Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0414

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 taʼ Marzu 2012.
    VELECLAIR SA vs Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Réforme de l’État.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza).
    VAT — Sitt Direttiva — Artikolu 17(2)(b) — Intaxxar ta’ prodott importat minn pajjiż terz — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni — Kundizzjoni — Ħlas effettiv tal-VAT mill-persuna taxxabbli.
    Kawża C-414/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:183

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    29 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

    “VAT — Sitt Direttiva — Artikolu 17(2)(b) — Intaxxar ta’ prodott importat minn pajjiż terz — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni — Kundizzjoni — Ħlas effettiv tal-VAT mill-persuna taxxabbli”

    Fil-Kawża C-414/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2010, fil-proċeduri

    Véleclair SA

    vs

    Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Réforme de l’État,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Véleclair SA, minn É. Arcil, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn N. Rouam u G. de Bergues, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke u T. Henze, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

    għall-Gvern Portugiż, minn S. Jaulino, L. Ines Fernandes u R. Campos Laires, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia, C. Soulay u F. Dintilhac, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Véleclair SA (iktar ’il quddiem “Véleclair”) u l-ministre du Budget, des Comptes publics et de la Réforme de l’État dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv tal-imsemmija taxxa mill-persuna taxxabbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    Is-Sitt Direttiva

    3

    L-Artikolu 10(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

    “1

    (a)

    ‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kundizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti;

    (b)

    Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.”

    4

    L-Artikolu 10(2) u (3), tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

    “2.   Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw.

    […]

    Permezz ta’ deroga mid-disposizzjonijiet ta’ hawn fuq, Stati Membri jistgħu jipprovdu li jkun hemm taxxa għal ċerti operazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta’’persuni taxxabbli, jew:

    mhux iktar tard mill-ħruġ tal-fattura jew tad-dokument li jservi bħala fattura, jew

    mhux iktar tard minn meta jasal il-prezz, jew,

    fejn fattura jew dokument li jservi bħala fattura ma jinħarġux, jew jinħarġu tard, f’perijodu speċifikat mid-data tal-fatt taxxabbli.”

    3.   L-event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. Meta l-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 7(3) malli tidħol fil-Komunità, iseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu u t-taxxa ssir dovuta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l-arranġamenti.

    Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.

    Meta merkanzija impurtata mhux suġġetta għall-ebda minn dawn id-dazji Komunitarji, Stati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet li jkun hemm fis-seħħ li jirregolaw id-dazji tad-dwana dwar is-saħħ ta’ event li jrid isir ħlas fuqu u l-mument meta t-taxxa ssir dovuta.”

    5

    L-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

    “1.   Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

    2.   Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

    a)

    taxxa fuq il-valur miżjud [dovuta jew] imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

    b)

    taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż;

    […]”

    6

    L-Artikolu 18(1)(b) u (2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

    “1.   Biex teżerċita d-dritt tat-tnaqqis persuna taxxabbli trid:

    […]

    b)

    għal tnaqqis skond l-Artikolu 17(2)(b), irid ikollha dokument li jsemmiha bħala ir-riċevitur jew importatur u jiddikjara jew jippermetti l-kalkolu ta’ l-ammont ta’ taxxa dovut;

    […]

    2.   Il-persuna taxxabbli għandha teffetwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali fir-rigward ta’ li, matul l-istess perjodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u jista’ jkun eserċitat taħt id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1

    […]”

    7

    L-Artikolu 21(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

    “Li ġejjin iridu jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud:

    […]

    2)

    Ma’ l-importazzjoni: il-persuna jew persuni innominati jew aċċettati li miżmuma responsabbli mill-Istat Membru li qed tkun importata l-merkanzija għal ġo fih.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    8

    L-Artikolu 271(II)(1) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (iktar ’il quddiem is-“CGI” jipprovdi:

    “Sa fejn il-beni u s-servizzi huma użati għall-bżonnijiet tal-operazzjonijiet taxxabbli tagħhom, u bil-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet jagħtu dritt għal tnaqqis, it-taxxa li l-persuni taxxabbli jistgħu jnaqqsu hija, skont il-każ:

    […]

    b)

    dik li tiġi miġbura fuq l-importazzjoni.

    [….]”

    9

    L-Artikolu 291(I)(2)(a) tas-CGI jispeċifika:

    “Importazzjoni ta’ beni tfisser:

    a)

    id-dħul fi Franza ta’ beni, li joriġina jew li ġej minn Stat jew minn territorju li ma jifformax parti mill-Komunità Ewropea, u li ma tqiegħedx f’ċirkulazzjoni libera [...]”

    10

    L-Artikolu 293A(1) tas-CGI jipprovdi:

    “Mal-importazzjoni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu jseħħ u t-taxxa ssir dovuta fil-mument li fih il-beni jitqies bħala importat, skont l-Artikolu 291(I)(2).

