Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0456

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
    L’association des fonctionnaires indépendants pour la défense de la fonction publique européenne (TAO-AFI) u Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens – Section du Parlement européen (SFIE-PE) vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Remunerazzjonijiet u pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni – Adattament annwali – Regolamenti (UE) Nri 422/2014 u 423/2014 – Irregolaritajiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti – Nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet sindakali.
    Kawża T-456/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:493

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    15 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

    (Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Novembru 2016)

    “Remunerazzjonijiet u pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni — Adattament annwali — Regolamenti (UE) Nri 422/2014 u 423/2014 — Irregolaritajiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti — Nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet sindakali”

    Fil-Kawża T‑456/14,

    L-Association des fonctionnaires indépendants pour la défense de la fonction publique européenne (TAO‑AFI), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

    Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens – Section du Parlement européen (SFIE‑PE), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

    irrappreżentati minn M. Casado García-Hirschfeld u J. Vanden Eynde, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u E. Taneva, bħala aġenti,

    u

    IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u E. Rebasti, bħala aġenti,

    konvenuti,

    sostnuti minn

    IlKummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, sussegwentement minn G. Gattinara u F. Simonetti, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolamenti (UE) Nri 422/2014 u 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, li jaġġustaw, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 u mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 129, rispettivament p. 5 u p. 12),

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

    komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), mehmuża mar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU, L 311, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta minn rettifika ppubblikata fil-5 ta’ Ġunju 2012 (ĠU, L 144, p. 48), jiddisponu fl-Artikolu 64 li:

    “Ir-remenerazzjoni ta’ uffiċjal espressa f’euro għandha, wara li ttnaqqis ta’ bilfors ippreżentati f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew kull regolament ta’ implementazzjoni jkunu saru, tkun peżata bir-rata ‘l fuq min, taħt jew daqst [tkun affettwata b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni b’rata superjuri, inferjuri jew ugwali għal] 100 %, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien fil-postijiet varji ta’ mpieg.

    Dawn il-peżati għandhom ikunu adottati mill-Kunsill, li jaġxxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-[TUE].”

    2

    L-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

    “1.   Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Unjoni Ewropea bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

    Matul din ir-reviżjoni l-Kunsill għandu jikkunsidra jekk, bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, ir-remunerazzjoni għandha tkun aġġustata. Kunsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal xi żidiet fil-pagi tas-servizz pubbliku u l-ħtiġiet tar-reklutaġġ.

    2.   Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati [koeffiċjenti ta’ korrezzjoni] u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

    3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) [TUE].”

    3

    Taħt l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar adattament tar-remunerazzjonijiet skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess adattament għandu japplika għall-pensjonijiet miksuba.

    4

    Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 ta’ dan huma ddefiniti fl-Anness XI tal-imsemmija regolamenti.

    5

    Dan l-Anness XI, intitolat “Regoli biex ikunu implimentati l-Artikolu 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal”, jinkludi diversi kapitoli, li l-ewwel wieħed fosthom huwa kompost mill-Artikoli 1 sa 3, intitolat “Reviżjoni ta’ kull sena tar-remunerazzjoni pprovduti fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal”, u mill-Kapitolu 4, intitolat “Ħolqien u rtirar tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni (l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal)”.

    6

    L-Artikolu 1 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu I ta’ dan l-anness, jipprevedi li, għall-finijiet tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, jistabbilixxi ta’ kull sena rapport, qabel tmiem ix-xahar ta’ Ottubru, dwar l-evoluzzjoni fl-għoli tal-ħajja fi Brussell (il-Belġju) (indiċi internazzjonali ta’ Brussell), dwar l-evoluzzjoni fl-għoli tal-ħajja barra minn Brussell (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti) kif ukoll dwar l-evoluzzjoni fil-kapaċità ta’ akkwist tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali nazzjonali tal-amministrazzjonijiet ċentrali ta’ tmien Stati Membri (indikaturi speċifiċi). L-imsemmi Artikolu 1 jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Eurostat, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu kkalkolati dawn l-evoluzzjonijiet.

    7

    Taħt l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi t-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, intitolat “Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”:

    “1.   Taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji ppreżentati fl-Ewwel Taqsima ta’ dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel l-aħħar ta’ kull sena, u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Lulju.

    2.   L-ammont ta’ l-aġġustament għandu jinkiseb billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f’termini netti bħala persentaġġ uniformi fuqhom kollha.

    3.   L-ammont ta’ l-aġġustament stabbilit hekk, għandu jiddaħħal fit-tabelli ta-salarji bażiċi li jidhru fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal […]

    […]

    5.   L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli:

    (a)

    għas-salarji ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra u f’ċerti postijiet oħra ta’ mpjieg,

    (b)

    […] għall-pensjonijiet tal-Unjoni mħallsa fl-Istati Membri l-oħra għall-parti li tikkorrospondi mad-drittijiet akwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004,

    għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-proporzjon bejn il-paritajiet ekonomiċi li jikkorrospondu riferuti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness u r-rati tal-kambju speċifikati fl-Artikolu 63 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pajjiżi relevanti.

    Il-proċeduri mniżżlin fl-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness li jikkonċernaw l-applikazzjoni b’effett b’lura tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni f’postijiet ta’ mpjieg b’rata għolja ta’ inflazzjoni, għandhom japplikaw.

    […]”

    8

    L-Artikolu 8 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-adattamenti annwali u intermedji tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-postijiet b’żieda kbira fl-għoli tal-ħajja.

    9

    Il-Kapitolu 5 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Klawżola ta’ eċċezzjoni”. Huwa magħmul mill-Artikolu 10 biss li jiddisponi:

    “Jekk ikun hemm deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Unjoni, eżaminata fuq bażi ta’ data oġġettiva pprovduta għl dan l-iskop mill-Kummissjoni, ta’ l-aħħar għandha tibgħat proposti xierqa li fuqhom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 336 [TUE].”

    10

    Skont l-Artikolu 15(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjonijiet previsti f’dan huma applikabbli għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    11

    Fix-xahar ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjara li “l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi li seħħew dan l-aħħar fi ħdan l-[Unjoni] u li [rriżultaw] f’aġġustamenti fiskali sostanzjali u f’żieda fl-inċertezza tal-impjieg f’bosta Stati Membri [wassal] għal deterjorament serju u f’daqqa fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni”. Huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fid-dawl tad-data oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, tippreżenta, maż-żmien, proposti adatti sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżaminawhom u jadottawhom qabel tmiem is-sena 2011 (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 12).

    12

    Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Kunsill dwar il-klawżola ta’ eċċezzjoni (Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) [COM(2011) 440 finali]. Skont dan ir-rapport, l-indikaturi kienu juru li l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kien qiegħed iseħħ b’mod gradwali. Dan ir-rapport ikkonkluda li ma kienx hemm deterjorament serju u għall-għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni matul il-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Lulju 2010, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar adattament annwali tar-remunerazzjonijiet, sa nofs Mejju 2011, id-data meta l-informazzjoni l-iktar reċenti saret disponibbli, u li ma kienx hemm lok li tiġi ppreżentata proposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. L-eżami tar-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 ta lok għal diskussjonijiet sussegwenti fi ħdan il-Kunsill, li rriżultaw f’talba ġdida mill-Kunsill indirizzata lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ dan l-imsemmi artikolu u tal-preżentazzjoni ta’ proposta xierqa ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet fi żmien xieraq sabiex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżaminawha u jadottawha qabel tmiem is-sena 2011 (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punt 13 sa 15).

    13

    B’risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni COM(2011) 829 finali, tal-24 ta’ Novembru 2011, li tipprovdi informazzjoni komplementari għar-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011, li kienet b’mod partikolari bbażata fuq il-previżjonijiet ekonomiċi Ewropej trażmessi mid-Direttorat Ġenerali “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” tagħha fl-10 ta’ Novembru 2011. F’din l-informazzjoni komplementari, hija indikat li dawn il-previżjonijiet “jindikaw xejriet ta’ degradazzjoni għall-2011 meta mqabbla mal-previżjonijiet ppubblikati fir-rebbiegħa, kemm għall-indikaturi ekonomiċi kif ukoll għall-indikaturi soċjali, u juru li l-ekonomija Ewropea [kienet] qed tesperjenza taqlib”. Madankollu, hija kkunsidrat li, fid-dawl ta’ numru ta’ elementi, l-Unjoni ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni straordinarja fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u li għaldaqstant hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġustifika t-teħid ta’ miżuri li jmorru lil hinn mit-telf tal-kapaċità ta’ akkwist li jirriżulta mill-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness. Hija indikat li, konsegwentement, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti lok għall-klawżola ta’ eċċezzjoni mingħajr ma tmur kontra l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness. Fl-istess jum, hija ppreżentat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jadatta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-Unjoni kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li japplikaw għalihom, [COM(2011) 820 finali], flimkien ma’ espożizzjoni tal-motivi (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ta’ Novembru 2011”). L-adattament tar-remunerazzjonijiet propost abbażi tal-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 tal-anness inkwistjoni kien ta’ 1.7 % (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punti 1617).

    14

    Barra minn hekk, fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni għaddiet lill-Parlament u lill-Kunsill proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Diċembru 2011”).

    15

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 341, p. 54), il-Kunsill iddeċieda li ma jadottax il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ta’ Novembru 2011.

    16

    Fit-3 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/866 (Kawża C‑63/12). Barra minn hekk, hija nnotifikat lill-Presidenza tal-Kunsill b’ittra tal-25 ta’ Jannar 2012, irreġistrata fis-Segretarjat tal-Kunsill fl-20 ta’ Frar 2012, fejn stiednitu jadotta, taħt l-Artikolu 265 TFUE, il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ta’ Novembru 2011 fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din l-ittra. Il-Kunsill “ħa nota” ta’ din l-ittra.

    17

    Fis-26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ppreżentat rikors abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, li permezz tiegħu hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottax il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ta’ Novembru 2011, il-Kunsill kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal (Kawża C‑196/12).

    18

    Fid-9 ta’ Frar 2013, il-Kunsill, min-naħa tiegħu, ippreżenta rikors prinċipalment intiż għall-annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat b’mod definittiv milli tippreżenta proposti xierqa lill-Parlament u lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ta’ Novembru 2011 u, sussidjarjament, il-konstatazzjoni taħt l-Artikolu 265 TFUE, ta’ ksur tat-Trattati minħabba l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tissottometti proposti xierqa lill-Parlament u lill-Kunsill abbażi ta’ dan l-artikolu (Kawża C‑66/12).

    19

    Fit-23 ta’ Ottubru 2013, il-Parlament u l-Kunsill, wara negozjazzjoni bejn tliet partijiet, adottaw il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ Diċembru 2011, fil-forma ta’ Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, p. 15). Dan ir-regolament, b’mod partikolari, introduċa fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal metodu ġdid għall-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet li jinsab fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    20

    Madankollu, l-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, jipprevedi li l-Artikoli 63 sa 65, 82 u 83a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Annessi XI u XII tiegħu kif ukoll l-Artikolu 20(1) u l-Artikoli 64, 92 u 132 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013, jiġifieri d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, jibqgħu esklużivament fis-seħħ għal kull adattament li jista’ jkun neċessarju sabiex jikkonformaw ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 266 TFUE, dwar l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli.

