq tiċċara l-mument determinanti biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni fattwali sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata tibbenefikax mill-protezzjoni msaħħa tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Issa, ma għandux jiġi eskluż li din l-evalwazzjoni tista’ titwettaq retrospettivament, b’riferiment għall-mument li jippreċedi l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija, li jippermetti li jiġi injorat l-effett ta’ din il-piena fuq ir-rabtiet ta’ integrazzjoni u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw mid-differenzi fost is-sistemi nazzjonali. Jekk dan kien il-każ, it-tieni domanda preliminari tista’ tiġi suġġetta għal analiżi simili.

    99.

    Għalhekk, permezz tat-tieni u tar-raba’ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, hemmx lok li jiġi integrat il-perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni.

    100.

    Skont il-qorti tar-rinviju, f’sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-integrazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tista’ jkollha l-effett li ċċaħħad liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra mill-benefiċċju tal-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija, prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, minħabba li d-deċiżjoni amministrattiva, bħala prinċipju, tittieħed matul id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, wara li l-kontinwità tar-residenza tkun ġiet interrotta minħabba l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

    101.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-istabbiliment tal-mument determinanti li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija ma jistax jaqa’ taħt id-dritt proċedurali nazzjonali, peress li d-determinazzjoni tal-mument imsemmi tippermetti pjuttost li jiġi stabbilit il-livell ta’ protezzjoni konkreta li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jibbenefika minnha. Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li dan il-mument determinanti, li jiżgura applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, huwa dak li fih tittieħed id-deċiżjoni tal-qrati fil-mertu dwar it-tkeċċija.

    102.

    Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-kwistjoni tal-mument determinanti biex tiġi evalwata t-tkeċċija mill-qrati amministrattivi taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Kummissjoni, bħall-qorti tar-rinviju, tidher li tikkunsidra li l-mument deċiżiv għal din l-evalwazzjoni għandu jiġi stabbilit b’mod awtonomu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bħal dak li fih il-korpi ġudizzjarji jiddeċiedu dwar id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

    b) Fuq il-koerenza bejn l-evalwazzjoni tar-rabtiet ta’ integrazzjoni u dik tal-attwalità tat-theddida għall-interessi tal-Istat Membru ospitanti

    103.

    L-ewwel nett, ninnota li d-dritt tal-Unjoni la jiddetermina t-tip ta’ sistema li fil-kuntest tagħha għandhom jiġu adottati miżuri ta’ tkeċċija u lanqas il-mument li fih l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu dawn il-miżuri. Għaldaqstant, dawn huma l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jittieħdu validament miżuri ta’ tkeċċija li huma speċifikati espliċitament fid-Direttiva 2004/38.

    104.

    F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita sew ( 59 ), sostnuta mill-ġdid mil-leġiżlatur tal-Unjoni diversi drabi fid-Direttiva 2004/38 ( 60 ), il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ raġuni attwali għal tkeċċija għandha tiġi ssodisfatta fid-data li fiha sseħħ it-tkeċċija. B’mod iktar preċiż, meta tqum il-kwistjoni ta’ tkeċċija, hemm lok li tiġi eżaminata, kif previst fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, in-natura attwali u reali tar-raġunijiet li jiġġustifikawha.

    105.

    Għaldaqstant, anki jekk huwa veru li l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija, bħala prinċipju, tista’ tipprovoka t-twaqqif tar-residenza tal-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 fis-sistemi fejn il-miżuri ta’ tkeċċija jkunu konsekuttivi għall-kundanna kriminali, jidher li, matul il-priġunerija, it-theddida maħluqa mill-persuna ddetenuta għall-interessi tal-Istat Membru ospitanti għandha, bħala prinċipju, tonqos. Skont il-politika kriminali attwali tal-Istati Membri, l-impożizzjoni tal-piena ta’ priġunerija mill-qrati kriminali ma tippermettix biss li jiġi ssanzjonat l-aġir illegali, iżda hija intiża, minn naħa, biex tiżola d-delinkwent sal-mument li fih ma jibqax jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà u, min-naħa l-oħra, li jerġa’ jiġi integrat fis-soċjetà sabiex ikun jista’ jgħix ħajja soċjalment responsabbli mingħajr ma jwettaq reati wara l-episodju ta’ detenzjoni ( 61 ).

