Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0007

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-2 ta' Lulju 2009.
    Har Vaessen Douane Service BV vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni - Regolament (KEE) Nru 918/83 - Artikolu 27 - Merkanzija ta’ valur individwali negliġibbli mibgħuta bħala kunsinna kollettiva - Kunsinni mibgħuta direttament minn Stat terz lil kunsinnatarju fil-Komunità.
    Kawża C-7/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:417

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    2 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

    “Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni — Regolament (KEE) Nru 918/83 — Artikolu 27 — Merkanzija ta’ valur individwali negliġibbli mibgħuta bħala kunsinna kollettiva — Kunsinni mibgħuta direttament minn Stat terz lil destinatarju fil-Komunità”

    Fil-Kawża C-7/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura,

    Har Vaessen Douane Service BV

    vs

    Staatssecretaris van Financiën,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Har Vaessen Douane Service BV, minn R. N. van der Paardt u C. Bouwmeester, advocaten,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Schønberg u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419) kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3357/91, tas-7 ta’ Novembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 236, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 918/83 kif emendat”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Har Vaessen Douane Service BV (iktar ’il quddiem “Har Vaessen”), kumpannija rreġistrata u stabbilita fl-Olanda, u l-iStaatssecretaris van Financiën dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil Har Vaessen il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat f’dak li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ diski kompatti (CDs) u ta’ tejps manjetiċi.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-Kapitolu 1 tar-Regolament Nru 918/83, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, intitolat “Eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni”, għandu Artikolu 27 li huwa fformulat kif ġej:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 28, kull konsenja mibgħuta lil konsenjatarju tagħha permezz ta’ ittra jew pakkett postali li fih oġġetti ta’ valur totali li ma jaqbiżx [EUR] 10 għandha tiddaħħal mingħajr dazju.”

    4

    Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2287/83, tad-29 ta’ Lulju 1983, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat l-Artikolu 127 tar-Regolament Nru 918/83 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419). L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2287/83 jippreċiża li:

    “L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku biss għall-kunsinni li jintbagħtu permezz ta’ ittra jew pakkett postali direttament minn pajjiż terz lil persuna fiżika jew ġuridika fil-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    Ir-raġuni tal-emenda li saret għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 tirriżulta mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 2287/83:

    “Billi l-impriżi kummerċjali ma għandhomx ikunu jistgħu jibbenefikaw mill[-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83] billi joħolqu attivitajiet ad hoc jew billi jitrasferixxu b’mod artifiċjali attivitajiet eżistenti u b’hekk jikkawżaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq komuni; billi, sabiex ma jkunx hemm dawn id-distorsjonijiet, il-kunsinni msemmija qabel ma għandhomx ikollhom dritt għal eżenzjoni mid-dazji doganali jekk, qabel ma ġew rilaxxati, ġew suġġetti għal proċedura doganali oħra; billi, għalhekk, l-eżenzjoni għandha tingħata biss meta l-kunsinni inkwistjoni jintbagħtu direttament minn pajjiż terz lil persuna fiżika jew ġuridika fil-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    L-Artikolu 1 tar-Regolament 3357/91 ineħħi l-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 għall-kunsinni bil-posta.

    7

    L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3357/91 tiġġustifika, f’dan ir-rigward, f’dawn it-termini l-emenda li saret għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83:

    “Billi s-simplifikazzjoni amministrattiva li għaliha jipprovdi l-Artikolu 27 tar-Regolament [(KEE)] Nru 918/83 […], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4235/88 […], għandu [għandha], jekk għandu [għandha] jkun [tkun] effetiv [effettiva], jiġi applikat [tiġi applikata] għall-importazzjonijiet kollha ta’ kunsinni magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli”.

    8

    Għalhekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83, kif emendat, issa jipprovdi:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 28, kull kunsinna magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità għandha tiddaħħal ħielsa mid-dazju ta’ importazzjoni.

    ‘Oġġetti ta’ valur negliġibbli’ tfisser oġġetti li l-valur intrinsiku tagħhom ma jeċċedix total ta’ [EUR] 22 kull kunsinna.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Har Vaessen hija kumpannija ta’ trasport li, għan-nom ta’ ECS Media BV (iktar ’il quddiem “ECS”), impriża stabbilita fl-Olanda, ippreżentat dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa fir-rigward ta’ diski kompatti u tejps manjetiċi fil-perijodu mit-12 ta’ Novembru 1998 sat-28 ta’ Ottubru 1999.

