Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0573

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
    Sea Srl vs Comune di Ponte Nossa.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
    Kuntratti pubbliċi - Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti - Kuntratt għas-servizz ta’ ġbir, ta’ trasport u ta’ rimi ta’ skart urban - Għoti mingħajr sejħa għal offerti - Għoti lil kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha jappartjeni kollu kemm huwa lil awtoritajiet pubbliċi iżda li l-istatuti tagħha jipprovdu għall-possibbiltà ta’ sehem ta’ kapital privat.
    Kawża C-573/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08127

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:532

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti — Kuntratt għas-servizz ta’ ġbir, ta’ trasport u ta’ rimi ta’ skart urban — Għoti mingħajr sejħa għal offerti — Għoti lil kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-kapital azzjonarju tagħha huwa kollu kemm hu tal-awtoritajiet pubbliċi iżda li l-istatuti tagħha jipprovdu għall-possibbiltà ta’ sehem ta’ kapital privat”

    Fil-Kawża C-573/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

    Sea Srl

    vs

    Comune di Ponte Nossa,

    fil-preżenza ta’:

    Servizi Tecnologici Comuni — Se.T.Co. SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Sea Srl, minn L. Nola, avukat,

    għall-Comune di Ponte Nossa, minn A. Di Lascio u S. Monzani, avukati,

    għal Servizi Tecnologici Comuni — Se.T.Co. SpA, minn M. Mazzarelli u S. Sonzogni, avukati,

    għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, sussegwentement minn I. Bruni, bħala aġenti assistiti minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn A. Ratajczak, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis u C. Zadra, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 43 KE, 45 KE, 46 KE, 49 KE u 86 KE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Sea Srl (iktar ’il quddiem “Sea”) u l-Comune di Ponte Nossa (il-muniċipalità ta’ Ponte Nossa) fir-rigward tal-għoti minn din tal-aħħar ta’ kuntratt għas-servizz ta’ ġbir, ta’ trasport u ta’ rimi ta’ skart urban lil Servizi Tecnologici Comuni — Se.T.Co. SpA (iktar ’il quddiem “Setco”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), jipprovdi:

    “[…]

    a)

    “Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-e[ż]ekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew i[d]-dispo[ż]izzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    […]

    d)

    “Kuntratti għal servizzi pubbliċi” huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan i[d]-dispo[ż]izzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

    […]

    4.   “Konċessjoni tas-servizz” huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għa[d]-dispo[ż]izzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.”

    4

    Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva:

    “Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55.”

    5

    L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, ħlief fil-każ ta’ ċerti eċċezzjonijiet, il-kuntratti jingħataw skont il-proċedura miftuħa jew il-proċedura ristretta.

    6

    Skont l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2004/18, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw rwieħhom magħha sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2006.

    7

    L-Anness II A ta’ din id-direttiva tinkludi kategorija 16 għad-“Dipartimenti tat-toroq u tat-tneħħija tal-iskart: servizzi ta’ iġjene u servizzi analogi”.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kuntest statutarju

    8

    L-Artikolu 2341a tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi:

    “Il-kuntratti, tkun liema tkun il-forma tagħhom, li, bil-għan li s-sitwazzjoni patrimonjali jew it-tmexxija tal-kumpannija jsiru iktar stabbli:

    a)

    għandhom bħala għan l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fil-kumpanniji b’responsabbiltà limitata jew fil-kumpanniji parent tagħhom;

    b)

    jillimitaw it-trasferiment ta’ ishma jew ta’ holdings fil-kumpanniji parent tagħhom;

    c)

    għandhom bħala għan jew bħala effett l-eżerċizzju, anki b’mod konġunt, ta’ influwenza dominanti fuq dawn il-kumpanniji, ma jistax ikollhom terminu ogħla minn ħames snin u jitqiesu li ġew stipulati għal dan it-terminu, anki jekk il-partijiet ipprovdew terminu itwal; il-kuntratti jistgħu jiġġeddu mal-iskadenza tagħhom.

    Jekk it-terminu tal-kuntratt ma jiġix speċifikat, kull wieħed mill-kontraenti għandu d-dritt li jirtira mill-kuntratt permezz ta’ avviż bil-quddiem ta’ 180 jum.

    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għall-atti li jikkonsistu fi ftehim ta’ kooperazzjoni fil-produzzjoni jew fil-kummerċ ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li jikkonċernaw kumpannija li huma 100% tal-parteċipanti fil-ftehim.”

    9

    L-Artikolu 2355a tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

    “Meta l-ishma jkunu rreġistrati jew ikun għadhom ma nħarġux, l-istatuti jistgħu jissuġġettaw it-trasferiment tagħhom għal kundizzjonijiet partikolari u jistgħu jipprojbixxu dan it-trasferiment, għal terminu li ma jaqbiżx il-ħames snin mid-data tal-kostituzzjoni tal-kumpannija jew ta’ l-introduzzjoni ta’ din il-projbizzjoni.

    Id-dispożizzjonijiet tal-istatuti li jissuġġettaw purament u sempliċement it-trasferiment tal-ishma għall-kunsens tal-korpi soċjali jew ta’ kumpanniji oħra mhumiex validi jekk ma jipprovdux għal obbligu ta’ xiri fil-konfront tal-kumpannija jew tas-soċji l-oħra, jew ma jirrikonoxxux dritt li min qed jitrasferixxi jirtira ruħu mit-tranżazzjoni; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2357 jibqgħu japplikaw. Il-prezz tal-bejgħ jew tad-dividendi dovuti għall-istralċ għandhom jiġu ddeterminati skont il-metodi u sa fejn previst fl-Artikolu 2437b.

    Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti japplikaw fil-każijiet kollha fejn il-klawżoli jissuġġettaw it-trasferiment tal-ishma fil-każ ta’ mewt għal ċerti kundizzjonijiet partikolari, ħlief meta jingħata l-kunsens previst.

    Il-limiti għat-trasferiment tal-ishma għandhom jirriżultaw mit-titolu nnifsu.”

    10

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 li jirrigwarda test wieħed tal-liġijiet fuq l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali (testo unico delle leggi sull’ordinamento degli enti locali), tat-18 ta’ Awwissu 2000 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 227, tat-28 ta’ Settembru 2000), hekk kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 269 dwar dispożizzjonijiet urġenti sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp u għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi (disposizioni urgenti per favorire lo sviluppo e per la correzione dell’andamento dei conti pubblici), tat-30 ta’ Settembru 2003 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 229, tat-2 ta’ Ottubru 2003), li sar liġi, wara emenda, bil-Liġi Nru 326, tal-24 ta’ Novembru 2003 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 274, tal-25 ta’ Novembru 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000”), jipprovdi l-Artikolu 113(5) tiegħu:

    “Il-provvista ta’ servizzi għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan is-settur u fid-dawl tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi d-dritt li jiġi pprovdut is-servizz jingħata lil:

    a)

    kumpanniji b’kapital magħżula permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti;

    b)

    kumpanniji b’kapital imħallat pubbliku u privat li fihom is-soċju privat ikun intgħażel permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li tiggarantixxi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni skont il-linji gwida adottati mill-awtoritajiet kompetenti f’atti jew ċirkulari speċifiċi;

    c)

    kumpanniji għal kollox pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li għandhom il-kapital soċjali jeżerċitaw fuq il-kumpannija kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess u jekk il-kumpannija twettaq l-essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha.”