    106.

    Min-naħa l-oħra, fis-sistemi li fihom jiġu ordnati miżuri ta’ tkeċċija mill-qrati kriminali bħala piena jew bħala miżura anċillari għal piena ta’ detenzjoni, il-kontinwità ta’ residenza tal-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tiġix ippreġudikata minħabba l-priġunerija. Madankollu, il-livell tat-theddida maħluqa għall-interessi tal-Istat Membru ospitanti huwa evalwat skont ċirkustanzi li ppreċedew il-priġunerija, jiġifieri meta t-theddida tilħaq il-livell massimu tagħha. Il-mument li fih jitwettaq ir-reat huwa l-iktar manifestazzjoni ċara ta’ din it-theddida.

    107.

    Għalhekk ma jkunx koerenti li, fis-sistemi li fihom jittieħdu miżuri ta’ tkeċċija permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, l-attwalità tat-theddida li taqa’ fuq l-interessi tal-Istat Membru ospitanti tiġi evalwata skont ċirkustanzi prevalenti fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura ta’ tkeċċija, filwaqt li l-grad ta’ integrazzjoni, li jiddetermina l-livell ta’ protezzjoni minn tkeċċija, jiġi evalwat b’mod retrospettiv, b’riferiment għall-mument preċedenti.

    c) Fuq il-funzjoni tal-piena ta’ priġunerija

    108.

    Fir-rigward tat-tħassib tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li, f’sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra qatt ma jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni jiġu evalwati skont ċirkustanzi prevalenti matul il-priġunerija, jidhirli li, meta fformulat id-dubji tagħha, il-qorti tar-rinviju bbażat fuq il-premessa li episodju ta’ detenzjoni għandu inevitabbilment iwassal għall-ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u, minħabba dan, għall-ksur tal-kontinwità ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    109.

    Issa, jidhirli li huwa assolutament realistiku li jiġi ammess li l-persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin iżżomm ir-rabtiet tagħha mal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li żżomm ir-rabtiet tal-familja matul id-detenzjoni tagħha.

    110.

    Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-perijodu ta’ ċaħda ta’ libertà fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni globali tmur kontra l-politika kriminali attwali tal-Istati Membri li tgħid li r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, li tippermettilha li terġa’ ssib postha fis-soċjetà wara l-episodju ta’ detenzjoni, tikkostitwixxi l-funzjoni fundamentali tal-piena. L-individwu bl-ebda mod ma jkun imħeġġeġ jikkoopera mas-sistema tal-ħabs inkarigata mir-reintegrazzjoni soċjali tiegħu jekk ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala regola mingħajr eċċezzjoni l-fatt li l-priġunerija tikser ir-rabtiet mal-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi prevalenti matul il-perijodu ta’ priġunerija jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni d-dinamika tal-proċess ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-persuna ddetenuta matul il-priġunerija tagħha, b’tali mod li l-isforzi tagħha jkunu jistgħu jipprekludu d-degradazzjoni sussegwenti tar-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, filwaqt li t-twebbis tagħha jista’ jkollu l-effetti kuntrarji fuq dawn ir-rabtiet.

    d) Fuq l-evalwazzjoni doppja tar-rabtiet ta’ integrazzjoni

    111.

    Il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 hijiex issodisfatta, jiġifieri jekk il-persuna kkonċernata rrisjedietx għall-għaxar snin preċedenti fl-Istat Membru ospitanti, tqum fil-mument li fih l-awtorità kompetenti tipprevedi li tadotta l-miżura ta’ tkeċċija.

    112.

