Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0473

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 6 ta' Novembru 2008.
    Association nationale pour la protection des eaux et rivières-TOS u Association OABA vs Ministère de l'Ecologie, du Développement et de l'Aménagement durables.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Tniġġis u inkonvenjenzi - Direttiva 96/61/KE - Anness I - Punt 6.6(a) - Tkabbir intensiv ta’ tjur - Definizzjoni - Kunċett ta’ "tajra" - Numru massimu ta’ annimali għal kull installazzjoni.
    Kawża C-473/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:615

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ppreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 1 )

    Kawża C-473/07

    Association nationale pour la protection des eaux et rivières-TOS

    u

    Association OABA

    vs

    Ministère de l’Ecologie, du Développement et de l’Aménagement durables

    “Tniġġis u inkonvenjenzi — Direttiva 96/61/KE — Anness I — Punt 6.6(a) — Trobbija intensiva ta’ tjur — Definizzjoni — Kunċett ta’ ‘tajra’ — Numru massimu ta’ annimali għal kull installazzjoni”

    I — Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État (Franza) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis ( 2 ).

    2.

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Association nationale pour la protection des eaux et rivières — (iktar ’il quddiem, l-“ANPER-TOS”) u mill-Association OABA quddiem il-qorti tar-rinviju intiża għall-annullament tad-Digriet Nru 2005-989, tal-10 ta’ Awwissu 2005, li jemenda n-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati ( 3 ).

    3.

    Essenzjalment, minn naħa waħda, din tinvolvi li jiġi stabbilit jekk is-summien, il-perniċi u l-ħamiem għandhomx jiġu meqjusa bħala tjur inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, li tistabbilixxi sistema ta’ permess bil-quddiem għall-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 40000 post. Min-naħa l-oħra, u f’każ ta’ risposta affermattiva, din tinvolvi li jiġi stabbilit jekk sistema nazzjonali magħrufa bħala tal-“annimali ekwivalenti”, kif prevista fid-Digriet Nru 2005-989, li taqsam lill-annimali skont il-kontenut ta’ nitroġenu effettivament rilaxxat u li tintuża biex jiġi kkalkolat il-livell li minnu l-installazzjonijiet jibdew jiġu suġġetti għas-sistema ta’ permess bil-quddiem hijiex konformi mad-Direttiva 96/61.

    II — Il-kuntest ġuridiku

    A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    4.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/61 jiddisponi:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tinkiseb prevenzjoni u kontroll shih ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I. Tippreskrivi miżuri maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fil-baħar u fl-art mill-attivitajiet imsemmija hawn fuq, inklużi miżuri dwar skart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent kollu kemm hu, bla ħsara għad-Direttiva 85/337/KEE [tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40)] u għad-dispożizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunita”

    5.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/61, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva,

    […]

    3)

    ‘stallazzjoni’ għandha tfisser unita teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attivita waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I […]

    4)

    ‘stallazzjoni eżistenti’ għandha tfisser stallazzjoni li titħaddem jew, skond il-leġislazzjoni eżistenti qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, stallazzjoni awtorizzata jew skond il-fehma ta’ l-awtorita kompetenti [kienet i]s-suġġett ta’ talba sħiħa għal awtorizzazzjoni, iżda li dik l-istallazzjoni tibda titħaddem mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ din id-Direttiva;

    […]

    9)

    ‘permess’ għandha tfisser dik il-parti minn deċiżjoni bil-miktub jew id-deċiżjoni bil-miktub kollha kemm hi (jew diversi deċiżjonijiet bħal dawk) li tagħti l-awtorizzazzjoni biex titħaddem stallazzjoni sħiħa jew parti minnha, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-istallazzjoni tkun tikkonforma mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva, […]

    […]”

    6.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/61 jiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda stallazzjoni ġdida ma titħaddem mingħajr ma jkun inħareġ permess [bil-quddiem] skond din id-Direttiva, […]”

    7.

    Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/61:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti josservaw, permezz ta’ permessi [maħruġa] skond l-Artikoli 6 u 8 jew, kif xieraq, billi jikkunsidraw mill-ġdid u, fejn meħtieġ, billi jaġġornaw il-kundizzjonijiet, li l-istallazzjonijiet eżistenti joperaw skond il-ħtiġijiet ta’ l-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-[Artikolu] 14, [kif ukoll l-Artikolu] 15(2) mhux aktar tard minn tmien snin wara d-data li fiha din id-Direttiva tidhol fis-seħħ, bla hsara għall-leġislazzjoni speċifika tal-Komunita.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1, 2, 11, 12, [it-tielet inċiż tal-Artikolu] 14,,[l-Artikolu] 15(1), (3) u (4), [l-Artikoli] 16, 17 u [l-Artikolu] 18(2) għal stallazzjonijiet eżistenti sa mid-data li fiha din id-Direttiva tidhol fis-seħħ.”

    8.

    L-Artikolu 9 tal-istess Direttiva, bit-titolu “[K]ondizzjonijiet tal-permess”, jiddisponi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformita mal-ħtiġijiet ta’ l-Artikoli 3 u 10 għall-għoti ta’ permessi sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu [permezz] tal-protezzjoni ta’ l-arja, l-ilma u l-art.

    […]

    3.   Il-permess għandu jinkludi l-limiti tal-valuri ta’ emissjoni għal oġġetti li jniġġsu, b’mod partikolari, dawk elenkati fl-Anness III, li x’aktarx joħorġu mill-istallazzjoni konċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n-natura u l-potenzjal tagħhom li jittrasferixxu t-tniġġis minn mezz għal ieħor (ilma, arja u art). […] Fejn xieraq, il-limiti tal-valuri jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi.

