Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0396

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 18 ta' Ottubru 2012.
    Fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra Ciprian Vasile Radu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Curtea de Apel Constanţa - ir-Rumanija.
    Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/GAI - Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri - Mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ proċedimenti - Raġunijiet ta’ rifjut għal eżekuzzjoni.
    Kawża C-396/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:648

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2012 ( 1 )

    Kawża C-396/11

    Ministerul Public – Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Constanţa

    vs

    Ciprian Vasile Radu

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (ir-Rumanija)]

    “Kooperazzjoni mill-pulizija u l-ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Jekk l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandux dritt jirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta”

    1. 

    B’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tinterpreta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 2 ). Jekk wieħed jagħti ħarsa ġenerali wiesgħa ħafna, hemm tliet punti li huma inkwistjoni. L-ewwel, dawn jikkonċernaw l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dik id-deċiżjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u, b’mod partikolari, jekk dik l-interpretazzjoni għandhiex tkun differenti minħabba l-emendi fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li kienu introdotti bl-Artikolu 6 TUE. It-tieni, dawn jinvolvu l-interrelazzjoni bejn, minn banda waħda, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-Konvenzjoni”) u l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) u, mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas li jinvolvu d-deprivazzjoni tal-libertà ta’ persuna rikjesta bħala parti mill-proċeduri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. It-tielet, dawn iqajmu l-mistoqsija jekk id-Deċiżjoni Qafas, interpretata kif xieraq, tippermettix Stat Membru li jirrifjuta li jeżegwixxi tali mandat fl-eventwalità ta’ ksur ta’ leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem inklużi l-artikoli li għadhom kemm issemmew.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE)

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

    2.

    L-Artikolu 6 TUE jipprovdi:

    “1.   L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

    […]

    Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.” ( 3 )

    Il-Karta

    3.

    L-Artikolu 6 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

    “Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

    4.

    L-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

    “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”

    5.

    L-Artikolu 48 jipprovdi:

    “1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

    2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

    6.

    L-Artikolu 52 jipprovdi li:

    “1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    […]

    3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

    […]”

    Id-Deċiżjoni Qafas

    7.

    Id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi l-proċedura preċedenti għall-estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 b’sistema bbażata fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew. Skont is-sistema l-ġdida, meta persuna (“il-persuna rikjesta”) li t-twettiq jew l-allegat twettiq minnha ta’ reat kriminali jwassal biex din tkun imfittxija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru (“l-Istat Membru li joħroġ il-mandat”), tkun fiżikament preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (“l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”), l-awtorità ġudizzjarja tal-ewwel Stat tista’ toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-arrest u għall-konsenja tagħha mit-tieni Stat Membru.

    8.

    Il-Kapitolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas huwa intitolat “Prinċipji Ġenerali” u jinkludi l-Artikoli 1 sa 8. L-Artikolu 1 jipprovdi li:

    “1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni .

    2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

    3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

    9.

    L-Artikoli 3 u 4 jispeċifikaw numru ta’ raġunijiet li abbażi tagħhom in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, huwa rispettivament, mandatorja jew fakultattiva.

    10.

    L-Artikolu 8 jispeċifika l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1)(c) jeżiġi li għandu jkun hemm fih “il-prova ta’ sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra, li għandha l-istess effett, li taqa’ fl-iskop tal-Artikoli 1 u 2”.

    11.

    Il-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas jinkludi l-Artikoli 9 sa 25. Dan huwa intitolat “Proċedura ta’ Ċediment” [Konsenja] u, filwaqt li jistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti ġenerali, jinkludi dispożizzjonijiet maħsuba biex iħarsu d-drittijiet tal-persuna rikjesta. B’mod partikolari:

    il-persuna rikjesta għandha tiġi infurmata, mal-arrest, bil-kontenut tal-mandat u bil-possibbiltà tal-konsenja tagħha; barra minn hekk, hija għandu jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretu (l-Artikolu 11);

    l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tirrilaxxa lill-persuna rikjesta wara l-arrest u tista’ tirrilaxxaha provviżorjament fi kwalunkwe ħin sakemm jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenuha milli tinħeba (l-Artikolu 12);

    meta l-persuna rikjesta tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, il-kunsens għandu jingħata b’mod volontarju u bl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi; hija tkun intitolata għall-assistenza legali għal dan l-iskop (l-Artikolu 13); jekk hija ma tagħtix dak il-kunsens, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, li jista’ jitlob iktar informazzjoni mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat (l-Artikoli 14 u 15);

    mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ urġenza; meta l-persuna rikjesta tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja rikjest, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat għandha tittieħed f’perijodu ta’ għaxart ijiem wara li l-kunsens jingħata; f’każijiet oħra, il-perijodu huwa ta’ 60-il ġurnata wara l-arrest. Sakemm l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat, din għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu milqugħa (l-Artikolu 17);

    meta l-mandat ta’ arrest jinħareġ għall-iskop tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali, dik il-persuna għandha, bħala regola, id-dritt li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi (l-Artikoli 18 u 19);

    meta d-deċiżjoni li tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jeżegwixxi tkun dik li l-persuna rikjesta għandha tkun ikkonsenjata, din għandha tiġi kkonsenjata mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan il-perijodu jista’ jkun estiż meta jkun hemm ċirkustanzi mhux fil-kontroll tal-Istati Membri jew fejn ikun hemm raġunijiet umanitarji serji li jimmilitaw kontra t-trasferiment (l-Artikolu 23).

    Il-Konvenzjoni

    12.

    L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni, sa fejn rilevanti għal dan il-każ, jipprovdi:

    “1.   Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi:

    (a)

    id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna wara li tinsab ħatja minn qorti kompetenti;

    […]

    (ċ)

    l-arrest jew detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;

    […]

    (f)

    l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

    […]

    3.   Kull min ikun arrestat jew detenut skont id-disposizzjonijiet tal-paragrafu (1) (ċ) ta’ dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b’liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja u jkollu dritt għal proċeduri fi żmien raġonevoli jew għal ħelsien waqt pendenza tal-proċeduri. Il-ħelsien jista’ jkun taħt kundizzjoni ta’ garanziji biex jidher għall-proċeduri.

    4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi.”

    13.

    Skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni:

    “1.   Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi […].

    2.   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

    3.   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

    (a)

    li jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

    (b)

    li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

    (ċ)

    li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

    (d)

    li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

    (e)

    li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti”.

    L-interrelazzjoni bejn il-Karta u l-Konvenzjoni

    14.

    L-Artikolu 52(3) tal-Karta jagħmilha ċara, u din hija l-intenzjoni, li d-dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-Konvenzjoni jikkoinċidu. Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 48 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) u (2) tal-Konvenzjoni ( 4 ).

    Id-dritt nazzjonali

    Ir-Rumanija

    15.

    Id-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas fid-dritt nazzjonali huma inklużi fl-Artikoli 97 u 98 tal-Liġi Nru 302 tat-28 ta’ Ġunju 2004 dwar kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji ta’ kwistjonijiet kriminali, kif emendata. Dawn l-artikoli jiffurmaw parti mit-Titolu III ta’ dik il-liġi.

    16.

    L-Artikolu 97 huwa intitolat “Kundizzjonijiet speċjali”. Dan jistabbilixxi ċerti rekwiżiti dwar l-għoti ta’ garanziji mill-Istat Membru li jordna l-ħruġ tal-mandat.

    17.

    L-Artikolu 98(1) jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-obbligazzjoni li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn huma essenzjalment simili għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas.

    18.

    Fl-Artikolu 98(2) hemm stabbiliti raġunijiet fakultattivi biex ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn huma fil-parti l-kbira tagħhom l-istess bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

    Il-Ġermanja

    19.

    Il-Ġermanja ttrasponiet id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali bil-liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2004. Wara l-promulgazzjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ddeċidiet fl-2005 li l-leġiżlazzjoni kienet antikostituzzjonali u għalhekk bla ebda effett ( 5 ). Permezz ta’ att ulterjuri tal-20 ta’ Lulju 2006, dan l-Istat Membru adotta miżura ġdida maħsuba biex tirrimedja d-difetti li kienu ġew enfasizzati mill-Qorti Kostituzzjonali u biex timplementa b’mod sħiħ id-Deċiżjoni Qafas taħt id-dritt nazzjonali. Din il-miżura baqgħet fis-seħħ.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi rinvjati

    20.

    F’dati differenti fl-2007 u fl-2008, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku fil-Ġermanja ħareġ erba’ mandati ta’ arrest Ewropew għall-arrest ta’ C. Radu. Kull wieħed minn dawn il-mandati kien marbut mar-reat ta’ serq. Dan ir-reat huwa wkoll delitt skont id-dritt Rumen bis-saħħa tal-Artikolu 211 tal-Kodiċi Kriminali Rumen. C. Radu ma tax il-kunsens tiegħu għal din il-konsenja.

    21.

    B’sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2009, il-Curte de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell, Constanţa) ordnat l-eżekuzzjoni ta’ tlieta mill-mandati inkwistjoni. Fir-rigward tar-raba’ wieħed, din irrifjutat l-eżekuzzjoni għar-raġuni li C. Radu kien diġà suġġett għall-proċeduri kriminali fir-Rumanija fir-rigward tal-istess att bħal dak li fuqu kien ibbażat il-mandat ( 6 ).

