Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0528

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ April 2016.
X vs Staatssecretaris van Financiën.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Regolament (KE) Nru 1186/2009 – Artikolu 3 – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni – Proprjetà personali – Trasferiment ta’ residenza minn pajjiż terz għal Stat Membru – Kunċett ta’ ‘residenza normali’ – Impossibbiltà li wieħed ikollu fl-istess ħin residenza normali fi Stat Membru u f’pajjiż terz – Kriterji ta’ determinazzjoni tal-post ta’ residenza normali.
Kawża C-528/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:304

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Regolament (KE) Nru 1186/2009 — Artikolu 3 — Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni — Proprjetà personali — Trasferiment ta’ residenza minn pajjiż terz għal Stat Membru — Kunċett ta’ ‘residenza normali’ — Impossibbiltà li wieħed ikollu fl-istess ħin residenza normali fi Stat Membru u f’pajjiż terz — Kriterji ta’ determinazzjoni tal-post ta’ residenza normali”

Fil-Kawża C‑528/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

X

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn B. J. B. Boersma, konsulent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas‑16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X u Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jaċċetta t-trasferiment tal-proprjetà personali ta’ X, bejn il-Qatar u l-Pajjiżi l-Baxxi, b’eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 83/182/KEE

3

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182.KEE, tat-28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 112), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 757, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 83/182”), jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘residenza normali’ tfisser il-post fejn xi persuna tgħix normalment, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba xi rbit personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta’ xi persuna li ma jkollhiex irbit tax-xogħol minħabba rbit personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed jgħix.

Iżda, ir-residenza normali ta’ xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f’post differenti minn dak ta’ l-irbit personali u li jgħix konsegwentement f’postijiet differenti sitwati f’żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies li jkun il-post ta’ l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. […]”

Id-Direttiva 83/183/KEE

4

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 83/183/KEE, tat‑28 ta’ Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għal importazzjonijiet permanenti minn xi Stat Membru tal-propjetà personali ta’ individwi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 117), li tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/55/KE, tal‑25 ta’ Mejju 2009, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għall-introduzzjoni permanenti minn xi Stat Membru tal-proprjetà personali ta’ individwi (ĠU L 145, p. 36) kellu kontenut identiku għal dak tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182.

Ir-Regolament Nru 1186/2009

5

Ir-Regolament Nru 1186/2009 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419).

6

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 1186/2009 jipprovdu li:

“(3)

[...] f’ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes, tassazzjoni [...] mhijiex ġustifikata.

(4)

Huwa mixtieq li f’ċirkostanzi bħal dawn isiru arranġamenti, kif saru tradizzjonalment fil-biċċa l-kbira ta’ sistemi ta’ regoli doganali, li merkanzija titħalla tgawdi eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni li normalment ikunu soġġetti għalihom.”

7

L-Artikolu 2(1)(c) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“[...] Proprjetà personali ma tistax tkun tali li tista’ tindika, min-natura jew il-kwantità tagħha, li qed tiġi impurtata għal skopijiet kummerċjali”.

8

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“Soġġett għall-Artikoli 4 sa 11, proprjetà personali importata minn persuni fiżiċi li qegħdin jittrasferixxu l-post ta’ residenza normali tagħhom minn pajjiż terz għat-territorju doganali tal-Komunità għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni”.

9

L-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament jipprovdi li:

“L-eżenzjoni għandha tkun limitata għal proprjetà personali li:

(a)

ħlief f’każijiet speċjali ġustifikati miċ-ċirkostanzi, kienet fil-pussess ta’ u, fil-każ ta’ affarijiet mhux konsumabbli, użati mill-persuna involuta fil-post ta’ residenza normali preċedenti għal minimu ta’ sitt xhur qabel id-data li fiha tieqaf milli jkollha l-post ta’ residenza normali fil-pajjiż terz minn fejn telqet;

(b)

hi maħsuba biex tintuża għall-istess għan fil-post ta’ residenza normali ġdid”.

[...]”

10

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1186/2009 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Eżenzjoni tista’ tingħata biss lil persuni li l-post ta’ residenza normali tagħhom kien barra t-territorju doganali tal-Komunità għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas 12-il xahar”.