    […]

    It-taxxa għandha titħallas mill-persuna indikata bħala d-destinatarja effettiva tal-beni fuq id-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Matul is-snin 1992 sa 1995, Véleclair importat roti li hija ddikjarat li kienu joriġinaw mill-Vjetnam. Min-naħa l-oħra l-awtoritajiet doganali Franċiżi kkunsidraw li dawn ir-roti kienu attwalment joriġinaw miċ-Ċina u għaldaqstant ippreparaw dikjarazzjoni li tgħid li kienet saret dikjarazzjoni falza tal-oriġini. Għaldaqstant, Véleclair kienet suġġetta għal dazji doganali u għal dazji antidumping li jammontaw għal kważi EUR 4 miljun, , li huma stess kienu suġġetti għall-VAT li kienet tammonta għal EUR 735437 EUR.

    12

    Véleclair ma ħalsitx din il-VAT u l-awtoritajiet doganali infurmaw lill-awtorità tat-taxxa b’dan, li kellha għalhekk dritt għal ħlas kontra din il-kumpannija. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Frar 1999, l-imħallef kummissarju kkonstata t-telf ta’ dan id-dritt għal ħlas minħabba li dan ma kienx ġie ddikjarat definittivament fit-tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tal-istat ta’ insolvenza ta’ Véleclair. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-aħħar istanza mill-Cour de cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) fit-8 ta’ Lulju 2003.

    13

    Véleclair ressqet talba għal rimbors, għall-ammont ta’ EUR 723 503.37, li jikkorrispondi għall-kreditu tal-VAT li tista’ titnaqqas li hija ħasbet li kienet intitolata għalih fil-31 ta’ Diċembru 1997 minħabba ż-żieda fil-VAT fuq l-importazzjoni fir-rigward tad-dazji mhux miġbura.

    14

    Din it-talba kienet ġiet miċħuda mill-awtorità tat-taxxa għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet tas-CGI, it-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni huwa suġġett għall-ħlas effettiv tagħha minn qabel. Il-pożizzjoni miżmuma mill-awtorità tat-taxxa ġiet ikkonfermata fl-ewwel istanza mit-tribunal administratif d’Orléans (Qorti Amministrattiva ta’ Orléans). Peress li l-appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-cour administrative d’appel de Nantes (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes) kien ukoll ġie miċħud, Véleclair ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État.

    15

    Quddiem din il-qorti, Véleclair argumentat li l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal tnaqqis ma setax ikun suġġett għall-ħlas effettiv minn qabel tat-taxxa li hija kienet responsabbli għaliha għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 271(II)(1)(b) tas-CGI, li jipprovdu li d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT huwa kkundizzjonat mill-ġbir effettiv tagħha mill-awtorità tat-taxxa u mhux sempliċiment mill-fatt li din hija dovuta, huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva jippermetti lil Stat Membru li jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis ta[l-VAT] fuq l-importazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskji ta’ frodi, għall-pagament effettiv ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli, meta l-persuna taxxabbli ta[l-VAT] fuq l-importazzjoni u l-persuna li għandha d-dritt għat-tnaqqis korrispondenti huma l-istess persuna fi Franza?”

    Fuq id-domanda preliminari

    17

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv minn qabel ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli meta din tal-aħħar hija wkoll id-detentur tad-dritt għal tnaqqis.

    18

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jaqbel, fl-ewwel lok, li jitfakkar li, skont l-istess kliem tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, il-persuna taxxabbli hija awtorizzata tnaqqas il-VAT “dovut jew imħallas” għall-beni importati fit-territorju tal-pajjiż.

    19

    Għalhekk, l-istess kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jinkludi l-espressjoni użata fl-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, li skontu l-persuni taxxabbli għandhom id-dritt inaqqsu l-VAT “[dovuta jew] imħalsa” għall-beni li huma jew li ser ikunu pprovduti lilhom, jipprovdi b’mod ċar li d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa li l-persuna taxxabbli tgawdi minnu jikkonċerna mhux biss il-VAT li hija ħallset, iżda wkoll fuq il-VAT dovuta, jiġifieri dik li għadha trid tiġi mħallsa.

    20

    Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kelma “dovut” fil-fatt tirreferi għal dejn fiskali dovut u għaldaqstant tippreżumi li l-persuna taxxabbli kellha l-obbligu li tħallas l-ammont tal-VAT li hija tixtieq tnaqqas bħala taxxa tal-input.

    21

    Għandu jingħad ukoll, minn naħa, li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ried jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv minn qabel tal-imsemmija VAT, huwa seta’ jagħmel dan b’mod espliċitu, pereżempju billi jneħħi l-kelma “dovut” minn dan l-Artikolu 17.

    22

    Min-naħa l-oħra, mill-qari flimkien tal-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 10(3) ta’ din l-istess direttiva jirriżulta li t-tnissil tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT huwa indipendenti mill-fatt jekk il-korrispettiv dovut għall-beni importat jew importati tħallasx jew le.

