Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007FJ0089

    Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tad-9 ta' Lulju 2008.
    Jan Kuchta vs il-Bank Ċentrali Ewropew.
    Servizz pubbliku.
    Kawża F-89/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 I-A-1-00243; II-A-1-01287

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2008:97

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

    9 ta’ Lulju 2008

    Kawża F-89/07

    Jan Kuchta

    vs

    Il-Bank Ċentrali Ewropew

    “Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Rievalwazzjoni annwali tas-salarji u tal-bonus – Proċedura 2006 – Protezzjoni tad-data personali – Kummenti li jippreġudikaw il-karriera – Kompetenza”

    Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu J. Kuchta, membru tal-persunal tal-BĊE, jitlob, l-ewwel nett, il-kundanna tal-BĊE sabiex iħallas id-dannu morali li huwa kkawża fil-konfront tiegħu billi kkomunika r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2006, kollu kemm hu, lis-superjur ġerarkiku tiegħu fid-dipartiment il-ġdid li ġie assenjat fih fil-bidu tas-sena 2007 u, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni li tiffissa ż-żieda individwali tas-salarju tiegħu għall-1 ta’ Jannar 2007.

    Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-BĊE li tiffissa ż-żieda individwali tas-salarju tar-rikorrent għall-1 ta’ Jannar 2007 hija annullata. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż kollha.

    Sommarju

    1.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Talba intiża għall-kisba ta’ kumpens simboliku

    2.      Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet u korpi Komunitarji – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Kundizzjonijiet – Bank Ċentrali Ewropew

    (Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 12.3 u 36.1; Regoli tal-Proċedura tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 5; Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Anness I, punt 6)

    1.      Fil-kuntest ta’ talba għal kumpens ippreżentata minn uffiċjal, il-fatt li huwa talab kumpens simboliku ma jeżentahx milli jressaq il-provi li jikkonstataw id-dannu subit.

    (ara l-punt 36)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Mejju 1976, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punt 24

    2.      Fir-rigward tad-delega ta’ poteri fi ħdan l-istituzzjonijiet jew il-korpi Komunitarji, l-awtorità li tiddelega, anki jekk ikollha s-setgħa li tiddelega l-poteri tagħha, għandha tadotta deċiżjoni espliċita li tittrasferihom, u d-delega tista’ tikkonċerna biss poteri eżekuttivi, iddefiniti b’mod preċiż. B’hekk, għalkemm il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew jista’, skont il-punt 6 tal-Anness I tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank, jiddelega l-poter li jiddetermina ż-żieda fis-salarji individwali, deċiżjoni li tikkomporta tali għan, meħuda minn awtorità li ma tkunx il-Bord Eżekuttiv, fin-nuqqas ta’ kull delega f’dan ir-rigward, tkun adottata minn awtorità li ma hijiex kompetenti u, minħabba f’hekk, għandha tiġi annullata.

    Barra minn hekk, l-impossibbiltà li jiġu ddeterminati kemm l-awtur ta’ deċiżjoni ta’ żieda fis-salarju individwali kif ukoll l-awtorità meqjusa li ngħatat is-setgħa f’dan is-sens permezz ta’ delega min-naħa tal-Bord Eżekuttiv tikser ir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-persunal, li jassumu b’mod partikolari li t-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan istituzzjoni Komunitarja jkun kjarament iddefinit u debitament ippubblikat. F’dan ir-rigward, l-organi tal-Bank Ċentrali Ewropew bl-ebda mod ma jinsabu f’sitwazzjoni distinta minn dik li jinsabu fiha l-organi ta’ tmexxija tal-korpi u tal-istituzzjonijiet Komunitarji oħrajn fir-relazzjonijiet tagħhom mal-aġenti tagħhom.

    (ara l-punti 53, 54, 59 u 61 sa 63)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs BĊE, C‑409/02 P, Ġabra p. I‑9873, punt 37; 26 ta’ Mejju 2005, Tralli vs BĊE, C‑301/02 P, Ġabra p. I‑4071, punt 43

    Top