    11

    L-Artikolu 1(3) tal-istatuti ta’ Setco jipprovdi dan li ġej:

    “Fid-dawl tan-natura tal-kumpannija, jistgħu ikunu soċji l-awtoritajiet lokali hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 kif ukoll amministrazzjonijiet u impriżi oħra pubbliċi li għandhom personalità ġuridika kif ukoll li l-attività u l-esperjenza tagħhom tista’ toffri opportunitajiet favorevoli sabiex jintlaħqu għal kollox l-għanijiet tal-kumpannija.”

    12

    Skont l-Artikolu 1(4) ta’ dawn l-istatuti:

    “Mhijiex ammessa l-parteċipazzjoni ta’ persuni privati jew korpi oħra u, f’kull każ, ta’ persuni li l-parteċipazzjoni tagħhom, anki jekk kwalitattivament jew kwantitattivament minoritarja, tista’ tagħti lok għal bidla fil-mekkaniżmi ta’ ‘kontroll analogu’ (hekk kif iddefiniti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u mil-liġijiet Komunitarji u nazzjonali) jew tmexxija inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

    13

    L-Artikolu 3 tal-istatuti ta’ Setco jistipula:

    “1.   Il-kumpannija għandha bħala għan l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali intermuniċipali li jikkonċernaw esklużivament l-awtoritajiet pubbliċi lokali li jallokaw dawn is-servizzi skont l-Artikoli 113 et seq tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 […], anki permezz ta’ kuntratt bejn l-awtoritajiet lokali.

    […]

    3.   Is-servizzi u x-xogħolijiet imsemmija iktar ’il fuq:

    jistgħu jingħataw ukoll favur persuni privati, ladarba dan ma jmurx kontra l-għanijiet tal-kumpannija jew jikkontribwixxi sabiex dawn l-għanijiet jitwettqu aħjar;

    […]”

    14

    L-Artikolu 6(4) ta’ dawn l-istatuti jipprovdi:

    “Sabiex eventwalment tiffavorixxi li l-ishma jkunu kemm jista’ jkun estiżi fuq livell lokali (ċittadini u/jew operaturi ekonomiċi) jew [il-proprjetà tal-ishma] tal-impjegati, il-kumpannija tista’ toħroġ ukoll ishma pprivileġġati […]”

    15

    L-Artikolu 8a ta’ dawn l-istatuti jgħid:

    “1.   L-għoti dirett ta’ servizzi pubbliċi lokali lill-kumpannija jista’ jiġi deċiż, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja fis-seħħ, minn soċji li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali (‘soċji kontraenti’) għas-setturi kollha jew għal ċerti setturi elenkati fl-Artikolu 3 u li jikkorrispondu għat-taqsimiet li ġejjin: taqsima Nru 1: skart; taqsima Nru 2: ilma; taqsima Nru 3: gass; taqsima Nru 4: turiżmu; taqsima Nru 5: enerġija; taqsima Nru 6: servizzi ta’ utilità pubblika.

    2.   Il-kumpannija għandha tmexxi s-servizzi esklużivament favur is-soċji kontraenti u, f’kull każ, fil-limiti tat-territorji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-amministrazzjonijiet.

    3.   Is-soċji jeżerċitaw flimkien u/jew separatament l-iktar setgħat wesgħin ta’ tmexxija, ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni tal-organi u tal-korpi tal-kumpannija, u, b’mod partikolari: jistgħu isejħu lill-organi tal-kumpannija sabiex jingħataw spjegazzjonijiet dwar il-metodi ta’ żvolġiment tas-servizzi pubbliċi lokali; huma għandhom jitolbu perjodikament, u f’kull każ minn tal-inqas darbtejn fis-sena, rapporti fuq l-amministrazzjoni tas-servizzi u fuq is-sitwazzjoni ekonomika finanzjarja; huma għandhom jeżerċitaw tipi ta’ kontroll tal-amministrazzjoni skont il-metodi stabbiliti mir-regolamenti interni tal-amministrazzjonijiet kontraenti; huma għandhom jesprimu l-kunsens bil-quddiem tagħhom, li jagħti lok għal kundizzjoni ta’ legalità, għal kull emenda fl-istatut li tikkonċerna l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali.

    4.   It-taqsimiet għandhom jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll analogu, konġunt jew separat, skont il-metodi previsti f’dan l-att u fil-kuntratti ta’ servizz ikkonċernati.

    5.   Is-soċji kontraenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fir-rigward tat-taqsimiet li fil-konfront tagħhom huma ddeċidew li tingħata l-allokazzjoni diretta tas-servizzi. Għall-finijiet tat-tmexxija effiċjenti tad-dipartimenti inkwistjoni, l-organi u l-impjegati tal-kumpannija għandhom jagħtu rendikont tal-attività mwettqa b’mod partikolari quddiem il-korpi ddefiniti f’dan l-att.

    6.   Il-kontroll mis-soċji kontraenti, minbarra permezz tal-prerogattivi fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti tal-kumpannija hekk kif iddefiniti mil-liġi tal-kumpanniji, isir permezz ta’: kumitat konġunt ta’ gwida u ta’ kontroll politiku amministrattiv (iktar ’il quddiem ‘kumitat konġunt’); kumitat tekniku ta’ kontroll (iktar ’il quddiem ‘kumitat tekniku’) għal kull taqsima.

    7.   Is-soċji mhux kontraenti jistgħu jipparteċipaw, mingħajr dritt ta’ vot, fil-laqgħat tal-kumitat konġunt […] u tal-kumitat tekniku […] għal kull taqsima. Il-maġġoranza assoluta tal-membri tal-kumitati ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jiddeċiedu li tiġi eskluża l-parteċipazzjoni tas-soċji mhux kontraenti għal ċerti laqgħat jew għal ċerti partijiet ta’ laqgħa billi jaqgħtu ġustifikazzjoni motivata mniżżla fil-minuti ta’ kull laqgħa.”

