Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0379

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2012.
    Caves Krier Frères Sàrl vs Directeur de l’Administration de l’emploi.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il‑Lussemburgu).
    Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Sussidju għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema qiegħda ta’ età ikbar u ta’ ħaddiema li ilhom qiegħda għal tul ta’ żmien — Kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ma’ aġenzija tax-xogħol tal-amministrazzjoni tal-impjiegi nazzjonali — Kundizzjoni ta’ residenza — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni.
    Kawża C‑379/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:596

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

    Kawża C-379/11

    Caves Krier Frères S.àr.l.

    vs

    Directeur de l’Administration de l’emploi

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour Administrative (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu)]

    “Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikoli 21 u 45 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Rimbors ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn Stat Membru lil persuni li jimpjegaw ħaddiema qiegħda li għandhom 45 sena u iktar li jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”

    1. 

    Fil-Lussemburgu, persuni li jimpjegaw ħaddiema qiegħda li jkollhom 45 sena u iktar huma eliġibbli li jirċievu sussidju għar-reklutaġġ ( 2 ). Is-sussidju jieħu l-forma ta’ rimbors lil persuna li timpjega tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa fir-rigward tal-ħaddiem irreklutat. Madankollu, il-ħaddiem ikkonċernat għandu jkun ġie rreġistrat bħala li qiegħed ifittex xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol tal-amministrazzjoni tal-impjiegi tal-Lussemburgu ( 3 ). Il-Cour administrative (Qorti tal-Appell Amministrattiva) (il-Lussemburgu) tistaqsi jekk kundizzjoni bħal din hijiex kompatibbli mal-Artikoli 21 u 45 TFUE li jikkonċernaw id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, rispettivament.

    Il-leġiżlazzjoni

    Id-dritt tal-UE

    Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

    2.

    Taħt l-Artikolu 21 TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

    3.

    L-Artikolu 45 TFUE jistabbilixxi:

    “1.   Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

    2.   Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”.

    4.

    Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 45 TFUE huma suġġetti għall-possibbiltà li l-Istati Membri jintroduċu limitazzjonijiet li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, kif ipprovdut fl-Artikolu 45(3).

    Ir-Regolament Nru 1408/71

    5.

    Ir-Regolament Nru 1408/71 ( 4 ) jikkoordina l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex jipproteġi d-drittijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ persuni li jiċċaqalqu fl-UE ( 5 ). Il-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema tal-fruntiera, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ( 6 ). Dan jipprovdi li l-persuni residenti fit-territorju tal-UE għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji ta’ sigurtà soċjali taħt il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat ( 7 ). Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-benefiċċji tal-qgħad hija inkluża fil-lista tal-materji koperti mir-Regolament [Artikolu 4(1)(g)]. Tali benefiċċji ma humiex biss finanzjarji, imma jinkludu l-assistenza biex jinstab impjieg ġdid li s-servizzi tal-impjieg ta’ Stat Membru jipprovdu lil ħaddiema li japplikaw għal tali servizzi ( 8 ).

    6.

    Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (“Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”) jikkostitwixxu sistema kompluta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw li l-ħaddiema li jiċċaqalqu fl-Unjoni jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss ( 9 ). Għaldaqstant, l-Artikolu 13 jipprovdi:

    “1.   Suġġetti għall-Artikolu 14ċ, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

    2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

    (a)

    persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

    [...]”

    7.

    Il-Kapitolu 6 tat-Titolu III jinkludi dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-qgħad. L-Artikolu 71 jistabbilixxi regoli li japplikaw għal persuna qiegħda li qabel kienet impjegata u li, matul l-aħħar impjieg tagħha, kienet tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti. Dan jinkludi regoli differenti li jiddependu fuq jekk il-ħaddiem mingħajr impjieg huwiex ħaddiem tal-fruntiera (Artikolu 71(1)(a)) jew “differenti minn ħaddiem tal-fruntiera” (Artikolu 71(1)(b)). Fir-rigward tal-ħaddiema tal-fruntiera, l-Artikolu 71(1)(a) jipprovdi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a). Dan jipprovdi:

    “1.   Persuna disimpjegata li qabel kienet impjegata u li, matul l-aħħar impjieg tagħha, kienet tabita fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti, tirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin: ( 10 )

    (a)(i)

    Ħaddiem tal-fruntiera li huwa bla xogħol parzjalment jew minn żmien għal ieħor fl-intrapriża li timpjegah, jirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti bħallikieku huwa kien jabita fit-territorju ta’ dak l-Istat; dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti.

    (ii)

    Ħaddiem tal-fruntiera li huwa kompletament impjegat [qiegħed] jirċievi benefiċċji skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabita bħallikieku huwa kien suġġett għal dik il-leġislazzjoni waqt l-aħħar impjieg, dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza aspejjeż tagħha.

    [...]”

    8.

    Ħaddiem li huwa “differenti minn ħaddiem tal-fruntiera” u jaqa’ għaldaqstant taħt l-Artikolu 71(1)(b) għandu għażla: jista’ jew japplika mal-awtoritajiet kompetenti għall-benefiċċji tal-qgħad fl-Istat fejn huwa kien impjegat l-aħħar jew jitlob dawk il-benefiċċji fl-Istat ta’ residenza tiegħu ( 11 ).

    Id-dritt nazzjonali

    9.

