This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0030
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 November 2016.#Simba Toys GmbH & Co. KG v European Union Intellectual Property Office.#Appeal — European Union trade mark — Three-dimensional mark in the shape of a cube with surfaces having a grid structure — Application for a declaration of invalidity — Rejection of the application for a declaration of invalidity.#Case C-30/15 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Simba Toys GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
Kawża C-30/15 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
Simba Toys GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
Kawża C-30/15 P.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:849
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Appell — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”
Fil-Kawża C‑30/15 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2015,
Simba Toys GmbH & Co. KG, stabbilita fi Fürth (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Ruhl, avukat,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Botis u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Seven Towns Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Szamosi u M. Borbás, ügyvédek,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Simba Toys GmbH & Co. KG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Novembru 2014, Simba Toys vs UASI – Seven Towns (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja) (T‑450/09, EU:T:2014:983, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”), tal-1 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1526/2008‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-appellanti u Seven Towns Ltd (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit‑13 ta’ April 2009. |
3 |
Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha seħħew il-fatti, din il-kawża tibqa’ rregolata mir-Regolament Nru 40/94, tal-inqas f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li huma ta’ natura mhux strettament proċedurali. |
4 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi: “1. Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: [...]
[...]
|
5 |
Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94: “Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
6 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
7 |
Fl-1 ta’ April 1996, Seven Towns ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tikkonċerna s-sinjal tridimensjonali riprodott kif ġej: |
8 |
Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 28 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”. |
9 |
Fis-6 ta’ April 1999, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja, bin-numru 162784. Hija ġiet imġedda fl-10 ta’ Novembru 2006. |
10 |
Fil-15 ta’ Novembru 2006, Simba Toys ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dik it-trade mark skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) ta’ dan ir-regolament. |
11 |
B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Uffiċċju ċaħdet din it-talba fl-intier tagħha. |
12 |
Fit-23 ta’ Ottubru 2008, l-appellanti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009). Insostenn tal-appell tagħha, hija invokat ksur tal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) tar-Regolament Nru 40/94. |
13 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008 u ċaħad l-appell. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
14 |
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2009, Simba Toys ressqet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
15 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tmien motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b), tal-Artikolu 7(1)(ċ), tal-Artikolu 7(1)(e)(i) sa (iii), u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. |
16 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. |
It-talbiet tal-partijiet
17 |
Simba Toys titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
18 |
Seven Towns u l-EUIPO jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
19 |
Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2016, Seven Towns talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
20 |
Din il-kumpannija essenzjalment issostni li, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali invoka elementi fattwali u qajjem argumenti li la kienu ġew indirizzati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-funzjoni tal-prodotti inkwistjoni, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal kif ukoll l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-forma ta’ kubu. |
21 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 19). |
22 |
Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li t-talba ta’ Seven Towns, intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, tintlaqa’. |
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
24 |
Insostenn tal-appell tagħha, Simba Toys tinvoka sitt aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Simba Toys issostni li fil-punti 50 sa 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li għandha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tas-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. |
25 |
F’dan ir-rigward, Simba Toys issostni, l-ewwel nett li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, b’mod żbaljat issuġġettat l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għall-kundizzjoni li riżultat tekniku jkun tal-inqas jista’ “jiġi dedott b’mod suffiċjentement ċert” mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark ikkonċernata. Tali “rekwiżit ta’ komprensjoni preċiża” allegatament la jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza u, barra minn hekk, imur kontra l-għan tagħha. |
26 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament interpretat il-kunċett ta’ “funzjoni teknika” b’mod ristrett wisq meta, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat li l-istruttura ta’ gradilja fuq l-uċuħ tal-kubu ma tissodisfax tali funzjoni. Il-Qorti Ġenerali allegatament injorat li l-imsemmija struttura u l-forma ġenerali tal-kubu ma humiex arbitrarji u għaldaqstant huma neċessarjament tekniċi. |
27 |
Fit-tielet lok, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, issuġġettat ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għall-kundizzjoni li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni jkunu jissodisfaw huma stess il-funzjoni teknika tal-prodott li hija tkopri, u mhux li dawn ikunu r-riżultat tagħha. |