    21

    Fid-19 ta’ Novembru 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-Kawżi C‑63/12 u C‑196/12, u konsegwentement iddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors imressaq mill-Kunsill fil-Kawża C‑66/12 (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑66/12, EU:C:2013:751; tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, u tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753).

    22

    Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni informat lill-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar ’il quddiem l-“OSP”) ta’ rappreżentanza li fit-2 ta’ Diċembru 2013 kienet ser tinżamm laqgħa ta’ djalogu soċjali fuq is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑66/12, EU:C:2013:751), tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752), u tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑196/12, EU:C:2013:753).

    23

    Fid-9 ta’ Diċembru 2013, il-Viċi President tal-Kummissjoni, responsabbli għall-amministrazzjoni, informa lir-rappreżentanti tal-persunal li bi qbil mal-President kien sejjer jipproponi lill-kulleġġ adattament tas-salarji ta’ 0.9 % għall-2011, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, u ta’ 0.9 % għall-2012, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012.

    24

    Fl-10 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni informat lir-rappreżentanti tal-persunal li fl-istess ġurnata kienet ikkomunikat lill-Parlament u lill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, proposti għal regolamenti għall-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-Unjoni ta’ 0.9 % għall-2011, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, u ta’ 0.9 % għall-2012, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012.

    25

    Fis-17 ta’ Diċembru 2013, wara laqgħa ta’ informazzjoni organizzata mill-Viċi President tal-Kummissjoni, il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal indika, permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lill-kulleġġ tal-Kummissarji, li ma kienx jaqbel mal-proposti għal regolamenti msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, peress li ċ-ċifri indikati f’dawn kienu kompletament arbitrarji, ma kienu bbażati fuq l-ebda statistika preċiża jew kwalunkwe element oġġettiv u li ma huma bbażati fuq l-ebda bażi teknika.

    26

    Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Diċembru 2013 u tas-26 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti, l-Association des fonctionnaires indépendants pour la défense de la fonction publique européenne (TAO‑AFI) u s-Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens – Section du Parlement européen (SFIE‑PE), informaw lill-President tal-Parlament bin-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni, minħabba li din ma kienet ibbażata fuq l-ebda metodu ta’ kalkolu verifikabbli u kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ espedjenza.

    27

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku intern tad-19 ta’ Diċembru 2013, id-Direttur Ġenerali tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni, Irene Souka, informat lill-persunal tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha obbligu legali li tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill proposti ġodda għall-adattament tar-remunerazzjonijiet għas-snin 2011 u 2012 u li dawn il-proposti kienu jipprevedu adattament ta’ 0.9 % għall-2011, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, u ta’ 0.9 % għall-2012, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012. F’dan il-messaġġ elettroniku ġie wkoll ippreċiżat li l-kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament ta s-sostenn tiegħu għal dawn il-proposti fis-16 ta’ Diċembru 2013 u li dawn issa kellhom jiġu trażmessi lill-Kunsill fil-bidu tas-sena 2014.

    28

    Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Jannar 2014, I. Souka rrispondiet għall-ittra miftuħa tal-25 ta’ Novembru 2013 u għall-messaġġ elettroniku tat-13 ta’ Jannar 2014, indirizzati lil M. Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni, minn OSP. F’din l-ittra, hija b’mod partikolari fakkret li kienu ġew organizzati żewġ laqgħat ta’ djalogu soċjali qabel mal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-adattament tar-remunerazzjonijiet ġiet ippreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill, jiġifieri kien hemm skambju ta’ fehmiet mal-OSP kollha, fit-2 ta’ Diċembru 2013, dwar alternattivi differenti disponibbli għall-Kummissjoni fid-dawl tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752), u preżentazzjoni lill-OSP kollha minn M. Šefčovič, fid-9 ta’ Diċembru 2013, dwar l-approċċ li l-Kummissjoni kienet intenzjonata li tadotta fuq dan is-suġġett.

    29

    Fl-4 ta’ Marzu 2014 kien hemm negozjazzjoni bejn tliet partijiet, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dwar din il-proposta. Dan in-negozjar wassal għal ftehim dwar l-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-UE għas-snin 2011 u 2012.

    30

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, konformement mal-ftehim li rriżulta min-negozjazzjoni bejn tliet partijiet tal-4 ta’ Marzu 2014, l-adattamenti annwali kienu ser ikunu ta’ 0 % għall-2011, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, u ta’ 0.8 % għall-2012, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012. Hija ppreċiżat li dan il-ftehim kien ir-riżultat ta’ negozjati intensi mal-Parlament u mal-Kunsill wara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752), u barra minn dan, jikkorrispondi għar-rieda tagħha li jintlaħaq ftehim malajr u raġonevoli fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-adattamenti annwali tar-remunerazzjonijiet. Il-Kummissjoni indikat ukoll li minkejja li l-proposta inizjali tagħha kienet adattament ta’ 0.9 % għall-2011 u 0.9 % għall-2012, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-mandat tal-Kunsill, li kien jikkonsisti f’adattament ta’ 0 % għall-2011 u ta’ 0 % għall-2012, kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Parlament u lill-Kunsill permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    31

    Fil-11 ta’ Marzu 2014, il-Parlament adotta f’seduta plenarja l-pożizzjoni tiegħu dwar test ta’ kompromess li jirriżulta min-negozjati bejn tliet partijiet tal-4 ta’ Marzu 2014, li għandha tapplika rata ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet ta’ 0 % għall-2011 u ta’ 0.8 % għall-2012 u li jiġu ffriżati r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet għas-snin 2013 u 2014. Fis-16 ta’ April 2014, il-Kunsill approva l-pożizzjoni tal-Parlament u, konformement mal-Artikolu 294(4) TFUE kienu adottati r-Regolamenti (UE) Nri 422/2014 u 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jaġġustaw, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 u mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 129, rispettivament p. 5 u p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti kkontestati”).

    32

    Il-premessi tar-Regolament Nru 422/2014 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑63/12, Il‑Kummissjoni Ewropea vs il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja […] ċċarat li l-istituzzjonijiet [kienu] obbligati jiddeċiedu kull sena dwar l-aġġustament tar-rimunerazzjoni, billi jagħmlu aġġustament ‘matematiku’ skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolament tal-Persunal, jew inkella billi jidderogaw minn dan il-kalkolu ‘matematiku’ f’konformità mal-Artikolu 10 tiegħu.

    (2)

    L-għan tal-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat l-aħħar bir-Regolament […] Nru 1023/2013 […], hu li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim tagħhom rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet f’konformità ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-aspettattivi leġittimi tal-persunal li l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu deċiżjoni kull sena dwar l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tagħhom.

    (3)

    Sabiex taderixxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑63/12, fejn il-Kunsill jistabbilixxi li jkun hemm deterjorament serju u mhux mistenni fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 336 [TFUE] sabiex tinvolvi lill-Parlament […] fil-proċess leġislattiv. Fl-4 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill iddikjara li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed isseħħ fl-Unjoni, u li [kien irriżulta] f’aġġustamenti fiskali sostanzjali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kienet tikkostitwixxi deterjorament serju u mhux mistenni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni. Għalhekk, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 241 TFUE, biex timplimenta l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u tippreżenta proposta adatta għall-aġġustament tar-rimunerazzjoni.

    (4)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li skont il-klawżola ta’ eċċezzjoni, il-Parlament […] u l-Kunsill għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet. Fid-dawl tad-data ekonomika u soċjali għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011, bħall-kriżi finanzjarja u ekonomika li affettwat għadd ta’ Stati Membri fil-ħarifa tal-2011, li kkawżat deterjorament immedjat fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni u li wasslet għal aġġustamenti makroekonomiċi sostanzjali, il-livell għoli ta’ qgħad u l-livell għoli ta’ defiċit pubbliku u d-dejn fl-Unjoni, ikun adatt li l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet fil-Belġju u l-Lussemburgu jiġi stabbilit għal 0 % għall-2011. Dak l-aġġustament hu parti minn approċċ globali biex tinstab soluzzjoni għal tilwim rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 għar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet, li wkoll jinvolvi aġġustament ta’ 0,8 % għall-2012.

    (5)

    Konsegwentement, matul perjodu ta’ ħames snin (2010‑2014) l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni […] huwa kif ġej: fl-2010, l-applikazzjoni tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal rriżultat f’aġġustament ta’ 0,1 %. Għas-snin 2011 u 2012, ir-riżultat tal-approċċ globali biex tinstab soluzzjoni għal tilwim rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet jinvolvi aġġustament ta’ 0 % u ta’ 0,8 % rispettivament. Addizzjonalment, bħala parti mill-kompromess politiku dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, ġie deċiż li r-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet jiġu ffriżati għas-snin 2013 u 2014[.]”

    33

    Il-premessi tar-Regolament Nru 423/2014 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑63/12, il‑Kummissjoni vs il‑Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja […] ikkjarifikat li l-istituzzjonijiet [kienu] obbligati li jiddeċiedu kull sena dwar l-aġġustament tar-rimunerazzjoni, jew billi jagħmlu aġġustament ‘matematiku’ skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jew billi jidderogaw minn dan il-kalkolu ‘matematiku’ skont l-Artikolu 10 tiegħu.

    (2)

    L-għan tal-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat l-aħħar bir-Regolament […] Nru 1023/2013 […], hu li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim tagħhom rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet f’konformità ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-aspettattivi leġittimi tal-persunal li l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu deċiżjoni kull sena dwar l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tagħhom.

    (3)

    Sabiex taderixxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑63/12, fejn il-Kunsill jistabbilixxi li jkun hemm deterjorament serju u mhux mistenni fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 336 [TFUE] sabiex tinvolvi lill-Parlament […] fil-proċess leġiżlattiv. Fl-24 [fil-25] ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill iddikjara li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni kif ippreżentata fir-rapport tagħha dwar il-klawżola ta’ eċċezzjoni ma [kinitx tirrifletti] id-deterjorament serju u f’salt fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni fl-2012, kif kien suġġerit mid-data ekonomika u oġġettiva li kienet pubblikament disponibbli. Għalhekk il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, proposta adatta għall-aġġustament tas-salarji tal-2012.

    (4)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li taħt il-klawżola ta’ eċċezzjoni l-Parlament […] u l-Kunsill għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet. Fid-dawl tad-data ekonomika u soċjali għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011, bħas-segwiti tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-2011, li kkawżat reċessjoni ekonomika fl-Unjoni u sitwazzjoni ta’ deterjorament soċjali kif ukoll livelli kontinwament għolja ta’ qgħad u ta’ defiċit u ta’ dejn pubbliku fl-Unjoni, ikun adatt li l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet fil-Belġju u l-Lussemburgu jiġi stabbilit għal 0,8 % għall-2012. Dak l-aġġustament hu parti minn approċċ globali biex tinstab soluzzjoni għal tilwim rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 għar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet, li wkoll jinvolvi aġġustament ta’ 0 % għall-2011.