    10

    Din il-merkanzija, b’valur individwali ta’ inqas minn EUR 22, kienet ġiet ordnata minn qabel mingħand ECI voor Boeken en Platen BV (iktar ’il quddiem “ECI”), kumpannija parent ta’ ECS li hija wkoll stabbilita fl-Olanda, minn klijenti individwali. Skont ftehim bejn ECS u ECI, din tal-aħħar tibgħat l-ordnijiet lil ECS li sussegwentement tipprepara l-merkanzija sabiex din tintbagħat minn ċentru ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Isvizzera. Għalhekk il-merkanzija hija ppreżentata bħala kunsinna kollettiva lil Har Vaessen sabiex tiġi ttrasportata, akkumpanjata minn dokument T, lejn ċentru ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Olanda, minn fejn hija tiġi kkunsinnata individwalment lill-klijenti ta’ ECI minn PTT Post BV (iktar ’il quddiem “PTT”), impriża Olandiża.

    11

    Kull pakkett individwali jkollu l-isem tal-klijent destinatarju tal-merkanzija kif ukoll formula ta’ trasferiment bankarju għall-ħlas.

    12

    Meta għamlet id-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Har Vaessen talbet il-benefiċċju tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat, liema talba ġiet irrifjutata. Permezz ta’ avviż ta’ taxxa tad-29 ta’ Diċembru 1999, hija ġiet għalhekk mistiedna sabiex, b’mod partikolari, tħallas dazji doganali li kienu jammontaw għal NLG 436907.60, jiġifieri madwar EUR 198260.02.

    13

    Peress li l-iStaatssecretaris van Financiën, wara ilment li ma rnexxiex ta’ Har Vaessen, żamm din it-talba għal ħlas, din il-kumpannija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tariefcommissie (Kummissjoni Tariffarja), kummmissjoni li ġiet issostitwita matul il-kawża mill-Gerechtshof te Amsterdam.

    14

    Din il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Har Vaessen peress li ECI, u mhux il-klijenti li għamlu individwalment l-ordnijiet, kellha tiġi kkunsidrata bħala d-destinatarja tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat. Fil-fatt, dawn il-klijenti b’ebda mod mhuma involuti fil-proċedura ta’ dikjarazzjoni doganali, peress li la huma debituri tal-imsemmi dejn doganali u lanqas ma huma l-proprjetarji tal-merkanzija mibgħuta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti għalhekk ikkonkludiet li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx mibgħuta direttament lill-klijenti individwali bħala destinatarji, fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat.

    15

    Har Vaessen ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    16

    Il-Hoge Raad der Nederlanden tiddubita jekk il-benefiċċju tal-eżenzjoni jistax jingħata lil kunsinna kollettiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal żewġ raġunijiet.

    17

    Minn naħa, għalkemm huwa minnu li l-kunsinna kollettiva hija magħmula minn oġġetti ta’ merkanzija differenti b’valur individwali negliġibbli li d-destinazzjoni finali tagħhom hija differenti għal kull wieħed minnhom, l-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat b’ebda mod mhuwa rilevanti f’tali każ, peress li l-ispejjeż marbuta mal-ġbir tad-dazji doganali mhumiex ogħla mid-dazji doganali li għandhom jinġabru globalment.

    18

    Min-naħa l-oħra, sabiex ma jkunx hemm użu abbużiv tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat, il-kunċett ta’ “mibgħuta direttament” jista’ jinftiehem bħala limitat għall-każ fejn il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarju tal-merkanzija tkun stabbilita fi Stat terz. Madankollu, fil-kawża prinċipali, hija involuta kunsinna magħmula minn oġġetti ta’ merkanzija differenti li d-destinatarji tagħhom, residenti fl-Olanda, huma l-klijenti ta’ kumpannija li hija stess hija stabbilita fl-Olanda.

    19

    F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 918/83 kif emendat] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’dan l-artikolu tista’ tiġi invokata għal kunsinni ta’ merkanzija li, għalkemm huma ta’ valur negliġibbli jekk jitqiesu individwalment, jiġu madankollu ppreżentati bħala kunsinna kollettiva, b’valur intrinsiku totali tal-kunsinni tal-merkanzija li jintbagħtu b’dan il-mod li jaqbeż il-limitu ta’ valur li jinsab fl-[imsemmi Artikolu] 27?