    16

    L-Artikolu 8b tal-istatuti ta’ Setco jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Il-kumitat konġunt […] huwa kompost: minn rappreżentant għal kull soċju kontraenti, magħżul bejn ir-rappreżentant legali tal-awtorità, il-membru tal-eżekuttiv logal delegat jew kunsillier delegat pro tempore fil-kariga; assistent fl-amministrazzjoni, b’funzjonijiet ta’ sostenn u ta’ verbalizzazzjoni, u mingħajr dritt ta’ vot, innominat konġuntament mis-soċji kontraenti matul l-ewwel laqgħa u magħżul minn fost is-segretarji, id-diretturi ġenerali jew l-amministraturi (jew minn fost il-persuni responsabbli mid-dipartimenti fir-rigward ta’ dawk l-awtoritajiet li ma għandhomx persunal li għandu l-kwalità ta’ amministratur) impjegat mill-inqas għand waħda mill-awtoritajiet kontraenti.

    2.   Il-kumitat konġunt għandu jeżerċita funzjonijiet konsultattivi, funzjonijiet ta’ gwida u funzjonijiet ta’ deċiżjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kontroll analogu, u, b’mod partikolari: a) jeżerċita, fir-rigward tal-organi u tal-korpi tal-kumpannija, il-kompetenzi u l-prerogattivi rikonoxxuti lill-kunsill, lill-organu eżekuttiv u lis-sindku/president fir-rigward tal-kontroll tal-uffiċċji u tad-dipartimenti tagħhom stess. Il-kontroll jikkonċerna l-aspetti kollha ta’ organizzazzjoni u ta’ ħidma tas-servizzi li huma suġġetti għall-għoti ta’ kuntratt; b) jagħti gwida lill-kumitati tat-taqsima għall-finijiet tat-tmexxija koordinata u konġunta tas-servizzi kif ukoll fl-oqsma u għall-aspetti li jimplikaw numru ta’ taqsimiet; c) jirrakkomanda l-ħatra tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-kumpannija; d) jirrakkomanda l-ħatra tal-president tal-bord tad-diretturi u tal-kunsill tal-awdituri u jista’ jirrevoka dawn il-ħatriet fil-każijiet imsemmija f’dawn l-istatuti; e) jagħti gwida għall-ħatra tal-amministraturi delegati u tad-direttur ġenerali tal-kumpannija; f) jadotta l-proposta tal-pjan tal-programm, tal-baġit ekonomiku ta’ iktar minn darba fis-sena, tal-baġit ekonomiku ta’ kull sena u tar-rendikont annwali ta’ attività; g) jorganizza laqgħat mal-organi tat-tmexxija tal-kumpannija, billi jisma’ mill-inqas darba fis-sena lill-president u/jew lid-direttur ġenerali; h) perjodikament, minn tal-inqas darba kull sitt xhur, jirċievi mill-organi tat-tmexxija tal-kumpannija, rapporti fuq l-iżvolġiment tas-servizzi pubbliċi lokali; i) jista’ jiddelega wħud mill-funzjonijiet tiegħu lil kumitat jew kumitati tekniċi, b’mod partikolari skont l-ispeċifiċità fil-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar; l) jagħti avviż bil-quddiem dwar l-atti tal-amministratturi suġġetti għall-approvazzjoni tal-assemblea fil-każijiet previsti f’dawn l-istatuti.

    3.   Il-kumitat konġunt għandu jiltaqa’ normalment darba fis-sens u, b’mod straordinarju, fuq talba: a) ta’ wieħed mis-soċji kontraenti; b) tar-rappreżentant legali tal-kumpannija.”

    17

    Skont l-Artikolu 8c ta’ dawn l-istatuti:

    “1.   Il-kumitat tekniku […] huwa stabbilit għal kull waħda mit-taqsimiet li ġejjin: taqsima Nru 1: skart; taqsima Nru 2: ilma; taqsima Nru 3: gass; taqsima Nru 4: turiżmu; taqsima Nru 5: enerġija; taqsima Nru 6: servizzi ta’ utilità pubblika

    2.   Il-kumitat tekniku […] huwa kompost: minn rappreżentant għal kull soċju kontraenti magħżul minn fost is-segretarji, id-diretturi ġenerali jew l-amministraturi (jew minn fost il-persuni responsabbli mid-dipartimenti fir-rigward ta’ dawk l-awtoritajiet li ma għandhomx persunal li għandu l-kwalità ta’ amministratur) impjegat mill-inqas għand waħda mill-awtoritajiet kontraenti […]

    3.   L-istess persuna tista’ tagħmel parti mill-kumitat tekniku ta’ iktar minn taqsima waħda.

    4.   Il-kumitat tekniku, b’mod partikolari: a) jeżerċita, fir-rigward tal-organi u tal-korpi tal-kumpannija, il-kompetenzi u l-prerogattivi rikonoxxuti lill-organi tekniċi tal-amministrazzjoni fuq id-dipartimenti tagħhom stess. Il-kontroll jikkonċerna l-aspetti kollha ta’ organizzazzjoni u ta’ ħidma tas-servizzi li huma suġġetti għall-għoti ta’ kuntratt fil-limiti tal-kompetenza tat-taqsima fid-dawl tal-osservanza tad-direttivi tal-kumitat konġunt; b) isostni lill-kumitat konġunt fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-ħidma tas-servizzi li jaqgħu taħt il-kompetenzi tat-taqsima; c) jeżerċita l-funzjonijiet delegati mill-kumitat konġunt; d) jikkoordina s-sistemi ta’ kontroll ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija; e) jipproponi lill-kumitat konġunt jew lill-organi tal-kumpannija l-adozzjoni tal-atti neċessarji għall-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-kumpannija bl-għanijiet tal-amministrazzjonijiet kontraenti hekk kif jirriżultaw mill-pjan eżekuttiv ta’ amministrazzjoni u mill-pjan tal-għanijiet; f) jipprovdi sostenn tekniku amministrattiv lill-attività tal-kumpannija skont il-metodi stabbiliti mir-regolamenti tal-amministrazzjonijiet kontraenti u/jew mill-ftehim li jirregola r-relazzjonijiet bejn dawn tal-aħħar; g) jindika difetti fl-amministrazzjoni tas-servizzi u jipproponi l-korrezzjonijiet li għandhom isiru fuq il-leġiżlazzjoni muniċipali u fuq l-atti li jirregolaw is-servizzi pubbliċi lokali.”

    18

    L-Artikolu 14 tal-istess statuti jistipula:

    “1.   Bla ħsara għall-prerogattivi tal-korpi ta’ kontroll analogu, konġunt u separat, imsemmija fl-Artikoli 8a, 8b u 8c imsemmija iktar ’il fuq, l-assemblea ordinarja għandha tiddeċiedi fuq is-suġġetti kollha previsti mil-liġi u minn dawn l-istatuti, fid-dawl tad-direttivi, tal-gwida u ta’ istruzzjonijiet eventwali mogħtija minn dawn l-organi fir-rigward tal-organizzazzjoni jew tal-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi li jaqgħu direttament taħt il-kompetenzi tal-kumpannija.