    (5)

    Konsegwentement, matul perjodu ta’ ħames snin (2010–2014) l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni […] huwa kif ġej: fl-2010, l-applikazzjoni tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal rriżultat f'aġġustament ta’ 0,1 %. Għas-snin 2011 u 2012, ir-riżultat tal-approċċ globali biex tinstab soluzzjoni għal tilwim rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet jinvolvi aġġustament ta’ 0 % u ta’ 0,8 % rispettivament. Addizzjonalment, bħala parti mill-kompromess politiku dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, ġie deċiż li r-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet jiġu ffriżati għas-snin 2013 u 2014[.]”

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    34

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

    35

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

    36

    Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Settembru 2014, il-Parlament u il-Kunsill qajjmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

    37

    Fil-31 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Parlament u mill-Kunsill.

    38

    B’digriet tal-25 ta’ Frar 2015, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

    39

    Il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw ir-risposti tagħhom fl-14 ta’ April 2015.

    40

    Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ April 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni.

    41

    Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fid-29 ta’ Mejju 2015.

    42

    Fl-20 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.

    43

    Fit-22 ta’ Jannar 2016, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi mistoqsijiet lill-partijiet fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet wieġbu għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-8 ta’ Frar 2016.

    44

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolamenti kkontestati;

    tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    45

    Il-Parlament u l‑Kunsill, sostnuti mill‑Kummissjoni, jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors inammissibbli;

    sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    46

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tar-regolamenti kkontestati, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mill-Parlament u mill-Kunsill tad-drittijiet proċedurali tagħhom previsti taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219), l-Artikoli 9(3), 10, 10a, 10b, 10c, 24b, 55 u l-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, kif ukoll il-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u l-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, rispettivament konklużi mill-Parlament u mill-Kummissjoni ma’ diversi OSP, li jiggarantixxu l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, stabbiliti bl-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bl-Artikolu 154 TFUE.

    Fuq l-ammissibbiltà

    47

    Il-Parlament u l-Kunsill jeċċepixxu, kull wieħed l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament, minħabba li, minn naħa, peress li r-regolamenti kkontestati kienu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, huma jaqgħu taħt il-kategorija ta’ atti ta’ portata ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva, li fir-rigward tagħhom ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni.

    48

    Il-Kummissjoni taqbel mal-argument tal-Parlament u tal-Kunsill.

    49

    Ir-rikorrenti jsostnu li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali stabbiliti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Anzi huma ser ikunu kkonċernati direttament mir-regolamenti kkontestati, sa fejn dawn ikollhom l-effett immedjat li jċaħħduhom mid-dritt tagħhom għall-konsultazzjoni u mid-dritt tagħhom ta’ negozjar, stabbiliti mill-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistgħu jinvokaw bħala OSP rikonoxxuta abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, tal-Artikoli 9(3), 10, 10a, 10b, 10c, 24b, 55 u tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, u tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, konkluż bejn l-OSP u l-Parlament, kif ukoll tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, konkluż bejn l-OSP u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, huma individwalment ikkonċernati mir-regolamenti kkontestati minħabba l-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti tal-persunal tal-Unjoni, li jiddistingwihom minn kull persuna oħra. Huma ukoll ikkonċernati individwalment minħabba l-għarfien tal-kwalità tagħhom ta’ interlokutorji uffiċjali fil-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u fil-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008.

    50

    Ir-rikorrenti jsostnu li barra minn hekk, huma għandhom locus standi abbażi tal-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-assoċjazzjonijiet. Huma jispeċifikaw fil-fatt li konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-kwalità tagħhom ta’ negozjar, li hija rikonoxxuta, hija kkonċernata direttament u individwalment mir-regolamenti kkontestati sa fejn dawn jipproduċu effetti legali ta’ natura tali li jbiddlu b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni legali tagħhom bħala msieħba soċjali.

    51

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li huma ma jistgħux jiksbu drittijiet mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, peress li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ rappreżentanza previsti minn dan. Fl-ewwel lok, huma jenfasizzaw li, kuntrarjament għal SFIE‑PE, SFIE‑section Commission ma hijiex parti għal dan ir-rikors, b’tali mod li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ rappreżentattività ta’ din tal-aħħar huma irrilevanti. Fit-tieni lok, huma jsostnu li TAO‑AFI ma rċeviet ebda notifika mill-Kummissjoni dwar is-sospensjoni potenzjali tad-drittijiet tagħha li jirriżultaw minn dan il-ftehim qafas, hekk kif previst mill-Artikolu 11 ta’ dan il-ftehim qafas u li, fi kwalunkwe każ, hija membru tal-konfederazzjoni PLUS li hija fiha nnifisha grupp sindakali rappreżentattiv.

    52

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġustament jargumentaw il-Parlament u l-Kunsill, ir-regolamenti kkontestati kienu ġew adottati abbażi tal-Artikolu 336 TFUE, konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    53

    Għaldaqstant, ir-regolamenti kkontestati jaqgħu taħt il-kategorija ta’ atti li għandhom portata ġenerali u natura leġiżlattiva, li fir-rigward tagħhom ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament, ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ interess dirett u individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 56 sa 60).

    54

    Kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu fil-punt 10 tar-rikors, il-fatt, jekk jitqies bħala stabbilit, li huma kellhom jibbenefikaw minn dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni dwar il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, li rriżultat fl-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, dan ma huwiex tali li juri li huma kkonċernati direttament minn dawn ir-regolamenti.

    55

    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjonijiet, anki jekk huma OSP jew gruppi ta’ OSP, jista’ jkun ammissibbli fi tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet. L-ewwel nett, meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxi espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali serje ta’ fakultajiet ta’ natura proċedurali, it-tieni nett, meta l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha li jkollhom huma stess locus standi u, it-tielet nett, meta l-assoċjazzjoni hija kkonċernata individwalment minħabba l-impatt fuq l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li tiegħu l-annullament huwa mitlub (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-8 ta’ Settembru 2005Lorte et vs Il‑Kunsill, T‑287/04, EU:T:2005:304, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ April 2014, CFE‑CGC France Télécom‑Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑2/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:226, punti 27 sa 31).

    56

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux qed jallegaw li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom, tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Unjoni li għandhom locus standi, iżda jsostnu li huma stess għandhom locus standi sa fejn, minn naħa, ir-regolamenti kkontestati affettwaw l-interessi tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, huma jikkontestaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom mill-Kunsill u mill-Parlament.

    Dwar l-effett fuq l-interessi tar-rikorrenti stess

    57

    Għandu jiġi mfakkar li konformement mal-ġurisprudenza, organizzazzjoni stabbilita sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ kategorija ta’ parti f’kawża ma tistax tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta’ din il-kategorija (sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975, Union syndicale‑Service public européen et vs Il‑Kunsill, 72/74, EU:C:1975:43, punt 17).

    58

    Huwa wkoll importanti li wieħed jiftakar li s-sempliċi fatt li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal ipparteċipaw fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati ma huwiex biżżejjed sabiex ibiddel in-natura tad-dritt ta’ azzjoni li, fil-qafas tal-Artikolu 263 TFUE, huma jista’ jkollhom fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975, Union syndicale‑Service public européen et vs Il‑Kunsill, 72/74, EU:C:1975:43, punt 19).

    59

    Konsegwentement, huma r-rikorrenti li għandhom juru li huma kkonċernati individwalment fir-rigward tar-regolamenti kkontestati minħabba li jaffettwaw l-interessi tagħhom stess bħala OSP.

    60

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li r-regolamenti kkontestati affettwaw il-pożizzjoni tagħhom ta’ negozjar rikonoxxuta, bħala rappreżentanti tal-persunal, mill-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, sa fejn dawn jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti.

    61

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqsu milli juru li r-regolamenti kkontestati jaffettwaw l-interessi tagħhom stess fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq.

    Fuq l-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali li tirrikonoxxi espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali b’sensiela ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali

    62

    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, fl-uniku motiv tagħhom, li l-garanziji proċedurali previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, mill-Artikoli 9(3), 10, 10a, 10b, 10c, 24b, 55 u mill-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 u mill-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, li għandhom bħala għan li jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni ta’ dawn l-OSP, stabbiliti bl-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u bl-Artikolu 154 TFUE, ma kinux issodisfatti fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, li jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali ta’ dawn tal-aħħar.

    63

    Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li r-rikorrenti ma jgawdu minn l-ebda garanzija proċedurali fil-kuntest tal-adattament tar-remunerazzjonijiet li ta lok għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati. Għalhekk, skont il-Parlament, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw drittijiet proċedurali direttament mill-Artikolu 336 TFUE jew mill-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-rikorrenti lanqas ma setgħu jinvokaw drittijiet proċedurali mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li huma semmgħu. L-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ma fih l-ebda referenza għall-OSP iżda jirrigwarda biss is-setgħat mogħtija lill-Kumitat tal-Persunal.

    64

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq kull proposta ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li skont il-Parlament u l-Kunsill, ir-regolamenti kkontestati jikkostitwixxu sempliċi emenda għar-Regolamenti tal-Persunal u mhux “reviżjoni” ta’ dan. Dan b’mod partikolari jirriżulta mill-użu tal-espressjoni “[r]eviżjoni ta’ kull sena tar-remunerazzjoni” fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-modalitajiet għall-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, skont il-Parlament u l-Kunsill, jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jissuġġetta l-proposti ta’ emenda tar-regoli ta’ bażi tar-Regolamenti tal-Persunal għall-proċedura tal-Artikolu 10 ta’ dawn, dan ma jkunx il-każ għall-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal marbuta mal-adattament tar-remunerazzjonijiet. Dan japplika wkoll għall-Artikolu 10a u għall-Artikolu 10b tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonċernaw ukoll il-proposti ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal koperti mill-Artikolu 10 ta’ dawn.

    65

    Barra minn hekk, anki fil-każ fejn l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ikun applikabbli, dan ma jipprovdi għall-ebda dritt proċedurali favur l-OSP, bid-drittijiet inkwistjoni jkunu rriżervati għall-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Lanqas l-Artikoli 10b u 10c tar-Regolamenti tal-Persunal ma fihom tali drittijiet. Għalhekk, il-Parlament u l-Kunsill jenfasizzaw li, fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet li jista’ jkollhom bħala suġġett l-proposti ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal taħt l-Artikolu 10b, l-OSP ikunu qed jaġixxu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kumitati tal-Persunal f’dak li jirrigwarda r-Regolamenti tal-Persunal. Bl-istess mod, huma jsostnu li l-ftehimiet li jistgħu jiġu konklużi minn istituzzjoni ma’ OSP, koperti bl-Artikolu 10c “ma jistax ikun fihom emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew xi impennji ta’ estimi, lanqas ma jistgħu jaffettwaw l-ħidma ta’ l-istituzzjoni kkonċernata”. Fil-fehma tagħhom, dan kien ikun differenti fil-każ li huma biss l-uffiċjali impjegati mill-istituzzjonijiet li jkunu daħlu fi ftehimiet bħal dawn u li għandhom rwol fl-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati li setgħu jagħmlu użu minn dawn id-drittijiet proċedurali, li kien joħloq diskriminazzjoni fir-rigward tal-uffiċjali tal-Unjoni impjegati minn istituzzjonijiet oħra.