    Skont l-analiżi pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza I., fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok ukoll li jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva ( 62 ). Skont din l-aħħar dispożizzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni partikolarment – flimkien mat-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu, l-età tagħha, il-kundizzjoni ta’ saħħa tagħha kif ukoll is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha – l-integrazzjoni soċjali u kulturali tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti. Isegwi li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38, l-aspetti msemmija iktar ’il fuq, li jistgħu jevolvu maż-żmien u li huma integrati fil-kuntest tal-eżami mwettaq qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandhom jiġu evalwati skont ċirkustanzi prevalenti fil-mument li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    113.

    Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rabtiet ta’ integrazzjoni tal-parti kkonċernata jistgħu jiġu evalwati indipendentement, minn naħa, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, qabel kwalunkwe deċiżjoni ta’ tkeċċija, u, min-naħa l-oħra, matul l-evalwazzjoni globali intiża sabiex jiġi stabbilit jekk inżammitx il-kontinwità tar-residenza matul l-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-grad ta’ integrazzjoni jista’ jkun suġġett għal evalwazzjoni doppja fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija waħda, li ma huwiex konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38.

    114.

    L-ewwel nett, ninnota li meta jiġi stabbilit li “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ individwu, ma huwiex importanti l-fatt jekk kienx jirrisjedi jew le fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, billi l-protezzjoni żgurata minn din id-dispożizzjoni ma tipproteġix lil dan l-individwu minn tkeċċija minħabba tali raġunijiet. Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, hemm lok li jitwettaq l-eżami msemmi fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38. F’dan l-istadju, jista’ jirriżulta li l-miżura ta’ tkeċċija ma tkunx tista’ tiġi adottata. Minn dan jirriżulta li l-grad ta’ integrazzjoni jiġi evalwat darba biss fil-kuntest tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    115.

    Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ “raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok li jiġi evalwat jekk l-individwu rrisjediex fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jekk dan ikun il-każ, it-tkeċċija ma tistax tiġi ordnata, jekk le, hemm lok li jitwettaq l-eżami previst fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38.

    116.

    Huwa veru li, f’tali sitwazzjoni, ir-rabtiet ta’ integrazzjoni jidhru li jiġu evalwati darbtejn. Madankollu, ma iniex konvint mill-argument li l-evalwazzjoni doppja tar-rabtiet ta’ integrazzjoni ma hijiex konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38.

    117.

    Minn naħa, filwaqt li l-għan tal-evalwazzjoni globali huwa li jiġi stabbilit jekk il-kontinwità tar-residenza ġietx interrotta matul l-għaxar snin preċedenti, dak tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa li jiġi stabbilit jekk it-tkeċċija tkunx proporzjonali maċ-ċirkustanzi attwali, stabbiliti fil-mument li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija. Għalhekk, il-fatt li l-persuna kkonċernata rnexxielha tinseġ mill-ġdid rabtiet mal-Istat Membru ospitanti wara li kienu nkisru matul l-għaxar snin preċedenti, jista’ jimmodifika r-riżultat tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, ma tistax tiġi ppreġudikata l-interruzzjoni ta’ residenza, b’mod li ma tingħatax il-protezzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

    118.

    Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ integrazzjoni jista’ ma jkunx qawwi biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, iżda, fl-istess ħin, jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi prekluża t-tkeċċija fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rabta ta’ integrazzjoni ġiet evalwata darba biss, persuna mhedda minn miżura ta’ tkeċċija ma tista’ tidderiva l-ebda vantaġġ mill-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti.

    119.

    Għaldaqstant, ma nistax nara liema raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ integrazzjoni taċ-ċaħda ta’ libertà, imposta minħabba r-reat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali intiża sabiex jiġi stabbilit jekk inżammitx il-kontinwità ta’ residenza.

    120.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nemmen li l-mument deċiżiv għall-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 għandu jikkoinċidi mal-mument li fih l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjoni dwar it-tkeċċija.