    Għal stallazzjonijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 6.6 fl-Anness I, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti skond dan il-paragrafu għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni l-prattiċi adattati għal dawn il-kategoriji ta’ stallazzjonijiet.

    4.   Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu bażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda billi jkunu meqjusa l-karatteristiċi tekniċi ta’ l-istallazzjoni konċernata, il-lokazzjoni ġeografika tagħha, u l-kundizzjonijiet lokali ambjentali. Fiċ-ċirkostanzi kollha, l-kundizzjonijiet tal-permess għandhom ikunu fihom dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis f’distanzi fit-tul jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu.

    […]”

    9.

    L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 96/61 jiddisponi li:

    “Il-Kummissjoni għandha torganizza l-bdil ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri u l-industriji konċernati dwar l-aħjar tekniċi disponibbli, osservazzjoni assoċjata u żviluppi fihom. Kull tlett snin il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-bdil ta’ tagħrif.”

    10.

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 96/61 jipprovdi:

    “1.   Waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jiffissa l-valuri tal-limiti ta’ emissjonijiet skond il-proċeduri preskritti fit-Trattat [KE], għall-:

    kategoriji ta’ stallazzjonijiet elenkati fl-Anness I […]

    u

    is-sustanzi ta’ tniġġis imsemmijin fl-Anness III,

    li dwarhom tkun ġiet identifikata l-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Komunita, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-bdil ta’ tagħrif kif previst fl-Artikolu 16.

    2.   Fin-nuqqas ta’ valuri tal-Komunita dwar limiti ta’ emissjonijiet definiti skond din id-Direttiva, il-valuri tal-limiti relevanti ta’ emissjonijiet li jinsabu fid-Direttivi msemmijin fl-Anness II u f’leġislazzjoni oħra tal-Komunita għandhom jiġu applikati bħala l-valuri minimi ta’ limiti ta’ emissjonijiet skond din id-Direttiva għall-istallazzjonijiet elenkati fl-Anness I.

    […]”

    11.

    L-Anness I tad-Direttiva 96/61, bit-titolu “Kategoriji ta’ attivitajiet industrijali msemmija fl-Artikolu 1”, jipprovdi fil-punt 6.6 tiegħu:

    “Stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva tat-tjur […] b’aktar minn:

    (a)

    40000 post għat-tjur;

    […]”

    12.

    L-Anness III tad-Direttiva 96/61, bit-titolu “[L]ista indikattiva tas-sustanzi prinċipali ta’ tniġġis li għandhom ikunu meqjusa jekk ikunu relevanti għall-iffissar tal-valuri ta’ limiti ta’ emissjonijiet”, jiddisponi:

    “ARJA

    […]

    2. Ossidi tan-nitroġenu u komposti oħra tan-nitroġenu

    […]

    5. Metalli u l-komposti tagħhom

    […]

    ILMA

    […]

    2. Komposti organofosforużi

    […]

    7. Metalli u l-komposti tagħhom

    […]

    11. Sustanzi li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni (b’mod partikolari, nitrati u fosfati)

    […]”

    B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    13.

    Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Legali Nru 2005-989, it-tabella li fiha n-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati […] għandha ssir l-Anness I ta’ dan id-Digriet Legali.

    14.

    Fit-Taqsima 2111, l-Anness I tad-Digriet Legali Nru 2005-989 jipprovdi:

    “Tjur, annimali bir-rix (attività ta’ trobbija, bejgħ, eċċ.) bl-esklużjoni ta’ attivitajiet speċifiċi kkontemplati f’taqsimiet oħra:

    1.

    Iktar minn 30000 annimali-ekwivalenti: permess

    2.

    Minn 5000 sa 30000 annimali-ekwivalenti: dikjarazzjoni

    Nota. — It-tjur u l-annimali bir-rix jingħaddu billi jintużaw il-valuri segwenti espressi f’annimali-ekwivalenti:

    summien = 0.125;

    ħamiem, perniċi = 0.25;

    gallett = 0.75;

    kapuċċelli ħfief = 0.85;

    tiġieġ, kapuċċelli standard, kapuċċelli tad-‘ditta’, kapuċċell bijoloġiku, tiġieġ żgħir, tiġieġ tal-bajd, tiġieġ għar-riproduzzjoni, faġani, pollam u papri selvaġġi = 1;

    tiġieġ tqal = 1.15;

    papra brojler, papra tas-simna u papra għar-riproduzzjoni = 2;

    dundjan ħafif = 2.20;

    dundjan medju, dundjan għar-riproduzzjoni, wiżż = 3;

    dundjan tqil = 3.50;

    palmipedi grassi tas-simna= 7.”

    III — Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ANPER—TOS issostni li l-metodu tal-kalkolu stabbilit fid-Digriet Legali Nru 2005-989 imur kontra d-Direttiva 96/61, filwaqt li l-Ministru tal-Ekoloġija, tal-Iżvilupp u tal-Ippjanar Sostenibbli jqis li, minn naħa, l-imsemmija direttiva ma ssemmix is-summien, il-perniċi u l-ħamiem fost it-tjur li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, il-valuri ta’ annimali-ekwivalenti ġew ikkalkolati biex jieħdu iktar inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ nitroġenu effettivament irrilaxxat mid-diversi speċi.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-Direttiva 96/61, l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li għandhom post għal iktar minn 40000 tajra għandhom ikunu suġġetti għal sistema ta’ permess u li din id-direttiva, b’kuntrast ma’ atti Komunitarji oħra li japplikaw għat-tjur li, skont il-każ, jinkludu jew jeskludu s-summien, il-perniċi u l-ħamiem mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ tajra.