    Il-miżura nazzjonali inkwistjoni hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.541-1 tal-Code du travail (“il-Kodiċi tax-Xogħol”). Dan jipprovdi għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (iktar ’il quddiem “is-sussidju għar-reklutaġġ”) bil-mod kif ġej:

    “Meta persuna li timpjega fis-settur privat tirrekluta ħaddiem qiegħed, il-fond tal-impjieg għandu jirrimborsa lill-istess persuna li timpjega kemm is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-persuna li timpjega kif ukoll dak tal-impjegat, indipendentement minn jekk il-ħaddiem qabel kienx qiegħed jirċievi benefiċċju tal-qgħad, iżda bil-kundizzjoni li huwa għandu iktar minn 45 sena u kien irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol tal-[ADEM] għal mill-inqas xahar”.

    10.

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu L.541-1 jipprovdi li l-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni ma tapplikax għal persuni li qed ifittxu xogħol ta’ età ta’ 40 sena u iktar li huma milquta minn skema ta’ żamma tal-impjieg (iktar ’il quddiem “skema soċjali”) kif iddefinit fl-Artikolu L.513-3 tal-Kodiċi tax-Xogħol ( 12 ).

    11.

    L-Artikolu L.622-6(1) jipprovdi li: “Il-persuni qiegħda kollha li jkunu qegħdin ifittxu xogħol huma obbligati jirreġistraw bħala persuni li qed ifittxu xogħol mal-[ADEM]”.

    Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

    12.

    M. Krier twieldet fit-30 ta’ Lulju 1955. Hija ċittadina Lussemburgiża li tirrisjedi mal-familja tagħha fil-Ġermanja. Fl-1 ta’ Mejju 2008, Caves Krier Frères S.àr.l. (iktar ’il quddiem “Caves Krier”), ditta Lussemburgiża, impjegat lil M. Krier, li dak iż-żmien kellha 52 sena, fuq kuntratt permanenti. M. Krier dejjem ħadmet fil-Lussemburgu, għalkemm immedjatament qabel ma bdiet taħdem ma’ Caves Krier hija għamlet żmien qiegħda wara li l-persuna li kienet timpjegaha kienet iddeċidiet li tkeċċiha. Matul dak il-perijodu M. Krier kienet irreġistrat mal-awtoritajiet Ġermaniżi bħala li kienet qiegħda u għaldaqstant irċeviet benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż ta’ residenza tagħha.

    13.

    Fit-2 ta’ Settembru 2008, Caves Krier ressqet quddiem l-ADEM talba għas-sussidju għar-reklutaġġ fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirrekluta lil M. Krier. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2008, id-direttur tal-ADEM ċaħad dik it-talba minħabba li M. Krier ma kinitx irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-ADEM, kif meħtieġ mill-miżura nazzjonali inkwistjoni. Fil-11 ta’ Jannar 2010, Caves Krier ressqet kawża quddiem it-Tribunal administratif (Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza) fejn talbet l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

    14.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2020, it-Tribunal administratif ċaħad ir-rikors ta’ Caves Krier. Huwa ddeċieda li s-sitwazzjoni ta’ persuna qiegħda li tirrisjedi fil-Lussemburgu u li, għaldaqstant, tista’ tirreġistra mal-ADEM bħala persuna qiegħda ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ persuna qiegħda li, minħabba li ma tirrisjedix fil-Lussemburgu, ma tistax tirreġistra mal-ADEM, u li, min-naħa l-oħra, għandha tirreġistra mal-uffiċċju tal-impjiegi tal-pajjiż ta’ residenza tagħha.

    15.

    Fit-12 ta’ Awwissu 2010, Caves Krier appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour administrative.

    16.

    Din il-qorti tikkunsidra li tqum kwistjoni tad-dritt tal-UE li tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sussidju għar-reklutaġġ taħt il-miżura nazzjonali inkwistjoni, u b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni ( 13 ). Il-qorti tikkonstata li “huwa paċifiku li huma biss dawk il-persuni li jirrisjedu fit-territorju tal-Lussemburgu li jistgħu jirreġistraw mal-ADEM, filwaqt li dawk li ma jirrisjedux hemmhekk ma jistgħux jirreġistraw; li fil-fatt ifisser li s-sussidju għar-reklutaġġ huwa rriżervat għal persuni li jimpjegaw persuni qiegħda li huma residenti fil-Lussemburgu”.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju nnutat li l-Istat, li ma kienx irrappreżentat fil-proċeduri quddiemha, ma kellux l-opportunità li juri jekk tali restrizzjoni tar-residenza kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku li huma indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-għan leġittimu tal-miżura nazzjonali inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija ma hijiex f’pożizzjoni tiġġustifika dawk il-miżuri minn jeddha. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 541-21 tal-Kodiċi tax-Xogħol Lussemburgiż, peress li jirriżerva d-dritt għal rimbors tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, parzjalment minn min iħaddem u parzjalment mill-assigurat, għal persuni qiegħda li jkunu ta’ età ’il fuq minn [45] sena, kemm jekk ikunu ġew ikkumpensati kif ukoll jekk ma jkunux ġew ikkumpensati, għal persuni li jħaddmu fis-settur privat, sa kemm il-persuni qiegħda jkunu rreġistrati bħala persuni li qed ifittxu x-xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol tal-[ADEM] għal mill-inqas xahar, filwaqt li persuni li jħaddmu li jimpjegaw persuni qiegħda rreġistrati bħala persuni li qed ifittxu x-xogħol ma’ organizzazzjonijiet korrispondenti barra mill-pajjiż ma jibbenefikawx minn din il-miżura, huwa konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 21 u 45 [TFUE]?”