    […]

    3.   Huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-assemblea ordinarja, fuq opinjoni favorevoli konformi tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 8b iktar ’il fuq fir-rigward tal-partijiet li jaqgħu taħt l-organizzazzjoni u l-ħidma tas-servizzi pubbliċi lokali, l-atti amministrattivi li ġejjin:

    a)

    pjanifikazzjoni programmatika, bilanċi ta’ provviżorju ta’ iktar minn darba fis-sena u ta’ darba fis-sena u bilanċ intermedjarju ta’ korrezzjoni tal-bilanċ provviżorju;

    b)

    kostituzzjoni ta’ kumpanniji b’kapital li għandhom bħala għan attivitajiet ta’ sostenn jew supplimentari meta mqabbla ma’ dak tal-kumpannija; xiri ta’ ishma, anki jekk minoritarji, fit-tali kumpanniji, u l-abbandun tagħhom;

    c)

    attivazzjoni ta’ servizzi ġodda previsti mill-istatuti jew it-trasferiment ta’ dawk li diġà qed jiġu eżerċitati;

    d)

    xiri u trasferiment ta’ proprjetà immobbli u ta’ installazzjonijiet, self b’ipoteka u tranżazzjonijiet oħra simili, ta’ kull tip u ta’ kull natura, li jikkomportaw impenn finanzjarju ta’ valur li jaqbeż l-20% tal-patrimonju nett li jirriżulta mill-aħħar bilanċ approvat;

    e)

    linji gwida għall-ifformular ta’ tariffi u ta’ prezzijiet tas-servizzi pprovduti, meta dawn ma jaqgħux taħt kostrizzjonijiet legali jew mhumiex stabbiliti minn organi jew minn awtoritajiet kompetenti.

    […]

    5.   L-assemblea u l-kumitat konġunt jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom għat-twettieq tal-atti msemmija fil-punti preċedenti, anki taħt il-kundizzjoni ta’ ċerti istruzzjonijiet, obbligi jew atti li għandhom jiġu implementati mill-amministraturi. F’dan il-każ, l-amministratturi għandhom itellgħu rapport fuq l-osservanza tal-istruzzjonijiet f’terminu mogħti fl-att ta’ awtorizzazzjoni jew ukoll, fin-nuqqas ta’ dan it-terminu mogħti, fit-30 jum minn meta ġie implementat l-att inkwistjoni.

    6.   L-awtoritajiet lokali azzjonisti jirrappreżentaw minn tal-inqas ħamsa fil-mija tal-kapital tal-kumpannija, u kull azzjonist kontraenti, permezz tal-kumitat konġunt, jista’ jeżiġi, jekk iqis li l-kumpannija ma implementatx jew ma tidhirx li se timplementa l-att skont l-awtorizzazzjoni mogħtija, sabiex tissejjaħ l-assemblea, skont l-Artikolu 2367(1) tal-Kodiċi Ċivili, sabiex hija tadotta l-miżuri li tqis opportuni fl-interess tal-kumpannija.

    7.   L-eżekuzzjoni tal-atti suġġett għal awtorizzazzjoni bil-quddiem mingħajr ma jkun intalab u nkiseb il-kunsens tal-assemblea jew opinjoni konformi tal-kumitat konġunt fil-każijiet previsit mill-istatuti, jew ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-att skont l-awtorizzazzjoni mogħtija tista’ tikkostitwixxi raġuni valida għar-revoka tal-amministraturi.

    8.   Il-Bord tad-Diretturi li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-att awtorizzat mill-assemblea, għandu jadotta, f’terminu ta’ ħmistax-il jum mid-deċiżjoni tal-assemblea, deċiżjoni mmotivata ad hoc, li għandha tiġi immedjatament ikkomunikata lill-awtoritajiet lokali azzjonisti u, fir-rigward tal-materji li jikkonċernaw l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali, lill-kumitat konġunt. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u/jew l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali, il-kumitat konġunt jista’ jadotta, fit-30 jum minn meta jirċievi l-komunikazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, deċiżjoni ta’ konferma tal-opinjoni tiegħu u/jew tal-istruzzjonijiet tiegħu. L-att adottat jorbot l-organu ta’ amministrazzjoni.

    […]”

    19

    L-Artikolu 16 ta’ dawn l-istatuti jgħid:

    “1.   Il-kumpannija hija amministrata minn Bord tad-Diretturi li b’setgħat ta’ amministrazzjoni ordinarji u straordinarji, bla ħsara għas-setgħat li, skont il-liġi jew l-istatuti:

    a)

    huma riżervati għall-assemblea,

    b)

    huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-assemblea,

    c)

    huma riżervati għall-organi ta’ kontroll analogu msemmija fl-Artikoli 8a et seq tal-istatuti.

    2.   Il-Bord tad-Diretturi huwa kompost minn 3 (tlieta) sa 7 (seba’) membri, maħtura mill-assemblea fuq rakkomandazzjoni tal-kumitat konġunt imsemmi fl-Artikolu 8b. Fil-każijiet kollha, huma l-azzjonisti kontraenti li għandhom jaħtru direttament, jirrevokaw u jissostitwixxu numru ta’ amministraturi (inkluż il-President tal-Bord tad-Diretturi) li jkun proporzjonali għall-portata tal-parteċipazzjoni tagħhom u, f’kull każ, ogħla minn nofshom.

    […]

    6.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jadotta d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni u/jew l-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali li huma suġġetti għal għoti dirett billi josservaw il-linji gwida adottati mill-organi ta’ kontroll imsemmija fl-Artikoli 8a et seq ta’ dawn l-istatuti.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    20

    Sea, li hija konċessjonarja wara proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-kuntratt għas-servizz tal-ġbir, tat-trasport u tar-rimi ta’ skart solidu urban u derivanti tiegħu fit-territorju tal-Comune di Ponte Nossa, ipprovdiet dan is-servizz matul perijodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    21

    Setco hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkontrollata minn ċertu numru ta’ muniċipalitajiet tal-Val Seriana u li l-azzjonista prinċipali tagħha huwa l-Comune di Clusone.

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2006, il-Comune di Ponte Nossa ddeċieda li jsir soċju minoritarju ta’ Setco fid-dawl tal-għoti dirett lil din il-kumpannija tas-servizz inkwistjoni mill-1 ta’ Jannar 2007.

    23

    Fit-23 ta’ Diċembru 2006, il-muniċipalitajiet azzjonisti ta’ Setco, fosthom il-Comune di Ponte Nossa, emendaw l-istatuti ta’ din il-kumpannija sabiex jissuġġettawha għal kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess, skont l-Artikolu 113(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv 267/2000.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2006, il-Comune di Ponte Nossa ddeċieda li jagħti direttament is-servizz tal-ġbir, tat-trasport u tar-rimi tal-iskart solidu urban u d-derivati tiegħu fit-territorju tiegħu lil Setco mill-1 ta’ Jannar 2007, mingħajr proċedura preliminari ta’ sejħa għal offerti.