    66

    Skont il-Parlament u l-Kunsill, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14, ukoll invokat mir-rikorrenti, huwa mingħajr rabta mal-proċedura ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Unjoni.

    67

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jistgħu jinvokaw l-ebda garanzija proċedurali mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, peress li huma ma humiex OSP rappreżentattivi fis-sens ta’ dan.

    68

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li t-tieni sar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 154 TFUE, invokati mir-rikorrenti, jillimitaw ruħhom li jipprevedu l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni teżerċita s-setgħa tagħha ta’ inizjattiva fil-kuntest tal-implementazzjoni mill-Unjoni tal-kompetenza tagħha fil-qasam tal-politika soċjali, kif iddefinita bl-Artikolu 153 TFUE. L-Artikolu 154 TFUE jipprevedi għalhekk li l-Kummissjoni għandha, qabel ma tissottometti proposti fil-qasam tal-politika soċjali, tikkonsulta lill-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ azzjoni tal-Unjoni u sussegwentement, jekk tikkunsidra li azzjoni hija mixtieqa, tikkonsulta lill-imsieħba soċjali dwar il-kontenut tal-proposta ppjanata, b’din il-konsultazzjoni tista’, jekk ikun xieraq, tkun l-opportunità għal dawk l-imsieħba li jindikaw lill-Kummissjoni r-rieda tagħhom li jikkonkludu ftehim bejniethom fuq il-livell tal-Unjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 155 TFUE. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 154 TFUE ma jistabbilixxix dritt ġenerali għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-OSP.

    69

    Barra minn dan, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, il-fatt li persuna tintervjeni, b’mod jew ieħor, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni, fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tagħtiha ċerti garanziji proċedurali. Salv dispożizzjoni espressa li tipprovdi l-kuntrarju, la l-proċess ta’ tfassil tal-atti ta’ portata ġenerali u lanqas dawn l-atti stess ma jirrikjedu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt għal smigħ xieraq, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati peress li l-interess tagħhom huwa rrappreżentat mill-istanzi politiċi li jadottaw dawn l-atti (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 119).

    70

    Madankollu, l-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, invokati wkoll mir-rikorrenti, jistabbilixxu rispettivament id-dritt għall-konsultazzjoni u għall-informazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża u d-dritt għan-negozjar u għal azzjoni kollettiva. Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RXII, EU:C:2013:570). Madankollu, skont l-istess termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan jipprovdi huma limitati għall-każijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni.

    71

    Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mir-rikorrenti, minbarra dawk tal-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprevedux drittijiet proċedurali li dawn setgħu jużaw fid-data tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

    72

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw, insostenn tal-argument tagħhom, id-Direttiva 2002/14. Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet jew lill-organi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma humiex konsegwentement ikkunsidrati bħala tali li jimponu obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal- 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43).

    73

    Madankollu, hekk kif diġà ġie stabbilit, il-fatt li direttiva ma torbotx bħala tali lill-istituzzjonijiet ma jistax jeskludi li l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet meta fihom infushom dawn jidhru biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali li bihom huma direttament marbuta l-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, RinkeC‑25/02, EU:C:2003:435, punti 25 sa 28; tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 56, u tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, EU:F:2009:43, punt 113).

    74

    Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta hija, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, riedet twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament, huwa stess, għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-applikazzjoni tat-Trattati. Fl-aħħar nett, l‑istituzzjonijiet għandhom, konformement mad-dmir tagħhom ta’ lealtà, jikkunsidraw, bħala persuna li timpjega, id‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq il-livell tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, EU:F:2009:43, punti 116 sa 119).

    75

    Fil-każ preżenti, xejn ma jindika li l-Parlament u l-Kunsill, meta adottaw ir-regolamenti kkontestati, kellhom il-ħsieb li jeżegwixxu obbligu partikolari stabbilit mid-Direttiva 2002/14 jew li att ta’ portata ġenerali intern għal dawn l-istituzzjonijiet jirreferi espressament għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    76

    Jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment mid-Direttiva 2002/14 ta’ qafas ġenerali għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-impjegati jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huma imposti fuq il-Parlament u fuq il-Kunsill.

    77

    Konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/14, “l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità”.

    78

    Skont l-Artikolu 2(f) u (g) tad-Direttiva 2002/14, bit-terminu “informazzjoni” huwa mifhum “it-trasmissjoni minn dak li jimpjega lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati ta’ dettalji sabiex jiffaċilita li dawn jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materja tas-suġġett u biex ikunu jistgħu jezaminawha” u, bit-terminu “konsultazzjoni” huwa mifhum “l-iskambju ta’ veduti u l-istabbiliment ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati u dawk li jimpjegawhom”. L-espressjoni r-“rappreżentanti ta’ l-impjegati”, konformement mal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, tirreferi għar-“rappreżentanti ta’ l-impjegati li jipprovdu għalihom il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali”.

    79

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14, jippreċiża l-modalitajiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni kif ġej:

    “[…]

    2.   L-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikopru:

    (a)

    informazzjoni dwar żvilupp reċenti u probabli ta’ l-attivitajiet u tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-impriża jew ta’ l-istabbeliment;

    (b)

    informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli ta’ l-impieg fi ħdan l-impriża jew l-istabbeliment u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impieg;

    (ċ)

    informazzjoni u konsultazzjoni dwar deċiżjonijiet li jwasslu għall-tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kontrattwali, inklużi dawk koperti bid-disposizzjonijiet Komunitarji li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 9(1).

    3.   L-informazzjoni għandha tkun mogħtija f’tali waqt, u b’tali mod u b’tali kontenut hekk kif ikun xieraq sabiex tiffaċċilitizza, partikolarment, lir-rapreżentanti ta’ l-impjegati li jwettqu studju xieraq u, fejn meħtieġ, jippreparaw għall-konsultazzjoni.

    4.   Il-konsultazzjoni għandha sseħħ:

    (a)

    waqt li tassigura li l-għażla taż-żmien, tal-metodu u tal-kontenut tagħha jkunu xierqa;

    (b)

    fil-livell relevanti tal-management u tar-rapreżentazzjoni, jiddependi mis-suġġett li jkun diskuss;

    (ċ)

    fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni fornuta minn dak li jimpjega bi qbil mal-Artikolu 2(f) u ta’ l-opinjoni li r-rapreżentanti ta’ l-impjegati huma ntitolati li jifformulaw;

    (d)

    b’tali mod hekk li tiffaċilita lir-rapreżentanti ta’ l-impjegati li jiltaqgħu ma min jimpjega u biex jakwistaw reazzjoni, u għar-raġunijiet ta’ dik ir-reazzjoni, dwar xi opinjoni li huma jistgħhu jifformulaw;

    (e)

    bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar id-deċiżjonijiet fi ħdan l-iskop tal-poteri ta’ min jimpjega kif hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2(c).”

    80

    Jirriżulta mill-Artikolu 1(1), mill-Artikolu 2(f) u (g), u mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14 li, minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli għall-ħaddiema, u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huma organizzati permezz tar-rappreżentanti tal-persunal previsti mil-leġiżlazzjoni jew mill-prattika nazzjonali.

    81

    Madankollu, taħt l-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-Kumitat tal-Persunal li “jirrappreżenta l-interessi tal-persunal rigward l-istituzzjoni tagħhom u jżomm kuntatt kontinwu bejn l-istituzzjoni u l-persunal”. Dan “[g]ħandu jikkontribwixxi għall-operazzjoni tajba tas-servizz billi jipprovdi mezz ta’ espressjoni ta’ l-opinjoni tal-persunal”.

    82

    Barra minn hekk huwa ppreċiżat fl-Artikolu 10b tar-Regolamenti tal-Persunal li, jekk “[l-OSP] jaġixxu fl-interess ġenerali tal-persunal”, l-azzjoni tagħhom hija “mingħajr preġudizzju għas-setgħat statutorji tal-kumitati tal-persunal”.

    83

    Minn dan isegwi li l-obbligu għall-Parlament u għall-Kunsill li jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema previsti bid-Direttiva 2002/14 jikkonċernaw lill-Kumitati tal-Persunal u mhux lill-OSP.

    84

    Għalhekk, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dmir ta’ lealtà impost fuq il-Kunsill u l-Parlament fl-imġieba tagħhom ta’ persuna li timpjega, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw fir-rigward tagħhom ir-rispett tal-garanziji proċedurali taħt id-Direttiva 2002/14.

    85

    Sussegwentement, ir-rikorrenti jinvokaw diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li permezz tagħhom jallegaw li għandhom garanziji proċedurali.

    86

    Fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li, fid-data tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi għall-konsultazzjoni tal-uffiċjali, permezz ta’ korp konġunt, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkonsisti f’numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom, fuq kull proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

    87

    Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fil-premessi tar-regolamenti kkontestati, minbarra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jissemmew wkoll ir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    88

    Għandu jiġi mfakkar li, taħt l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness XI ta’ dan għandu l-għan li jirregola l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-modalitajiet japplikaw ukoll, skont l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-pensjonijiet miksuba.

    89

    L-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa l-uniku artikolu fit-Taqsima 5, “Klawżola ta’ eċċezzjoni” jippermetti deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 9 iktar ’il fuq, mill-metodu normali ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-kontenut tiegħu ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq.

    90

    Jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal teħtieġ ir-rikors għall-proċedura prevista fl-Artikolu 336 TFUE, bħal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dan tal-aħħar, huwa jikkostitwixxi biss, skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, modalità għall-applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    91

    Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mill-Kapitolu 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal intitolat “Disposizzjoni finali u l-klawżola tar-reviżjoni”, li min-naħa tiegħu jipprevedi reviżjoni ġenwina tal-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑40/10, EU:C:2010:713, punt 74).

    92

    Fil-fatt, taħt l-Artikolu 15 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif l-aħħar emendat bir-Regolament Nru 1080/2010, “[i]d-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness [kienu applikabbli] mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012”.

    93

    Skont l-Artikolu 15 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal “[g]ħandhom ikunu riveduti fl-aħħar tar-raba’ sena, b’mod partikolari minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom fuq l-estimi”, u “[g]ħal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn ikun il-każ, proposta biex ikun emendat [l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal] fuq bażi tal-Artikolu 336 [TFUE]”.