    22.

    C. Radu ppreżenta appell kontra s-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie a României (Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija). B’sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, il-qorti laqgħet l-appell u rrinvjat il-kawża lura quddiem il-Curte de Appel għar-rikunsiderazzjoni. Hija ordnat ukoll li C. Radu jinħeles mid-detenzjoni u imponiet ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tiegħu, inkluża l-projbizzjoni milli jitlaq mill-komun fejn huwa jgħix mingħajr ma qabel jikseb l-permess tal-qorti.

    23.

    Fit-22 ta’ Frar 2011, il-kawża għal darb’oħra ddaħħlet fir-registru tal-Curte de Apel. Quddiem dik il-qorti, C. Radu jressaq tliet argumenti prinċipali insostenn għat-talba tiegħu li l-mandati inkwistjoni ma għandhomx jiġu infurzati. L-ewwel nett, huwa jargumenta li fid-data meta d-Deċiżjoni Qafas kienet adottata, la l-Konvenzjoni u lanqas il-Karta ma kienu ġew inkorporati fit-Trattati Kostituttivi tal-UE bħala dispożizzjonijiet ġuridiċi. Dan huwa f’kuntrast mal-pożizzjoni taħt il-verżjoni kkonsolidata tat-TUE li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 bit-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, huwa neċessarju li d-Deċiżjoni Qafas tkun interpretata skont il-Karta u l-Konvenzjoni. It-tieni nett, huwa jsostni li l-proċeduri li bihom l-Istati Membri japplikaw id-deċiżjoni — b’mod partikolari r-rekwiżit li għandu jkun hemm reċiproċità fl-eżekuzzjoni fir-rigward kemm tal-Istat tal-eżekuzzjoni kif ukoll tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat — ma humiex konsistenti. It-tielet nett, huwa jsostni li huwa d-dmir tal-Istat tal-eżekuzzjoni li jivverifika jekk l-Istat li joħroġ il-mandat osservax id-drittijiet u l-garanziji stabbiliti bil-Karta u bil-Konvenzjoni. Fil-każ li dan l-Istat jonqos li jagħmel dan, din tkun raġuni għar-rifjut li jiġu eżegwiti l-mandati ta’ arrest inkwistjoni.

    24.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curte de Apel Constanţa Corte ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, huma dispożizzjonijiet legali li jagħmlu parti mid-dritt Komunitarju primarju u li jinsabu fit-Trattati kostituttivi?

    2.

    L-azzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, li tikkonsisti fl-arrest u fil-konsenja furzata, mingħajr il-kunses tal-persuna li fir-rigward tagħha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (bil-persuna rikjesta tiġi arrestata u kkonsenjata), tikkostitwixxi ksur, min-naħa tal-Istat li jeżegwixxi l-mandat, tad-dritt għal-libertà individwali tal-persuna rikjesta minħabba l-fatt li kienet arrestata u kkonsenjata, dritt dan iggarantit mid-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u taħt l-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali?

    3.

    Il-ksur, min-naħa tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, tad-drittijiet u tal-garanziji previsti fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u fl-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, għandu jissodisfa l-kundizzjoni marbuta man-neċessità f’soċjetà demokratika u dik marbuta mal-proporzjonalità fil-konfront tal-għan effettivament segwit?

    4.

    L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta talba għal konsenja, mingħajr ma tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat kostituttivi u taħt dispożizzjonijiet legali oħra tad-dritt Komunitarju, minħabba li ma jkunux sodisfatti, b’mod kumulattiv, il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u mill-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali?

    5.

    L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta talba għal konsenja, mingħajr ma tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat kostituttivi u taħt dispożizzjonijiet legali oħra tad-dritt Komunitarju, minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni totali jew parzjali jew minħabba traspożizzjoni żbaljata (fis-sens ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ reċiproċità) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2002/584/ĠAI [1] min-naħa tal-Istat li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew?

    6.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u tal-Artikolu 6, flimkien mal-Artikoli 48 u 52, tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl ukoll tal-Artikoli 5(3) u (4), u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 6 TUE, jinsabu f’kunflitt mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea — ir-Rumanija — b’mod partikolari mat-Titolu III tal-Liġi Nru 302/2004, u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2002/584/ĠAI tinsab trasposta b’mod korrett b’dan id-dritt nazzjonali?”

    25.

    Il-Ministerul Public, Parchetul de pe lângă Curte de Apel Constanţa (il-Prosekutur Pubbliku fil-Curte de Apel Constanţa), il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tal-Litwanja, tal-Awstrija, tal-Polonja, tar-Rumanija u tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012, ir-rappreżentant ta’ C. Radu, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Rumanija u l-Kummissjoni Ewropea għamlu sottomissjonijiet orali u wieġbu għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    Analiżi

    Osservazzjonijiet preliminari

    Ammissibbiltà

    26.

    Saru għadd ta’ oġġezzjonijiet rigward l-ammissibbiltà tal-ordni tar-rinviju. Dawk kollha li sottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom qablu li d-domanda 6, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta d-dispożizzjoniet tad-dritt nazzjonali u li se nirritorna għaliha aktar ’l isfel ( 7 ), hija inammissibbli. Il-Gvern Ġermaniż iqajjem oġġezzjoni parzjali dwar l-inammissibbiltà, filwaqt li l-Gvernijiet tal-Awstrija u tar-Rumanija u l-Kummissjoni jissottomettu li l-ordni hija inammissibbli fl-intier tagħha. Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Litwanja, tal-Polonja u tar-Renju Unit ma qajmux dan il-punt.

    27.

    L-oġġezzjonijiet li saru jsostnu sostanzjalment li l-ordni tar-rinviju ma hijiex iddettaljata biżżejjed u hija wisq ipotetika biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali.

    28.

    Ma hemmx dubju li l-ordni tar-rinviju hija lakonika fid-deskrizzjoni tagħha tal-isfond għall-każ fil-proċedimenti prinċipali u, b’mod partikolari, ir-raġunijiet wara d-domandi li saru mill-qorti nazzjonali.

    29.

    Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “fir-rigward tad-diviżjoni tal-ġurisdizzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja [l-Artikolu 276 TFUE] il-qorti nazzjonali, li hi biss għandha għarfien dirett tal-fatti tal-każ u tal-argumenti mressqa mill-partijiet, u li se jkollha tagħti sentenza fil-kawża, hija fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa, bl-għarfien sħiħ tal-kwistjoni quddiemha, ir-rilevanza tal-punti ta’ dritt imqajma bit-tilwima quddiemha u n-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti sentenza” ( 8 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta d-domandi rrinvijati jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, “din, fil-prinċipju, hija obbligata li tagħti deċiżjoni” ( 9 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    30.

    Jidhirli li dan huwa l-każ hawnhekk. Il-qorti nazzjonali tagħmilha ċara fl-ordni tar-rinviju tagħha li tqis ir-risposti għad-domandi tagħha bħala essenzjali għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiemha. Li kieku t-termini tal-ordni tar-rinviju kienu tali li kien manifestament impossibbli għall-Gvernijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jissottomettu osservazzjonijiet, dak il-punt waħdu ma kienx ikun determinanti ( 10 ). Imma dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Mhux inqas minn seba’ Gvernijiet, flimkien mal-Prosekutur Pubbliku u l-Kummissjoni, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Bi ftit eċċezzjonijiet, kull wieħed minnhom seta’ jagħmel osservazzjonijiet utli dwar id-domandi tal-qorti nazzjonali.

    31.

    Ma jiġi ggwadanjat xejn jekk l-ordni tar-rinviju f’dan il-każ tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. Bl-eċċezzjoni tal-osservazzjonijiet li jikkonċernaw id-domanda 6, jien għalhekk inqis li dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jinċaħdu.

    Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32.

    Ir-Romanija għamlet dikjarazzjoni abbażi tal-ex Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjonijiet preliminari skont ir-regoli stabbiliti fl-ex Artikolu 35(3)(b) UE ( 11 ). Skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat TFUE, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-Titolu VI preċedenti tat-Trattat UE dwar atti tal-Unjoni li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ikunu ġew aċċettati skont l-ex Artikolu 35(2) UE ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Id-Deċiżjoni Qafas

    33.

    Qabel ma ngħaddi għas-sustanza tad-domandi, ta’ min wieħed jikkunsidra l-isfond tad-Deċiżjoni Qafas u l-għanijiet li tistabbilixxi biex jintlaħqu.

    34.

    Id-deċiżjoni għandha tinftiehem fil-kuntest tal-għan li l-Unjoni għandha ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għal dan l-iskop, din tintroduċi sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel is-sentenza u s-sentenzi finali. Din is-sistema tingħata bixra prattika fil-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-mandat jimplementa l-prinċipju tar-rikonoxximet reċiproku, li l-Kunsill Ewropew iddeskriva fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Tampere bħala “il-qafas” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ( 13 ). Dan il-prinċipju, biex ikun effettiv, jeħtieġ livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri ( 14 ).

    35.