    18.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Caves Krier, mill-Gvern Lussemburgiż, mill-Gvern tar-Repubblika Ċeka, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.

    19.

    Caves Krier, il-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012.

    Evalwazzjoni

    Osservazzjonijiet preliminari

    20.

    L-Awstrija ssostni li d-domanda tal-qorti nazzjonali hija inammissibbli għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, id-digriet tar-rinviju ma huwiex ċar sa fejn dan jonqos milli jispeċifika jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni tintroduċix kundizzjoni ta’ residenza jew rekwiżit ta’ reġistrazzjoni. Għaldaqstant, l-Awstrija targumenta li l-qorti nazzjonali naqset milli tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda b’mod li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli ( 14 ). It-tieni nett, il-qorti nazzjonali tirreferi għall-fatt li r-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni ma japplikax għal ħaddiema li jitkeċċew fil-kuntest ta’ skema soċjali ( 15 ). Madankollu, il-qorti nazzjonali ma inkludietx id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali fid-digriet tar-rinviju. It-tielet nett, l-Awstrija — sostnuta fuq dan il-punt mir-Repubblika Ċeka — ssostni li d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali hija ipotetika inkwantu l-miżura nazzjonali inkwistjoni, fil-fatt, ma pprekludietx lil M. Krier milli teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu u milli tikseb impjieg fil-Lussemburgu.

    21.

    Fil-fehma tiegħi, id-domanda hija ammissibbli.

    22.

    L-ewwel nett, jidhirli li l-qorti nazzjonali ddefinixxiet l-elementi essenzjali tal-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-oriġini tal-kwistjoni fil-livell nazzjonali b’ċarezza suffiċjenti biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika l-punti biex tiddetermina u teżamina t-talba għal deċiżjoni preliminari. Iktar minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom il-partijiet kienu f’pożizzjoni li jittrattaw il-kwistjonijiet li jqumu u li jressqu l-argumenti tagħhom skont il-każ. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti deċiżjoni preliminari fuq id-domanda li saret.

    23.

    It-tieni nett, ma huwiex sostnut li M. Krier hija ħaddiema li tkeċċiet skont skema soċjali u hija għaldaqstant eżentata mir-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu L.541-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol. Għaldaqstant ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk dan l-arranġament huwiex prekluż mill-Artikoli 21 jew 45 TFUE.

    24.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li d-domanda tal-qorti nazzjonali hija ipotetika, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet segwenti.

    25.

    Ma huwiex ikkontestat li M. Krier hija ħaddiema tal-fruntiera u li hija tista’ tinvoka d-dritt tagħha ta’ moviment liberu taħt l-Artikolu 45 TFUE. Hija eżerċitat dawk id-drittijiet billi għażlet li tirrisjedi barra l-Lussemburgu, il-pajjiż tal-oriġini tagħha, minkejja li taħdem f’dak l-Istat.

    26.

    Skont ġurisprudenza paċifika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli jiltaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal din il-libertà anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiem ikkonċernat ( 16 ).

    27.

    Fl-eżami tad-domanda tal-qorti nazzjonali, huwa neċessarju għaldaqstant li jiġi kkunsidrat jekk M. Krier hijiex żvantaġġjata minħabba li hija tirrisjedi fil-Ġermanja u ma tistax, għaldaqstant, tirreġistra mal-ADEM. Il-konsegwenza tal-pożizzjoni ta’ M. Krier hija li l-persuna li timpjegaha, Caves Krier, ma tistax tikseb is-sussidju għar-reklutaġġ fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li tirreklutaha.

    28.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ikun verament effikaċi, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu rreklutati u impjegati neċessarjament għandu jkollu bħala korollarju tiegħu d-dritt tal-persuna li timpjega li tirreklutahom skont ir-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema ( 17 ).

    29.

    Fid-dawl ta’ dan, ma jidhirlix li d-domanda tal-qorti nazzjonali hija ipotetika. Il-kwistjoni li trid tiġi kkunsidrata hija jekk Caves Krier, bħala l-persuna li timpjega lil M. Krier, hijiex żvantaġġjata minħabba li ġiet imċaħħda mill-ħlas tas-sussidju għar-reklutaġġ għal ħaddiema ta’ età ikbar meta rreklutat lil Krier. Din ma hijiex kwistjoni ipotetika; din wasslet għal kwistjoni ġenwina fuq livell nazzjonali li teħtieġ li tissolva. Barra minn hekk, il-punt ineżami jikkonċerna d-drittijiet ta’ M. Krier bħala ħaddiema tal-fruntiera, li tirrisjedi fi Stat Membru wieħed filwaqt li taħdem f’wieħed ieħor. Il-kwistjoni hija dwar jekk il-miżura nazzjonali ineżami toħloqx ostakolu biex jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet li jpoġġi lil persuna bħalma hija M. Krier fi żvantaġġ ( 18 ).

    30.

    Fl-aħħar nett, madankollu, jidhirli li huwa neċessarju li nipproponi deċiżjoni biss fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. L-Artikolu 21 TFUE jistabbilixxi d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Dan huwa espress speċifikament fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Peress li l-proċeduri prinċipali jaqgħu taħt il-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jidhirli li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni separata fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE ( 19 ).

    L-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema

    In-natura tar-restrizzjoni inkwistjoni

    31.