    94

    Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li r-regolamenti kkontestati kienu intiżi biss sabiex jadattaw ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni, kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw din ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, għas-sena 2011, f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 422/2014, u għas-sena 2012, f’dak li jikkonċerna ir-Regolament Nru 423/2014, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mit-titoli tagħhom u mill-premessi rispettivi tagħhom, li l-kontenut tagħhom ġie mfakkar fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq.

    95

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet proċedurali li jgawdu minn din id-dispożizzjoni sabiex juru l-locus standi tagħhom f’din il-kawża.

    96

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal invokati mir-rikorrenti ma fihom ebda referenza għall-garanziji proċedurali li dawn setgħu għamlu użu minnhom fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

    97

    Dan huwa l-każ tal-Artikolu 10a tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-termini li fihom il-Kumitat tal-Persunal, il-Kumitat Konġunt jew il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jagħtu l-opinjonijiet mitluba minnhom, tal-Artikolu 9(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar is-setgħat tal-Kumitat tal-Persunal, u tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal. Din il-konstatazzjoni testendi għall-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal dwar id-drittijiet tal-uffiċjali li jingħaqdu ma’ sindakat, kif ukoll għall-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-ħinijiet tax-xogħol tal-uffiċjali, li t-tnejn kemm huma ġew ukoll invokati mir-rikorrenti.

    98

    Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-fatt li l-OSP ma tistax tinvoka drittijiet proċedurali mill-Artikoli 9(3), 10, 10a, 10b, 10c, 24b, 55 u mill-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal dan ma jeskludix li tista’ tibbenefika minn tali drittijiet abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, inkluż mir-Regolamenti tal-Persunal.

    99

    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 10b u 10c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu rispettivament l-opportunità għall-Kummissjoni li tikkonsulta lill-OSP rappreżentattivi fuq proposti ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-fakultà ta’ kull istituzzjoni li tikkonkludi ma’ OSP rappreżentattiva fi ħdanha ftehimiet dwar il-persunal tagħha.

    100

    Issa huwa fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 10b u 10c tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u l-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 ġew konklużi ma’ diversi OSP, rispettivament, mill-Parlament u mill-Kummissjoni.

    101

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Parlament u l-Kunsill, il-fatt li tali ftehimiet “ma jistax ikun fihom emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew xi impennji ta’ estimi, lanqas ma jistgħu jaffettwaw l-ħidma ta’ l-istituzzjoni kkonċernata” u li l-OSP firmatarji għandhom jaġixxu “f’kull istituzzjoni, suġġetti għas-setgħat statutorji tal-kumitat tal-persunal”, fih innifsu, ma jipprekludix li dawn il-ftehimiet ikollhom bħala għan li jagħtu garanziji proċedurali lil dawn l-OSP.

    – Fuq il-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008

    102

    Fir-rigward tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 milħuq bejn il-Kummissjoni u diversi OSP, inklużi TAO‑AFI (Alliance) u SFIE Bruxelles (Alliance), għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim qafas, dan “għandu l-għan li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-[Kummissjoni] u l-[OSP]”. Huwa ppreċiżat fl-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim qafas li “[i]l-[Kummissjoni] tixtieq tenfasizza l-impenn tagħha għar-rwol u għar-responsabbiltà tal-OSP billi tassoċjahom, bl-iktar mod trasparenti u effettiv, mal-ħajja tal-istituzzjonijiet u tal-organi tal-Unjoni”. Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-OSP jaġixxu fl-interess ġenerali tal-persunal mingħajr preġudizzju għas-setgħat statutorji tal-Kumitati tal-Persunal.

    103

    It-Titolu 3 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 stabbilixxa proċedura ta’ konsultazzjoni. Konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ dan il-Ftehim qafas, il-konsultazzjoni tista’ tikkonċerna “l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-annessi tiegħu, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra” kif ukoll “ir-regoli u d-deċiżjonijiet il-ġodda jew l-emendi tar-regoli u tad-deċiżjonijiet eżistenti dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”.

    104

    Konformement mal-Artikolu 16 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, il-konsultazzjoni tista’ tintlaħaq fil-livell amministrattiv, tekniku jew politiku u, “f’kull livell ta’ konsultazzjoni, il-firmatarji jaħdmu biex ifittxu ftehim”.

    105

    L-Artikoli 17 u 18 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 jipprevedu l-modalitajiet għal konsultazzjoni fuq livelli differenti.

    106

    L-Artikolu 17 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 jistipula:

    “Konsultazzjoni amministrattiva jew teknika hija organizzata jew fuq talba tal-Amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rappreżentattiva firmatarja.

    Fir-rigward ta’ konsultazzjoni teknika, din tista’ tiġi organizzata jew direttament jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil wara konsultazzjoni fil-livell amministrattiv.

    It-talbiet imressqa mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji għandhom ikunu fformulati u ġġustifikati bl-iktar mod preċiż possibbli permezz ta’ dokument bil-miktub.

    L-amministrazzjoni għandha terminu ta’ 10 ijiem ta’ xogħol sabiex tagħti tweġiba favorevoli.

    Kwalunkwe rifjut ta’ konsultazzjoni għandu jiġi mmotivat bil-miktub.

    Il-kalendarju ta’ tħejjija u tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni għandu jiġi kkomunikat fl-10 ijiem ta’ xogħol wara l-aċċettazzjoni tat-talba u wara konsultazzjoni minn qabel mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji.

    Il-konsultazzjoni tiftaħ wara t-trażmissjoni tad-dokumenti rilevanti f’terminu ta’ 6 ġimgħat wara t-tweġiba tal-Amministrazzjoni għat-talba għall-konsultazzjoni.

    Fil-każ ta’ rifjut ta’ konsultazzjoni, laqgħa ta’ djalogu soċjali fil-livell amministrattiv issir fuq talba ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva firmatarja.”

    107

    L-Artikolu 18 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 jistipula:

    “Il-konsultazzjoni fil-livell politiku ssir mal-Kummissarju inkarigat mill-Persunal u mill-Amministrazzjoni.

    Wara konsultazzjoni teknika, tista’ tinbeda konsultazzjoni politika wara nuqqas ta’ qbil tal-membri tal-korp konsultattiv li jirrappreżenta l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji.

    Fil-każ ta’ ftehim b’maġġoranza kkwalifikata fil-livell tekniku, numru ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji li jirrappreżentaw mill-inqas 20 % fil-livell ċentrali jistgħu japplikaw għal konsultazzjoni politika.

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ ftehim unanimu wara konsultazzjoni teknika tal-membri tal-korp konsultattiv tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji, il-proċess ta’ konsultazzjoni jieqaf.”

    108

    Konformement mal-Artikolu 19 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, “[i]l-konsultazzjoni fi kwalunkwe livell twassal għal dokument bil-miktub ta’ ftehim jew ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-kontenut”.

    109

    Taħt l-Artikolu 20 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, “[f]il-każ ta’ nuqqas ta’ qbil persistenti fil-livell politiku, tinfetaħ proċedura ta’ konċiljazzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissarju jew tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji”.

    110

    Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista mill-Artikolu 20 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 timplika, l-ewwel nett, it-trażmissjoni lill-Kummissarju ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni li jkun fiha l-lista tal-punti suġġetti għall-konsultazzjoni għall-konċiljazzjoni fuq l-inizjattiva tal-OSP, it-tieni nett, il-ftuħ ta’ perijodu ta’ riflessjoni li matulu l-Kummissarju jħejji rapport għall-kulleġġ li juri l-pożizzjonijiet tal-partijiet kollha, bit-terminu b’mod ġenerali ma għandux jaqbeż l-għaxart ijiem ta’ xogħol, u t-tielet nett, il-konvokazzjoni ta’ laqgħa ta’ konċiljazzjoni li għandha tinżamm matul laqgħa tal-korp konsultattiv f’ konfigurazzjoni ristretta.

    111

    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 21 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, l-OSP firmatarji jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet interistituzzjonali li fihom tieħu sehem il-Kummissjoni, abbażi tar-regoli fis-seħħ f’din tal-aħħar. Għalhekk, laqgħa preparatorja bejn l-amministrazzjoni u l-OSP rappreżentattivi firmatarji tista’ tiġi organizzata qabel kull parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’konsultazzjoni interistituzzjonali. Barra minn hekk, ir-riżultati tan-negozjazzjoni miksuba matul il-konsultazzjonijiet interistituzzjonali jistgħu jkunu suġġetti għal validazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni fil-korpi konsultattivi previsti minn dan il-ftehim qafas, sakemm il-Kummissjoni u maġġoranza tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji jikkunsidraw li din il-validazzjoni ma hijiex neċessarja.

    112

    Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 esposti fil-punti 102 sa 111 iktar ’il fuq, jidher inkontestabbli li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, prevista minnu, huwa estiż għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, kemm jekk dan jissejjaħ ta’ “emenda tar-Regoli tal-Persunal” jew ta’ “regoli u deċiżjonijiet ġodda jew […] emendi tar-regoli u tad-deċiżjonijiet eżistenti dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”.

    113

    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw il-garanziji proċedurali previsti mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, peress li dawn ma kinux OSP firmatarji rappreżentattivi fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas meta l-Kummissjoni ttrażmettiet lill-Parlament u lill-Kunsill il-proposta għar-regolamenti msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

    114

    Ir-rikorrenti josservaw, minn naħa, li dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat mill-OSP SFIE‑section Commission iżda mill-OSP SFIE‑PE, b’tali mod li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ rappreżentattività ta’ din tal-aħħar ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Barra minn hekk, huma jsostnu li TAO‑AFI kienet kofirmatarja tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 u ma kinitx irċeviet notifika mill-amministrazzjoni li tindikalha s-sospensjoni tad-drittijiet tagħha hekk kif jirriżulta taħt dak il-ftehim qafas, kif previst fl-Artikolu 11 tagħha. Barra minn hekk, TAO‑AFI baqgħet tirċievi noti indirizzati lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi bħala kopresident tal-konfederazzjoni PLUS, hija stess rikonoxxuta bħala rappreżentattiva. Ir-rikorrenti jżidu li, peress li PLUS hija konfederazzjoni, din ma tista tieħu l-ebda passi mingħajr il-qbil ta’ TAO‑AFI u viċe versa. TAO-AFI tipparteċipa fuq livell indaqs mal-konfederazzjoni PLUS, kull meta tiġi organizzata laqgħa ta’ djalogu soċjali. Barra minn hekk, il-konfederazzjoni PLUS kienet kopreseduta b’mod ugwali, b’wieħed mill-kopresidenti ikun propost minn TAO‑AFI. Il-kopresidenti tal-konfederazzjoni PLUS huma awtomatikament mistiedna għal kull laqgħa ta’ djalogu soċjali organizzata mill-Kummissjoni u b’mod partikolari għal laqgħat regolari mal-Viċi President tal-Kummissjoni.