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li l-kwistjoni dwar jekk l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 40000 post għandhomx jitqiesu bħala li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom is-summien, il-perniċi u l-ħamiem, tqajjem diffikultà serja, il-Conseil d’État issospendiet il-proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk “il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 […] għandux […] jiġi interpretat, minn naħa, bħala li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu s-summien, [il-]perniċi u [l-]ħamiem u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, bħala li jippermetti dispożizzjoni li twassal sabiex il-kalkolu tal-limiti tal-permess isir abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ annimali-ekwivalenti li jqassam in-numru ta’ postijiet għall-annimali skont l-ispeċi, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tan-nitroġenu effettivament irrilaxxat mid-diversi speċi”.

    IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18.

    Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ANPER—TOS, l-Association France Nature Environnement, parti intervenjenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet ittrattaw il-każ oralment waqt is-seduta tat-18 ta’ Settembru 2008, ħlief għar-rikorrenti u l-parti intervenjenti fil-kawża prinċipali li ma kinux rappreżentati waqt is-seduta.

    V — Analiżi

    19.

    Hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/61 u mill-Anness I, punt 6.6(a) tagħha jirriżulta li l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva t’ tjur li għandhom iktar minn 40000 post huma suġġetti għal sistema ta’ permess bil-quddiem.

    20.

    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-taqsima 2111 dwar in-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati, id-Digriet Legali Nru 2005-989 jipprovdi limitu għall-permess ta’ 30000 annimal-ekwivalenti għat-trobbija ta’ tjur u ta’ annimali bir-rix, b’mod partikolari billi jistabbilixxi koeffiċjent ta’ konverżjoni ta’ 0.125 għas-summien u ta’ 0.25 għall-perniċi u l-ħamiem. Dan il-metodu ta’ kalkolu, li huwa mmotivat mix-xewqa li tiġi kkunsidrata aħjar il-kwantità ta’ nitroġenu effettivament irrilaxxat fl-ambjent mid-diversi speċi, jippermetti lil installazzjoni li tkabbar iktar minn 40000 summiena, perniċi jew ħamiem li taħdem taħt sistema ta’ dikjarazzjoni bil-quddiem. B’mod iktar preċiż, l-installazzjonijiet tat-trobbija tas-summien ma jkunux suġġetti għall-permess bil-quddiem ħlief meta jinqabeż il-livell ta’ 240000 annimal, filwaqt li dawk li jkabbru l-perniċi jew il-ħamiem ikunu suġġetti meta jinqabeż il-livell ta’ 120000 għasfur ( 4 ).

    21.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 huwa stabbilit minn tliet elementi kumulattivi, jiġifieri li t-trobbija għandha tkun ta’ natura intensiva, li trid tkun installazzjoni għat-trobbija tat-tjur u li l-installazzjonijiet milquta għandhom ikollhom iktar minn 40000 post.

    22.

    Huwa paċifiku li d-Direttiva 96/61 ma tiddefinixxi la l-kunċett ta’ “trobbija intensiva” u lanqas it-termini “tajra” u “postijiet”.

    23.

    Fir-rigward tat-trobbija intensiva, il-Gvern Franċiż, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, isostni li s-summien, il-perniċi u l-ħamiem, minħabba l-oriġni salvaġġa tagħhom, ma jistgħux, kuntrarjament għall-ispeċi domestiċi bħat-tiġieġ u l-papri, jiġu mrobbija b’mod intensiv, u għaldaqstant, ma jistgħux jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61.

    24.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, relatata esklużivament mal-interpretazzjoni li jeħtieġ li tingħata lit-termini “tajra” u “postijiet” imsemmija mid-Direttiva 96/61, titlaq mill-premessa li tgħid li s-summien, il-perniċi u l-ħamiem, elenkati fid-Digriet Legali Nru 2005-989, jistgħu jkunu suġġetti għal trobbija intensiva. Il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju mkien ma jsemmu li din iċ-ċirkustanza ta’ fatt kienet is-suġġett ta’ kontroversja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

    25.

    Issa, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif inhu ddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 5 ).

    26.

    Għaldaqstant, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tastjeni milli teżamina l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Franċiż li tgħid li s-summien, il-perniċi u l-ħamiem mhumiex adegwati biex jiġu mrobbija b’mod intensiv.

    27.

    Jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li huwa meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi deċiża, f’kull każ jidhirli li l-oġġezzjoni tal-Gvern Franċiż hija infondata.

    28.

    Fil-fatt, sakemm ma tiġix prodotta prova debitament dokumentata li hija nieqsa f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż a priori li, fil-preżent jew fil-futur, jistgħu jeżistu installazzjonijiet li jrabbu s-summien, il-ħamiem u l-perniċi li japplikaw metodi ta’ trobbija intensiva. Is-sempliċi fatt, imsemmi mill-Gvern Franċiż, li l-installazzjonijiet għat-trobbija tas-summien u tal-ħamiem ġewwa Franza jinvolvu, bħala medja, 3000 annimal, ma jfissirx madankollu li ċerti installazzjonijiet li jkabbru dawn l-annimali ma jistgħux jaqbżu l-livell ta’ 40000 post previst mid-Direttiva 96/61.