11

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, l-eżenzjoni għandha tingħata biss fir-rigward ta’ proprjetà personali mdaħħla għal ċirkolazzjoni libera qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-istabbiliment mill-persuna kkonċernata tar-residenza normali tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

12

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-eżenzjoni tingħata fir-rigward tal-proprjetà personali mdaħħla għal ċirkolazzjoni libera qabel ma l-persuna kkonċernata tistabbilixxi r-residenza normali tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni, permezz tal-impenn ta’ din il-persuna kkonċernata li effettivament tistabbilixxi r-residenza normali tagħha hemmhekk fi żmien sitt xhur.

13

Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament, fejn, minħabba obbligi tax-xogħol tagħha, il-persuna kkonċernata titlaq mill-pajjiż terz fejn kellha r-residenza normali tagħha mingħajr ma stabbilixxiet fl-istess żmien din ir-residenza normali fit-territorju doganali tal-Unjoni, għalkemm bl-intenzjoni li fl-aħħar mill-aħħar tagħmel dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw id-dħul mingħajr dazju tal-proprjetà personali li hija titrasferixxi għal dan il-għan.

14

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1186/2009 joffri l-possibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti li jidderogaw minn ċerti kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tal-istess regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Sal-1 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għex u ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi. Mill-1 ta’ Marzu 2008 sal-1 ta’ Awwissu 2011, huwa ħadem fil-Qatar, fejn ibbenefika minn akkomodazzjoni pprovduta mill-persuna li impjegatu. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu kemm rabtiet professjonali kif ukoll rabtiet personali f’dan il-pajjiż terz. Martu baqgħet tgħix u taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija żaritu sitt darbiet, għal total ta’ 83 jum. Matul il-perijodu meqjus, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qatta’ 281 jum barra mill-Qatar, li matulhom żar lill-martu, lit-tfal maġġorenni tiegħu u lill-familja tiegħu li baqgħet fil-Pajjiżi l-Baxxi, u mar għall-vaganzi fi Stati oħra.

16

Fid-dawl tar-ritorn tiegħu lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab li jingħata awtorizzazzjoni sabiex jimporta l-proprjetà personali tiegħu mill-Qatar għall-Unjoni b’eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009. Din it-talba ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni tal-Ispettur tat-taxxa, minħabba li ma kienx hemm trasferiment tar-residenza normali tiegħu għall-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, huwa żamm ir-residenza normali tiegħu f’dan l-Istat Membru matul ir-residenza tiegħu fil-Qatar, b’tali mod li r-residenza normali tiegħu qatt ma kienet tinsab f’dan il-pajjiż terz.

17

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (qorti ta’ Haarlem), li laqgħet it-talba tiegħu. L-ispettur tat-taxxa appella mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam). Din il-qorti tal-aħħar fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-residenza normali huwa l-post fejn il-persuna kkonċernata għandha ċ-ċentru permanenti tal-interessi tagħha. Sussegwentement hija affermat li, fid-dawl tar-rabtiet personali u professjonali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat fejn kien jinsab iċ-ċentru permanenti tal-interessi tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont din il-ġurisprudenza, il-prijorità għandha tingħata lir-rabtiet personali b’tali mod li, matul il-perijodu kkonċernat, ir-residenza normali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kinitx tinsab fil-Qatar, iżda fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Wara li indikat li r-Regolament Nru 1186/2009 ma kienx jipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza normali”, din il-qorti osservat li l-approċċ tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) kien iwassal għall-mistoqsija jekk matul il-perijodu kkonċernat ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellux residenza normali kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-Qatar. Hija tenfasizza li l-objettivi ta’ dan ir-regolament kienu jidhru li la jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ residenza normali kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fil-Qatar u lanqas l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rrinunzja għar-residenza tiegħu fil-Qatar u ttrasferixxa l-proprjetà personali tiegħu għall-Pajjiżi l-Baxxi.