    3. Fuq l-aspetti rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali intiża sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni nkisrux wara l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta għar-reat li jikkostitwixxi r-raġuni tat-tkeċċija

    121.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑316/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi evalwat jekk inżammux ir-rabtiet ta’ integrazzjoni minkejja l-perijodu ta’ priġunerija b’tali mod li tingħata jew ma tingħatax il-protezzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    122.

    L-ewwel nett, hekk kif spjegat fil-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-esklużjoni tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jinħolqu matul il-priġunerija tmur kontra l-politika kriminali attwali tal-Istati Membri u ddgħajjef il-funzjoni primordjali tal-piena ta’ priġunerija.

    123.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju terġa’ ssostni li, fid-dritt Ġermaniż, il-piena ta’ priġunerija għandha l-għan li tikkontribwixxi għar-reintegrazzjoni soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni u li tippermettilu jgħix ħajja soċjalment responsabbli mingħajr ma jwettaq reati. Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju tipproponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji segwenti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, jiġifieri tat-tip ta’ eżekuzzjoni tal-piena, tar-riflessjoni dwar ir-reat imwettaq, tal-aġir ġenerali matul id-detenzjoni, tal-aċċettazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ indikazzjonijiet terapewtiċi, tal-integrazzjoni professjonali, tal-parteċipazzjoni fi programmi ta’ taħriġ skolastiku u ta’ taħriġ professjonali u kontinwu, tal-parteċipazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-piena kif ukoll taż-żamma tar-rabtiet personali u tal-familja fl-Istat Membru ospitanti.

    124.

    Fil-fehma tiegħi, il-kriterji speċifikati mill-qorti tar-rinviju jidhru utli biex jiġu evalwati r-rabtiet ta’ integrazzjoni ta’ persuna ddetenuta.

    125.

    Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tiegħi li jinsabu fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li r-reat li wassal għall-kundanna u għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom twettaq dan ir-reat jikkostitwixxu elementi rilevanti sabiex jiġu evalwati rabtiet ta’ integrazzjoni.

    126.

    Fl-aħħar nett, ċerti kriterji mingħajr relazzjoni diretta mal-piena ta’ priġunerija huma rilevanti wkoll. Mis-sentenza G. jirriżulta li t-tul tar-residenza fl-Istat Membru ospitanti qabel il-priġunerija jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni globali tar-rabtiet ta’ integrazzjoni ( 63 ). Għalhekk, jidhirli li iktar ma jkunu qawwija r-rabtiet ta’ integrazzjoni, li jista’ jiġi kkonstatat partikolarment skont iċ-ċirkustanzi li ppreċedew il-priġunerija, iktar għandu jkollu natura ta’ disturb kbir il-perijodu li jinterrompi l-kontinwità ta’ residenza sabiex il-persuna kkonċernata ma tibbenefikax mill-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

    127.

    Isegwi li, fil-mument li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa preċedentement mal-Istat Membru ospitanti nkisrux minħabba perijodu ta’ priġunerija, b’tali mod li tingħata jew ma tingħatax il-protezzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok li titwettaq evalwazzjoni globali in concreto filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti f’kull każ inkwistjoni, fir-rigward tal-perijodi ta’ preżenza kollha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, inklużi l-perijodi ta’ priġunerija.

    VI. Konklużjoni

    128.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (qorti amministrattiva superjuri ta’ Baden-Württemberg, il‑Ġermanja) u s-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) bil-mod li ġej:

    Fil-Kawża C‑424/16:

    1)

    It-tgawdija tal-protezzjoni msaħħa tiddependi mill-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, konformement mal-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

    2)

    L-espressjoni “[l-]għaxar snin preċedenti”, li tinsab fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva 2004/38, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna perijodu mhux interrott, ikkalkolat b’lura mill-mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, inklużi eventwalment perijodi ta’ assenza jew ta’ priġunerija, bil-kundizzjoni li wieħed minn dawn il-perijodi ta’ assenza jew ta’ priġunerija ma kellux l-effett li jikser ir-rabtiet ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti.