    Għan prinċipali tal-arranġamenti l-ġodda introdotti bid-Deċiżjoni Qafas huwa t-tneħħija tad-dewmien inerenti fis-sistema preċedenti tal-estradizzjoni ( 15 ). Kif jidher, dan l-għan intlaħaq fil-prattika. Fir-rapport tagħha tal-2011 dwar l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ( 16 ), il-Kummissjoni tosserva li l-ħin medju għall-estradizzjoni kien ta’ bejn wieħed u ieħor sena. Taħt is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-perijodu medju għall-implementazzjoni tnaqqas għal bejn 14 u 17-il ġurnata, meta l-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha. Meta ma tkunx tat il-kunsens tagħha, il-perijodu huwa ta’ 48 ġurnata.

    36.

    Filwaqt li l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bid-Deċiżjoni Qafas jikkonċernaw kwistjonijiet li huma essenzjalment proċedurali, dan ma jfissirx li l-leġiżlatur naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fil-promulgazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għal kuntrarju: dan għamlu b’diversi modi.

    37.

    L-ewwel nett, hija inkorporat riferimenti ċari għal dawn id-drittijiet fid-deċiżjoni. Dan joħroġ ċar, pereżempju, mill-premessi 10, 12 u 13 fil-preambolu. B’mod iktar fundamentali, l-Artikolu 1(3) jistipula b’mod iktar speċifiku li d-deċiżjoni ma għandux ikollha effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti f’dak li llum huwa l-Artikolu 6 TFUE. Jien se nerġa’ niġi lura għal dan il-punt iktar ’l isfel ( 17 ).

    38.

    It-tieni nett, il-livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri msemmija fil-premessa 10 huwa bbażat fuq l-osservanza minn kull wieħed mill-Istati Membri kemm tad-drittijiet fil-Konvenzjoni kif ukoll tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. B’effett mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, issa huwa neċessarju li wieħed iżid — sal-punt li qabel din ma kellhiex diġà rwol x’tilgħab — il-Karta.

    39.

    It-tielet nett, id-Deċiżjoni Kwardru tinkorpora għadd ta’ dispożizzjonijiet imfassla biex iħarsu d-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. Jien ipprovdejt sunt tagħhom fil-punt 10 iktar ’il fuq u mhux se nirrepetihom hawnhekk, ħlief biex nirrileva d-drittijiet għal smigħ xieraq previst espressament f’każ li l-persuna rikjesta ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja (l-Artikolu 14) u f’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ bl-iskop li titmexxa prosekuzzjoni kriminali (l-Artikolu 18).

    40.

    Fir-rigward tal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas, ikun żbaljat jekk wieħed iqis is-sistema li hija tintroduċi bħala li hija biss intiża għall-benefiċċju tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri. Bl-introduzzjoni ta’ forma ta’ proċedura li hija mfassla biex tkun iktar effiċjenti u effettiva minn ta’ qabilha, il-leġiżlatur kellu wkoll il-ħsieb li jtejjeb il-protezzjoni mogħtija lil vittmi ta’ reati kriminali billi tara li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja iktar malajr u b’mod iktar effikaċi.

    41.

    Filwaqt li l-atti tal-Istati Membri għal dik li hija konformità mal-obbligazzjonijiet tagħhom dwar drittijiet umani jistgħu jkunu ta’ min wieħed ifaħħarhom, jista’ jagħti l-każ li dan mhux dejjem ikun hekk. Ma għandu jkun hemm ebda preżunzjoni li, sempleċement għax it-trasferiment tal-persuna rikjesta jsir minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet umani ta’ dik il-persuna se jkunu awtomatikament iggarantiti mal-wasla tiegħu hemmhekk ( 18 ). Madankollu, jista’ jkun hemm preżunzjoni ta’ konformità li tkun konfutabbli biss f’każ li jkun hemm provi mill-iktar ċari possibbli. Tali provi għandhom ikunu speċifiċi; dikjarazzjonijiet ġeneriċi, anki jekk ikunu argumentati sew, ma jkunux biżżejjed.

    Id-domanda 1

    42.

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-Konvenzjoni jifformawx parti mid-dritt primarju tal-Unjoni.

    43.

    Jien se nibda bil-pożizzjoni mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

    44.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati u għaldaqstant tifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni.

    45.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni kienu stabbiliti wkoll fit-Trattat tal-Lisbona. L-Artikolu 6(3) TFUE jistabbilixxi li d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet konstituzzjonali komuni għall-Istati Membri, huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE.

    46.

    Għalhekk mhux biss l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha, imma anki l-Istati Membri meta jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-UE, ikunu marbuta bil-Karta u bil-Konvenzjoni ( 19 ).

    47.

    Dan, minnu nnifsu, huwa biżżejjed biex tingħata risposta għal dak li tgħid l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, huwa ċar mill-ordni tar-rinviju li t-tilwima quddiemha hija kemxejn usa’, peress li C. Radu jidher li qiegħed isostni li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ġab miegħu bidla fundamentali fil-mod kif id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kellhom ikunu applikati fl-Unjoni ( 20 ). Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għalhekk huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-pożizzjoni qabel l-1 ta’ Diċembru 2009.

    48.

    Filwaqt li l-Karta kienet ipproklamata solennement f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000, id-deċiżjoni fir-rigward tal-istatus legali preċiż li kellha tingħata, madankollu, ġiet posposta. Għalhekk, ma kinitx ġiet inkorporata fl-ebda wieħed mit-Trattati, u d-dispożizzjonijiet tagħha ma ngħataw bl-ebda mod il-forza ta’ liġi. Madankollu, il-Karta malajr bdiet titqies bħala katalgu awtorevoli tad-drittijiet fundamentali, u kkonfermat kif għamlet il-prinċipji ġenerali inerenti fis-saltna tad-dritt li huma komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Din il-Qorti ta’ spiss ispirat ruħha mid-dispożizzjonijiet tal-Karta meta qatgħet is-sentenzi tagħha ( 21 ). B’riżultat ta’ dan, il-Karta kisbet l-istatus ta’ soft’ law; jiġifieri, għalkemm id-dispożizzjonijiet tagħha ma kinux direttament applikabbli, madankollu kienu kapaċi joħolqu effetti legali — f’ħafna każijiet, ta’ portata kbira — fi ħdan l-Unjoni.

    49.

    Ir-rwol tal-Konvenzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandu għeruq ferm iktar profondi. Sa minn żmien twil ilu, fl-1969, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fi Stauder ( 22 ) li “[i]d-drittijiet fundamentali tal-bniedem [huma] stabbiliti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u huma mħarsa mill-Qorti tal-Ġustizzja”. Il-ġurisprudenza, li għall-bidu kienet embrijonika, matul is-snin ġiet applikata u żviluppata permezz ta’ sentenzi ewlenin bħal Internationale Handelsgesellschaft ( 23 ) u Nold ( 24 ) sal-ġurnata tal-lum. F’Kadi u Al Barakaat, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret b’mod sod li “ma jistgħux jiġu aċċettati fil-Komunità miżuri inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet umani” ( 25 ). B’riferiment speċifiku għall-Konvenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja f’Der Grüne Punkt iddeskriviet id-dritt għal smigħ xieraq mogħti bl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni “bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju” ( 26 ).

    50.

    Tenut kont ta’ dan, jista’ jingħad li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona biddel id-dritt tal-Unjoni fi grad materjali?

    51.

    Ma jidhirlix li jista’ jingħad dan. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(1) u 6(3) TUE sempliċement jirrappreżentaw dak li r-Renju Unit isejjaħ fl-osservazzjonijiet tiegħu “kodifikazzjoni” ta’ pożizzjoni pre-eżistenti. Biex inpoġġiha mod ieħor, dawn jirrappreżentaw ir-rieda politika biex id-dispożizzjonijiet li jfittxu li jistabbilixxu u jħarsu jkunu iktar viżibbli fl-espressjoni tagħhom. Dawn ma jirrappreżentawx xi bidla sostanzjali ta’ xi tip. Għal din ir-raġuni, jien inqis li kull argument li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jingħataw interpretazzjoni differenti bid-dħul fis-seħħ tagħhom huwa ddestinat li jfalli ( 27 ).

    52.

    Fid-dawl ta’ dan, ir-risposta għad-domanda 1 għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Karta, inkluż l-Artikoli 6, 48 u 52, jifformaw parti mid-dritt primarju tal-Unjoni. Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti bil-Konvenzjoni, inkluż id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1), (3) u (4) u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    Id-domandi 2 u 3

    53.

    B’dawn id-domandi, li l-aħjar jiġu indirizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ipprivar tal-libertà u l-konsenja furzata tal-persuna rikjesta li tinvolvi l-proċedura tal-mandat ta’ arrest jikkostitwixxux indħil fid-dritt għal-libertà ta’ dik il-persuna u jekk biex dan l-indħil ikun awtorizzata bl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 6 tal-Karta, dan iridx ikun konformi mar-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità ( 28 ).

    54.

    L-individwi kollha għandhom id-dritt għal-libertà. Dan joħroġ ċar mill-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 6 tal-Karta. Il-kwistjoni hija jekk l-ipprivar ta’ dak id-dritt jistax ikun iġġustifikat. Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinftiehem hawnhekk fil-kuntest tiegħu. L-iskop tiegħu huwa li jiġi żgurat li persuni li fir-rigward tagħhom jinħareġ mandat ikunu fiżikament preżenti fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat sabiex jiffaċċjaw proċeduri kriminali jew priġunerija skont il-każ. Dan l-għan huwa, fil-fehma tiegħi, evidentement neċessarju fl-interess tas-soċjetà.