    25

    Fit-2 ta’ Jannar 2007, Sea ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (Tribunal Amministrattiv Reġjonali tar-Reġjun ta’ Lombardija) kontra d-deċiżjonijiet tal-Comune di Ponte Nossa tas-16 u tat-30 ta’ Diċembru 2006.

    26

    Sea ssostni b’mod partikolari li l-Comune di Ponte Nossa, billi ta direttament is-servizz inkwistjoni lil Setco, kiser l-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 kif ukoll l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, sa fejn ma jeżerċitax fil-konfront ta’ Setco kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess, li huwa meħtieġ għall-għoti dirett ta’ servizz lil impriża kkontrollata mill-awtorità kontraenti.

    27

    Il-qorti tar-rinviju tqis li ċerti elementi jistgħu iqajmu xi dubji fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Comune di Ponte Nossa jeżerċitax fuq Setco kontroll analogu għal dak li jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess.

    28

    Minn naħa, il-parteċipazzjoni ta’ persuni privati fil-kapital ta’ Setco, minkejja li attwalment hija ineżistenti, hija potenzjalment possibbli. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika f’dan ir-rigward li, minkejja l-esklużjoni espressa ta’ soċji privati fil-kapital ta’ Setco prevista fl-Artikolu 1(4) tal-istatuti tagħha, din il-parteċipazzjoni tidher li hija possibbli skont l-Artikolu 6(4) tal-istess statuti kif ukoll skont l-Artikolu 2355a tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

    29

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-setgħat ta’ kontroll effettivament devoluti lill-Comune di Ponte Nossa fir-rigward ta’ Setco, din il-qorti ssaqsi jekk kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess jistax jeżisti ladarba għandu biss parteċipazzjoni minoritarja f’din il-kumpannija.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri qiddiemu sabiex jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-għoti dirett ta’ servizz ta’ ġbir, ta’ trasport u ta’ rimi ta’ skart solidu urban u derivati tiegħu lil kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku u bl-istatuti tagħha emendati bil-mod espost fil-motivi, sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 113 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mal-libertà ta’ stabbiliment jew mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u mal-obbligi ta’ trattament ugwali, ta’ trasparenza u ta’ kompetizzjoni libera msemmija fl-Artikoli 12 KE, 43 KE, 45 KE, 46 KE, 49 KE u 86 KE?”

    Fuq id-domanda preliminari

    31

    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-għoti ta’ servizz tal-ġbir, tat-trasport u tar-rimi tal-iskart urban, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jaqa’, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-korrispettiv ta’ dan is-servizz, taħt id-definizzjoni tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jew dik tal-għoti ta’ servizzi pubbliċi fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 1(2)(d) jew (4) tad-Direttiva 2004/18.

    32

    Skont l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u fil-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, il-kuntratt fil-kawża prinċipali jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kuntratt li sar bejn Setco u l-Comune di Ponte Nossa għall-provvista tas-servizzi inkwistjoni jipprovdi li dan tal-aħħar għandu jħallas lil Setco l-korrispettiv tas-servizzi pprovduti minnha.

    33

    Kuntratt ta’ dan it-tip jista’ jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18, bħala kuntratt ta’ servizzi ta’ ġbir ta’ skart li jaqa taħt il-kategorija 16 tal-Anness II A ta’ din id-direttiva.

    34

    Madankollu d-deċiżjoni tar-rinviju ma tikkomportax l-informazzjoni neċessarja biex jiġi ddeterminat jekk din tikkonċernax għoti ta’ servizzi jew kuntratt pubbliku għal servizzi u, f’dan l-aħħar każ, jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva humiex issodisfati. B’mod partikolari, hija ma tispeċifikax jekk l-ammont tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeċċedix il-limitu għall-applikazzjoni tiegħu.

    35

    F’kull każ, il-kwistjoni dwar jekk il-kawża prinċipali tikkonċernax l-għoti ta’ servizzi jew kuntratt pubbliku għal servizzi, kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk, f’dan l-aħħar każ, it-tali kuntratt ta’ servizzi jaqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, ma jinfluwenzawx ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil domanda preliminari magħmula.

    36

    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sejħa għal offerti mhijiex obbligatorja fil-każ ta’ kuntratt b’titolu oneruż konkluż ma’ entità ġuridikament distinta mill-awtorità lokali li hija l-awtorità kontraenti fl-ipoteżi fejn din l-awtorità teżerċita kontroll fuq din l-entità, anki jekk il-kontroparti hija entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, fl-ipoteżi fejn l-awtorità territorjali li hija l-awtorità kontraenti teżerċita fuq l-entità distinta inkwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet lokali li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 50).

    37

    Issa, din il-ġurisprudenza hija rilevanti kemm għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll għall-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali li tagħhom huma jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 49, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 62).

    38

    Għandu jitfakkar li, minkejja l-fatt li ċerti kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti li jikkonkluduhom għandhom l-obbligu li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 60, kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C-59/00, Ġabra p. I-9505, punt 20).

    39

    Fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom b’mod partikolari josservaw l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan (ara, f’dan is-sens, sentenzi Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 sa 49, u tas-6 ta’ April 2006, ANAV, C-410/04, Ġabra p. I-3303, punti 19 sa 21).

    40

    L-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika tagħhom hija madankollu eskluża jekk, fl-istess ħin, l-awtorità territorjali li hija l-awtorità kontraenti teżerċita fuq l-entità kontraenti kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u jekk din l-entità twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-awtorità jew mal-awtoritajiet li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, sentenzi Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-480/06, Ġabra p. I-4747, punt 34).

    41

    Iċ-ċirkustanza li l-entità kontraenti tieħu l-forma ta’ kumpannija b’kapital mkien ma teskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni aċċettata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fis-sentenza ANAV, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza fil-każ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata.

    42

    Il-Qorti tar-rinviju tosserva li, minkejja l-fatt li l-Artikolu 1(3) u (4) tal-istatuti ta’ Setco jirriżerva l-aċċess għall-kapital tagħha lil entitajiet pubbliċi, l-Artikolu 6(4) ta’ dawn l-istatuti jipprovdi li Setco tista’ toħroġ ishma privileġġati sabiex eventwalment tiffavorizza x-xiri ta’ ishma, fuq livell lokali, minn ċittadini u operaturi ekonomiċi jew ix-xiri ta’ ishma mill-impjegati.