    Fid-domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tiddeskrivi s-sussidju għar-reklutaġġ bħala li huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuni qiegħda rreklutati jkunu ġew irreġistrati bħala persuni li qed ifittxu xogħol ma’ aġenzija tax-xogħol tal-ADEM. Hija tispjega wkoll li “huwa paċifiku li huma biss dawk li jirrisjedu fit-territorju tal-Lussemburgu li jistgħu jirreġistraw, filwaqt li dawk li ma jirrisjedux hemmhekk ma jistgħux jirreġistraw; li fil-fatt ifisser li s-sussidju għar-reklutaġġ huwa rriżervat għal persuni li jimpjegaw persuni qiegħda li huma residenti fil-Lussemburgu”.

    32.

    Il-Lussemburgu tikkontesta l-interpretazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali. Hija ssostni li r-reġistrazzjoni mal-ADEM ma hijiex limitata għall-ħaddiema li jirrisjedu fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, il-Lussemburgu jargumenta li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom dritt jirreġistraw mal-ADEM. Huwa jgħid li ma hemm ebda rekwiżit ta’ ċittadinanza li japplika għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, ħaddiema qiegħda bħalma hija M. Krier, li tgħix il-Ġermanja u li hija rreġistrata hemmhekk bħala persuna qiegħda u li għaldaqstant tirċievi benefiċċji tal-qgħad fil-Ġermanja, tista’ tirreġistra wkoll mal-ADEM fil-Lussemburgu għall-finijiet li tfittex xogħol f’dak l-Istat. Il-Lussemburgu jsostni, għaldaqstant, li ma hemm ebda restrizzjoni taħt l-Artikolu 45 TFUE.

    33.

    Caves Krier u l-Kummissjoni jaqblu mal-interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali u jikkunsidraw li l-effett tal-miżura nazzjonali inkwistjoni huwa li timponi rekwiżit ta’ residenza biex wieħed ikun jista’ jirreġistra mal-ADEM.

    34.

    Il-miżura nazzjonali inkwistjoni ma tgħid xejn fuq jekk hemmx dan ir-rekwiżit ta’ residenza. Madankollu, ninnota li tliet istanzi ta’ qrati fil-Lussemburgu ( 20 ) interpretaw dik il-miżura fis-sens li, effettivament, tali kundizzjoni ta’ residenza teżisti.

    35.

    Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, meħtieġa li tibbaża l-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq id-deskrizzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru ( 21 ). Fil-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma ċarament separati u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 22 ).

    36.

    Għaldaqstant, nikkunsidra li kull evalwazzjoni dwar jekk l-Artikolu 45 TFUE jipprekludix rekwiżit ta’ reġistrazzjoni minn qabel bħala persuna li qed tfittex xogħol, meta tali reġistrazzjoni hija kundizzjoni biex jingħata s-sussidju għar-reklutaġġ lil persuna li timpjega potenzjali, għandha tkun ibbażata fuq il-miżura nazzjonali inkwistjoni kif interpretata mill-qorti nazzjonali li qed titlob deċiżjoni preliminari — jiġifieri, bħala li tinkludi rekwiżit ta’ residenza.

    Ir-rekwiżit ta’ residenza

    37.

    Inkwantu, għall-finijiet tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, ir-residenza fil-Lussemburgu hija kundizzjoni sabiex persuna tkun tista’ tirreġistra mal-ADEM u r-reġistrazzjoni mal-ADEM hija kundizzjoni biex ikun jista’ jingħata s-sussidju għar-reklutaġġ, persuna li timpjega Lussemburgiża li tkun tixtieq tirrekluta ħaddiem qiegħed, ta’ età ta’ iktar minn 45 sena, x’aktarx li iktar timpjega ħaddiem residenti fil-Lussemburgu, li fir-rigward tiegħu normalment hija tkun tista’ tirċievi s-sussidju ( 23 ), iktar milli ħaddiem tal-fruntiera, li fir-rigward tiegħu ma tirċievi xejn.

    38.

    Għaldaqstant, x’aktarx li jkun iktar diffiċli għall-ħaddiema qiegħda li għandhom iktar minn 45 sena u li jirrisjedu barra mil-Lussemburgu biex jiġu impjegati f’dak l-Istat. Għaldaqstant, tali kundizzjoni x’aktarx li tiskoraġġixxi lil dawk il-persuni milli jiċċaqalqu biex imorru joqogħdu fi Stat viċin.

    39.

    Għaldaqstant, jiena tal-fehma li rekwiżit ta’ residenza bħalma huwa dak ineżami fil-proċeduri prinċipali huwa restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, kif iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE.

    40.

    Il-qorti nazzjonali tispjega li hija tixtieq tkun taf jekk rekwiżit ta’ residenza jistax, madankollu, ikun iġġustifikat. Hija tenfasizza li l-Gvern Lussemburgiż, li ma huwiex parti fil-proċeduri prinċipali, ma kellux l-opportunità li juri jekk tali ostakolu huwiex iġġustifikat għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE u li hija ma tistax, minn jeddha, tressaq motivi ta’ ġustifikazzjoni hija stess.

    41.

    Huwa paċifiku fid-dritt li miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u jekk tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Anki jekk dan ikun il-każ, l-applikazzjoni ta’ tali miżura xorta waħda trid tkun tali li tiżgura li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 24 ).

    42.

    Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jadottaw miżura li tidderoga minn libertà fundamentali, li għandu juri li dik il-miżura hija xierqa biex jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħqu. Għaldaqstant, ir-raġunijiet li jiġu invokati minn Stat Membru bħala mod ta’ ġustifikazzjoni għandhom ikollhom magħhom analiżi tal-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu ( 25 ).

    43.

