Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0432

    Kawża T-432/11: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

    ĠU C 290, 1.10.2011, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 290/13


    Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

    (Kawża T-432/11)

    2011/C 290/18

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Rami Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors bħala amissibbli u fondat;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, kif ukoll l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni li jikkonfermaw l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni previsti mill-miżuri restrittivi, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti tiegħu, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ir-rikorrent jakkuża lill-Kunsill li l-motivazzjoni li pprovda ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB, mill-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (3)

    It-tielet motiv li jipprovdi li l-miżuri kkontestati jirristringu b’mod inġustifikat u sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, u b’mod partikolari d-drittijiet tiegħu għal proprjetà, previsti mill-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-unur u tar-reputazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB u fl-aħħar tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


    Top