19

Fl-ipoteżi li r-Regolament Nru 1186/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-possibbiltà li kien hemm residenza normali doppja, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat liema waħda miż-żewġ residenzi għandha titqies bħala r-residenza normali, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi dwar ir-rilevanza tal-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407) u Alevizos (C‑392/05, EU:C:2007:251) sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-“residenza normali”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183, b’mod partikolari l-prijorità mogħtija, fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, għar-rabtiet personali.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament Nru 1186/2009 jinkludi l-possibbiltà li persuna fiżika jkollha, fl-istess ħin, ir-residenza normali tagħha kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz u, jekk dan huwa l-każ, l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tapplika għall-proprjetà personali li ġew ittrasferiti fl-Unjoni Ewropea meta [din il-persuna fiżika] ma jibqax ikollha r-residenza normali tagħha fil-pajjiż terz?

2)

Jekk ir-Regolament Nru 1186/2009 jeskludi li jkun hemm residenza normali doppja u jekk evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata r-residenza normali, liema regola jew liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, f’liema pajjiż il-persuna kkonċernata għandha r-residenza normali tagħha f’każ bħal dak f’din il-kawża fejn din tal-aħħar għandha kemm rabtiet personali kif ukoll rabtiet professjonali fil-pajjiż terz u rabtiet personali fl-Istat Membru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, persuna fiżika jista’ jkollha, fl-istess ħin, residenza normali kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz. Fil-każ ta’ risposta pożittiva, din il-qorti tistaqsi wkoll jekk l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni prevista fl-imsemmi artikolu hijiex applikabbli għall-proprjetà personali importata fl-Unjoni minn din il-persuna fiżika meta hija ma jibqax ikollha r-residenza normali tagħha fil-pajjiż terz.

22

Sa fejn ir-Regolament Nru 1186/2009 ma jipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza normali” li jinsab fl-Artikolu 3 tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan l-artikolu, kemm it-termini, il-kuntest kif ukoll l-għan tiegħu (sentenza Angerer, C‑477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, huwa importanti, minn naħa, li jiġi rrilevat li t-termini “residenza normali” huma użati hawnhekk fis-singular, li għandhom tendenza jikkonfermaw li persuna fiżika jista’ jkollha biss, fl-istess ħin, residenza normali waħda. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jissuġġetta l-għoti tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għat-trasferiment tar-residenza normali mill-pajjiż terz għat-territorju doganali tal-Unjoni. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-verb “trasferixxa” jippreżupponi neċessarjament l-ispostament tar-residenza normali minn post li jinsab ’il barra minn dan it-territorju għal post li jinsab fi ħdanu u għaldaqstant jipprekludi li persuna jkollha fl-istess perijodu, residenza normali fi Stat Membru u oħra f’pajjiż terz.

24

Għal dak li jirrigwarda l-kuntest tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, l-Artikoli 4, 5, 7 u 9 sa 11 ta’ dan ir-regolament, li jikkonċernaw speċifikament il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni doganali prevista fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, jużaw ukoll it-termini “residenza normali” fis-singular. L-istess japplika għal artikoli oħra tal-istess regolament fejn jidher il-kunċett ta’ “residenza normali”.

25

Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikoli 4, 7 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1186/2009 tikkorrabora interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza normali” fis-sens li persuna fiżika jista’ jkollha biss, fl-istess ħin, residenza normali waħda. Għaldaqstant, l-ewwel nett, l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-eżenzjoni hija limitata għall-proprjetà personali li, minn naħa, intużat mill-persuna kkonċernata “fil-post ta’ residenza normali preċedenti” matul għall-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha “tieqaf milli jkollha l-post ta’ residenza normali” fil-pajjiż terz minn fejn telqet u, min-naħa l-oħra, hija intiża sabiex tintuża “fil-post ta’ residenza normali ġdid”. Imbagħad, l-Artikoli 7, 9 u 10 tal-imsemmi regolament kollha jirreferu għall-istess sekwenza ta’ avvenimenti, li matulha, fl-ewwel lok, il-persuna kkonċernata titlaq ir-residenza normali tagħha f’pajjiż terz imbagħad, fit-tieni lok, tistabbilixxi din ir-residenza fit-territorju doganali tal-Unjoni Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1186/2009 jirriproduċi l-verb “trasferixxa”, użat ukoll fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, sabiex jindika l-ispostament tar-residenza normali minn pajjiż terz għal Stat Membru.