    55.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni jistabbilixxi numru ta’ ċirkustanzi li fihom persuna tista’ tiġi legalment ipprivata mil-libertà tagħha. Dawn jinkludu [fil-paragrafu (a)] id-detenzjoni tagħha wara li tiġi kkundannata minn qorti kompetenti u [fil-paragrafu (ċ)] l-arrest jew id-detenzjoni tagħha fejn, fost affarijiet oħra, hija tkun issuspettata li wettqet reat. Il-paragrafu (f) huwa ta’ rilevanza partikolari għal din id-diskussjoni, peress li dan jikkwalifika d-dritt għal-libertà f’każijiet fejn persuna tiġi legalment arrestata jew detenuta bl-iskop, fost affarijiet oħra, ta’ estradizzjoni (il-proċedura ta’ bejn l-Istati li ġiet issostitwita bl-arrest Ewropew).

    56.

    Il-kwistjoni essenzjali hija jekk id-detenzjoni wara l-ħruġ ta’ mandat hijiex proporzjonali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem”) iddeċidiet fir-rigward tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni li “din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li d-detenzjoni ta’ persuna li qegħdha ttieħed azzjoni kontra tagħha bil-ħsieb ta’ estradizzjoni titqies raġonevolment neċessarja, pereżempju biex iżommha milli tikkommetti reat jew milli taħrab. F’dan ir-rigward l-Artikolu 5(1)(f) jipprovdi livell differenti ta’ protezzjoni mill-Artikolu Article 5(1)(ċ): kull ma huwa rikjest taħt is-sub-paragrafu (f) huwa li “l-azzjoni qegħdha tittieħed bil-ħsieb ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni”. Għalhekk huwa immaterjali, għall-iskopijiet tal-Artikolu 5(1)(f), jekk id-deċiżjoni tat-tkeċċija tistax tiġi ġustifikata taħt id-dritt nazzjonali jew tal-Konvenzjoni ...” ( 29 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    57.

    Madankollu, jista’ jkun żbaljat li wieħed jinterpreta din il-parti tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-Konvenzjoni bħala li tfisser li kull detenzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(f) se tkun dejjem legali, sakemm din issir bil-ħsieb ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni. Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li “kull ipprivar tal-libertà taħt it-tieni sub-inċiż tal-Artikolu 5(1)(f) tkun ġustifikata biss … sakemm ikunu qegħdin isiru l-proċedimenti ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni [ ( 30 ) ]. Jekk dawn il-proċedimenti ma jsirux bid-diliġenza dovuta, id-detenzjoni ma tibqax iktar permissibbli taħt l-Artikolu 5 (1)(f) [...] L-ipprivar tal-libertà trid tkun ukoll ‘legali’. Meta jkun hemm kwistjoni dwar ‘il-legalità’ tad-detenzjoni, inkluża l-kwistjoni jekk ġietx segwita ‘proċedura stabbilita bil-liġi’, il-Konvenzjoni tagħmel riferiment essenzjalment għad-dritt nazzjonali u tistabbilixxi l-obbligu li wieħed jikkonforma mar-regoli sostantivi u proċedurali tad-dritt nazzjonali. Madankollu l-konformità mad-dritt nazzjonali ma hijiex biżżejjed: barra dan l-Artikolu 5(1) jirrikjedi li kull ipprivar tal-libertà għandu jkun konformi mal-għan li l-individwu jiġi protett mill-arbitrarjetà. Huwa prinċipju fundamentali li ebda detenzjoni li hija arbitrarja ma tista’ tkun kompatibbli mal-Artikolu 5(1) u l-kunċett ta’ ‘arbitrarjetà’ fl-Artikolu 5(1) jestendi lil hinn min-nuqqas ta’ konformità mad-dritt nazzjonali, biex b’hekk l-ipprivar tal-libertà tista’ tkun legali skont id-dritt domestiku imma xorta tkun arbitrarja u għalhekk tkun kontra l-Konvenzjoni […] Biex jiġi evitat li tkun immarkata bħala arbitrarja, id-detenzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(f) għandha titwettaq bi skop tajjeb; għandha tkun konnessa mill-qrib mar-raġuni għad-detenzjoni invokata mill-[awtoritajiet nazzjonali]; il-post u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni għandhom ikunu xierqa; u t-tul tad-detenzjoni m’għandux jeċċedi dak li huwa raġonevolment rikjest għall-iskop mixtieq ...” ( 31 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    58.

    Il-kompletezza tirrikjedi li jien ma nagħmilx riferiment biss għall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, imma għall-klawżola ekwivalenti fil-Karta, jiġifieri, l-Artikolu 6. Din id-dispożizzjoni ma tinkludix l-ekwivalenti għall-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni. Madankollu, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jagħmilha ċara li fejn id-drittijiet stabbiliti f’dak id-dokument jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni, it-tifsira u l-iskop tad-drittijiet tal-Karta għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni. L-Artikolu 5(1)(f) għalhekk japplika impliċitament.

    59.

    Għalhekk, meta jagħtu effett lill-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-prinċipji spjegati fil-punt 57 iktar ’il fuq. L-applikazzjoni tagħhom neċessarjament se tvarja minn każ għal każ u mhux se jkun possibbli li wieħed jistabbilixxi regoli stretti u dejjiema.

    60.

    Madankollu, jien kont inżid dan il-punt. Kif osservat il-Kummissjoni fir-Rapport tal-2011, kritika li saret dwar il-mod kif id-Deċiżjoni Qafas ġiet implementata mill-Istati Membri hija li l-fiduċja fl-applikazzjoni tagħha kienet imdgħajfa bil-ħruġ sistematiku ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għall-konsenja ta’ persuni mfittxija għal reati li jkunu ħafna drabi minuri u li ma jkunux gravi biżżejjed li jiġġustifikaw il-miżuri u l-kooperazzjoni li l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-mandati teħtieġ. Il-Kummissjoni tosserva li hemm effett sproporzjonat fuq il-libertà u l-ħelsien tal-persuni rikjesti meta l-mandati ta’ arrest Ewropej jinħarġu rigward każijiet fejn altrimenti d-detenzjoni (qabel il-proċess kriminali) kienet titqies mhux xierqa ( 32 ).

    61.

    Jiena naqbel.

    62.

    Fid-dawl ta’ dan, ir-risposta għad-domandi 2 u 3 għandha tkun li l-ipprivar tal-libertà u l-konsenja furzata tal-persuna rikjesta li tinvolvi l-proċedura tal-arrest Ewropew jikkostitwixxi ndħil mad-dritt tal-libertà ta’ dik il-persuna għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 6 tal-Karta. Dan l-indħil normalment ikun iġġustifikat li hu “neċessarju f’soċjetà demokratika” bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni. Madankollu, id-detenzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(f) ma għandhiex tkun arbitrarja. Biex jiġi evitat li tkun arbitrarja, din id-detenzjoni għandha titwettaq in bone fide; hija trid tkun konnessa mill-qrib mar-raġuni tad-detenzjoni invokata mill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni; il-post u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni għandhom ikunu xierqa; u t-tul taż-żmien tad-detenzjoni ma għandux jeċċedi dak li huwa raġonevolment meħtieġ għall-għan mixtieq (b’hekk jiġi sodisfatt it-test tal-proporzjonalità). L-Artikolu 6 tal-Karta għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni.

    Id-domanda 4

    63.

    Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, effettivament, jekk Stat Membru tal-eżekuzzjoni jistax jirrifjuta li jimplementa mandat ta’ arrest Ewropew meta, jekk jagħmel dan, ikun qiegħed jikser, jew ikun qiegħed jirriskja li jikser, id-drittijiet tal-persuna rikjesta taħt l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni jew l-Artikoli 6, 48 u 52 tal-Karta.

    64.

    B’kuntrast mat-tieni u mat-tielet domandi, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw id-detenzjoni tal-persuna rikjesta fil-perijodu bejn in-notifika ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u t-trasferiment ta’ dik il-persuna fl-Istat Membru li ħareġ il-mandat, hawnhekk il-kwistjonijiet huma usa’. Tista’ l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tirrifjuta għal kollox li teżegwixxi mandat fejn ikun hemm inkwistjoni ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuna rikjesta?

    65.

    Id-domanda tqajjem dan il-punt b’riferiment għad-dispożizzjonijiet enumerati tal-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 6 tal-Karta. L-avukat ta’ C. Radu stqarr waqt is-seduta li l-klijent tiegħu ma kienx “ġie nnotifikat bl-akkużi kontrih, ma kienx irċieva ċ-ċitazzjoni fir-rigward tagħhom u sab ruħu f’sitwazzjoni fejn kien kompletament impossibbli għalih li jiddefendi ruħu”. Peress li l-impossibbiltà li jippreżenta difiża xierqa tagħti lok ukoll, tal-inqas potenzjalment, għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni, u l-Artikolu 47 tal-Karta, jien se ninkludihom fl-analiżi tiegħi għall-finijiet ta’ kompletezza.

    66.