    Fil-Kawża C‑316/16:

    Fil-mument li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni msaħħa msemmija fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, kif emendata bir-Regolament Nru 492/2011, tingħatax wara perijodu ta’ priġunerija, hemm lok li titwettaq evalwazzjoni globali in concreto filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni t-totalità tal-aspetti rilevanti, f’kull każ inkwistjoni, tal-perijodi ta’ preżenza kollha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, inklużi l-perijodi ta’ priġunerija, sabiex jiġi stabbilit jekk perijodu ta’ priġunerija kellux bħala effett li jikser ir-rabtiet ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 141, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).

    ( 3 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 57).

    ( 4 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 26).

    ( 5 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punti 3839), kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C‑373/03, EU:C:2005:434, punt 32). Fil-kuntest tal-arrest preventiv, segwit bil-kundanna kriminali għall-priġunerija li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet sospiża, ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punti 4041).

    ( 6 ) Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punt 38), u tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C‑373/03, EU:C:2005:434, punt 28).

    ( 7 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 64).

    ( 8 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 65).

    ( 9 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dias (C‑325/09, EU:C:2011:86, punt 102).

    ( 11 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13).

    ( 12 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 26).

    ( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 40).

    ( 14 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 31).

    ( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9).

    ( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 36).

    ( 17 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 18 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 30 sa 32). Fir-rigward tad-differenzi bejn il-kundizzjonijiet ta’ għoti u ta’ telf ta’ dritt ta’ residenza permanenti u dawk relatati mal-protezzjoni msaħħa minn tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2013:640, punt 28).

    ( 19 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 20 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9).

    ( 21 ) Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 1937), kif ukoll tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 36).

    ( 22 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 23 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 37).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010 (C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 37).

    ( 25 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 64).

    ( 26 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 25).

    ( 27 ) Dollat P., La citoyenneté européenne. Théorie et statuts, Bruylant, Brussell, 2008, p. 278.

    ( 28 ) Ara l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

    ( 29 ) Lenaerts, K., “European Union Citizenship, National Welfare Systems and Social Solidarity”, Jurisprudence, Nru 18, 2011, p. 409.

    ( 30 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 69 sa 75).

    ( 31 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9).

    ( 32 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punti 2837). Korsiv miżjud minni.

    ( 33 ) C‑145/09, EU:C:2010:322, punt 122.

    ( 34 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 35 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 33).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 34).

    ( 37 ) Sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 26), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 31).

    ( 38 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 26).

    ( 39 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 32).

    ( 40 ) Sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 26), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 31).

    ( 41 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 35).

    ( 42 ) Ara, f’dan is-sens, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 fid-dawl tas-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 35), ippreżentata mill-qorti li ressqet it-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’din il-kawża, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil), fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Mejju 2014, [2014] UKUT 392 (IAC).

    ( 43 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498).

    ( 44 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13).

    ( 45 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9).

    ( 46 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑325/09, EU:C:2011:498).

    ( 47 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punti 62 sa 66).

    ( 48 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑378/12, EU:C:2014:13).

    ( 49 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9).

    ( 50 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 51 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 34).

    ( 52 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 33).

    ( 53 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38 [COM(2009) 313 final].

    ( 54 ) Ara p. 14.

    ( 55 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708).

    ( 56 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010 (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 38). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 37).

    ( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 33), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 36).

    ( 58 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 32), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 35).

    ( 59 ) Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, (C‑30/77, ECLI:EU:C:1977:172, punt 28). Ara, ukoll, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 1980, Santillo (C‑131/79, EU:C:1980:131, punti 1819), kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 7879).

    ( 60 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:324, punti 5758).

    ( 61 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Tsakouridis (C‑145/09, EU:C:2010:322). Ara, ukoll, osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:501).

    ( 62 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012 (C‑348/09, EU:C:2012:300, punti 3234).

    ( 63 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 37).

    Top