26

Għal dak li jirrigwarda l-objettivi tar-Regolament Nru 1186/2009, il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li eżenzjonijiet doganali ġew previsti mill-imsemmi regolament peress li “f’ċerti ċirkostanzi definiti sew, fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes, tassazzjoni [...] mhijiex ġustifikata”.

27

Mill-ġurisprudenza relattiva għat-tieni premessa tar-Regolament Nru 918/83, li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, jirriżulta li l-objettivi segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni ta’ dan l-ewwel regolament, kienu jikkonsistu f’li jiffaċilitaw, minn naħa, l-istabbiliment tar-residenza l-ġdida ta’ persuna fiżika fl-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, ix-xogħol tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri (sentenza Treimanis, C‑487/11, EU:C:2012:556, punt 24). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għar-Regolament Nru 1186/2009 peress li, permezz tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkodifika d-diversi dispożizzjonijiet tas-sistema ta’ eżenzjonijiet doganali, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 918/83.

28

Issa, interpretazzjoni li tipprovdi li persuna fiżika jista’ jkollha fl-istess ħin żewġ residenzi normali, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, waħda f’pajjiż terz u oħra fi Stat Membru, ma tistax titqies konformi mal-objettiv li jikkonsisti f’li jiffaċilita l-istabbiliment tar-residenza l-ġdida fi Stat Membru.

29

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, persuna fiżika ma jistax ikollha, fl-istess ħin, residenza normali kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz. Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx iktar lok li t-tieni parti tal-ewwel domanda tiġi eżaminata.

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huma l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza normali, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-persuna kkonċernata għandha kemm rabtiet personali kif ukoll rabtiet professjonali f’pajjiż terz u rabtiet personali fi Stat Membru

31

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita żviluppata f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza normali għandha titqies li hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet iċ-ċentru permanenti tal-interessi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi Schäflein vs Il-Kummissjoni, 284/87, EU:C:1988:414, punt 9; Ryborg, C‑297/89, EU:C:1991:160, punt 19; Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punt 51; Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 55; I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 44, u B., C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 26).

32

Ġie deċiż ukoll li, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza normali bħala ċentru permanenti tal-interessi tal-persuna kkonċernata, l-punti kollha ta’ fatt rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Schäflein vs Il‑Kummissjoni, 284/87, EU:C:1988:414, punt 10; Ryborg, C‑297/89, EU:C:1991:160, punt 20; Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punt 55; Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 57, kif ukoll I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punti 4546).

33

Fis-sentenzi Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407) u Alevizos (C‑392/05, EU:C:2007:251), li dwar ir-rilevanza tagħhom il-qorti tar-rinviju għandha dubji, fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tar-residenza normali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183, li l-punti ta’ fatt rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-residenza normali bħala ċentru permanenti tal-interessi tal-persuna kkonċernata jinkludu, b’mod partikolari, il-preżenza fiżika tagħha, tal-membri tal-familja tagħha, id-disponibbiltà ta’ post fejn toqgħod, il-post fejn effettivament imorru l-iskola t-tfal, il-post fejn twettaq l-attivitajiet professjonali, il-post fejn jinsabu l-interessi ta’ natura ekonomika, dawk tar-rabtiet amministrattivi mal-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi soċjali, sa fejn dawn l-elementi jindikaw ir-rieda ta’ din il-persuna li tagħti ċertu stabbiltà lill-post tar-rabta, minħabba f’kontinwità li tirriżulta mill-mod kif tgħix u mill-mod kif jiżviluppaw ir-rapporti soċjali u professjonali normali (sentenzi Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punt 55, u Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 57).

34

Barra minn hekk, f’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta evalwazzjoni globali tal-punti kollha ta’ fatt rilevanti ma tippermettix li jiġi lokalizzat iċ-ċentru permanenti tal-interessi tal-persuna kkonċernata, il-prijorità għandha tingħata, għall-finijiet ta’ din il-lokalizzazzjoni, lir-rabtiet personali (sentenzi Louloudakis, C‑262/99, EU:C:2001:407, punt 53, u Alevizos, C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 61).