    Qari superfiċjali tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jwassal biex wieħed jikkonkludi li tali infrazzjonijiet (ikunu xi jkunu l-effetti temporali tagħhom) ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-Artikoli 3 u 4 jelenkaw iċ-ċirkustanzi li fihom l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha (l-Artikolu 3) jew tista’ (l-Artikolu 4) tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew. L-ebda waħda minnhom ma tagħmel riferiment għal kwistjonijiet ta’ drittijiet umani bħala raġuni għalfejn isir dan. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-lista ta’ raġunijiet stabbiliti f’dawk l-artikoli hija waħda eżawrjenti ( 33 ).

    67.

    Wieħed jista’ jasal għal din il-konklużjoni abbażi tal-għanijiet tad-deċiżjoni. Is-sistema ta’ konsenja li tintroduċi hija bbażata fuq il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku ( 34 ) u livell għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri ( 35 ), u hija maħsuba li tnaqqas id-dewmien inerenti fil-proċedura preċedenti tal-estradizzjoni ( 36 ).

    68.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl bla dubju ta’ din il-kunsiderazzjoni, iddeċidiet li “[i]l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom, bħala regola, jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew” ( 37 ). Evidentement, dan huwa korrett, peress li, jekk il-pożizzjoni kienet mod ieħor, l-għanijiet inerenti fid-deċiżjoni kienu jirriskjaw li jiddgħajfu serjament.

    69.

    Madankollu, jien ma nemminx li dan l-approċċ dejjaq — li jkun jeskludi għal kollox kunsiderazzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem — huwa sostnut mill-kliem tad-Deċiżjoni Qafas jew mill-ġurisprudenza.

    70.

    L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas jagħmilha ċara li d-Deċiżjoni ma taffettwax l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji fundamentali kif iggarantiti bl-Artikolu 6 UE (issa, wara li ġie emendat, l-Artikolu 6 TEU). Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-obbligu li jiġu rrispettati dawn id-drittijiet u prinċipji huwa mifrux fid-Deċiżjoni Qafas. Huwa impliċitu li dawk id-drittijiet jista’ jingħata qies tagħhom bħala bażi għal deċiżjoni li ma jiġix eżegwit mandat. Jekk wieħed jinterpreta l-Artikolu 1(3) b’mod differenti jkun qiegħed jirriskja li jneħħilu kull tifsira — għajr, possibbilment bħala platitudni eleganti.

    71.

    Wieħed jista’ jsib sostenn għal din il-fehma f’għadd ta’ konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Jiena nirreferi b’mod partikolari għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’I.B. ( 38 ), fejn huwa sostna:

    “[...] inqis li interpretazzjoni korretta tal-kontenut u tal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas għandha tqis l-iskopijiet kollha mfittxija mit-test. Jekk huwa veru li r-rikonoxximent reċiproku huwa strument li jsaħħaħ l-ispazju ta’ sigurtà, libertà u ta’ ġustizzja, huwa daqstant ieħor minnu li l-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxu prijorità li jilleġittima l-eżistenza u l-iżvilupp ta’ dan l-ispazju. Id-Deċiżjoni Qafas tesprimi ruħha ripetutament f’dan is-sens fil-premessi 10, 12, 13 u 14 kif ukoll fl-Artikolu 1(3). […]” ( 39 ).

    72.

    Jiena naqbel.

    73.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar illi l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru huma obbligati li jikkunsidraw id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Konvenzjoni u fil-Karta meta jiġu biex jikkunsidraw jekk jesegwux mandat ta’ arrest Ewropew. Meta għandhom jirrifjutaw li jagħmlu ordni għal konsenja u liema fatturi għandhom jikkunsidraw biex jaslu għal deċiżjoni bħal din?

    74.

    Huwa evidenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem li mhux kull ksur tal-Konvenzjoni jista’ jiġġustifika rifjut li tiġi implementata ordni ta’ estradizzjoni ( 40 ). Fi Dzhaksybergenov vs L-Ukraina, pereżempju, din iddeċidiet li “riferiment għal problema ġenerali li tikkonċerna l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż partikolari ma tistax waħidha sservi bħala bażi għal rifjut ta’ estradizzjoni” ( 41 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    75.

    F’Soering vs Ir-Renju Unit ( 42 ), din il-Qorti ddeċidiet li fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ( 43 ), “[i]d-deċiżjoni ta’ Stat kontraenti li jestradixxi persuna maħruba tista’ tagħti lok għal kwistjoni taħt l-Artikolu 3, u għalhekk tinvolvi r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat taħt il-Konvenzjoni, meta ikunu ntwerew raġunijiet sostanzjali għalfejn wieħed jifhem li l-persuna kkonċernata, jekk tkun estradita, se tiffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal tortura jew trattament jew piena degradanti fil-pajjiż li jagħmel it-talba” ( 44 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tal-Artikolu 6 din osservat: “id-dritt għal proċess imparzjali f’proċedimenti kriminali, kif inkorporat fl-Artikolu 6, għandu post prominenti f’soċjetà demokratika […] Il-Qorti ma teskludix li b’mod eċċezzjonali tista’ titqajjem kwistjoni taħt l-Artikolu 6 […] b’deċiżjoni ta’ estradizzjoni f’ċirkustanzi fejn il-persuna maħruba tkun sofriet jew qed tirriskja li ssofri ċaħda flagranti ta’ proċess imparzjali fil-pajjiż li jagħmel it-talba” ( 45 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    76.

    Għalkemm ma hemmx dicta direttament ekwivalenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-Deċiżjoni Qafas, qamu kwistjonijiet ta’ natura simili f’N.S. et ( 46 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra l-effett tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 47 ) dwar id-doveri tal-awtoritajiet nazzjonali taħt, inter alia, ir-Regolament Nru 343/2003 ( 48 ). Bl-istess mod bħad-Deċiżjoni Qafas, dan ir-regolament jistabbilixxi proċeduri dwar il-moviment ta’ persuni — f’dak il-każ, dawk li jfittxu l-ażil — minn Stat Membru għal ieħor konformi ma’ proċeduri u skadenzi speċifikati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “minn dan ma jistax jiġi konkluż li kull ksur ta’ dritt fundamentali mill-Istat Membru responsabbli jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzonijiet tar-[Regolament]”. Jekk il-limitu kellu jiġi stabbilit f’livell daqshekk baxx, ikun hemm ir-riskju li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni jiddgħajfu. Hija kompliet biex tiddeċidi li: “sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu josservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil, l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil lejn l-‘Istat Membru responsabbli’ fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” ( 49 ).

    77.

    Biex nirrikapitola, iż-żewġ qrati jaċċettaw li d-drittijiet fundamentali jistgħu jaffettwaw l-obbligu legali ta’ Stat Membru li jittrasferixxi persuna lil Stat Membru ieħor. Fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjoni ekwivalenti fl-Artikolu 4 tal-Karta, dawn jikkunsidraw li t-test għandu jkun jekk hemmx “raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen” li hemm “riskju reali” li d-dispożizzjoni inkwistjoni se tinkiser fl-Istat fejn il-persuna inkwistjoni kieku altrimenti jkollha tiġi ttrasferita. Fil-kuntest tal-Artikolu 6, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet illi l-obbligu ta’ trasferiment se jiġi affettwat biss “b’mod eċċezzjonali” u meta l-persuna inkwistjoni “tkun ġiet imċaħda jew qed tirriskja li tiġi mċaħda b’mod flagranti” mid-drittijiet tagħha taħt il-Konvenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma tat deċiżjoni dwar l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

    78.

    Fir-rigward tal-oneru tal-prova fuq il-persuna li tressaq kontestazzjoni, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet illi l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ riskju għandha neċessarjament tkun waħda rigoruża u għandu jkun r-rikorrent li jressaq il-provi neċessarji ( 50 ). Fir-rigward tal-grad tal-prova rikjesta biex ikun iġġustifikat rifjut għal trasferiment, dik il-Qorti ddeċidiet f’Garabayev vs Ir-Russja ( 51 ) li “fl-evalwazzjoni tal-provi li fuqhom tiġi bbażata d-deċiżjoni jekk hemmx ksur tal-Artikolu 3, il-Qorti tadotta l-grad ta’ prova ’lil hinn minn kull dubju raġjonevoli’ imma tkompli u tgħid “li tali prova tista’ ssegwi mill-koeżistenza ta’ inferenzi biżżejjed qawwija, ċari u li jaqblu jew preżunzjonijiet simili ta’ fatti inkonfutabbli. F’dan il-kuntest, l-imġiba tal-partijiet meta jkunu qegħdin jiġu ppreżentati l-provi għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni [...]” ( 52 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalkemm dik id-dikjarazzjoni kienet saret fil-kuntest tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, ma jistax ikun hemm grad ogħla li jiġi impost għas-sempliċi raġuni li ma jeżistix grad ogħla.

    79.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem?

    80.

    Meta tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed għandu dejjem iżomm f’moħħu li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li huwa possibbli għad-dritt tal-Unjoni li jipprovdi protezzjoni iktar estensiva minn dik stabbilita mill-Konvenzjoni.

    81.