    115

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-Titolu 2 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar ir-rikonoxximent tal-[OSP], jipprevedi kif ġej:

    “Artikolu 6: Rikonoxximent

    Il-partijiet jaqblu mal-prinċipju ta’ rikonoxximent uffiċjali mill-[Kummissjoni] tal-OSP tal-persunal.

    Dan ir-rikonoxximent jimplika l-aċċettazzjoni tal-partijiet kollha bħala msieħba fid-djalogu soċjali.

    Artikolu 7: Kriterji għar-rikonoxximent tal-OSP

    Huma rikonoxxuti l-OSP

    li jiddikjaraw li għandhom bħala għan statutorju d-difiża tal-interessi tal-membri kollha tal-persunal mingħajr distinzjoni ta’ kull xorta tkun li tkun (b’mod partikolari tal-grupp tal-funzjoni, tan-nazzjonalità, tan-natura tar-rabta mal-istituzzjoni, tas-sess, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-karatteristika ġenetika, tal-lingwa, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-opinjoni politika jew ta’ kull opinjoni oħra, tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tad-diżabilità, tal-età jew tal-orjentazzjoni sesswali);

    li jikkonfermaw li ġew regolarment ikkostitwiti.

    Artikolu 8: Gruppi ta’ OSP rikonoxxuti

    L-OSP rikonoxxuti jistgħu jaġixxu waħedhom jew jifformaw gruppi ta’ OSP rikonoxxuti.

    Grupp huwa ddefinit bħala struttura organizzattiva ta’ tip federali, konfederali jew ieħor, irregolat bi ftehim formali u nnotifikat lill-[Kummissjoni] għal dan il-għan, li jgħaqqad flimkien żewġ OSP jew iktar rikonoxxuti f’post wieħed ta’ impjieg jew iktar.

    It-terminu ‘organizzazzjoni’ jintuża f’dan il-ftehim sabiex jindika kemm unjoni jew grupp.

    L-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu assoċjati f’organizzazzjonijiet sindakali internazzjonali u/jew nazzjonali.

    Artikolu 9: Rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet

    Il-[Kummissjoni] tirrikonoxxi bħala rappreżentattivi, fi ħdanha, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jissodisfaw iż-2 kundizzjonijiet li ġejjin:

    jirrappreżentaw mill-inqas 6 % fil-livell ċentrali u 5 % fil-livell lokali (fuq sit partikolari) tal-persunal [tal-Kummissjoni], u

    jiddisponu minn numru ta’ membri ugwali għal mill-inqas 400 membru li jkunu ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal, ta’ membru tal-persunal jew ta’ pensjonant tal-[Kummissjoni].

    L-organizzazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji tar-rappreżentattività elenkati iktar ’il fuq, huma ammessi għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim qafas bħala organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji.

    Il-firma tagħhom tista’ tkun akkumpanjata mill-kofirma tal-komponenti tal-gruppi rappreżentattivi firmatarji.

    Artikolu 10: Kriterji ta’ rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet

    a)

    Ir-riżultati tal-elezzjonijiet statutorji tas-sezzjonijiet lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni huma kkalkulati kif ġej:

    Il-kalkolu huwa magħmul fuq il-bażi tal-voti espressi u peżati skont il-metodu ppreċiżat fl-Anness 2. L-emenda tar-rappreżentattività kif prevista fl-Anness 2 isseħħ wara ċiklu komplet ta’ elezzjonijiet għas-sezzjonijiet lokali tal-Kumitat tal-Persunal.

    Madankollu, fuq talba bil-miktub ta’ organizzazzjoni rappreżentattiva, l-adattament jista’ jitwettaq fl-okkażjoni ta’ kull elezzjoni tas-sezzjonijiet lokali tal-Kumitat tal-Persunal.

    b)

    In-numru ta’ membri tal-organizzazzjonijiet huwa kkomunikat fil-forma ta’ dikjarazzjoni maħlufa mill-president tal-organizzazzjoni lil organu indipendenti li għandu jintgħażel skont ir-regoli ta’ konsultazzjoni.

    Wara l-verifika, dan l-organu jinnotifika lill-amministrazzjoni jekk l-organizzazzjonijiet jaqbżux jew le l-livell limitu. L-operazzjonijiet ta’ verifika għandhom jinkludu dan li ġej: preżentata tal-kopja tal-istatuti tal-organizzazzjoni, tal-provi li jindikaw li l-membri ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u tad-dokumentazzjoni taż-żamma ta’ laqgħat regolari tal-organizzazzjoni mal-membri tagħha. Id-dikjarazzjoni maħlufa u l-verifika tal-livell limitu tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ssir kull tliet snin.

    L-organu indipendenti ma jista’ taħt l-ebda ċirkustanza jikkomunika lill-amministrazzjoni jew lil kull organu ieħor in-numru eżatt ta’ membri ta’ organizzazzjoni.

    Artikolu 11: Telf u stabbiliment mill-ġdid tar-rappreżentattività

    Kwalunkwe organizzazzjoni rappreżentattiva firmatarja li ma tibqax tissodisfa wieħed minn dawn il-kriterji tirċievi notifika mill-amministrazzjoni u, wara perijodu ta’ tliet xhur, jiġu sospiżi d-drittijiet tagħha taħt dan il-ftehim qafas li jirrigwardaw id-drittijiet tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi.

    Kwalunkwe organizzazzjoni rappreżentattiva firmatarja jkollha immedjatament id-drittijiet tagħha stabbiliti mill-ġdid hekk kif tilħaq il-livell limiti inkwistjoni, wara verifika ta’ dan.

    L-amministrazzjoni għandha tinforma lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi firmatarji l-oħra.”

    116

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, matul il-konklużjoni tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, l-Alliance confédérale des syndicats libres kienet ammessa għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim qafas, bħala grupp ta’ OSP rappreżentattivi rikonoxxuti, u li l-firma tagħha kienet akkumpanjata mill-kofirma tal-OSP li jifformawha, inkluż TAO‑AFI.

    117

    Għandu jiġi wkoll osservat li TAO‑AFI u OSP oħra fformaw fl-2004 grupp ta’ OSP rikonoxxuti, jiġifieri l-konfederazzjoni PLUS. Hekk kif jirriżulta mill-proċess, fis-17 ta’ Settembru 2012, TAO‑AFI, dan l-OSP ieħor u grupp ieħor ta’ OSP rikonoxxuti informaw lil I. Souka, Direttur Ġenerali tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni, minn naħa, li dan ir-raggruppament ta’ OSP rikonoxxuti issa kien jagħmel parti mill-konfederazzjoni PLUS u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar kienet qed tħalli lill-Alliance confédérale des syndicats libres u kienet qed titlob li ssir intermedjarju dirett bħala organizzazzjoni rappreżentattiva fil-qafas tad-djalogu soċjali.

    118

    Barra minn hekk, f’nota tas-17 ta’ April 2013 indirizzata lill-OSP rappreżentattivi, I. Souka indikat li, skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, fit-13 u fl-20 ta’ Marzu 2013 marixxall tal-qorti kien ipproċeda għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ rappreżentattività bbażat fuq in-numru ta’ membri u li, wara l-komunikazzjoni tal-proċess verbali ta’ konstatazzjoni trażmess lill-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2013, kienu kkunsidrati bħala rappreżentattivi fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas l-OSP li ġejjin: l-Alliance confédérale des syndicats libres, l-Union syndicale fédérale, il-konfederazzjoni PLUS, Génération 2004, il-Fédération de la fonction publique européenne u USFIU-U4U. Ġie wkoll ippreċiżat f’din in-nota li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet kollha previsti minn dan il-Ftehim qafas.

    119

    Minn dan isegwi li, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, TAO‑AFI ma kinitx qed taġixxi biss fil-qafas tad-djalogu soċjali, iżda kienet membru ta’ grupp ta’ OSP rikonoxxuti, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ rappreżentattività previst mill-Artikolu 9 ta’ dan l-istess ftehim qafas.

    120

    Issa, minn naħa, dan ir-rikors ġie ppreżentat minn SFIE‑PE, li, hekk kif ir-rikorrenti stess osservaw, ma kinitx firmatarja tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll minn TAO‑AFI u mhux mill-grupp sindakali li hija tagħmel parti minnu. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-proċess li TAO‑AFI kienet hija stess tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ rappreżentattività previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008 qabel, waqt jew wara dak iż-żmien.

    121

    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li TAO‑AFI ma rċevietx in-notifika tat-telf ta’ rappreżentattività prevista mill-Artikolu 11 tal-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, qabel is-sospensjoni tad-drittijiet taħt dan il-ftehim, huwa irrilevanti f’dan il-każ. Il-fatt invokat mir-rikorrenti, li TAO‑AFI kompla jkun destinatarju tan-noti mibgħuta mill-Kummissjoni lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-kwalità tiegħu bħala kopresident tal-konfederazzjoni PLUS huwa wkoll irrilevanti peress li, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 120 iktar ’il fuq, ir-rikors ma ġiex ippreżentat mill-konfederazzjoni PLUS, iżda minn TAO‑AFI. Għall-istess raġuni għandu jiġi mwarrab l-argument tar-rikorrenti li TAO‑AFI ma setatx taġixxi mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-konfederazzjoni PLUS.

    122

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-locus standi tar-rikorrenti ma jistax jiġi ammess f’dan il-każ taħt il-protezzjoni tal-garanziji proċedurali previsti mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008.

    – Fuq il-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990

    123

    Fir-rigward tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 milħuq bejn il-Parlament u diversi OSP, inklużi SFIE‑PE, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim qafas, “il-Parlament jesprimi bil-firma tiegħu għal dan il-ftehim il-prinċipju ta’ rikonoxximent uffiċjali tal-[OSP] firmatarji ta’ dan il-ftehim, kif ukoll ta’ dawk li jaderixxu għalih fil-futur”.

    124

    Fl-Artikolu 2 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 huwa ppreċiżat kif ġej:

    “L-[OSP] firmatarji, iktar ’il quddiem imsejħa ‘l-organizzazzjonijiet’ jiddikjaraw li:

    a)

    għandhom bħala għan statutorju d-difiża tal-interessi u tad-drittijiet tal-membri kollha tal-persunal tal-Istituzzjoni;

    b)

    huma organizzazzjonijiet stabbiliti legalment, bħala persuna ġuridika, li jeżerċitaw l-attività tagħhom abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal u b’mod demokratiku, bl-orjentazzjonijiet tagħhom ikunu ffissati u l-korpi eżekuttivi tagħhom eletti mill-membri kollha tagħhom;

    c)

    iwettqu l-attività tagħhom b’mod indipendenti.”

    125

    Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990“l-organizzazzjonijiet jistgħu jitqassmu f’federazzjonijiet u jkunu affiljati direttament jew indirettament ma’ organizzazzjonijiet sindakali internazzjonali”.