    43

    Matul is-seduta, il-Comune di Ponte Nossa sostna li dan l-Artikolu 6(4) jmissu tneħħa fil-kuntest tal-emenda tal-istatuti ta’ Setco li saret fit-23 ta’ Diċembru 2006, iżda baqa’ hemm bi żball. Dejjem skont il-Comune di Ponte Nossa, dan l-Artikolu 6(4) ġie mħassar iktar ’il quddiem. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika r-realtà ta’ dawn l-elementi, li jistgħu jwasslu sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-kapital ta’ Setco ikun aċċessibbli għal investituri privati.

    44

    Id-deċiżjoni tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk awtorità kontraenti tistax teżerċita fuq kumpannija li fiha hija azzjonista u li magħha għandha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratt, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess fil-każ fejn il-possibbiltà li investituri privati jipparteċipaw fil-kapital tal-kumpannija inkwistjoni teżisti, minkejja li ma sseħħx.

    45

    Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanza li l-awtorità pubblika tippossjedi, flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi l-oħra, il-kapital kollu ta’ kumpannija konċessjonarja timplika, mingħajr ma tkun deċisiva, li din l-awtorità kontraenti teżerċità fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li teżerċità fid-dipartimenti tagħha stess (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 37, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C-324/07, Ġabra p. I-8457), punt 31).

    46

    Min-naħa l-oħra l-parteċipazzjoni anki jekk minoritarja, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti kkonċernata teskludi f’kull każ, li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (ara, f’dan is-sens, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Stadt Halle u RPL Lochau, punt 49, kif ukoll Coditel Brabant, punt 30).

    47

    Bħala regola ġenerali, l-eżistenza effettiva ta’ parteċipazzjoni privata fil-kapital tal-kumpannija konċessjonarja għandha tiġi vverifikata meta jingħata l-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 u 52). Jista’ jkun ukoll rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li, meta awtorità kontraenti tagħti kuntratt lil kumpannija li l-kapital kollu tagħha kkontrollat minnha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprovdi li fuq terminu qasir il-kumpannija ssir aċċessibbli għal kapital ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 72).

    48

    B’mod eċċezzjonali, ċirkustanzi partikolari jistgħu jirrikjedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ġrajjiet li seħħew wara d-data tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta ishma tal-kumpannija konċessjonarja, li preċedentement kienu kollha kemm huma kkontrollati mill-awtorità kontraenti, jiġu ttrasferiti lil impriża privata ftit wara li l-kuntratt ikkonċernat ikun ingħata lil din il-kumpannija fil-kuntest ta’ struttura artifiċjali intiża sabiex tevita d-dispożizzjoniiet Komunitarji fuq is-suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I-9705, punti 38 sa 41).

    49

    Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li ishma ta’ kumpannija jinbigħu f’kull mument lil terzi persuni. Madankollu, l-ammissjoni li din is-sempliċi possibbiltà tista’ indefinittivament tissospendi l-evalwazzjoni fir-rigward tan-natura pubblika jew le tal-kapital ta’ kumpannija konċessjonarja ta’ kuntratt pubbliku mhuwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    50

    Jekk il-kapital ta’ kumpannija huwa kollu kemm hu tal-awtorità kontraenti, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn, meta jingħata l-kuntratt lil din il-kumpannija, l-aċċess tal-kapital tagħha lil investituri privati jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk teżisti, f’dak il-mument, perspettiva konkreta fuq terminu qasir tat-tali aċċess.

    51

    Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-kapital tal-kumpannija konċessjonarja huwa kollu kemm huwa pubbliku u fejn ma hemm ebda indikazzjoni konkreta ta’ aċċess imminenti tal-kapital ta’ din il-kumpannija għal azzjonisti privati, is-sempliċi possibbiltà għal persuni privati li jipparteċipaw fil-kapital ta’ din il-kumpannija mhijiex biżżejjed biex jiġi konkluż li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-kontroll tal-awtorità pubblika mhijiex sodisfatta.

    52

    Din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 26 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287), li jgħidu li l-fatt li kumpannija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tat lok għal din is-sentenza, ssir aċċessibbli għal kapital privat jipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala struttura ta’ amministrazzjoni interna ta’ servizz pubbliku fl-ambitu tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw parti minnha. Fil-fatt, f’din il-kawża, meta s-servizz pubbliku ingħata lill-kumpannija, il-kapital tagħha ma kienx kompletament pubbliku, iżda fil-maġġoranza tiegħu pubbliku, u għaldaqstant imħallat (ara s-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punti 5 u 28).

    53

    Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, fl-ipoteżi fejn kuntratt ikun ingħata, mingħajr sejħa għal offerti, lil kumpannija b’kapital pubbliku taħt il-kundizzjonijiet indikati fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, iktar ’il quddiem, iżda dejjem matul it-terminu tal-validità ta’ dan il-kuntratt, azzjonisti privati jitħallew jipparteċipaw fil-kapital ta’ din il-kumpannija, jikkostitwixxi bidla ta’ kundizzjoni fundamentali tal-kuntratt li jkun jeħtieġ sejħa għal offerti.

    54

    Sussegwentement tirriżulta l-mistoqsija dwar jekk, fil-każ li awtorità pubblika ssir soċju minoritarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku sabiex din tingħata l-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku, il-kontroll li l-awtoritajiet pubbliċi soċji fi ħdan din il-kumpannija jeżerċitaw fuqha għandu, sabiex jiġi kkwalifikat bħala analogu għall-kontroll li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, jiġi eżerċitat individwalment minn kull waħda minn dawn l-awtoritajiet jew jista’ jiġi eżerċitat konġuntament minnhom.

    55

    Il-ġurisprudenza ma tirrikjedix li l-kontroll eżerċitat fuq il-kumpannija konċessjonarja jkun individwali f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    56

    Fil-fatt, fil-każ fejn numru ta’ awtoritajiet pubbliċi jgħażlu li jwettqu wħud mill-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku billi jirrikorru għal kumpannija kkontrollata minnhom, huwa normalment eskluż li waħda minn dawn l-awtoritajiet li jkollha biss sehem minoritarju f’din il-kumpannija teżerċita waħedha kontroll determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar. Li jkun rikjest fl-istess ipoteżi li l-kontroll eżerċitat minn awtorità pubblika jkun individwali jkollu bħala effett li tiġi imposta sejħa għal offerti fil-parti l-kbira tal-każijiet fejn it-tali awtorità jkollha l-intenzjoni li tassoċja ruħha ma kumpannija li hija ta’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn sabiex tagħtiha l-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    57

    Riżultat bħal dan mhuwiex konformi mas-sistema tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjonijiet. Fil-fatt, huwa paċifiku, li awtorità pubblika għandha l-possibbiltà li twettaq d-dmirijiet ta’ interess pubbliku li huma imposti fuqha permezz tal-mezzi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn tagħha stess, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li mhumiex parti mid-dipartimenti tagħha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Stadt Halle u RPL Lochau, punt 48; Coditel Brabant, punt 48, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 45).