    29.

    Huwa minnu li t-trobbija intensiva ma titkejjilx biss minn numru ta’ annimali preżenti fl-installazzjoni. Kif osservaw l-assoċjazzjonijiet rikorrenti u intervenjenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Franċiż, it-trobbija intensiva hija kkaratterizzata wkoll minn elementi oħra, bħad-densità ta’ annimali għal kull metru kwadru, in-nuqqas ta’ żoni fil-miftuħ, l-użu tat-trobbija mhux fuq l-art (landless farming) jew l-użu ta’ metodi industrijali ta’ produzzjoni, bħall-awtomatizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trobbija. F’dan ir-rigward, nosserva li d-Digriet Ministerjali tat-18 ta’ Settembru 1985 ( 6 ), li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ANPER— TOS u li jirreferi għall-vijabbiltà ekonomika tal-operaturi agrikoli billi jagħtihom dritt għal diversi vantaġġi finanzjarji u soċjali, jippreċiża li s-superfiċji minima tal-installazzjonijiet tat-trobbija mhux fuq l-art huwa ta’ 200000 summiena mibjugħa ħajja u ta’ 120000 summiena mibjugħa mejta. Ċertament, kif sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, tali digriet Ministerjali ma jagħti l-ebda informazzjoni preċiża dwar in-natura intensiva jew le tal-installazzjonijiet eżistenti. Madankollu, jidhirli li t-test jista’ jikkostitwixxi indizju serju tal-fatt li t-trobbija intensiva ta’ dawn l-għasafar, bħat-trobbija mhux fuq l-art, mhumiex esklużi a priori fi Franza u jistgħu, f’kull każ, jaqbżu l-livell ta’ 40000 post stabbilit bid-Direttiva 96/61. Dak li japplika għas-summien jista’ japplika wkoll għall-ħamiem, li huma koperti espliċitament mill-imsemmi Digriet Legali, jew għall-perniċi.

    30.

    Fid-dawl ta’ dan, issa jeħtieġ li jiġi evalwat il-kunċett, li mhuwiex iddefinit, ta’ “tajra” skont id-Direttiva 96/61.

    31.

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni wiesgħa lil dan il-kunċett, hekk kif isostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni, jew, bil-kontra, interpretazzjoni stretta, hekk kif isostni l-Gvern Franċiż.

    32.

    Fil-fehma tiegħi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-risposta għal din id-domanda trid qabel kollox tingħata wara studju tal-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttva 96/61 ( 7 ).

    33.

    Fir-rigward tal-ewwel minn dawn iż-żewġ punti, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-użu, fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61, tat-terminu ġeneriku “tajra”, li fis-sens komun tiegħu jidentifika l-għasafar kollha mrobbija għall-bajd jew il-laħam tagħhom ( 8 ), jikkontrasta mal-preċiżjoni tal-kliem tas-subinċiżi (b) u (ċ) tal-punt imsemmi li jsemmu l-“majjali ta’ produzzjoni (aktar minn 30 kg)” fis-subinċiż (b) u l-“qżieqeż nisa” fis-subinċiż (ċ). Issa, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-użu li hemm fl-imsemmi punt 6.6(a) ta’ terminu daqstant ġeneriku bħal dak ta’ “tajra” għandu l-għan li jevita n-nuqqasijiet li jista’ jġib miegħu l-użu ta’ lista ta’ speċi ta’ tjur li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, fejn tali elenkar ikun, fil-fatt, spiss jekk mhux dejjem, bil-lakuni.

    34.

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għan tad-Direttiva 96/61, fil-fehma tiegħi dan iwassal ukoll sabiex tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ tajra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali ta’ prinċipji għall-prevenzjoni u l-kontroll sħiħ tat-tniġġis tal-arja, l-ilma u l-ħamrija, sabiex jiġi evitat li l-analiżi separata ta’ dawn tħajjar iċ-ċaqliq tat-tniġġis bejn id-diversi mezzi ambjentali ( 9 ). Dan l-approċċ integrat iseħħ permezz ta’ koordinazzjoni adegwata tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet industrijali li l-potenzjal ta’ tniġġis tagħhom huwa kbir, li jippermetti li jinkiseb l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu, fejn dawn il-kundizzjonijiet għandhom, f’kull każ, jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ tniġġis fuq distanzi twal jew bejn il-fruntieri u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu ( 10 ).

    35.

    Għaldaqstant jidher li l-għan tad-Direttiva huwa wiesa’.

    36.

    Issa, fil-fehma tiegħi, dan l-għan jiġi ppreġudikat jekk il-kunċett ta’ tajra jiġi mifhum b’mod strett b’tali mod li jiġu evitati l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-permess previsti mid-Direttiva 96/61 li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ installazzjonijiet industrijali, bħal dawk li jipprattikaw it-trobbija intensiva ta’ summien, ta’ perniċi jew ta’ ħamiem, minkejja l-fatt li dawn l-installazzjonijiet ikunu qabżu l-livell previst fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 u għaldaqstant ikunu jistgħu jipproduċu tniġġis mifrux u mhux ikkontrollat tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija.

    37.

    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fil-fehma tiegħi mhuwiex meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni, invokata mill-qorti tar-rinviju u diskussa wkoll mill-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar ir-rilevanza tal-kunċett ta’ tajra li jinsab fi strumenti Komunitarji oħra adottati fil-qasam tal-pulizija sanitarja ( 11 ) u tal-ambjent ( 12 ).

    38.

    Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, tqis li d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE dwar l-evalwazzjoni tal-impatti ta’ proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “tajra” li jinsab fid-Direttiva 96/61, b’mod partikolari minħabba l-għan komuni li għandhom dawn iż-żewġ atti ( 13 ), jiena nqis li minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61 għandu jestendi biss għall-kapuċċelli u t-tiġieġ, kif isostni l-Gvern Franċiż. Ċertament, huwa minnu li l-punt 17(a) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jissuġġetta l-proġetti li jirrigwardaw l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li għandhom iktar minn 85000 post għall-kapuċċelli jew iktar minn 60000 post għat-tiġieġ, għall-evalwazzjoni bil-quddiem prevista bl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 mhuwiex limitat għall-imsemmija installazzjonijiet, peress li dan jinkludi, skont il-punt 1(e) tal-Anness II ta’ din l-istess direttiva, il-proġetti li jikkonċernaw l-“[is]tallazzjonijiet għat-tkabbir b’mod intensiv […] (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)”. Għalkemm il-proġetti elenkati f’dan l-istess Anness m’għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika bil-quddiem, b’mod konformi mad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, xorta jibqa’ l-fatt li l-installazzjonijiet kollha għat-trobbija intensiva, inklużi, bħala konsegwenza, dawk li jrabbu t-tjur li mhumiex elenkati fil-punt 17(a) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva. Għaldaqstant, b’referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337, ma jistax jiġi allegat li l-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva ta’ summien, ta’ perniċi jew ta’ ħamiem ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61.

    39.

    Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argumentazzjoni tal-Gvern Franċiż, ma naħsibx li wieħed jista’ jieħu xi indikazzjonijiet mid-dokument ta’ referenza, ippubblikat mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Lulju 2003, fuq l-aħjar tekniki disponibbli għat-trobbija intensiva ta’ tjur u ħnieżer (iktar ’il quddiem, id-“Dokument BREF 2003”) ( 14 ) fir-rigward tal-interpretazzjoni li jeħtieġ li tingħata lit-terminu “tajra”, skont id-Direttiva 96/61.

    40.

    Ċertament, jidhirli li tali argument ma jistax jiġi skartat biss abbażi tan-nuqqas ta’ valur ġuridiku vinkolanti tad-dokumenti BREF, hekk kif issuġġerit b’mod prinċipali mill-Kummissjoni.

    41.

    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, minkejja n-nuqqas ta’ tali valur vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tad-digriet Saetti u Frediani ( 15 ), li ngħata b’applikazzjoni tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, diġà kellha l-okkażjoni li tagħmel referenza, inter alia, għall-indikazzjonijiet mogħtija fid-dokument BREF, adottat abbażi tad-Direttiva 96/61, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-użu tal-kokk taż-żejt f’raffinerija taż-żejt, sabiex tivverifika jekk dawk il-kundizzjonijiet kinux jippermettu li tiġi evitata l-kwalifika ta’ “skart”, skont id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart ( 16 ).

    42.

    Madankollu, l-indikazzjonijiet tad-dokument BREF imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Saetti u Frediani, iċċitat iktar ’il fuq, kienu jirreferu għall-metodi ta’ użu l-iktar kurrenti tal-kokk taż-żejt u għaldaqstant, b’kuntrast ma’ din il-kawża, ma kinux jirrigwardaw kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ kunċett tad-dritt Komunitarju u ta’ delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61. Barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet ġew riprodotti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-rekwiżit impost mill-ġurisprudenza li jgħid li l-fatt jekk ikunx realment jeżisti skart għandu jiġi vverifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 75/442 u filwaqt li jiġi żgurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata ( 17 ). Issa, mid-digriet imsemmi jirriżulta li l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokument BREF kienu jikkostitwixxu biss informazzjoni fost elementi oħra li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju li tivverifika l-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ użu tal-kokk taż-żejt f’raffinerija taż-żejt.

    43.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest li fih il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-dokument BREF kif ukoll tan-natura tal-informazzjoni li l-istess qorti ħadet mill-imsemmi dokument, huwa diffiċli li wieħed jestendi l-approċċ segwit fid-digriet Saetti u Frediani, iċċitat iktar ’il fuq, għas-sitwazzjoni ta’ din il-kawża.

    44.

    Fir-rigward tad-Dokument BREF 2003, għandu jiġi osservat li għalkemm dan jelenka biss it-tiġieġ tal-bajd, il-kapuċċelli tar-riproduzzjoni, id-dundjani, il-papri u l-pollam u jittratta biss fid-dettal l-ewwel żewġ kategoriji ta’ tjur, jidher ċar li l-elenku inkwistjoni japplika biss “f’dan id-dokument” ( 18 ), bla ħsara, konsegwentement, għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “tajra” skont id-Direttiva 96/61. Barra minn hekk, hekk kif fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-mitkub tagħha, id-dokument bit-titolu “IPPC BREF Outline and Guide”, ippubblikat minnha fix-xahar ta’ Diċembru 2005 ( 19 ), jippreċiża b’mod ċar li d-dokument BREF ma jinterpretax id-Direttiva 96/61. F’dan ir-rigward, jiena nżid li jekk id-Dokument BREF 2003 jitqies bħala li jinterpreta d-Direttiva, dan iwassal, pereżempju, biex jiġu esklużi l-wiżż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tjur”, skont l-imsemmija direttiva, filwaqt li l-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jaqblu, ġustament, li dawn l-annimali għandhom jitqiesu bħala li jappartjenu għal din il-kategorija ġenerika. Fi kliem ieħor, il-fatt li ċerti kategoriji biss ta’ tjur jissemmew u/jew jiġu evalwati fid-Dokument BREF 2003 ma jfissirx li l-portata tat-terminu “tjur”, skont id-Direttiva 96/61, hija limitata għal dawk il-kategoriji. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva għall-kunċett ta’ tjur, limitata għall-ispeċi elenkati fid-Dokument BREF 2003, tippreġudika l-iskop tad-Direttiva 96/61, kif diġà kelli l-okkażjoni li nuri f’dawn il-konklużjonijiet.