    126

    It-Titolu II tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 stabbilixxa l-proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ konċiljazzjoni li ġejja:

    “Artikolu 4

    Il-konsultazzjoni bejn il-partijiet tirrigwarda:

    a)

    [i]l-proposti ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra;

    b)

    [k]ull emenda sostanzjali tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg jew ta’ xogħol ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal oħra; l-organizzazzjonijiet u l-Kumitat tal-Persunal għandhom jiffissaw, bi ftehim, il-każijiet inklużi f’dan il-paragrafu;

    c)

    [i]l-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 7.

    Artikolu 5

    Il-proċedura ta’ konsultazzjoni tapplika fir-rigward tad-dmirijiet u tal-kompetenzi assenjati mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Kumitat tal-Persunal. Hija għanda l-għan li tippromwovi l-kwalità u l-effettività tar-relazzjonijiet soċjali.

    Artikolu 6

    1.   Il-proċedura ta’ konsultazzjoni tippermetti lill-partijiet jippreżentaw reċiprokament il-pożizzjonijiet tagħhom u għandha l-għan li jaslu għal pożizzjonijiet komuni.

    L-organizzazzjonijiet huma rrappreżentati fil-konsultazzjoni minn kumitat intersindakali li l-kompożizzjoni u l-funzjonament tiegħu huma stabbiliti minnhom infushom. Il-Kumitat tal-Persunal għandu jkun assoċjat ma’ dan id-djalogu. L-organizzazzjonijiet u l-Kumitat tal-Persunal jintrabtu li jiżguraw fil-każijiet kollha delegazzjoni waħda rappreżentattiva tal-persunal.

    Fil-każijiet previsti fil-p[unti] a) u b) tal-Artikolu 4 ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Parlament għandhom jinħatru mis-Segretarju Ġenerali.

    2.   Il-Konsultazzjoni dwar emenda għar-Regolamenti tal-Persunal isseħħ matul it-tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk tal-kulleġġ tal-kapijiet tal-Amministrazzjoni.

    3.   Il-proċedura ta’ konsultazzjoni titwettaq bejn il-partijiet fuq talba ta’ wieħed minnhom; wara talba formali, il-laqgħat jibdew f’terminu minimu ta’ ġimagħtejn.

    Artikolu 7

    1.   Fil-bidu ta’ kull perijodu parlamentari annwali (Settembru) issir laqgħa ġenerali ta’ konsultazzjoni ta’ portata ġenerali li tissejaħ mill-President tal-Parlament.

    2.   Minbarra l-President tal-Parlament, din il-konsultazzjoni tlaqqa’ flimkien l-organizzazzjonijiet firmatarji kollha ta’ dan il-ftehim, lis-Segretarju-Ġenerali kif ukoll kull persuna oħra nnominata mill-President. Tliet rappreżentanti tal-Kumitat tal-Persunal għandhom ikunu preżenti wkoll f’din il-laqgħa.

    Artikolu 8

    Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiddefinixxu, fi protokoll li għandu jiġi anness ma’ dan il-ftehim, proċedura ta’ konċiljazzjoni li għandha tiġi implementata matul strajk mix-xogħol.”

    127

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn dan il-ftehim qafas hija estiża għall-“proposti ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal”, għal “[k]ull emenda sostanzjali tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg jew ta’ xogħol ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal” kif ukoll għal “kwistjonijiet ta’ interess ġenerali”.

    128

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-“proposti ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal”, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 li l-Konsultazzjoni dwar emenda għar-Regolamenti tal-Persunal isseħħ matul it-tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk tal-kulleġġ tal-kapijiet tal-Amministrazzjoni. Issa, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kkonsultat fuq kull proposta ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan isegwi li l-“proposti ta’ emenda tar-Regolamenti tal-Persunal” li jirreferi għalihom fl-Artikolu 4(a) ta’ dan il-ftehim qafas jikkorrispondu mal-proposti ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija taħt l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 95 iktar ’il fuq, l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienx applikabbli fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati. Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(a) tal-Ftehim qafas, peress li jirreferi għall-każ ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal skont l-Artikolu 10 tiegħu, dan ma huwiex probabbli li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista taħt l-istess ftehim qafas f’dan il-każ.

    129

    It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 4(c) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, għandu jiġi rrilevat li dan jikkonċerna “[l]-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali, fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 7”. Konformement ma’ dan l-aħħar artikolu, il-President tal-Parlament għandu jsejjaħ laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ portata ġenerali fil-bidu ta’ kull perijodu parlamentari annwali, jiġifieri fix-xahar ta’ Settembru. Għalhekk jista’ jiġi dedott li huwa fil-kuntest ta’ din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni annwali li huma ddeterminati l-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali suġġetti għall-konsultazzjoni.

    130

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest tal-uniku motiv tagħhom fuq il-mertu, li l-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 ma kinitx organizzata b’tali mod li l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati ma setgħatx ipotetikament titqajjem bħala kwistjoni ta’ interess ġenerali f’dik il-laqgħa.

    131

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Parlament ma jistax jinvoka tali ċirkustanza, anki jekk ikun il-każ, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, sa fejn, konformement mal-Artikolu 7 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, kien preċiżament għall-Parlament li jlaqqa’ l-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni ma ġietx organizzata f’Settembru 2013 ma għandha l-ebda konsegwenza f’dan il-każ. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑63/14, C‑66/12 u C‑196/12 ma ngħatatx sad-19 ta’ Novembru 2013 u li l-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament il-proposta tagħha ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet biss fl-10 ta’ Diċembru 2013, l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati ma setax, fi kwalunkwe każ, ikun is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni li kellha ssir fix-xahar ta’ Settembru 2013. Għalhekk, l-Artikolu 4(c) ta’ dan il-ftehim qafas ma setax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn dan il-ftehim qafas matul l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

    132

    It-tielet nett, fir-rigward tal-“emend[i] sostanzjali tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg jew ta’ xogħol ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal oħra”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(b) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, jippreċiża li “l-[OSP] u l-Kumitat tal-Persunal għandhom jiffissaw, bi ftehim, il-każijiet inklużi f’dan il-paragrafu”.

    133

    Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti kif ukoll il-Parlament ipproduċew test bit-titolu: “Il-[K]umitat tal-Persunal tal-[Parlament] u l-organizzazzjonijiet firmatarji tal-Ftehim qafas [tat-12 ta’ Lulju 1990] jiffissaw, bi ftehim, konformement ma[l-Artikolu 4(b) ta’ dan il-ftehim qafas], it-tqassim segwenti: Tqassim tal-kompetenzi bejn il-[K]umitat tal-Persunal u l-[OSP] mlaqqa’ fi ħdan il-[k]umitat intersindakali” (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP”).

    134

    Huwa ppreċiżat fl-ittra li takkumpanja l-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP indirizzat lill-President tal-Parlament mill-kumitat intersindakali, li t-test tal-ftehim ġie approvat mill-kumitat intersindakali waqt il-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Settembru 1996, hekk kif ġie vvotat b’mod unanimu mill-OSP aderenti għall-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, u li ġie approvat mill-Kumitat tal-Persunal fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta’ Settembru 1996 b’sittax-il vot favur, vot wieħed kontra u erba’ astensjonijiet.

    135

    Il-punt III tal-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP jistipula li:

    “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u għall-proċeduri statutorji, l-azzjoni tal-[OSP] li jkunu mlaqqa’ fi ħdan il-[k]umitat intersindakali tikkonsisti fid-definizzjoni, fl-emenda u fl-evalwazzjoni tal-politika tal-persunal kif ukoll fl-oqsma kollha relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg tal-persunal. Dawn għandhom b’mod partikolari jirrigwardaw il-każijiet li ġejjin:

    il-bidla fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg fil-każijiet kollha fejn ikun hemm deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, u li tkun tirrigwarda l-persunal tal-istituzzjonijiet kollha (Regolamenti tal-Persunal, Kondizzjonijiet tal-impjieg, remunerazzjonijiet) kif ukoll l-implementazzjoni tagħhom;

    emenda sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ xogħol, kif ukoll id-[d]isposizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni u r-regolamenti adottati fi ħdan l-Istituzzjoni jew mill-[k]ulleġġ tal-kapijiet tal-Amministrazzjoni;

    it-tfittxija għal soluzzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas min-naħa tal-korpi konsultattivi jew ta’ parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil serju fi ħdanhom;

    emenda tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-korpi konsultattivi jew ta’ parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni (ħolqien, bdil ta’ kompetenzi, bdil fil-kompożizzjoni);

    il-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali u t-talbiet dwar oqsma mhux koperti mill-korpi konsultattivi jew mill-parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni.”

    136

    Konformement mal-punt IV tal-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP, reviżjoni ta’ dan tista’ tinbeda fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

    137

    Il-Parlament josserva li l-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP ma setax jorbtu, peress li jikkonċerna tqassim tal-kompetenzi li jmur lil hinn minn dawk koperti bl-Artikolu 4(b) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990. Bħala eżempju, il-Parlament osserva li l-każ tal-“bidla fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg fil-każijiet kollha fejn ikun hemm deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, u li tkun tirrigwarda l-persunal tal-istituzzjonijiet kollha (Regolamenti tal-Persunal, Kondizzjonijiet tal-impjieg, remunerazzjonijiet) kif ukoll l-implementazzjoni tagħhom” normalment taqa’ taħt l-Artikolu 4(a) tal-Ftehim qafas.

    138

    Skont il-Parlament, jirriżulta mill-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP li dawn tal-aħħar jista’ jkollhom rwol fi konsultazzjoni dwar il-kwistjoni tar-remunerazzjonijiet, minn naħa, jekk is-suġġett li jikkonċerna r-remunerazzjonijiet verament jikkostitwixxi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, jekk dan ikun fil-fatt is-suġġett ta’ konsultazzjoni organizzata skont ir-regoli tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990.

    139

    Il-Parlament josserva, barra minn hekk, li f’dawn l-aħħar snin saret ħafna kritika fir-rigward tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 kif ukoll fil-konfront tal-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP, kemm mill-OSP kif ukoll mill-Kumitat tal-Persunal. Xi OSP stmaw li dan il-ftehim qafas kellu jiġi emendat, iżda l-klawżola ta’ unanimità, sa issa, fixklet tali emenda. Bl-istess mod, il-Parlament ipproduċa d-deċiżjoni adottata mill-Kumitat tal-Persunal fil-laqgħa tiegħu tat-30 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2014, li permezz tagħha huwa talab għal reviżjoni ta’ dan il-ftehim qafas, wara eżami tal-kompatibbiltà tiegħu mar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll mal-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP, b’tali mod li dan jirrefletti t-tqassim tal-kompetenzi li kienet issa ġiet stabbilita fl-Artikolu 9(3) u fl-Artikoli 10 sa 10c tar-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk inkariga lill-President tiegħu sabiex iressaq din il-kwistjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Parlament.