    Ma għandi l-ebda diffikultà li naċċetta li Stat Membru tal-eżekuzzjoni jista’ jirrifjuta li jittrasferixxi persuna taħt id-Deċiżjoni Qafas biss b’mod eċċezzjonali. Huwa ċar li l-għan kollu tad-deċiżjoni jiddgħajjef li kieku jkun possibbli li jitqajmu dak li jien nista’ nsejjaħ kontestazzjonijiet ta’ “rutina” bbażati fuq ksur kunċettwali ta’ drittijiet tal-bniedem. Huwa neċessarju li jitfakkar li huma involuti wkoll l-interessi tal-vittmi tar-reati li jaraw li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja ( 53 ).

    82.

    Minn dan isegwi b’mod ċar li t-test għar-rifjut għandu jkun wieħed rigoruż. Madankollu, jien ma naqbilx mal-ġurisprudenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq żewġ aspetti. L-ewwel nett, jien ma nħossx li nista’ nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li taċċetta t-test li l-ksur inkwistjoni għandu jkun “flagranti”. Dan il-kunċett jidhirli li mhux ċar biżżejjed u għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti f’kull parti tal-Unjoni Ewropea. Ġie ssuġġerit li l-ksur għandu jkun daqstant fundamentali li jkun jammonta għal ċaħda totali jew annullament tad-dritt għal proċess imparzjali ( 54 ).

    83.

    Madankollu, dan it-test — jekk wieħed jassumi dejjem li dan jista’ jinftiehem b’mod ċar — jidhirli li huwa strett iżżejjed. Jekk jiġi interpretat b’ċertu mod, dan ikun jirrikjedi li kull aspett tal-proċess kriminali jkun inġust. Issa, proċess kriminali li jkun biss parzjalment ġust ma jistax jiggarantixxi li ssir ġustizzja. Ġie ssuġġerit li l-ksur għandu jkun daqshekk gravi li jwassal għall-annullament, jew saħansitra għad-distruzzjoni stess tal-kontenut tad-dritt għal smigħ xieraq ( 55 ).

    84.

    Fit-tieni lok — fir-rigward tal-grad ta’ prova — ma huwiex sew, fil-fehma tiegħi, li jkun rikjest li jiġi stabbilit ksur potenzjali “lil hin minn kull dubju raġjonevoli”. Kriterju bħal dan jista’ jkun xieraq, u użat f’ċerti ġurisdizzjonijiet, biex jiġi stabbilit l-oneru tal-prova li għandu jkun impost fuq is-servizzi tal-prosekuzzjoni fi proċessi kriminali. Dan jiżgura li r-riskju li persuna akkużata tinstab ħatja b’mod żbaljat jitnaqqas sa fejn dan huwa dejjem possibbli. Imma fil-fehma tiegħi dan ma għandux rwol x’jilgħab hawnhekk. Barra minn hekk, jeżisti riskju li l-oneru li dan jimponi fuq il-persuna kkonċernata, li tista’ ma jkollhiex il-mezzi u tkun kostretta li tiddependi fuq l-assistenza tal-Istat biex tiddefendi d-drittijiet tagħha, ikun impossibbli fil-prattika li dan jiġi sodisfatt.

    85.

    Madankollu, ugwalment, tkun meħtieġa xi ħaġa iktar minn sempliċi suġġerimenti ta’ irregolaritajiet potenzjali. Jekk dak li jiddeċiedi ma għandux jimplementa mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni li jeżisti riskju reali li d-drittijiet ta’ persuna rikjesta se jiġu miksura, ma jkunx biżżejjed li jitqajmu f’moħħu dubji li mhux żviluppati biżżejjed. Jien nissuġġerixxi li t-test xieraq huwa li l-persuna rikjesta trid tikkonvinċi lil min jiddeċiedi li l-oġġezzjonijiet tiegħu għat-trasferiment huma sostanzjalment fondati ( 56 ).

    86.

    Fl-analiżi preċedenti, jiena kkonċentrajt fuq l-effett li ksur fil-futur tad-drittijiet fundamentali ta’ persuna jista’ jkollu fuq id-deċiżjoni li dik il-persuna tiġi ttrasferita fi Stat Membru ieħor. Huwa f’dan il-qasam li wieħed jista’ jsib l-iktar dicta rilevanti tal-Qorti tad-Drittijiet Umani. Jien issa se niffoka fuq l-effett ta’ ksur fil-passat.

    87.

    Fil-fehma tiegħi, l-enfasi se tibqa’ l-istess.

    88.

    L-ewwel, ksur li huwa rimedjabbli ma huwiex se jiġġustifika rifjut għat-trasferiment tal-persuna rikjesta lejn l-Istat Membru li jagħmel il-ksur. Tali ksur ma jistax jipprevali fuq l-għanijiet ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja rapida u effiċjenti li d-Deċiżjoni Qafas tfittex li tippromwovi. Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ripetutament li, meta wieħed jikkunsidra jekk ġiex stabbilit ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, huwa neċessarju li jiġi vverifikat “jekk il-proċedimenti, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom […] kienux ġusti” ( 57 ). Ċertament, xejn ma jżomm lill-persuna inkwistjoni milli tagħmel talba għad-danni fir-rigward tal-ksur, taħt il-prinċipji rilevanti tad-dritt tal-UE jew tad-dritt nazzjonali jew, jekk ikun xieraq, l-Artikolu 41 tal-Konvenzjoni.

    89.

    Minn dan isegwi li huwa biss il-ksur li jħassar b’mod fundamentali s-sens ta’ ġustizzja fil-proċess ġudizzjarju (it-test stabbilit fil-punt 83 iktar ’il fuq) li jista’ jkun rilevanti. Madankollu, biex dan iseħħ, fil-kuntest ta’ ksur fil-passat, irid jintwera li l-effett tiegħu, jekk iseħħ, minnu nnifsu jkun tali li l-ebda proċess imparzjali ma jkun possibbli jew l-effetti passati tiegħu, jekk ikomplu jkunu tali li jkollhom l-istess riżultat.

    90.

    Ħa nispjega dan billi nagħti żewġ eżempji. Fl-ewwel wieħed, persuna rikjesta hija akkużata bi qtil fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ bil-ħsieb li jsir it-trasferiment tiegħu mill-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Qabel dan, però, l-awtoritajiet kompetenti fl-ewwel Stat Membru kienu ordnaw li evidenza, fil-forma ta’ kampjuni tad-DNA tal-mejjet li fil-fehma tal-persuna rikjesta kienu kruċjali biex tistabbilixxi l-innoċenza tagħha, jiġu distrutti. Il-persuna rikjesta, permezz tal-avukat tagħha, tkun sostniet fl-Istat Membru fejn inħareġ il-mandat li l-kampjuni kellhom jinżammu sabiex iservu ta’ provi fil-proċess tagħha. Ma hemm l-ebda dubju reali li d-deċiżjoni li jiġu distrutti l-kampjuni ttieħdet b’mod żbaljat, bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuna rikjesta. Ma hemm l-ebda evidenza materjali oħra li tista’ tipprova l-innoċenza tagħha. Hawnhekk, fil-fehma tiegħi, ftit li xejn hemm dubju li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni għandhom jirrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat. Fit-tieni eżempju, iċ-ċirkustanzi huma l-istess, ħlief li l-allegat ksur tal-Artikolu 6 kien in-nuqqas li ssir notifika lill-persuna rikjesta tal-proċedimenti kriminali imminenti kontra tiegħu. Dan il-ksur jista’ jiġi rrimedjat u ma għandu jkun hemm l-ebda kwistjoni li dan jista’ jiġġustifika rifjut li jiġi eżegwit il-mandat.

    91.

    Għandu jiġi osservat li ħafna mill-eżempji ta’ allegat ksur se jkunu inqas ċari miż-żewġ eżempji estremi li għadni kif tajt. Dan huwa minnu. Jiena mhux qiegħed nipproponi li nidħol f’iktar dettal f’dan ir-rigward, peress li fil-fehma tiegħi l-kwistjonijiet involuti jridu jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali każ b’każ. Ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti regoli preċiżi u riġidi.

    92.

    Huwa neċessarju, sabiex tingħata risposta kompleta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, li jiġi indirizzat l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 6 tal-Karta. F’dak ir-rigward, jiena nsibha diffiċli li nara li ksur qabel it-trasferiment ta’ persuna rikjesta lejn l-Istat Membru tal-ħruġ tal-mandat ma jkunx rimedjabbli. Dik il-possibbiltà ma tistax tiġi eskluża għal kollox, għall-inqas bħala possibbiltà teoretika, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi fuq dan il-punt. B’mod ġenerali, fil-fehma tiegħi japplikaw l-istess prinċipji bħal dawk li japplikaw għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.

    93.

    Fil-każ preżenti, hija l-qorti nazzjonali, li għandha tiddeċidi, billi tapplika l-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq, jekk il-ksur ta’ drittijiet fundamentali li qiegħed jilmenta minnhom C. Radu humiex suffiċjenti biex jiġġustifikaw rifjut għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni fil-proċedimenti prinċipali.

    94.

    Ġie ssuġġerit mill-avukat ta’ C. Radu waqt is-smigħ li fil-proċedimenti prinċipali tista’ tinqala’ kwistjoni dwar materji proċedurali li jwasslu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. F’sens ta’ ordni tajba, jien nipproponi l-osservazzjonijiet segwenti f’dan ir-rigward.