    45.

    Fl-aħħar, inqis li għandha tiġi skartata t-teżi tal-Gvern Franċiż li tgħid li l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis), ippreżentata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2007 ( 20 ), u li hija intiża sabiex tgħaqqad f’test ġuridiku wieħed diversi strumenti Komunitarji, fosthom id-Direttiva 96/61, issaħħaħ l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett tat-“tjur”, skont l-imsemmija direttiva. Fil-fatt, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kontenut tal-proposta msemmija, din ċertament ma tikkostitwixxix l-istat preżenti tad-dritt Komunitarju ( 21 ).

    46.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari tkun fis-sens li l-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 għandu jiġi interpretat b’tali mod li s-summien, il-perniċi u l-ħamiem jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    47.

    Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jipprekludix lil Stat membru milli jimplementa sistema li tistabbilixxi l-livelli għall-permess bil-quddiem tal-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tat-tjur b’riferiment għall-kunċett ta’ annimali-ekwivalenti, li tistrieħ fuq mekkaniżmu ta’ tqassim tal-annimali f’postijiet skont l-ispeċi, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ nitroġenu effettivament irrilaxxat mid-diversi speċi. F’dan il-każ, huwa paċifiku li dan il-mekkaniżmu jwassal sabiex l-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tas-summien ma jkunux suġġetti għal proċedura ta’ permess bil-quddiem ħlief jekk ikollhom iktar minn 240000 ras, filwaqt li dawk intiżi għat-trobbija intensiva tal-perniċi jew tal-ħamiem ikunu suġġetti għal din il-proċedura jekk jaqbżu l-limitu ta’ 120000 għasfur.

    48.

    Kif ġie indikat iktar ’il fuq, mill-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jirriżulta li l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva tat-tjur għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ permess bil-quddiem jekk dawn ikollhom “aktar minn 40000 post għat-tjur”, indipendentement mill-ispeċi ta’ tjur ikkonċernati.

    49.

    Għalkemm it-terminu “post” mhuwiex iddefinit fid-Direttiva 96/61, fil-fehma tiegħi dan ma jistax ikun differenti mis-sens komuni tiegħu, jiġifieri li jidentifika post jew lok okkupat minn xi ħadd jew xi ħaġa ( 22 ). Jidhirli li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61, li fil-parti l-kbira tagħhom jużaw it-terminu “postijiet” ( 23 ). Peress li bħala regola ġenerali, post jista’ jiġi okkupat biss minn esseri wieħed, jiġifieri, f’dan il-każ minn annimal wieħed, huwa loġiku li jitqies li installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva tat-tjur li jkollhom iktar minn “40000 post” jirreferu, fir-realtà, għall-installazzjonijiet li l-kapaċità għat-trobbija jew produzzjoni tagħhom teċċedi l-40000 tajra, indipendentement mill-ispeċi tat-tajr inkwistjoni, peress li t-test tal-Artikolu 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-għasafar li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ tajra, skont l-imsemmija direttiva.

    50.

    Din l-interpretazzjoni tidher li toħroġ ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 96/61. Fil-fatt, minn naħa waħda, peress li l-livell ta’ 40000 post għandu japplika partikolarment għall-installazzjonijiet ġodda intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li għandhom dak in-numru ta’ postijiet, dan ma jistax jiddependi fuq l-okkupazzjoni effettiva ta’ dawk l-installazzjonijiet li, mill-bqija, tista’ tvarja skont l-istaġuni, iżda tirrigwarda pjuttost il-kapaċità tat-trobbija jew tal-produzzjoni. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jirreferu b’mod espliċitu kemm għal kapaċitajiet ta’ produzzjoni kif ukoll għal kapaċitajiet ta’ trattament jew ta’ konsum.

    51.

    Naturalment, dan ma jfissirx li d-daqs ta’ kull post ikun identiku skont jekk it-trobbija tkun tirrigwarda l-wiżż, il-papri jew is-summien. Madankollu, peress li, wara li d-daqs ta’ post ikun ġie stabbilit skont kull speċi — u dan l-inkarigu jista’ faċilment jidħol taħt il-kompetenza ta’ kull Stat membru — installazzjoni jkollha iktar minn 40000 post għat-tjur, l-attività tagħha jkollha neċessarjament tkun suġġetta għall-proċedura tal-permess bil-quddiem prevista mid-Direttiva 96/61.

    52.

    Għaldaqstant, inqis li sistema, bħal dik prevista fid-Digriet Legali Nru 2005-989, li twassal biex tissuġġetta għall-proċedura tal-permess bil-quddiem stabbilita mid-Direttiva 96/61 biss lill-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tas-summien, tal-ħamiem jew tal-perniċi li jeċċedu rispettivament l-240000 summiena jew 120000 perniċi jew ħamiema, mhijiex konformi mal-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61.

    53.