28 |
Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ forom alternattivi għar-rappreżentazzjoni tal-imsemmija trade mark li jistgħu jissodisfaw l-istess funzjoni teknika bħalma din tista’ tissodisfa. Fi kwalunkwe każ, id-disponibbiltà ta’ forom alternattivi allegatament ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7(1)(e)(ii). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-linji suwed li joħolqu forma ta’ gradilja fuq l-uċuħ tal-kubu, anki li kieku kien possibbli li jiġi manifatturat kubu maġiku li ma jinkludix dawn l-elementi, tali kubu jibqa’ protett, minħabba l-livell ta’ xebh tiegħu, mit-trade mark ikkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-interess pubbliku li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-preklużjoni li jiġi stabbilit monopolju permanenti fuq soluzzjonijiet tekniċi. |
29 |
Fil-ħames lok, fl-evalwazzjoni tat-tekniċità tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ prodotti diġà kkummerċjalizzati qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, u b’mod partikolari tar-“Rubik’s cube” immanifatturata mill-intervenjenti, li għandhom il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, fosthom kapaċità ta’ rotazzjoni magħrufa sew mill-konsumaturi. |
30 |
Fis-sitt lok, Simba Toys tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli fil-punt 55 tas-sentenza appellata kkunsidrat, wara li kkonkludiet li t-trade mark inkwistjoni kienet irreġistrata għal-“logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” b’mod ġenerali, mingħajr ma kienet limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi rrifjutata biss jekk ir-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika għall-prodotti kollha li hija tkopri jew tal-inqas għal numru kbir mill-prodotti li hija tkopri. |
31 |
Skont Seven Towns u l-EUIPO, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala li huwa, tal-inqas parzjalment, inammissibbli minħabba l-fatt li dan huwa intiż li jikkontesta konstatazzjonijiet fattwali. |
32 |
Fi kwalunkwe każ, skont dawn il-partijiet, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Essenzjalment huma jitolbu li jiġu kkonfermati l-motivi tas-sentenza appellata li huma koperti minn dan l-aggravju. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, lil hinn milli introduċiet rekwiżiti ġodda, kulma għamlet kien li applikat il-ġurisprudenza eżistenti, liema ġurisprudenza b’mod partikolari timponi li tiġi ddeterminata l-funzjoni teknika eventwali abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ikkonċernata. Seven Towns u l-EUIPO barra minn hekk jenfasizzaw li l-prodotti inkwistjoni jinkludu l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali kollu kemm hu, li tagħhom il-kubi maġiċi ma jikkostitwixxux sottokategorija awtonoma. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Simba Toys issostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat applikat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fil-punti 56 sa 77 tas-sentenza appellata, fuq interpretazzjoni restrittiva wisq ta’ din id-dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura funzjonali tal-forma inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-karatteristiċi essenzjali ta’ din il-forma ma jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. |
34 |
F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, sa fejn din tinkludi konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali, ma tistax, bħala tali, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament, tkun mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 74, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 59), is-sitwazzjoni hija differenti għall-kwistjonijiet ta’ liġi li jitqajmu mill-eżami tar-rilevanza tal-kriterji ġuridiċi applikati waqt din l-evalwazzjoni kif ukoll, b’mod partikolari, għall-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għan dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 84 u 85, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 61). |
35 |
Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huma ammissibbli, għaliex huwa intiż li jikkontesta l-applikazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, tal-kriterji u tal-fatturi, hekk kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi evalwata n-natura funzjonali tas-sinjal inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. |
36 |
F’dak li jikkonċerna l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, preliminarjament għandu jitfakkar li l-liġi tat-trade mark tikkostitwixxi element essenzjali mis-sistema ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni. F’din is-sistema, sabiex tattira u żżomm il-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti tagħha jew tas-servizzi tagħha, kull impriża għandha tkun kapaċi tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk li għandhom oriġini differenti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, sinjal li jirrappreżenta l-forma ta’ prodott jinsab fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark bil-kundizzjoni li dan ikun jista’, minn naħa, jiġi rrappreżentat b’mod grafiku u, min-naħa l-oħra, xieraq sabiex jiddistingwi l-prodott jew is-servizz ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punti 30 u 31, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 39). |
38 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija bbażata (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 45, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43). |
39 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż li jiġi prekluż li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43). |
40 |
Barra minn hekk, qabelxejn għandu jitfakkar li applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni jiġu debitament identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 46). |
41 |
F’dan il-każ, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni jikkonsistu f’kubu u struttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ ta’ dan il-kubu. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tal-appell preżenti. |
42 |
F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kwistjoni ta’ jekk tali karatteristiċi essenzjali jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għaliha fin-negattiv, billi ċaħdet, b’mod partikolari fil-punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li tgħid li l-linji suwed u, b’mod iktar globali, l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu inkwistjoni jissodisfaw funzjoni teknika. |