    58

    Din il-possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrikorru għall-mezzi tagħhom stess sabiex iwettqu l-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku tista’ tiġi eżerċitata b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 57, u Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

    59

    Għandu għaldaqstant jiġi ammess li, fil-każ fejn numru ta’ awtoritajiet pubbliċi jikkontrollaw kumpannija li f'idejha jafdaw it-twettieq tal-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku, il-kontroll ta’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi fuq din il-kumpannija jista’ jiġi eżerċitat konġuntament minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    60

    Fir-rigward ta’ organu kolleġjali, il-proċedura użata għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari b’maġġoranza, mhijiex rilevanti (ara s-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    61

    Din il-konklużjoni lanqas mhija invalidata mis-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq. Ċertament il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li sehem ta’ 0.97% huwa tant żgħir li mhijiex tali li tippermetti lil muniċipalità li jeżerċita l-kontroll fuq il-konċessjonarju li jmexxi servizz pubbliku. Madankollu, f’dan il-punt ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx il-kwistjoni dwar jekk tali kontroll setax jiġi eżerċitat b’mod konġunt (ara s-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    62

    Għall-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat sussegwentement, fis-sentenza Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq (punti 56 sa 61), li, f’ċerti ċirkustanzi, il-kundizzjoni dwar il-kontroll eżerċitat mill-awtorità pubblika kontraenti setgħet tiġi sodisfatta fil-każ fejn hija kienet tippossjedi biss 0.25% tal-kapital ta’ impriża pubblika (ara s-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    63

    Minn dan jirriżulta li, jekk awtorità pubblika ssir soċju minoritarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku sabiex din tingħata l-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku, il-kontroll li l-awtoritajiet pubbliċi soċji fi ħdan din il-kumpannija jeżerċitaw fuqha jista’ jiġi kkwalifikat bħala analogu għall-kontroll li huma jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom stess meta dan jiġi eżerċitat b’mod konġunt minn dawn l-awtoritajiet.

    64

    Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża wkoll sabiex jiġi kkonstatat jekk strutturi deċiżjonali bħal dawk ipprovduti mill-istatuti ta’ Setco humiex tali li jippermettu lill-muniċipalitajiet azzjonisti sabiex effettivament jeżerċitaw fuq il-kumpannija kkontrollata minnhom kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

    65

    Sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità kontraenti teżerċitax fuq il-kumpannija konċessjonarja kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Minn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-kumpannija konċessjonarja hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità kontraenti tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija. Dan għandu jirrigwarda possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carbotermo u Consorzio Alisei, punt 36, kif ukoll Coditel Brabant, punt 28).

    66

    Fost l-elementi rilevanti li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, il-leġiżlazzjoni applikabbli, sussegwentement il-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija inkwistjoni għandhiex skop kummerċjali u, fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mill-istatuti ta’ Setco.

    67

    Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-Artikolu 113(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 jipprovdi li l-operat tad-dipartiment jista’ jiġi attribwit, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, għal kumpanniji b’kapital kollu kemm huwa pubbliku bil-kundizzjoni li l-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollaw il-kapital tal-kumpannija “jeżerċitaw fuq il-kumpannija kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess kif ukoll li l-kumpannija twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha”.

    68

    Billi jadotta dan il-kliem, il-leġiżlatur Taljan ittraspona testwalment il-kliem tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, u kkonfermati f’numru ta’ sentenzi ulterjuri tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija, bħala prinċipju, konformi mad-dritt Komunitarju, fid-dawl tal-preċiżazzjoni li l-interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għandha tkun ukoll konformi mal-ħtiġijiet tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, ANAV, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

    69

    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-muniċipalitajiet azzjonisti ta’ Setco emendaw l-istatuti ta’ din il-kumpannija, fit-23 ta’ Diċembru 2006, bil-għan li jissuġġettawha għal kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, skont l-Artikolu 113(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000.

    70

    Il-fatt li din l-emenda tal-istatuti ta’ Setco hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 8a(1) ta’ dawn l-istatuti.

    71

    Preliminarjament, ebda att tal-proċess ma jidher li jindika li dawn l-istatuti ġew emendati bl-intenzjoni li jiġu evitati d-dispożizzjonijet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    72

    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kemm il-qafas leġiżlattiv kif ukoll il-qafas statutorju rilevanti ma jippermettu li l-awtoritajiet lokali sekondarji jingħataw direttament it-tmexxija ta’ servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku lill-kumpanniji b’kapital kollu kemm huwa pubbliku ħlief jekk dawn l-awtoritajiet jeżerċitaw fuq il-kumpannija kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess fis-sens tad-dritt Komunitarju. Skont il-qorti nazzjonali, l-espressjoni “kontroll analogu” mhijiex madankollu ddefinita f’dan ir-rigward.

    73

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija kkonċernata għandhiex skop kummerċjali li trendi prekarju l-kontroll tal-awtoritajiet li huma l-azzjonisti tagħha, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-portata ġeografika u materjali tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija kif ukoll il-possibbiltà li din tibni relazzjonijet ma’ impriżi tas-settur privat.

    74

    L-Artikolu 3 tal-istatuti ta’ Setco, intitolat “Għan tal-kumpannija”, jipprovdi li Setco tamministra s-servizzi pubbliċi lokali li jikkonċernaw esklużivament l-awtoritajiet pubbliċi lokali li joffru dawn is-servizzi.

    75

    Barra minn hekk, l-Artikolu 8a(2) ta’ dawn l-istatuti jgħid li Setco tamministra s-servizzi esklużivament għall-benefiċċju tas-soċji kontraenti u fil-limiti tat-territorji li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dawn is-soċji.

    76

    Dispożizzjonijiet bħal dawn huma intiżi li jindikaw, minn naħa, li l-portata ġeografika tal-attivitajiet tal-kumpannija konċessjonarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx mifruxa lil hinn mit-territorju tal-muniċipalitajiet li huma azzjonisti tagħha u, min-naħa l-oħra, li din il-kumpannija jkollha bħala għan li tamministra s-servizzi pubbliċi biss għal dawn il-muniċipji.

    77

    Madankollu, l-Artikolu 3(3) ta’ dawn l-istatuti jipprovdi li Setco tista’ wkoll tipprovdi servizzi favur persuni privati ladarba dan ma jmurx kontra l-għanijiet tal-kumpannija jew jikkontribwixxi sabiex dawn l-għanijiet jitwettqu aħjar.

    78

    Matul is-seduta, Setco sostniet li s-setgħa li hija għandha li taħdem ma’ impriżi tas-settur privat hija aċċessorju neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħha ta’ servizz pubbliku. Bħala eżempju, hija semmiet it-tqassim selettiv tal-iskart, li jista’ jagħti lok għall-ħtieġa li jinbigħu ċerti kategoriji ta’ sustanzi rkuprati lil entitajiet speċjalizzati għar-riċiklaġġ tagħhom. Skont Setco, dan jirrigwarda attivitajiet anċillari għall-ġbir tal-iskart, u mhux attivitajiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-attività prinċipali.