    Ma jidhirlix li din l-evalwazzjoni tiġi affettwata mill-argument ta’ natura ġenerali, espost mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Franċiż, li tgħid li t-tqassim tal-ispeċi ta’ tjur, previst mid-Digriet Legali Nru 2005-989, huwa mmotivat mir-rieda li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ nitroġenu effettivament rilaxxat minn dawn id-diversi speċi, u għalhekk hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 96/61.

    54.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Gvern Franċiż ma kkontestax ir-regoli ta’ referenza ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ANPER—TOS u li ttieħdu mill-annessi ta’ maċ-ċirkulari tal-Ministère de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables, tas-7 ta’ Settembru 2007, dwar l-installazzjonijiet ikklassifikati (trobbija, tjur) — użu ta’ regoli ġodda għall-emissjonijiet ( 24 ). Issa, minn din l-informazzjoni jirriżulta li r-relazzjoni bejn l-emissjonijiet ta’ nitroġenu ta’ summiena, ta’ ħamiema jew ta’ perniċi u dawk ta’ kapuċċell standard ma jikkorrispondux b’mod ċar mat-tqassim bejn dawn l-istess speċi ta’ tjur stabbilit mill-mekkaniżmu ta’ annimali-ekwivalenti tad-Digriet Legali Nru 2005-989. Fil-fatt, filwaqt li dan id-digriet jipprovdi li kapuċċell standard isarraf daqs tmien summiniet, erba’ ħamimiet jew erba’ perniċi, ir-regoli ta’ referenza annessi maċ-ċirkulari juru li l-eskrementi ta’ summiena fihom kontenut ta’ nitroġenu ekwivalenti għal nofs dak ta’ kapuċċell standard, liema kontenut huwa ftit ogħla fir-rigward tal-perniċi, filwaqt li ħamiema tipproduċi iktar minn ħames darbiet iktar ( 25 ). Minn eżami ta’ din l-informazzjoni uffiċjali u jekk wieħed iħares biss lejn il-kontenut ta’ nitroġenu, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Franċiż, isegwi li, hekk kif sostnew l-assoċjazzjonijiet rikorrenti u intervenjenti fil-kawża prinċipali, id-Digriet Legali Nru 2005-989 iwassal sabiex mill-proċedura tal-permess bil-quddiem stabbilita mid-Direttiva 96/61 jiġu eżentati l-installazzjonijiet Franċiżi għat-trobbija intensiva li għandhom bejn 40001 sa 240000 summiena, jew bejn 40001 sa 120000 ħamiema jew perniċi, minkejja l-fatt li dawn l-installazzjonijiet jistgħu jipproduċu kwantità ta’ nitroġenu ogħla minn dik prodotta mill-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ 40000 kapuċċell standard ( 26 ).

    55.

    Għaldaqstant il-Gvern Franċiż ma rnexxilux jispjega kif il-livelli stabbiliti mid-Digriet Legali Nru 2005-989 li jirreferu għall-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tas-summien, tal-perniċi jew tal-ħamiem, kienu jirriflettu l-għan tad-Direttiva 96/61 li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

    56.

    Biex inkun assolutament ċar, inżid li din l-evalwazzjoni, b’kuntrast mal-konklużjoni inizjalment proposta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-mitkub tagħha u ttrattata bir-reqqa waqt is-seduta, ma tfissirx li mekkaniżmu magħruf ta’ “annimali-ekwivalenti”, bħal dak stabbilit fid-Digriet Legali Nru 2005-989, minnu nnifsu jmur kontra d-Direttiva 96/61. Fil-fatt, din id-direttiva bl-ebda mod ma tipprekludi li Stat Membru jimplementa tali mekkaniżmu meta, bħal fil-każ li jikkonċerna diversi tjur ikkunsidrati fid-Digriet Legali Nru 2005-989, dan iwassal sabiex jiġu stabbiliti livelli ta’ permess bil-quddiem tal-installazzjonijiet ikkonċernati għat-trobbija intensiva li huma inqas jew daqs il-livell stabbilit fil-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61.

    57.

    Konsegwentement, inqis li r-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex jiġu kkalkolati l-livelli ta’ permess abbażi ta’ sistema ta’ annimali ekwivalenti li tqassam in-numru ta’ postijiet tal-annimali skont l-ispeċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ nitroġenu effettivament rilaxxat mill-ispeċi differenti, meta tali sistema twassal sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, u b’mod partikolari mill-proċedura ta’ permess bil-quddiem stabbilit minnha, lill-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li jeċċedu l-40000 post, iktar u iktar meta, fir-realtà, is-sistema msemmija lanqas ma tidher li tirrifletti l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huwa konformi ma’ dak imfittex bid-Direttiva 96/61 intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

    VI — Konklużjoni

    58.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif saru, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domanda preliminari tal-Conseil d’État:

    “Il-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, li jirrigwarda l-installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur ta’ iktar minn 40000 post għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu s-summien, il-perniċi u l-ħamiem u li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex il-kalkolu tal-livelli ta’ permess isir abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ annimali-ekwivalenti li jaqsam in-numru ta’ postijiet għall-annimali skont l-ispeċi, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tan-nitroġenu effettivament irrilaxxat mid-diversi speċi, meta tali sistema twassal sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, u b’mod partikolari mill-proċedura tal-permess bil-quddiem stabbilit minnha, installazzjonijiet intiżi għat-trobbija intensiva ta’ tjur li jeċċedu l-40000 post, iktar u iktar meta, fir-realtà, is-sistema msemmija lanqas ma tidher li tirrifletti l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huwa konformi ma’ dak imfittex mid-Direttiva 96/61 li huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU L 257, p. 26.