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi individwali tal-kubu inkwistjoni espressi permezz tal-imsemmija linji suwed, u dan billi uriet, b’mod partikolari fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, li dawn l-argumenti kienu jibbażaw ruħhom essenzjalment fuq l-għarfien tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tar-ringieli vertikali u orizzontali tar-“Rubik’s cube” u li din il-kapaċità ma tistax tirriżulta mill-karatteristiċi tal-forma ppreżentata iżda l-iktar l-iktar minn mekkaniżmu intern, inviżibbli, tal-kubu. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma inkludiex dan l-element inviżibbli fl-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-fatt li l-eżistenza ta’ mekkaniżmu intern ta’ rotazzjoni tiġi dedotta mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ din it-trade mark allegatament ma kienx konformi mar-rekwiżiti li skonthom kull deduzzjoni għandha titwettaq bil-mod l-iktar oġġettiv possibbli abbażi tal-forma kkonċernata, kif irrappreżentata grafikament, u għandha tkun suffiċjentement ċerta. |
44 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, bħall-Bord tal-Appell, fil-punt 60 tas-sentenza appellata kkunsidrat li l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu inkwistjoni ma tissodisfa ebda funzjoni teknika, peress li l-fatt li din l-istruttura għandha l-effett li viżwalment taqsam kull wiċċ ta’ dan il-kubu f’disa’ elementi kwadri tal-istess daqs ma jistax jikkostitwixxi tali funzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti. |
45 |
Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi. |
46 |
Fil-fatt, sabiex tiġi analizzata l-funzjonalità ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li tikkonċerna biss is-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott konkret, il-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-funzjoni teknika tal-prodott konkret ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72). |
47 |
Għaldaqstant, u peress li ma huwiex ikkontestat li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit mill-forma ta’ prodott konkret u mhux minn forma astratta, il-Qorti Ġenerali messha ddefinixxiet il-funzjoni teknika tal-prodott konkret inkwistjoni, jiġifieri logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, u messha ħaditha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ dan is-sinjal. |
48 |
Minkejja li kien neċessarju, hekk kif il-Qorti Ġenerali barra minn hekk irrilevat fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li wieħed jitlaq mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata b’mod grafiku, l-imsemmija analiżi ma setgħetx titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, l-elementi addizzjonali li jirrigwardaw il-funzjoni tal-prodott konkret inkwistjoni. |
49 |
Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-eżami tal-karatteristiċi funzjonali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbli ppreżentati waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, elementi utli għall-identifikazzjoni xierqa ta’ karatteristiċi essenzjali tal-imsemmi sinjal (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54). |
50 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 86 u 91 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kull waħda mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377), tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516), u tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129), il-korpi kompetenti allegatament ma kinux f’pożizzjoni li janalizzaw il-forma kkonċernata sempliċement mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, mingħajr ma jagħmlu użu minn informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-prodott konkret. |
51 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi eżaminata l-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, b’mod partikolari l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu, kemm hemm lok li wieħed jitlaq mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata b’mod grafiku, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi addizzjonali li osservatur oġġettiv ma jkunx f’pożizzjoni li “jifhem b’mod preċiż” abbażi tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata, bħall-kapaċità ta’ rotazzjoni ta’ elementi individwali ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tat-tip “Rubik’s Cube”. |
52 |
Barra minn hekk, il-fatt, imsemmi fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għal “logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” b’mod ġenerali, jiġifieri mingħajr ma tkun limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni, u li l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark ma hemiżx mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu deskrizzjoni fejn ġie ppreċiżat li l-forma inkwistjoni kienet tinkludi tali kapaċità, ma jistax ixekkel li, għall-finijiet tal-eżami tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni tali funzjoni teknika tal-prodott konkret irrappreżentat minn dan is-sinjal, ħlief sabiex il-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jiġi permess jestendi l-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni tagħha għal kull tip ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li l-elementi tagħha jirrappreżentaw il-forma ta’ kubu, indipendentement mill-modalitajiet ta’ funzjonament tagħha. |
53 |
Issa, din l-aħħar possibbiltà allegatament tmur kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li huwa, hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li jiġi evitat li impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott. |
54 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ dan l-aggravju u lanqas l-aggravji l-oħra tal-imsemmi appell. |
Fuq il-kawża fl-ewwel istanza
55 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. |
56 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni b’mod definittiv fuq it-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. |
57 |
Fil-fatt, mill-punti 42 sa 53 tas-sentenza preżenti jirriżulta li dan il-motiv huwa fondat. |
58 |
Konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
60 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
61 |
Peress li l-appellanti talbet il-kundanna tal-EUIPO u ta’ Seven Towns għall-ispejjeż, u dawn tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż relattivi kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑450/09 kif ukoll għal dik tal-appell. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.