    Fil-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (b’kuntrast ma’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE) hija l-qorti nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tistabbilixxi jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex iġġustifikata ( 26 ). Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bi gwida. Madankollu, dan huwa partikolarment diffiċli meta d-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku ma tkunx kompluta f’ċerti aspetti (anki jekk mhux sal-punt li r-rinviju jkun inammissibbli ( 27 )), u għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun prekluża milli tirrispondi bil-preċiżjoni li tixtieq għad-domandi magħmula. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun li jkollha tħalli ċerti aspetti mhux solvuti ( 28 ).

    44.

    Qabel is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lil-Lussemburgu biex jindirizza l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni, li ma kinitx ġiet ittrattata fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Minkejja talba espressa oħra (waqt is-seduta) għal assistenza fuq il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni, il-Lussemburgu naqas milli jressaq xi argumenti f’dan ir-rigward.

    45.

    Fin-nuqqas ta’ xi informazzjoni li tindika jekk kundizzjoni ta’ residenza bħalma hija dik inkwistjoni għandhiex għan leġittimu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti gwida dwar jekk din hijiex proporzjonata biex jinkiseb dak l-għan. Meta l-qorti nazzjonali tgħaddi biex teżamina dak il-punt, il-kummenti segwenti jistgħu madankollu jkunu ta’ għajnuna.

    46.

    Meta r-residenza tkun kundizzjoni assoluta għar-reġistrazzjoni, din ikollha bilfors l-effett li tipprekludi lil persuna li tkun fis-sitwazzjoni ta’ M. Krier milli tkun tista’ tirreġistra mal-awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, persuna li timpjega tali persuna tkun awtomatikament ineliġibbli għas-sussidju għar-reklutaġġ. Għaldaqstant, kundizzjoni ta’ residenza bħalma hija dik deskritta mill-qorti nazzjonali għandha effett tant mifrux li x’aktarx li ma titqiesx li hija proporzjonata, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu juru li għandha għan leġittimu ( 29 ).

    47.

    Għaldaqstant, nikkunsidra li tali kundizzjoni ta’ residenza hija prekluża mill-Artikolu 45 TFUE inkwantu tiddetermina jekk is-sussidju għar-reklutaġġ jingħatax jew le lil persuna li timpjega potenzjali ta’ persuna qiegħda, li għandha iktar minn 45 sena, li għaliha tapplika dik il-kundizzjoni.

    Ir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni

    48.

    Inkwantu l-qorti nazzjonali tikkonstata li tixtieq gwida fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 45 TFUE jipprekludix kundizzjoni ta’ residenza biex wieħed ikun jista’ jirreġistra, ma hemmx bżonn li ssir evalwazzjoni dwar jekk sempliċi rekwiżit ta’ reġistrazzjoni huwiex ostaklu minnu nnifsu. Madankollu, peress li l-Lussemburgu jinsisti li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma timponix kundizzjoni ta’ residenza, u peress li l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet eżaminaw dik il-miżura bħallikieku kienet sempliċi kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni, ser nikkunsidra dik il-pożizzjoni bħala alternattiva.

    49.

    Ir-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex direttament rilevanti. Is-sussidju għar-reklutaġġ ma huwiex benefiċċju tas-sigurtà soċjali kopert b’dik il-miżura. Barra minn hekk, it-talba ta’ M. Krier għall-benefiċċji tal-qgħad ma hijiex is-suġġett tal-proċeduri prinċipali. Madankollu, l-Awstrija ssostni li r-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi l-punt ta’ riferiment biex jiġi evalwat il-vantaġġ soċjali, prinċipalment is-sussidju għar-reklutaġġ, f’din il-kawża ( 30 ). Il-Polonja ssostni li peress li M. Krier hija ħaddiema tal-fruntiera, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71, b’mod partikolari s-sentenza Miethe ( 31 ) , hija għandha dritt tagħżel jekk tirreġistrax għall-benefiċċji tal-qgħad fil-Ġermanja, li huwa l-Istat ta’ residenza tagħha, jew fil-Lussemburgu, l-Istat tal-aħħar impjieg tagħha. Peress li hija għażlet li tirreġistra fl-Istat ta’ residenza tagħha iktar milli fil-Lussemburgu, in-nuqqas tagħha li tissodisfa l-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni li tinsab fil-miżura nazzjonali inkwistjoni huwa dovut għall-għażla tagħha iktar milli għall-miżura nnifisha. Il-Kummissjoni ssostni li M. Krier għandha dritt taħt ir-Regolament Nru 1408/71 li tirreġistra kemm fil-Ġermanja u kemm fil-Lussemburgu, iżda li hija prekluża milli tagħmel dan minħabba l-kundizzjonijiet tal-miżura nazzjonali inkwistjoni.

    50.

    B’mod ġenerali, ir-reġistrazzjoni mal-ADEM tindika inter alia li l-persuna kkonċernata qiegħda tfittex xogħol, hija disponibbli biex taċċetta offerti ta’ impjieg, u għandha dritt tuża s-servizzi għat-tiftix ta’ xogħol tal-ADEM. Meta l-persuna tkun tikkwalifika, ir-reġistrazzjoni tista’ twassal ukoll għall-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad mill-ADEM. Madankollu, ir-reġistrazzjoni hija miftuħa għall-persuni indipendentement minn jekk l-ADEM tħallashomx benefiċċji tal-qgħad.

    51.