    2)

    Għandu jiġi kkunsidrat li, għall-għanjiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 918/83 kif emendat] il-kunċett ta’ “kunsinna […] mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil kunsinnatarju [destinatarju] fil-Komunità” jinkludi wkoll il-każ fejn, qabel ma tibda l-kunsinna lil dan il-kunsinnatarju, il-merkanzija tinsab f’pajjiż terz, filwaqt li l-parti l-oħra fil-kuntratt mal-kunsinnatarju tkun stabbilita fil-Komunità?”

    Fuq id-domandi preliminari

    20

    Skont iż-żewġ domandi preliminari, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk il-fatt li, minn naħa, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha valur individwali inqas minn EUR 22, tkun ippreżentata fid-dwana bħala kunsinna kollettiva b’valur li jaqbeż dak previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat u, min-naħa l-oħra, li l-parti l-oħra fil-kuntratt mal-klijenti li kienu ordnaw il-merkanzija, jiġifieri ECI, hija stabbilita fil-Komunità, jostakolax l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għall-istess merkanzija.

    21

    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet li jagħtu eżenzjonijiet minn dazji doganali għandhom jiġu interpretati skont il-formulazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Olasagasti et, C-47/95 sa C-50/95, C-60/95, C-81/95, C-92/95 u C-148/95, Ġabra p. I-6579, punt 20).

    22

    F’din il-kawża, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat jistabbilixxi li kunsinni magħmula minn oġġetti ta’ valur negliġibbli, jiġifieri inqas minn EUR 22, mibgħuta direttament minn pajjiż terz lil destinatarju fil-Komunità għandhom jiddaħħlu ħielsa mid-dazju fuq l-importazzjoni.

    23

    Waħda mill-kundizzjonijiet li għandom jiġu sodisfatti sabiex tingħata l-eżenzjoni hija, għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, li l-valur tal-merkanzija mibgħuta jkun inqas minn EUR 22.

    24

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalihom ġie rrifjutat l-għoti tal-eżenzjoni mill-awtoritajiet Olandiżi peress li l-valur globali tagħhom kien jaqbeż EUR 22, kienu magħmula minn pakketti b’valur individwali inqas minn EUR 22, ippreżentati b’mod kollettiv bil-għan li jiġu rilaxxati fil-Komunità. Dawn il-pakketti, mibgħuta inizjalment b’dan il-mod kollettiv lejn ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ PTT, kellhom sussegwentement jitqassmu individwalment, minn din tal-aħħar, lill-klijenti ta’ ECI.

    25

    Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa abbażi tal-identità tad-destinatarju tal-merkanzija, jiġifieri l-klijenti ta’ ECI jew PTT, li l-valur tal-kunsinni kif ippreżentati fil-kawża prinċipali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat.

    26

    F’din il-kawża, mhuwiex ikkontestat li fuq kull pakkett hemm, minn meta jiġi riċevut minn Har Vaessen, l-indirizz tal-klijent ta’ ECI.

    27

    Il-Gvern Olandiż jenfasizza, madankollu, li l-formola ta’ dikjarazzjoni tad-dwana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tindika, fil-kaxxa 8, lil PTT bħala d-destinatarja tal-kunsinni.

    28

    Dan l-argument fih innifsu mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, barra l-fatt li jista’ jkun hemm żball, mill-atti tal-proċess jirriżulta, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-lista tal-klijenti ta’ ECI li lilhom kienu ddestinati l-pakketti individwali kienet annessa mal-formula ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    29

    Barra minn hekk, il-merkanzija li hemm f’pakkett hija ddestinata sabiex tintuża, fl-aħħar mill-aħħar, mill-klijent ta’ ECI, li huwa d-destinatarju individwali tagħha. Fil-fatt, il-merkanzija kienet ġiet ordnata individwalment mingħand ECI minn klijenti li jistgħu, minħabba f’hekk, jiġu kkunsidrati bħala li huma l-utenti tagħha, kuntrarjament għal Har Vaessen u PTT li jikkostitwixxu biss, bħala trasportaturi, ħolqa fil-katina ta’ trasport bejn ECI u l-klijenti tagħha, destinatarji finali tal-merkanzija.

    30

    Minn dan isegwi li l-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala raggruppament ta’ diversi pakketti b’valur rispettiv ta’ inqas minn EUR 22 li d-destinatarji tagħhom huma l-klijenti ta’ ECI u, għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat.