    95.

    L-ewwel nett, mhux biss fejn ikun hemm kwistjoni dwar ksur sostanzjali ta’ drittijiet fundamentali jew xi waħda mir-raġunijiet mandatorji jew fakultattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni speċifikati fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament tad-Deċiżjoni Qafas li awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew. Din tista’ tirrifjuta li tagħmel dan anki jekk jiġi ppruvat li kien hemm ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali fir-rigward tal-ħruġ tal-mandat. Jekk, pereżempju, jiġi stabbilit b’mod ċar li l-mandat ta’ arrest Ewropew naqas milli jinkludi evidenza xierqa ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali speċifkata fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-deċiżjoni (għaliex, pereżempju, dan tal-aħħar kien null għal raġunijiet proċedurali taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-ħruġ), fil-fehma tiegħi l-mandat ma għandux jiġi eżegwit. Id-drittijiet proċedurali mogħtija lill-persuni rikjesti skont l-Artikoli 11 sa 23 tad-Deċiżjoni Qafas jagħtu opportunità wiesgħa li jitqajmu punti ta’ dix-xorta qabel ma jiġi eżegwit mandat.

    96.

    It-tieni nett, id-Deċiżjoni Qafas ma tfittixx li tarmonizza jew li jkunu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ir-raġunijiet għal, u l-proċeduri li jwasslu għan-notifika ta’ mandat ta’ arrest lil persuna ssuspettata jew misjuba ħatja li kkommettiet reat kriminali. Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka kif stabbilit fid-deċiżjoni jinvolvi neċessarjament li kull wieħed mill-Istati Membri jirrikonoxxi il-liġi kriminali tal-oħrajn ( 58 ).

    97.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda 4 għandha tkun li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jirrifjuta t-talba għal konsenja mingħajr ma jkun qiegħed jikser l-obbligi awtorizzati mit-Trattati Kostituttivi u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, meta jintwera li d-drittijiet tal-bniedem tal-persuna li l-konsenja tiegħu hija rikjesta nkisru, jew se jinkisru, bħala parti minn jew wara l-proċess ta’ konsenja. Madankollu, tali rifjut ikun possibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. F’każijiet li jinvolvu l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni u/jew l-Artikoli 6,47 u 48 tal-Karta, il-ksur inkwistjoni jrid ikun tali li jħassar b’mod fundamentali s-sens ta’ ġustizzja tal-proċess. Il-persuna li tallega ksur trid tikkonvinċi lil min jieħu d-deċiżjoni li l-oġġezzjonijiet tagħha huma sostanzjalment fondati. Ksur passat li jista’ jiġi rrimedjat ma jistax jiġġustifika tali oġġezzjoni.

    Id-domanda 5

    98.

    B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru tal-eżekuzzjoni jistax jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġuni li l-Istat Membru tal-ħruġ naqas li jittrasponi, jew ittraspona b’mod skorrett, id-Deċiżjoni Qafas.

    99.

    F’dak ir-rigward, hija l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li Stat Membru wieħed ma jistax jiġġustifika n-nuqqas li jagħti effett lid-dritt tal-UE billi jindika xi allegat nuqqas ta’ xi Stat Membru ieħor li jimplementa l-istess obbligazzjonijiet jew oħrajn simili ( 59 ).

    100.

    Dan jindika li r-risposta għad-domanda għandha tkun b’mod ċar fin-negattiv.

    101.

    Għandha din il-pożizzjoni tiġi kkwalifikata fid-dawl tal-enfasi mill-qorti tar-rinviju fuq il-kwistjoni tar-reċiproċità? Dan il-punt jidher li huwa inkwistjoni fil-proċedimenti prinċipali ( 60 ), peress li huwa li C. Radu jsosnti li d-dritt Ġermaniż jonqos milli jagħti effett xieraq lid-Deċiżjoni Qafas.

    102.

    Huwa minnu li l-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ddeċidiet fl-2005 li l-liġi domestika li timplementa d-deċiżjoni kienet antikostituzzjonali u għalhekk bla ebda effett ( 61 ). Madankollu, hija l-fehma ċara tiegħi, ikkonfermata mill-Ġermanja waqt is-seduta, li l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġdida fl-2006 rrimedjat din is-sitwazzjoni.

    103.

    Jiena kont inżid ħaġa waħda. Waqt is-seduta, l-avukat tal-Ġermanja uża l-eżempju tal-wiżża misruqa. Jekk dak l-Istat Membru kien mitlub li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ dak ir-reat fejn is-sentenza mogħtija fl-Istat Membru tal-ħruġ kienet waħda ta’ sitt snin, hija kienet tal-fehma li l-eżekuzzjoni tal-mandat kellu jiġi rrifjutat. Hija kkunsidrat li tali rifjut ikun ġustifikabbli abbażi tad-duttrina tal-proporzjonalità u rriferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-Artikolu 49(3) tal-Karta, li jipprovdi li “[i]s-severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat kriminali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu. Fil-kuntest tal-Konvenzjoni, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li waqt li, fil-prinċipju, kwistjonijiet ta’ għoti ta’ sentenzi xierqa fil-biċċa l-kbira jaqgħu barra mill-iskop tal-Konvenzjoni, sentenza li tkun “wisq sproporzjonata” tista’ tammonta għal trattament ħażin li jmur kontra l-Artikolu 3, imma huwa biss f’“okkażjonijiet rari u uniċi” li dan it-test jista’ jintlaħaq ( 62 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ikun interessanti li wieħed jispekula dwar l-interpetazzjoni li għandha tingħata tal-Artikolu 49(3) tal-Karta wara li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni. Madankollu, jien mhux ser nesplora dan l-punt għas-sempliċi raġuni li dan ma jokkorrix fil-każ preżenti. Anki li kellu wieħed jassumi li dan l-approċċ min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni fil-Ġermanja jkun ifisser nuqqas min-naħa ta’ dak l-Istat Membru li jagħti effett għall-obbligu tiegħu skont id-Deċiżjoni Qafas, għall-iskopijiet tad-domanda 5, dan ma jiġġustifikax nuqqas min-naħa tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni li jagħti effett lill-mandat ta’ arrest maħruġ fil-Ġermanja.

    104.

    Għal dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għad-domanda 5 għandha tkun li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jirrifjuta t-talba għal konsenja fuq il-bażi li l-Istat li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew naqas li jittrasponi jew li jittrasponi b’mod sħiħ jew ittraspona b’mod skorrett id-Deċiżjoni Qafas mingħajr ma jkun qiegħed jikser l-obbligi awtorizzati mit-Trattati Kostituttivi u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-UE.

    Id-domanda 6

    105.

    B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali humiex kompatibbli mal-Konvenzjoni u mal-Karta u jekk dawn id-dispożizzjonijiet ittrasponewx korrettement id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

    106.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tiddetermina jekk dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-UE ( 63 ). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala kwalifika għal dik ir-regola, jista’ jkollha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-kriterji għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE li jistgħu jippermettulha tevalwa jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex hekk kompatibbli, l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali fl-ordni tar-rinviju tagħha ma hijiex suffiċjenti biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq tali eżerċizzju f’dan il-każ ( 64 ).

    107.

    Għaldaqstant, id-domanda 6 ma hijiex ammissibbli.

    Konklużjoni

    108.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Curtea de Apel Constanţa:

    (1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Artikoli 6, 48 u 52 tagħha, jiffurmaw parti mid-dritt primarju tal-Unjoni. Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, inkluż id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1), (3) u (4) u 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    (2)

    L-ipprivar tal-libertà u l-konsenja furzata tal-persuna rikjesta li tinvolvi l-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi ndħil fid-dritt tal-libertà ta’ dik il-persuna għall-iskopijiet tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 6 tal-Karta. Dan l-indħil normalment ikun iġġustifikat għaliex huwa “neċessarju f’soċjetà demokratika” bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(f) tal-Konvenzjoni. Madankollu, id-detenzjoni taħt din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun arbitrarja. Biex jiġi evitat li tkun arbitrarja, tali detenzjoni għandha titwettaq in bona fede; hija għandha tkun konnessa mill-qrib mar-raġuni għad-detenzjoni invokata mill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni; il-post u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni għandhom ikunu xierqa; u l-perijodu tad-detenzjoni ma għandux jeċċedi dak li jkun raġonevolment meħtieġ għall-għan segwit. L-Artikolu 6 tal-Karta għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni.

    (3)

    L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta t-talba għal konsenja mingħajr ma tikser l-obbligi awtorizzati mit-Trattati Kostituttivi u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, meta jintwera li d-drittijiet tal-bniedem tal-persuna li tkun intalbet il-konsenja tagħha jkunu nkisru, jew se jinkisru, bħala parti minn jew insegwitu għall-proċess ta’ konsenja. Madankollu, tali rifjut huwa possibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. F’każijiet li jinvolvu l-Artikoli 5 u 6 tal-Konvenzjoni u/jew l-Artikoli 6, 47 u 48 tal-Karta, il-ksur inkwistjoni jrid ikun tali li b’mod fundamentali jeqred is-sens ta’ ġustizzja tal-proċess. Il-persuna li tallega l-ksur għandha tikkonvinċi lil min jieħu d-deċiżjoni li l-oġġezzjonijiet tagħha huma sostanzjalment fondati. Ksur tal-passat li kapaċi jiġi rrimedjat mhux se jiġġustifika tali oġġezzjoni.