    140

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, skont il-Parlament, li l-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4(b) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, fis-sens li l-Kumitat tal-Persunal jew l-OSP ma jistgħux jiġu allokati kompetenzi li jmorru lil hinn mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tikkonċerna “emend[i] sostanzjali tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg jew ta’ xogħol ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal oħra”. Minn dan isegwi li dan il-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi ma jistax iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(b) ta’ dan il-ftehim qafas għal każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(a) u (c) ta’ dan il-ftehim qafas.

    141

    Huwa fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni li għandu jiġi interpretat l-ewwel inċiż tal-punt III tal-ftehim dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kumitat tal-Persunal u l-OSP bħala li jirreferi għal każijiet fejn emenda sostanzjali fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg x’aktarx li tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni dwar ir-remunerazzjonijiet.

    142

    Madankollu, minħabba li kemm is-suġġett tar-regolamenti kkontestati, li kien intiż għall-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-Unjoni kif ukoll tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għal dawn ir-remunerazzjonijiet u pensjonijiet għas-snin 2011 u 2012, kif ukoll l-użu tal-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippermetti li jitneħħa l-metodu ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet previst mill-Artikolu 3 tal-istess anness u li jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tippreżenta kull “miżura xierqa”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn kienu x’aktarx jistgħu jikkawżaw emenda sostanzjali fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 4(b) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u għalhekk ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista minn dan tal-aħħar.

    143

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Parlament, il-kwistjoni dwar jekk ir-regolamenti kkontestati kinux fl-aħħar nett għamlu tibdiliet sostanzjali għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ impjieg u ta’ xogħol tal-uffiċjali u tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni hija irrilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet proċedurali li min-natura tagħhom jitwettqu qabel l-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

    144

    Minn dan isegwi li SFIE‑PE setgħat, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, tinvoka l-benefiċċju tal-garanziji proċedurali previsti mill-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990.

    145

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, SFIE‑PE għandha locus standi abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tikseb l-annullament tar-regolamenti kkontestati. Min-naħa l-oħra, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat minn TAO‑AFI, peress li r-rikorrenti naqsu milli juru l-locus standi ta’ din tal-aħħar f’din il-kawża.

    Fuq il-mertu

    146

    Insostenn tal-uniku motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li huma ma kinux ikkonsultati fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati. Huma b’mod partikolari jsostnu li ma kinux ikkonsultati mill-Kummissjoni dwar il-proposta ta’ bidla tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma’ din ġiet ippreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill u li ma kinux ġew ikkonsultati fuq l-imsemmija proposta mill-Parlament matul in-negozjazzjoni bejn tliet partijiet. Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li r-regolamenti kkontestati ġew adottati bi ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-persunal prevista taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981. Huma b’mod partikolari jikkontestaw lill-Parlament li rrifjuta li jieħu sehem f’din il-proċedura ta’ konsultazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

    147

    Din l-assenza ta’ konsultazzjoni tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni stabbilit mill-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 154 TFUE, kif iggarantit mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, tal-Artikoli 9(3), 10, 10a, 10b, 10c, 24b, 55 u tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 1023/2013, kif ukoll tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u tat-18 ta’ Diċembru 2009, rispettivament konklużi mill-Parlament u mill-Kummissjoni ma’ diversi OSP, u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li stabbilixxiet proċedura ta’ ftehim bejn tliet partijiet tat-23 ta’ Ġunju 1981.

    148

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li, konformement mal-ġurisprudenza, peress li SFIE‑PE ma invokat l-ebda element ta’ dritt jew ta’ fatt ġdid li jiġġustifika t-tardività tagħha, dik il-parti tal-uniku motiv tagħha li hija bbażata fuq ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, li tqajmet għall-ewwel darba fir-replika, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑340/04, EU:T:2007:81, punt 164).

    149

    Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Artikoli 9(3), 10a, 24b u 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, kienu ġew miksura waqt il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tat-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istess statut u mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, applikabbli fil-mument tal-preżentata tar-rikors promotur, din għandha, b’mod partikolari, tinkludi sunt tal-motivi invokati. Għalhekk, dan ifisser li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li sempliċi riferiment astratt għalih ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, anki jekk dan is-sunt tal-motivi invokati jkun fil-qosor, huwa għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Iċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeżiġu, sabiex rikors jew, iktar speċifikament, sabiex motiv f’rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess. Peress li r-rikorrenti ma spjegawx l-ilment tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 9(3), 10a, 24b u 55 tal-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Anness II ta’ dawn ir-regolamenti, l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    150

    Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 154 TFUE tad-Direttiva 2002/14 kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li dawn ma kinux japplikaw fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    151

    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-garanziji proċedurali previsti mill-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008, għandu jiġi mfakkar li għalkemm SFIE‑PE ma hijiex f’pożizzjoni li tikseb drittijiet proċedurali minn dan il-ftehim li tiegħu hija ma hijiex firmatarju, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, stabbiliti mill-istituzzjonijiet kompetenti nfushom, bħal dawk li jirriżultaw minn dan il-ftehim, tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑62113/05, EU:T:2007:386, punt 62; tat-2 ta’ Ottubru 2009, Ċipru vs Il‑Kummissjoni, T‑300/05 u T‑316/05 T, mhux ippubblikata, EU:T:2009:380, punti 205206, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, EU:T:2010:294, punt 63).

    152

    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-proċess li l-fakultajiet proċedurali ta’ OSP rappreżentattiva firmatarja, fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim, ġew ippreġudikati.

    153

    Għalhekk huwa xieraq li tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dik il-parti tal-uniku motiv li hija bbażata fuq il-ksur tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990.

    154

    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Parlament kien naqas milli jorganizza l-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni prevista mill-Artikolu 7 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, minkejja l-ittri li kienu ntbagħtu f’dan is-sens lill-President tal-Parlament. Huma jippreċiżaw li dan il-ftehim qafas ma kien jipprovdi għall-ebda formalità partikolari dwar it-talba għall-konsultazzjoni, iżda li madankollu kien jipprevedi proċedura formali ta’ konsultazzjoni fl-Artikolu 7 tiegħu.

    155

    Madankollu, għandu jiġi l-ewwel nett imfakkar li r-rikorrenti jidhru li qed iħawdu l-laqgħa ta’ konsultazzjoni annwali, li trid tiġi organizzata, konformement mal-Artikolu 7 tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, fuq l-inizjattiva tal-President tal Parlament fil-bidu ta’ kull perijodu parlamentari, mal-proċedura ta’ konsultazzjoni nnifisha, b’din tal-aħħar trid titwettaq bejn il-partijiet, konformement mal-Artikolu 6(3) ta’ dan il-ftehim qafas fuq talba ta’ waħda minnhom.

    156

    Safejn l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ organizzazzjoni tal-laqgħa annwali ta’ konsultazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punt 131 iktar ’il fuq, anki jekk ikun il-każ, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suxxettibbli li jkollha xi effett fuq il-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, peress li din il-laqgħa kellha, fi kwalunkwe każ, tiġi organizzazzata f’perijodu li fih il-Kummissjoni ma kinitx għadha ppreżentat il-proposta ta’ adatttament tar-remunerazzjonijiet lill-Parlament.

    157

    Fil-każ li l-argumenti tar-rikorrenti kienu diretti lejn ir-rifjut tal-Parlament li tagħti bidu għall-proċedura ta’ konsultazzjoni, għandu jiġi mfakkar li konformement mal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990, il-laqgħat ta’ konsultazzjoni għandhom jitwettqu f’terminu ta’ ġimagħtejn wara talba formali. Ċertament, hekk kif sostnew ir-rikorrenti, dan il-ftehim qafas ma jispeċifikax dak li jikkostitwixxi talba formali għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni.

    158

    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li tali talba għandha, għall-inqas, tirreferi espressament għall-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mill-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 u għandha tkun indirizzata lill-Istituzzjoni kkonċernata.

    159

    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li tirreferi għalihom ir-rikorrenti ma jikkostitwixxux talbiet formali għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990.

    160

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ittri tal-Kumitat Ċentrali tal-Persunal, tas-17 ta’ Diċembru 2013 u tal-4 ta’ Marzu 2014, fejn dan jikkundanna b’mod partikolari l-assenza ta’ konsultazzjoni minn qabel dwar il-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill kif ukoll il-bażi purament politika tal-figuri proposti, li ma huma bbażati fuq l-ebda data statistika oġġettiva u ma jirriflettux il-marġni ta’ diskrezzjoni li minnu tibbenefika l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn ma humiex indirizzati lill-Parlament iżda lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn huma intiżi sabiex jitolbu lil din tal-aħħar tiddefendi l-interessi tal-persunal tagħha u tirtira l-proposta tagħha għall-adattament tar-remunerazzjonijiet.

    161

    Sussegwentement, fir-rigward tal-ittra miftuħa tat-18 ta’ Diċembru 2013, indirizzata mir-rikorrenti lill-President tal-Parlament, li l-kontenut tagħha huwa sostanzjalment identiku għal dak tal-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tas-17 ta’ Diċembru 2013, għandu jiġi kkonstatat li din ma fiha l-ebda talba għall-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ konsultazzjoni, iżda għandha biss l-għan li tistaqsi lill-President tal-Parlament jafferma li l-proposta inizjali ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet tal-Kummissjoni, jiġifieri 1.7 % għas-snin 2011 u 2012, ma hijiex negozjabbli.

    162

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ittra miftuħa indirizzata lill-President tal-Parlament tas-26 ta’ Frar 2014, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, la SFIE‑PE u lanqas il-grupp sindakali li kienet tagħmel parti minnu f’dak iż-żmien SFIE‑PE ma kienu firmatarji u li, min-naħa l-oħra, din kellha l-għan li tistieden lill-Parlament, bħala koleġiżlatur, jirrevedi l-proposta ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ “data oġġettiva eżistenti” u li jieħu inkunsiderazzjoni “tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali partikolari kif ukoll, skont il-każ, ta’ fatturi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt ir-riżorsi umani u, b’mod partikolari, tan-neċessitajiet tar-reklutaġġ”, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet stiednet lill-Kummissjoni tagħmel fis-sentenzi tagħha tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752) u tad-19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑196/12, EU:C:2013:753).

    163

    Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqsu milli juru li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990 ġew miksura matul l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

    164

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-uniku motiv invokat f’dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq l-ispejjeż

    165

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l‑ispejjeż, skont it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

    166

    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    L-Association des fonctionnaires indépendants pour la défense de la fonction publique européenne (TAO‑AFI) u s-Syndicat des fonctionnaires internationaux et européens – Section du Parlement européen (SFIE‑PE), huma kkundannati għall-ispejjeż.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Gratsias

    Kancheva

    Wetter

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-ammissibbiltà

     

    Dwar l-effett fuq l-interessi tar-rikorrenti stess

     

    Fuq l-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali li tirrikonoxxi espressament lill-assoċjazzjonijiet professjonali b’sensiela ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali

     

    – Fuq il-Ftehim qafas tat-18 ta’ Diċembru 2008

     

    – Fuq il-Ftehim qafas tat-12 ta’ Lulju 1990

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top