    31

    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat li ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-metodi tat-trasport tal-merkanzija għall-finijiet ta’ jekk tikkwalifikax għall-eżenzjoni, hekk li m’hemmx lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kawża prinċipali, il-klijenti ta’ ECI mhumiex id-destinatarji tal-merkanzija meta din titlaq mill-Istat terz u lanqas m’hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija merkanzija ma tistax tingħata l-eżenzjoni.

    32

    Fil-fatt, filwaqt li l-formulazzjoni oriġinali tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kienet tillimita l-eżenzjoni għall-kunsinni ta’ merkanzija b’valur inqas minn EUR 10 mibgħuta permezz tal-posta, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3357/91 neħħa l-kundizzjoni dwar il-mod ta’ trasport, hekk li l-modi l-oħra ta’ trasport jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat. B’hekk, it-trasport tal-merkanzija minn kunsinnatur, bħal Har Vaessen, li, għal raġunijiet loġistiċi, jiġbor flimkien il-pakketti individwali qabel ma jkunu ppreżentati fid-dwana ma jistax ikollu l-konsegwenza li din il-merkanzija ma tibbenefikax mill-eżenzjoni meta, għalkemm ma ntbagħtitx permezz tal-posta, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat.

    33

    Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-għan tal-imsemmi Artikolu 27 kif stabbilit fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 3357/91, jiġifieri li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija intiża għal simplifikazzjoni amministrattiva tal-proċeduri doganali.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta jadotta regoli li jagħtu eżenzjonijiet mid-dazji doganali, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, id-diffikultajiet li għandhom l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998, Schoonbroodt, C-247/97, Ġabra p. I-8095, punt 23).

    35

    Għalkemm dan l-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva jista’ jkopri, kif spjega l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, is-sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż ta’ ġbir ta’ dazji doganali jkunu ogħla mid-dazji nfushom, dan l-għan jista’ jkopri wkoll sitwazzjonijiet oħra.

    36

    B’hekk, ir-rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat għall-kunsinni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan minkejja li l-pakketti meħuda individwalment għandhom valur inqas minn EUR 22, jista’ jkollu l-konsegwenza li l-kunsinnatur jippreżenta fid-dwana kull pakkett individwalment sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija eżenzjoni. Issa, tali żieda fil-proċeduri ma tikkorrispondix għall-għan mixtieq ta’ simplifikazzjoni amministrattiva.

    37

    Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-kunsinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali doganali jkollhom jiddeterminaw il-valur doganali totali ta’ kunsinna magħmula minn ammont kbir ta’ merkanzija. Tali sitwazzjoni lanqas ma tista’ tissodisfa l-għan ta’ simplifikazzjoni amministrattiva li ried il-leġiżlatur Komunitarju

    38

    Għalhekk, il-fatt li l-pakketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’valur individwali inqas minn EUR 22, huma ppreżentati fid-dwana b’mod kollettiv sabiex jintbagħtu fil-Komunità mhuwiex ta’ xkiel sabiex jingħataw eżenzjoni, peress li, minn meta jitilqu mill-Istat terz minn fejn jintbagħtu, id-destinatarju ta’ kull wieħed minn dawn il-pakketti huwa identifikat.

    39

    Madankollu, mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 2287/83 jirriżulta li dan il-benefiċċju għandu jiġi rrifjutat meta jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

    40

    Dan huwa, fis-sustanza, dak li tressaq il-qorti tar-rinviju permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, meta tenfasizza li, fil-kawża li għandha quddiemha, il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarji tal-merkanzija rilaxxata għal ċirkulazzjoni libera, jiġifieri ECI, hija stabbilita fil-Komunità u mhux fl-Istat terz minn fejn jintbagħtu.

    41

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat ma tagħmilx, fir-rigward tal-parti l-oħra fil-kuntratt mad-destinatarji tal-merkanzija, l-istabbiliment barra l-Komunità bħala kundizzjoni għall-għoti tal-eżenzjoni għall-imsemmija merkanzija.

    42

    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2287/83, huwa opportun, sabiex ma jkunx hemm abbuż tal-eżenzjoni doganali u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn dan, li jiġu esklużi mill-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni l-kunsinni ta’ merkanzija li, qabel ma ġew rilaxxati għal ċirkulazzjoni libera, kienu suġġetti għal proċedura doganali oħra. Għalhekk, huma biss il-kunsinni mibgħuta direttament minn Stat terz lil persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fil-Komunità li jistgħu jingħataw l-eżenzjoni.