    23

    Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni ma jistax, bħala prinċipju, ikun suġġett għall-ħlas effettiv minn qabel ta’ din il-VAT.

    24

    Fit-tieni lok għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva hija kkorroborata minn dispożizzjonijiet oħra tas-Sitt Direttiva.

    25

    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, li juża wkoll, hekk kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-kliem “[dovuta jew] imħalsa,” għandu jinftiehem fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk il-VAT dovuta fuq l-operazzjonijiet ta’ bejgħ preċedenti jew sussegwenti li jirrigwardaw il-beni kkonċernati tħallsitx jew le lill-awtorità tat-taxxa ma taffettwax id-dritt għal tnaqqis tal-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 54).

    26

    Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas” sempliċement jipprovdi, fil-paragrafu 1(b), li, sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni, il-persuna taxxabbli hija obbligata biss ikollha dokument ta’ importazzjoni, li jindikaha bħala destinatarju jew importatur u li “jiddikjara jew jippermetti l-kalkolu” tal-ammont tat-taxxa dovut. Minn dan isegwi li anki l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt għal tnaqqis ma huwiex suġġett għall-ħlas effettiv minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni.

    27

    Fit-tielet lok huwa importanti li jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni preċedenti hija konformi mal-għanijiet tas-Sitt Direttiva peress li din tippermetti li jiġi żgurat li d-dritt għal tnaqqis, bħala prinċipju, li ma jistax jiġi limitat, jibqa’ parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u jista’ jkompli jiġi eżerċitat immedjatament fir-rigward tat-taxxi kollha imposti fuq l-operazzjonijiet tal-input imwettqa (ara, f’dan is-sens is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 47).

    28

    Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, dik li hija l-iktar adattata biex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-regoli li jirregolaw it-tnaqqis huma intiżi sabiex jeħilsu kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fl-ambitu tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT, konsegwentement, tiggarantixxi n-newtralita perfetta f’dak li jirrigwarda l-intaxxar tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-iskopijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari s-sentenza Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Issa, għall-motivi żviluppati iktar bis-sħiħ mill-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 42 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni jiġi suġġett għall-ħlas effettiv minn qabel tal-imsemmija VAT ikollu bħala konsegwenza li, għal ċertu perjodu, il-persuna taxxabbli tkun suġġetta għal piż ekonomiku li hija ma hijiex responsabbli għalih u li s-sistema ta’ tnaqqis hija speċifikament intiża li tevita.

    31

    Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument li, fin-nuqqas tal-ħlas effettiv minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni, ikun hemm riskju ta’ frodi jew ta’ abbuż tal-VAT.

    32

    Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-abbużi eventwali huwa għan rikonoxxut u inkuraġġut mis-Sitt Direttiva. Hija l-persuna li titlob it-tnaqqis tal-VAT li għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà huma sodisfatti u l-awtorità tat-taxxa, jekk tikkonstata li d-dritt għal tnaqqis ġie eżerċitat b’mod frawdolenti, hija awtorizzata titlob, b’mod retroattiv, ir-rimbors tal-ammonti mnaqqsa. Barra dan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirrifjuta li tagħti l-benifiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, abbażi ta’ dokumenti oġġettivi tal-proċess, li dan id-dritt huwa invokat b’mod frawdolenti (ara, b’mod partikulari, is-sentenza Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Sussegwentement, ma jistax jiġi validament sostnut li importazzjoni tikkostitwixxi operazzjoni li fir-rigward tagħha jeżisti riskju ta’ frodi jew abbuż miżjud. Tabilħaqq, l-importazzjoni ta’ beni tikkostitwixxi att fiżiku li huwa attestat u verifikabbli mill-awtoritajiet kompetenti permezz tal-preżenza tal-imsemmi beni fid-dwana.

    34

    Finalment, il-fatt li l-persuna taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT fuq l-importazzjoni hija wkoll id-detentur tad-dritt għat-tnaqqis tal-imsemmija VAT ma jidhirx li jista’ jżid ir-riskju ta’ frodi jew ta’ abbuż tal-VAT. Għall-kuntrarju, hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li l-istess u l-unika persuna hija kemm taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT kif ukoll detentur tad-dritt għal tnaqqis iqarreb din is-sitwazzjoni ma’ dik li tqum fil-kuntest tas-sistema tal-inverżjoni ta’ ħlas tal-VAT (reverse charge VAT system) prevista mis-Sitt Direttiva. Issa, hekk kif il-leġiżlatur tal-Unjoni tenna fil-premessa 42 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), din is-sistema tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa kkonstatati f’ċerti tipi ta’ operazzjonijiet.

    35

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda preliminari tkun li l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv minn qabel ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli meta din tal-aħħar hija wkoll id-detentur tad-dritt għal tnaqqis.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv minn qabel ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli meta din tal-aħħar hija wkoll id-detentur tad-dritt għal tnaqqis.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top