    (4)

    L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta t-talba għall-konsenja fuq il-bażi li l-Istat li joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew naqas li jittrasponi jew li jittrasponi b’mod sħiħ jew ittraspona b’mod skorrett mingħajr ma kiser l-obbligi awtorizzati mit-Trattati Kostituttivi u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Deċiżjoni Qafas [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (“id-Deċiżjoni Qafas” jew “id-deċiżjoni”) (ĠU L 17 p. 45). Id-deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24). L-emendi li saru ma jaffettwawx is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 3 ) L-Artikolu 6 TUE ssostitwixxa, b’xi emendi, l-Artikolu 6 UE, li kien fis-seħħ kemm meta kienet adottata d-Deċiżjoni Qafas u kemm meta nħarġu l-mandati ta’ arrest Ewropej fil-każ preżenti. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jipprovdu:

    “1.

    L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

    2.

    L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

    ( 4 ) Ara wkoll Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17).

    ( 5 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2005, 2 BvR 2236/4. Il-qorti nazzjonali waslet għal din id-deċiżjoni għal raġunijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dik il-Liġi għaċ-ċittadini Ġermaniżi.

    ( 6 ) Din ir-raġuni għar-rifjut hija stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas u l-Artikolu 98(2)(b) tal-Liġi Nru 302/2004.

    ( 7 ) Ara l-punti 105 et seq iktar ’l isfel.

    ( 8 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1978, Pigs Marketing Board vs Redmond (Kawża 83/78, Ġabra 2347, punt 25).

    ( 9 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher Militzer & Münch (C-231/89, Ġabra I-4003, punt 20).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 20).

    ( 11 ) Ara ĠU 2010, C 56, p. 7.

    ( 12 ) Skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan il-protokoll, id-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 10(1) ma jibqax ikollha effett ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri, fit-30 ta’ Novembru 2014.

    ( 13 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere fis-sit internet www.cvce.eu.

    ( 14 ) Ara, b’mod ġenerali, il-premessi 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 15 ) Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 16 ) Ir-rapport tal-11 ta’ April 2011 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implementazzjoni mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas [COM(2011) 175 finali] (ir-‘Rapport tal-2011’), Taqsima 1.

    ( 17 ) Ara l-punt 70 iktar ’l isfel.

    ( 18 ) Ara, inter alia, f’dan ir-rigward it-taqsima 4 tar-Rapport tal-2011. Ara wkoll punt 249 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 97 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-27/09 P, Ir-Repubblika ta’ Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, C-27/09 P, Ġabra p. I-13427).

    ( 19 ) Fir-rigward tal-Karta, ara wkoll l-Artikolu 51(1), li jispeċifika li jorbot lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Huwa ċar li, meta jkunu qegħdin jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri se jkunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Peress li l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni, huma marbutin biha mhux biss fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom tad-dritt tal-Unjoni, imma anki fil-kuntest tar-regoli nazzjonali tagħhom.

    ( 20 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.

    ( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (Kawża C-432/05, Ġabra I-2271, punt 37), u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat (Kawżi Maqgħuda C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra I-6351, punt 335).

    ( 22 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7).

    ( 23 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 4).

    ( 24 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491, punt 13).

    ( 25 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq, punt 284. Ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 26 ) Sentenza tat-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland/Commission (C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 178). Ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 27 ) Għas-sens ta’ kompletezza, jien irrid nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón (is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2010, C-306/09, Ġabra I-10341), fejn qal “[i]l-ħtieġa li tiġi interpretata d-Deċiżjoni Qafas fid-dawl tad-drittijiet fundamentali saret iktar urġenti wara d-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”. Filwaqt li dan jista’ prima facie jidher li jimplika l-bżonn ta’ interpretazzjoni differenti tad-Deċiżjoni Qafas wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 6(1) TUE, jien ma nqisx li kien f’dak l-ispirtu li saret din l-osservazzjoni. Pjuttost naraha li qiegħda tenfasizza s-saħħa tar-rieda politika għall-viżibbiltà li għamilt riferiment għaliha iktar ’il fuq.

    ( 28 ) Filwaqt li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirreferu wkoll għal artikoli oħra tal-Karta u tat-Trattat, jien ninterpreta dawk ir-riferimenti bħala tfakkira tal-kuntest li fih id-dritt għal-libertà jopera fir-rigward tal-proċedimenti kriminali. Jien għalhekk ikkonċentrajt fuq dawk id-dispożizzjonijiet li fil-fehma tiegħi jidhru li huma l-iktar rilevanti.

    ( 29 ) Ara Chahal vs Ir-Renju Unit, Rep. 1996-V, punt 112, Ismoilov vs Ir-Russja, Nru 2947/06, punt 135, u Lokpo u Toure vs L-Ungerija, Nru. 10816/10, punt 16.

    ( 30 ) Għalkemm is-sentenza kienet ingħatat f’każ li jikkonċerna proċeduri ta’ estradizzjoni u mhux il-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jiena ma nqisx li hemm xi differenza fil-prinċipji inerenti f’dan il-kuntest. Ċertament, dan ma jfissirx li dan huwa dejjem awtomatikament il-każ.

    ( 31 ) A. et vs Ir-Renju Unit, [GC] Nru 3455/05, punt 164.

    ( 32 ) Ara r-Rapport 2011, sezzjoni 5.

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, (Kawża C-388/08 PPU, Ġabra I-8993, punt 51), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (Kawża C-123/08, Ġabra I-9621, punt 57). Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 4, isentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (Kawża 139/10, Ġabra p. I-9511, punt 33).

    ( 34 ) Ara, inter alia, Advocaten voor der Wereld, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 28, u sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski (Kawża C-66/08, Ġabra I-6041, punt 31).

    ( 35 ) Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 36 ) Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 37 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C-261/09, Ġabra p. I-11477, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 hawn fuq.

    ( 39 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Wolzenburg, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq, punti 148 u 151, u Mantello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 iktar ’il fuq, punti 87 u 88, u tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Lopes da Silva Jorge (isentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, C-42/11, punt 28).

    ( 40 ) Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq, jiena ma nikkunsidrax illi l-prinċipji inerenti huma differenti f’dan il-kuntest bejn proċeduri ta’ estradizzjoni u proċeduri ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    ( 41 ) Dok. 12343/10, paragrafu 37.

    ( 42 ) Dok. 14038/88.

    ( 43 ) L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni jipprojbixxi t-tortura u trattament jew piena inumani jew degradanti.

    ( 44 ) Punt 91 (enfasi miżjuda).

    ( 45 ) Punt 113 (enfasi miżjuda).

    ( 46 ) Sentenza tat-21 ta’ Diċembru 2011 (Kawżi Magħquda C-411/10 u C-493/10, Ġabra ).

    ( 47 ) L-Artikolu 4 tal-Karta huwa l-ekwivalenti tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni.

    ( 48 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

    ( 49 ) Punti 82 u 94 (korsiv miżjud minni).

    ( 50 ) Ara Saadi vs L-Italja, Nru 37201/06, punti 128 u 129.

    ( 51 ) Nru 38411/02.

    ( 52 ) Punt 76.

    ( 53 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.

    ( 54 ) Ara l-konklużjonijiet konġunti parzjalment dissenzjenti tal-Imħallfin Bratza, Bonello u Hedigan fis-sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Mamatkulov u Askarov vs It-Turkija, Nri 46827/99 u 46951/99, punt 14.

    ( 55 ) Tali approċċ kien, pereżempju, adottat minn Lord Phillips fil-paragrafu 136 tad-diskors tiegħu fil-House of Lords fil-kawża RB (Algeria) and Another vs Secretary of State for the Home Department (ara http://www.publications.parliament.uk/pa/ld200809/ldjudgmt/jd090218/rbalge-1.htm).

    ( 56 ) Waqt is-smigħ, l-avukat ta’ C. Radu kien mistieden mill-Qorti tal-Ġustizzja biex ikun speċifiku dwar liema vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali ġew allegati. Jien nistqarr, min-naħa tiegħi, li ma kontx partikolarment illuminat bit-tweġiba tiegħu.

    ( 57 ) Ara, inter alia, Bernard vs. France, Nru 22885/93, punt 37.

    ( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C-187/01 u C-385/01, Ġabra I-1345, punt 32 u 33).

    ( 59 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, (C-232/78, Ġabra I-2729, punt 9).

    ( 60 ) Ara l-punti 19 u 23 iktar ’il fuq.

    ( 61 ) Ara l-punt 19 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

    ( 62 ) Ara Vinter et vs Ir-Renju Unit, Nru 66069/09, 130/10 u 3096/10, punt 89.

    ( 63 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Vandoorne (C-489/09, Ġabra I-225, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 64 ) Il-Kummissjoni tosserva fis-sottomissjonijiet tagħha li fir-Rapport tal-2011 li r-Rumanija għamlet it-traspożizzjoni b’mod korrett tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas li huma rilevanti għal dan il-każ. Għal raġunijiet ovvji, dikjarazzjoni bħal din għandha biss l-effett ta’ gwida.

    Top