    43

    Issa, is-sempliċi fatt li ECI hija stabbilita fil-Komunità ma jagħmilx possibbli, fih inniffsu, li jiġi kkunsidrat li l-kunisinni ta’ merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal proċedura doganali oħra qabel ma ġew rilaxxati fil-Komunità. Fi kwalunkwe każ, u bla ħsara għall-istħarriġ tal-qorti nazzjonali f’dan is-sens, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dan kien il-każ fir-rigward ta’ dawn il-kunsinni.

    44

    Madankollu, il-Gvern Olandiż isostni li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-abbuż ta’ dritt mhuwiex daqstant fil-kisba tal-eżenzjoni mid-dazji doganali iżda fit-tentattiv ta’ ECI li tkun eżentata mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. Peress li l-Artikolu 101 tal-Kodiċi doganali Olandiż jipprevedi, fil-fatt, li l-merkanzija li tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat hija eżentata wkoll mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, ECI rrikorriet għal ċentru ta’ distribuzzjoni li jinsab barra mill-Komunità sabiex tibbenefika, inizjalment, mill-eżenzjoni mid-dazji doganali, u, imbagħad, mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li hija marbuta magħha. Din l-impriża għalhekk ser tieħu vantaġġ finanzjarju li jirriżulta f’distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-impriżi attivi fl-istess qasam u li jibagħtu l-merkanzija tagħhom lill-klijenti tagħhom mit-territorju tal-Komunità.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat proposta mill-Gvern Olandiż tikkonċerna l-prevenzjoni tal-kisba abbużiva tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ u mhux tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

    46

    Issa, minn naħa, kif fakkret l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 60 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Renju tal-Olanda stess għażel sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ marbuta mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza Komunitarja ċċitata mill-Gvern Olandiż fis-sottomissjonijiet tiegħu tipprovdi kuntest fejn l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu vantaġġ fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta l-għoti tiegħu jkun abbużiv. Għalhekk, il-ġlieda kontra l-eżenzjoni abbużiva mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma tistax tiġi invokata insostenn tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat.

    47

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li minnhom ibbenefikat ECI fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-għażla li għamlet din l-impriża li tibgħat il-merkanzija tagħha minn Stat terz neċessarjament tinvolvi spejjeż marbuta mat-trasport tal-merkanzija kif ukoll mal-proċeduri doganali ta’ importazzjoni li mhux neċessarjament ikollhom l-impriżi attivi fl-istess qasam li jibagħtu l-merkanzija tagħhom mit-territorju doganali tal-Komunità.

    48

    Għalhekk, u bla ħsara għall-istħarriġ li għandu jsir mill-qorti tar-rinviju, il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat ma jistax jiġi rrifjutat, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minħabba s-sempliċi fatt li ECI hija stabbilita fil-Komunità.

    49

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 918/83 kif emendat għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix li kunsinni kollettivi ta’ merkanzija, li l-valur intrinsiku totali tagħhom jaqbeż il-limitu previst fl-imsemmi Artikolu 27, iżda li, ikkunsidrati separatament, għandhom valur negliġibbli, jingħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, bil-kundizzjoni li kull pakkett tal-kunsinna kollettiva jkun indirizzat individwalment lil destinatarju li jinsab fil-Komunità. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-parti l-oħra fil-kuntratt ma’ dawn id-destinatarji tkun hija stess stabbilita fil-Komunità huwa irrilevanti meta l-merkanzija tintbagħat direttament minn Stat terz lill-imsemmija destinatarji.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3357/91, tas-7 ta’ Novembru 1991, ma jipprekludix li kunsinni kollettivi ta’ merkanzija, li l-valur intrinsiku totali tagħhom jaqbeż il-limitu previst fl-imsemmi Artikolu 27, iżda li, ikkunsidrati separatament, għandhom valur negliġibbli, jingħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni, bil-kundizzjoni li kull pakkett tal-kunsinna kollettiva jkun indirizzat individwalment lil destinatarju li jinsab fil-Komunità Ewropea. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-parti l-oħra fil-kuntratt ma’ dawn id-destinatarji tkun hija stess stabbilita fil-Komunità Ewropea huwa irrilevanti meta l-merkanzija tintbagħat direttament minn Stat terz lill-imsemmija destinatarji.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top