35

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar, li l-prijorità għandha tingħata lir-rabtiet personali, tistax tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza normali” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, peress li l-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), li s-sentenza tagħha hija s-suġġett tal-proċedura quddiem din il-qorti, qieset li kien hemm lok, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-prijorità tingħata lill-imsemmija rabtiet personali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenzi Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407, punt 53) u Alevizos (C‑392/05, EU:C:2007:251, punt 61) jirriżulta li din il-prijorità hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tat-termini tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183. Madankollu, ir-Regolament Nru 1186/2009 ma jinkludi ebda dispożizzjoni ekwivalenti għal dawn id-dispożizzjonijiet.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn id-direttivi jikkonċernaw l-eżenzjonijiet fiskali applikabbli ġewwa l-Unjoni filwaqt li dan ir-regolament huwa relatat mal-eżenzjonijiet doganali applikabbli għal proprjetà minn pajjiżi terzi importata fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-objettiv tal-imsemmija direttiva huwa differenti minn dak tar-Regolament Nru 1186/2009. Fil-fatt, mill-preambolu ta’ dawn l-istess direttivi jirriżulta li dawn prinċipalment għandhom l-objettiv li jiffavorixxu l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jeliminaw l-ostakoli fiskali għall-importazzjoni fi Stat Membru ta’ proprjetà personali u ta’ mezzi ta’ trasport li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, dan huwa intiż sabiex jagħti l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali lil importazzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi, li skont l-Artikolu 2(1)(c) ta’ dan ir-regolament, la tindika min-natura tagħha u lanqas mill-kwantità tagħha, li qiegħda tiġi importat għal skopijiet kummerċjali, meta “fejn bis-saħħa ta’ kondizzjonijiet speċjali taħt liema merkanzija tiġi impurtata l-bżonn użwali li tiġi protetta l-ekonomija huwa nieqes”.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza normali” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 83/182 u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 83/183, li tipprovdi li, meta jkun impossibbli li jiġi lokalizzat iċ-ċentru permanenti tal-interessi tal-persuna kkonċernata, il-prijorità għandha tingħata lir-rabtiet personali, ma tistax tiġi trasposta għall-kunċett ta’ “residenza normali” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009.

39

Minn dan isegwi li r-residenza normali, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, għandha titqies li hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet iċ-ċentru permanenti tal-interessi tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din ir-residenza normali tinsabx f’pajjiż terz, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni doganali prevista f’dan l-Artikolu 3, il-punti kollha ta’ fatt rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, inklużi dawk iċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod mhux eżawrjenti, fis-sentenzi Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407) kif ukoll Alevizos (C‑392/05, EU:C:2007:251) u msemmija fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, mingħajr ma hemm lok li tingħata l-prijorità lir-rabtiet personali.

40

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1186/2009 jagħti importanza partikolari lit-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż terz inkwistjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni doganali prevista fl-Artikolu 3 tal-istess regolament il-persuni li kellhom ir-residenza normali tagħhom barra mit-territorju doganali tal-Unjoni għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas tnax-il xahar. Bl-istess mod, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), li l-Unjoni talbet li taderixxi magħha u li t-talba tagħha ġiet aċċettata matul l-2007, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal‑5 ta’ Diċembru 1962, dwar l-għoti ta’ eżenzjoni għall-oġġetti mobbli importati fil-każ ta’ trasferiment ta’ domiċilju, indika li l-għoti ta’ eżenzjoni jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għall-kundizzjoni li t-tul tar-residenza barra mill-pajjiż jkun biżżejjed.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata għandha kemm rabtiet personali kif ukoll rabtiet professjonali f’pajjiż terz u rabtiet personali fi Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza normali tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, tinsabx fil-pajjiż terz, għandu jingħata importanza partikolari, matul l-evalwazzjoni globali tal-punti ta’ fatt rilevanti, lit-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata f’ dan il-pajjiż.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas‑16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, persuna fiżika ma jistax ikollha, fl-istess ħin, residenza normali kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz.

 

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata għandha kemm rabtiet personali kif ukoll rabtiet professjonali f’pajjiż terz u rabtiet personali fi Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza normali tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, tinsabx fil-pajjiż terz, għandu jingħata importanza partikolari, matul l-evalwazzjoni globali tal-punti ta’ fatt rilevanti, lit-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata f’dan il-pajjiż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top