    L-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddetermina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-talba ta’ ħaddiem għall-benefiċċji tal-qgħad ( 32 ). Madankollu, dan l-artikolu ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li joħolqu d-dritt jew l-obbligu għall-affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ( 33 ). B’mod ġenerali, l-Istat kompetenti fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad huwa l-Istat fejn il-persuna qiegħda kienet impjegata l-aħħar ( 34 ). Fil-prinċipju, huwa dak l-Istat Membru li huwa responsabbli biex iħallas dawk il-benefiċċji u biex jipprovdi benefiċċji anċillari mhux pekunjarji, bħalma hija l-assistenza biex jinstab impjieg ġdid.

    52.

    Madankollu, l-Artikolu 71(1)(a) jipprovdi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju fir-rigward ta’ ħaddiema tal-fruntiera. Mill-Artikolu 71(1)(a)(ii) jirriżulta ċar li ħaddiem tal-fruntiera li huwa kompletament qiegħed ma għandux dritt għall-benefiċċju tal-qgħad fl-Istat fejn huwa kien impjegat l-aħħar, anki jekk ħallas il-kontribuzzjonijiet hemmhekk, iżda huwa intitolat jitlob il-benefiċċji mill-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi ( 35 ).

    53.

    Fis-sentenza Miethe, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ħaddiem li fir-rigward tiegħu japplika l-Artikolu 71(1)(a)(ii) jista’ wkoll, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat li huwa “differenti minn ħaddiem tal-fruntiera” meta jkollu rabtiet partikolarment qawwija mal-Istat tal-aħħar impjieg tiegħu u jista’ għaldaqstant jaqa’ taħt l-Artikolu 71(1)(b). Dak il-ħaddiem jista’ jagħżel li jirċievi benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru tal-aħħar impjieg milli mill-Istat Membru ta’ residenza ( 36 ).

    54.

    Jekk il-pożizzjoni ta’ M. Krier kienet irregolata mill-Artikolu 71(1)(a) (li jidher li huwa l-każ hawnhekk), hija ma kellhiex għażla dwar fejn tirreġistra għall-benefiċċju tal-qgħad. Hija kienet obbligata tirreġistra fil-Ġermanja, l-Istat ta’ residenza tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk hija kienet ikkunsidrata (eċċezzjonalment) bħala ħaddiema “differenti minn ħaddiema tal-fruntiera” skont il-ġurisprudenza Miethe, iżda hija għażlet, madankollu, li tirreġistra fil-Ġermanja, hija ma setgħatx tgħaqqad il-benefiċċji tal-qgħad kemm mil-Lussemburgu u kemm minn dak l-Istat ( 37 ). Għaldaqstant, jekk hija rċeviet ħlas ta’ benefiċċju tal-qgħad fil-Ġermanja, hija kellha wkoll tirrendi ruħha disponibbli għax-xogħol għall-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat.

    55.

    Madankollu, minn dan ma jsegwix li l-Lussemburgu huwa pprojbit milli jagħti dritt lil persuni bħalma hija M. Krier milli jirreġistraw mal-ADEM biex jingħataw assistenza biex jinstab xogħol f’dak l-Istat. Lanqas id-dritt tal-UE ma jipprekludi lill-ħaddiema tal-fruntiera milli jirreġistraw mal-ADEM għal dak il-għan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju korollarju, il-persuni li impjegaw dawn in-nies ikunu intitolati japplikaw biex jingħataw is-sussidju għar-reklutaġġ.

    56.

    Huwa minnu, kif isostni l-Gvern Lussemburgiż, li l-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni ma tiddiskriminax direttament abbażi taċ-ċittadinanza.

    57.

    Għaldaqstant (fin-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ residenza) ħaddiema tal-fruntiera bħalma hija M. Krier, fil-prinċipju, ikunu eliġibbli biex jirreġistraw mal-ADEM.

    58.

    Peress li l-ħaddiema tal-fruntiera qiegħda huma obbligati taħt l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 biex jirreġistraw fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom sabiex jirċievu l-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad, il-kwistjoni mbagħad tkun dwar jekk rekwiżit addizzjonali biex jirreġistraw ukoll mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-aħħar impjieg jikkostitwixxix restrizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 45 TFUE, inkwantu tali persuni huma suġġetti għal piż addizzjonali li ma japplikax għall-ħaddiema li jirrisjedu fil-Lussemburgu, li ma humiex obbligati jirreġistraw ma’ żewġ awtoritajiet kompetenti sabiex jingħata s-sussidju lil potenzjali persuna li timpjega .

    59.

    Jidhirli li, għalkemm (fuq din l-ipotesi) il-ħaddiema tal-fruntiera jkunu ċertament obbligati li jirreġistraw f’żewġ Stati Membri, din is-sitwazzjoni ma twassalx għal restrizzjoni tal-moviment liberu tagħhom.

    60.

    L-ewwel nett, minħabba n-natura tal-pożizzjoni tagħhom bħala ħaddiema tal-fruntiera, dawn il-persuni mdorrijin jittrattaw ma’ kwistjonijiet kemm fl-Istat Membru ta’ residenza u kemm fl-Istat Membru fejn huma jkunu impjegati. It-tieni nett, il-proċess ta’ reġistrazzjoni x’aktarx li jinkludi l-mili ta’ formola, possibbilment online, u jista’ wkoll jinkludi intervista. Għaldaqstant, x’aktarx li ma jkunx amministrattivament ta’ piż u/jew finanzjarjament għoli li joħloq impediment. It-tielet nett, huwa fl-interess tal-ħaddiema tal-fruntiera li jfittxu impjieg fl-Istat Membru fejn huma għandhom l-aħjar prospetti ta’ suċċess biex isibu impjieg ġdid. Għaldaqstant, tali persuni x’aktarx li jkunu motivati wkoll li jirreġistraw fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg għal dan il-għan.