    79

    Għandu jiġi kkunsidrat li, jekk is-setgħa rikonoxxuta lill-kumpannija konċessjonarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi servizzi lil operaturi ekonomiċi privati hija sempliċement anċillari għall-attività essenzjali tagħha, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-eżistenza ta’ din is-setgħa ma jipprekludix li l-għan prinċipali ta’ din il-kumpannija jibqa’ l-amministrazzjoni ta’ servizzi pubbliċi. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ din is-setgħa mhijiex biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija għandha skop kummerċjali li jrendi prekarju l-kontroll tal-awtoritajiet li jikkontrollawha.

    80

    Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li t-tieni kundizzjoni magħmula fil-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li l-kumpannija konċessjonarja għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha mal-awtoritajiet lokali li jikkontrollawha, tippermetti li din il-kumpannija teżerċita attività ta’ natura marġinali ma’ operaturi oħra minbarra dawn l-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). Din il-kundizzjoni tkun mingħajr suġġett jekk l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, kellha tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi kull attività anċillari, inkluż mas-settur privat.

    81

    Fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mill-istatuti ta’ Setco, mill-proċess jirriżulta li, permezz tal-emendi magħmula fuq dawn l-istatuti fit-23 ta’ Diċembru 2006, is-soċji kellhom l-intenzjoni li jissovrapponu fuq l-Assemblea Ġenerali u fuq il-Bord tad-Diretturi, hekk kif previsti mil-liġi Taljana fuq il-kumpanniji, strutturi deċiżjonali li mhumiex espliċitament previsti minn din il-liġi, sabiex jiġi żgurat fil-konfront ta’ Setco kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess. Dan jirrigwarda b’mod partikolari li jiġi żgurat kontroll iktar b’saħtu permezz, minn naħa, tal-kumitat konġunt u, min-naħa l-oħra ta’ kumitat tekniku għal kull taqsima responsabbli mill-attivitajiet differenti ta’ Setco.

    82

    Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 8b u 8c ta’ dawn l-istatuti, il-kumitat konġunt u l-kumitati tekniċi huma komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet soċji. Kull waħda minn dawn l-awtoritajiet għandha vuċi fi ħdan il-kumitati tagħha, ikun liema jkun id-daqs tal-awtorità kkonċernata jew in-numru ta’ ishma li hija għandha.

    83

    Barra minn hekk, l-Artikoli 8a sa 8c tal-istatuti ta’ Setco jattribwixxu lill-kumitat konġunt u lill-kumitati tekniċi setgħat wesgħin ta’ kontroll u ta’ deċiżjoni.

    84

    Korrelativament, l-Artikolu 14 ta’ dawn l-istatuti jillimita s-setgħat tal-Assemblea Ġenerali billi jimponilha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-gwida u l-istruzzjonijiet deċiżi mill-kumitati msemmija iktar ’il fuq u billi jeżiġi opinjoni favorevoli tal-kumitat konġunt qabel ma l-Assemblea Ġenerali tkun tista’ tawtorizza t-twettiq ta’ ċerti atti mill-amministraturi tal-kumpannija.

    85

    Bl-istess mod, l-Artikolu 16 ta’ dawn l-istatuti jillimita l-awtonomija deċiżjonali tal-Bord tad-Diretturi billi jimponilu sabiex josserva s-setgħat riżervati għal dawn il-kumitati u billi jissuġġetta d-deċiżjonijiet tiegħu għall-osservanza tal-istruzzjonijet li joħorġu minnhom.

    86

    Fid-dawl tal-portata tas-setgħat ta’ kontroll u ta’ deċiżjoni li dawn jattribwixxu lill-kumitati li huma jistabbilixxu kif ukoll taċ-ċirkustanza li dawn il-kumitati huma komposti minn delegati tal-awtoritajiet azzjonisti, dispożizzjonijet statutorji bħal dawk tal-kumpannija konċessjonarja inwkistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jqiegħdu l-awtoritajiet azzjonisti f’pożizzjoni li jeżerċitaw, bl-għajnuna ta’ dawn il-kumitati, influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija.

    87

    Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li l-Artikoli 8a sa 8c tal-istatuti ta’ Setco, sa fejn jirrigwardaw il-kumitat konġunt u l-kumitati tekniċi, jixbhu lil kuntratti ta’ azzjonisti li jaqgħu taħt l-Artikolu 2341a tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Minn dan hija tiddeduċi li l-kontroll analogu għal dak li l-awtoritajiet lokali jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess u li għalih huwa intiż il-mekkaniżmu ta’ dawn il-kumitati jista’ jkun inoperanti.

    88

    Dan jirrigwarda għaldaqstant kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li dwarhom għandha tiddeċiedi l-qorti tar-rinviju.

    89

    Bla ħsara għall-verifika min-naħa tagħha tan-natura inoperanti tad-dispożizzjonijiet statutorji kkonċernati, minn dan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kontroll eżerċitat, permezz ta’ organi statutorji, mill-awtoritajiet azzjonisti fuq il-kumpannija konċessjonarja jista’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jeżerċitaw fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

    90

    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun kif ġej:

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnhom ma jipprekludux l-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi lil kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku ladarba l-awtorità pubblika li hija l-awtorità kontraenti teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u li din il-kumpannija

    Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tan-natura operanti tad-dispożizzjonijiet statutorji kkonċernati, il-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet azzjonisti fuq din il-kumpannija jista’ jiġi kkunsidrat bħala analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn:

    l-attività ta’ din il-kumpannija hija limitata għat-territorju ta’ dawn l-awtoritajiet u hija essenzjalment eżerċitata għall-benefiċju tagħhom, u

    permezz ta’ organi statutorji komposti minn rappreżentanti ta’ dawn l-awtoritajiet, huma jeżerċitaw influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija.

    Fuq l-ispejjeż

    91

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżultaw minnhom ma jipprekludux l-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi lil kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku ladarba l-awtorità pubblika li hija l-awtorità kontraenti teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u li din il-kumpannija twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet li jikkontrollawha.

    Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tan-natura operanti tad-dispożizzjonijiet statutorji kkonċernati, il-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet azzjonisti fuq din il-kumpannija jista’ jiġi kkunsidrat bħala analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn:

     

    l-attività ta’ din il-kumpannija hija limitata għat-territorju ta’ dawn l-awtoritajiet u hija essenzjalment eżerċitata għall-benefiċju tagħhom, u

     

    permezz ta’ organi statutorji komposti minn rappreżentanti ta’ dawn l-awtoritajiet, huma jeżerċitaw influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top