    61.

    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ residenza, ma jidhirlix li sempliċi rekwiżit ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg b’żieda mar-reġistrazzjoni fl-Istat ta’ residenza huwa ta’ piż addizzjonali għal ħaddiem tal-fruntiera li huwa tali li jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu taħt l-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-ħlas tas-sussidju għar-reklutaġġ.

    62.

    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni. Madankollu, biex il-qorti nazzjonali tkun ipprovduta bl-elementi neċessarji kollha, ser nittratta fil-qosor is-sottomissjonijiet li saru fuq dan il-punt.

    63.

    Caves Krier tindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-għan tas-sussidju għar-reklutaġġ huwa li jinkoraġġixxi lil persuni li jimpjegaw biex jimpjegaw ħaddiema qiegħda ta’ età ikbar u li ilhom qiegħda għal tul ta’ żmien u biex itejjeb il-prospetti tagħhom li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol ( 38 ). Madankollu, ma hemm ebda informazzjoni li tirrigwarda l-għan tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni fil-miżura nazzjonali inkwistjoni.

    64.

    L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu u l-Polonja jsostnu li l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jaġixxu fir-rigward tal-politika tax-xogħol, inkwantu tiżgura li l-benefiċjarju tal-assistenza jkun konness mas-suq tax-xogħol tal-Istat inkwistjoni billi teżiġi perijodu ta’ reġistrazzjoni minimu.

    65.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma obbligati jagħżlu miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet intiżi fil-qasam tal-impjieg. Hija rrikonoxxiet li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Barra minn hekk, l-inkoraġġiment tar-reklutaġġ jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika soċjali ( 39 ).

    66.

    B’mod ġenerali, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li reġistrazzjoni mal-ADEM hija meħtieġa biex jiġi żgurat li din tal-aħħar ikollha d-dettalji meħtieġa biex tqabbel dawk li jfittxu x-xogħol mal-postijiet tax-xogħol li jkunu disponibbli. Ma hemm ebda informazzjoni dwar ir-raġuni għaliex persuna hija meħtieġa jkollha d-dettalji tagħha fuq ir-reġistru għal perijodu minimu ta’ xahar.

    67.

    Fir-rigward tal-għoti tas-sussidju għar-reklutaġġ, ninnota wkoll li l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ma tapplikax fir-rigward tal-ħaddiema qiegħda kollha. Għaldaqstant, meta ħaddiem jitkeċċa taħt skema soċjali ma hemm ebda rekwiżit biex dan jirreġistra mal-ADEM ( 40 ).

    68.

    Għaldaqstant, ma huwiex ċar mill-miżura inkwistjoni x’jista’ jkun l-għan preċiż, u lanqas għaliex huwa magħmul b’dan il-mod. Konsegwentement, huwa impossibbli li l-analiżi dwar il-proporzjonalità tkompli ssir iktar fil-fond.

    Ir-rikonoxximent ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor

    69.

    Il-Kummissjoni ssostni li taħt id-dritt tal-UE, fatti jew ġrajjiet li jseħħu fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu ttrattati daqs li kieku ġraw fit-territorju tal-Istat Membru fejn tapplika l-leġiżlazzjoni (dan huwa deskritt bħala riżultat jew estensjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament) ( 41 ). Il-Kummissjoni ssostni li minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Lussemburgu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li M. Krier kienet irreġistrata bħala persuna qiegħda fil-Ġermanja; u li dan għandu jkun suffiċjenti biex ikun issodisfatt ir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-eliġibbiltà għas-sussidju għar-reklutaġġ.

    70.

    Jiena intendi li ma naqbilx mal-approċċ tal-Kummissjoni.

    71.

    Il-kundizzjonijiet u l-għanijiet tar-reġistrazzjoni huma rregolati minn kull Stat Membru u mhux bilfors li jkunu l-istess. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni li tindika jekk Stati Membri oħra jipprovdux servizz ta’ tiftix ta’ xogħol suffiċjentement simili għal dak tal-ADEM u xi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għall-benefiċċji tal-qgħad bejn l-Istati Membri ( 42 ), jiena m’iniex konvint li, sempliċement bil-fatt tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fi Stat Membru wieħed, persuna qiegħda għandha titqies li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tieħu dawk il-benefiċċji fi Stat Membru ieħor, u b’hekk tiskatta dritt fir-rigward tal-persuna li timpjegaha l-ġdida f’dak l-Istat biex tikseb sussidju għar-reklutaġġ.

    Konklużjoni

    72.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda magħmula mill-Cour administrative bil-mod kif ġej:

    L-Artikolu 45 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali bħalma huwa l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.541-1 tal-Code du travail, inkwantu ħaddiema qiegħda għandhom jissodisfaw rekwiżit ta’ residenza sabiex ikunu jistgħu jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-għoti ta’ sussidju għar-reklutaġġ lil persuna li timpjega kategorija ta’ ħaddiema qiegħda huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm tali reġistrazzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Ara l-punt 9 iktar ’il quddiem.

    ( 3 ) Administration de l’emploi (iktar ’il quddiem l-“ADEM”).

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità. Fiż-żmien li nbdew dawn il-proċeduri, il-verżjoni applikabbli kienet dik li tinsab fl-Anness A, Parti I, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, li jemenda u jaġġorna r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3). Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1408/71, tal-1 ta’ Mejju 2010, meta ddaħħal fis-seħħ bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009 L 284, p. 1). L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 883/2004 jgħid li r-Regolament Nru 1408/71, madankollu, għandu jkompli jkollu effett legali għall-finijiet ta’ ċerti atti li ma humiex rilevanti għal dawn il-proċeduri.

    ( 5 ) Ara l-ewwel sal-ħames premessa tal-preambolu tar-Regolament Nru 1408/71.

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 1(a). Ħaddiem tal-fruntiera huwa ddefinit fl-Artikolu 1(b) bħala kull impjegat jew wieħed li jaħdem għal rasu li jkollu impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru u joqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih jirritorna bħala regola jew għall-inqas darba fil-ġimgħa.

    ( 7 ) Artikolu 3(1).

    ( 8 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Miethe (1/85, Ġabra p. 1837, punt 16).

    ( 9 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 1997, Huijbrechts (C-131/95, Ġabra p. I-1409, punt 17, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha).

    ( 10 ) L-Istat kompetenti huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni kompetenti [Artikolu 1(q)]. Il-kelma “istituzzjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 1(n) bħala l-korp jew l-awtorità responsabbli biex tamministra parti minn jew il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali kollha. L-istituzzjoni kompetenti hija ddeterminata skont l-Artikolu 1(o): hija tinkludi inter alia l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-benefiċċju.

    ( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Van Gestel (C-454/93, Ġabra p. I-1707, punt 23).

    ( 12 ) L-Artikolu L.513-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol jeħtieġ li l-imsieħba soċjali jistabbilixxu skema soċjali meta l-impriża tkeċċi ħamsa min-nies jew iktar f’daqqa.

    ( 13 ) Qabel ma għamlet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Cour administrative talbet u kisbet mill-Cour constitutionelle (Qorti Kostituzzjonali) deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni mal-Artikolu 10a(1) tal-Kostituzzjoni Lussemburgiża.

    ( 14 ) L-Awstrija tinvoka s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-2843, punti 17 sa 19).

    ( 15 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.

    ( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C-325/08, Ġabra p. I-2177, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 23).

    ( 18 ) Ara l-punti 37 sa 39 iktar ’il quddiem.

    ( 19 ) Sentenza ITC, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 20 ) It-tribunal administratif, il-Cour constitutionelle, meta kkunsidrat id-domanda preliminari li tressqet quddiemha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13) u l-qorti tar-rinviju (il-Cour administrative). Inżid ngħid li kważi l-informazzjoni pubblikament disponibbli kollha li hemm fuq is-sit tal-ADEM tagħti dik l-impressjoni (ara www.adem.public.lu/demandeur/placement/index.html).

    ( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Naftiliaki Etaireia Thasou (C-128/10 u C-129/10, Ġabra p. I-1885, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 21).

    ( 23 ) L-Artikolu L.622-6(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li japplika għall-persuni kollha residenti fil-Lussemburgu, jimponi lil kull persuna qiegħda li tkun qed tfittex xogħol tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-ADEM (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

    ( 24 ) Sentenza Olympique Lyonnais, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 25 ) Sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C-73/08, Ġabra p. I-2735, punt 71). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-542/09, punt 81).

    ( 26 ) Sentenza Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 74.

    ( 27 ) Ara l-punt 22 iktar ’il fuq.

    ( 28 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, Jämställdhetsombudsmannen (C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 34).

    ( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 39).

    ( 30 ) Kemm l-Awstrija u kemm il-Kummissjoni jirreferu għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Peress li l-miżura ma kinitx fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, madankollu (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), għamilt riferiment għar-Regolament Nru 1408/71 f’dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

    ( 32 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

    ( 33 ) Sentenza Huijbrechts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 34 ) Sentenza Huijbrechts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 35 ) Sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 9 sa 11. Dawn il-punti jagħmlu distinzjoni ċara bejn ħaddiema li ma humiex ħaddiema tal-fruntiera, li jeżerċitaw l-għażla mogħtija mill-Artikolu 1(1)(b) billi jirrendu ruħhom disponibbli jew għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru li fih huma kienu impjegati l-aħħar jew għal dawk offruti mill-Istat Membru li fih huma jirrisjedu u ħaddiema tal-fruntiera li huma koperti mill-Artikolu 71(1)(a) u li ma għandhomx din l-għażla. Ir-rilevanza tas-sentenza Miethe fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004 qiegħda tiġi eżaminata fil-preżent mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-443/11, Jeltes.

    ( 36 ) Sentenza Miethe, punti 17 u 18.

    ( 37 ) Sentenza van Gestel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 38 ) Caves Krier tirreferi f’dan ir-rigward għad-dokument parlamentari Nru 3798, p. 3, sessjoni 1992-1993.

    ( 39 ) Sentenza ITC, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 40 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.

    ( 41 ) Il-Kummissjoni tinvoka s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1969, Württembergische Milchverwertung-Südmilch (15/69, Ġabra p. 363), tal-4 ta’ Ottubru 1991, Paraschi (C-349/87, Ġabra p. I-4501) u tat-22 ta’ Novembru 1995, Vougioukas (C-443/93, Ġabra p. I-4033).

    ( 42 ) Ma hemm ebda dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni fir-Regolament Nru 1408/71. Ninnota li r-Regolament Nru 883/2004 jintroduċi dispożizzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, iżda ma jbiddilx il-pożizzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni.

    Top