    ( 3 ) JORF tat-13 ta’ Awwissu 2005, p. 13195.

    ( 4 ) B’hekk, għalkemm id-Direttiva 96/61 tipprovdi għal livell fiss ta’ 40000 post għat-tjur biex l-installazzjoni għat-trobbija intensiva tkun suġġetta għal permess bil-quddiem, min-naħa l-oħra, taħt is-sistema prevista bid-Digriet Legali Nru 2005-989, il-livell tal-permess ta’ 30000 annimal-ekwivalenti jvarja skont l-ispeċi kkonċernata.

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punti 45 u 47).

    ( 6 ) Digriet tal-Ministru tal-Agrikoltura li jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ ekwivalenza għall-produzzjonijiet mhux fuq l-art, (JORF tat-8 ta’ Ottubru 1985, p. 11683).

    ( 7 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 38), dwar l-interpretazzjoni ta’ espressjoni mhux definita fid-Direttiva 85/337/KEE..

    ( 8 ) Skont id-definizzjoni li jagħti Le Grand Robert de la langue française, Dictionnaires Le Robert, Pariġi, 2005.

    ( 9 ) Ara l-Premessi 7 u 8 kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/61.

    ( 10 ) Ara l-Premessi 14, 17 u 27 kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61.

    ( 11 ) Bħad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1990, dwar il-kondizzjonijiet ta’ pulizija sanitarja li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjonijiet ta’ tajr u bajd tat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (ĠU L 303, p. 6), li tinkludi s-summien, il-perniċi u l-ħamiem fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jew id-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE, tal-, dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-laħam frisk tat-tjur (ĠU L 55, p. 23), li teskludi l-laħam tat-tjur imsemmija mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    ( 12 ) Bħad-Direttiva 85/337.

    ( 13 ) Tali approċċ jidher li joħroġ mis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004 Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 26), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-rilevanza tal-kunċett ta’ “proġett”, kif definit fid-Direttiva 85/337, sabiex jiġi definit il-kunċett ta’ “pjan” jew ta’ “proġett”, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7) peress li din id-direttiva hija “intiża biex, bħad-Direttiva 85/337, tevita li l-attivitajiet li jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-ambjent jiġu awtorizzati mingħajr evalwazzjoni minn qabel ta’ l-effetti tagħhom fuqu”. Ir-rilevanza tad-Direttiva 85/337 għall-interpretazzjoni tal-kunċetti msemmija fid-Direttiva 96/61 tidher imsaħħa wkoll bir-referenzi reċiproċi li fihom dawn iż-żewġ atti. B’mod partikolari, id-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat- (ĠU L 73, p. 5), fl-Artikolu 2A tagħha, tippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċedura waħdanija sabiex iwettqu l-ħtiġijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

    ( 14 ) It-test komplet ta’ dan id-dokument BREF, bit-titolu “Integrated Pollution and Control (IPPC — Reference Document on Best Available Techniques for Intensive Rearing of Poultry and Pigs)” huwa disponibbli fuq l-Internet fis-sit http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/pages/FActivities.htm.

    ( 15 ) Digriet tal-15 ta’ Jannar 2004 (C-235/02, Ġabra p. I-1005, punti 41 sa 44).

    ( 16 ) ĠU L 194, p. 39.

    ( 17 ) Digriet Saetti u Frediani, iċċitat iktar ’il fuq (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara l-paġna (i) tas-sunt tad-dokument BREF, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ANPER—TOS.

    ( 19 ) Dan id-dokument jista’ jinkiseb minn fuq l-Internet fis-sit http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/pages/FActivities.htm.

    ( 20 ) COM(2007) 844 finali.

    ( 21 ) Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din il-proposta, fil-preżent, tinsab fl-istadju tal-ewwel qari quddiem il-Parlament Ewropew, fejn il-Kummissjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari ppreżentat proposta għall-emendi li jirreferu b’mod partikolari għall-punt 6.6(a) tal-Anness I tad-Direttiva 96/61 [ara l-abbozz tar-rapport tal-Kummissjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari tal-Parlament Ewropew, 2007/0286 (COD), 2 ta’ Lulju 2008, p. 39 u 40].

    ( 22 ) Ara pereżempju d-definizzjoni mogħtija minn Le Grand Robert de la langue française, iċċitat iktar ’il fuq.

    ( 23 ) Dan hu l-każ tal-verżjonijiet ta’ dan it-test fil-lingwa Ġermaniża (“Plätzen”), Ingliża (“places”), Daniża (“pladser”), Finlandiża (“paikkaa”), Taljana (“posti”), Olandiża (“plaatsen”) u Svediża (“platser”). Il-verżjoni Spanjola tuża t-terminu “emplazamientos”, filwaqt li l-verżjoni Portugiża ma tagħmel ebda preċiżazzjoni.

    ( 24 ) Bulletin uffiċjali tal-Ministère de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables, 30 ta’ Ottubru 2007, MEDAD 2007/20, test 15, p. 1. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-adozzjoni ta’ din iċ-ċirkulari seħħet ftit xhur wara l-introduzzjoni tar-rikors għal annullament quddiem il-Conseil d’État fil-kawża prinċipali, madankollu din hija bbażata fuq informazzjoni li rriżultat mill-ħidma, li seħħet fl-2006, mill-grupp “Volailles” tal-Comité d’Orientation pour les Pratiques Agricoles Respectueuses de l’Environnement (Corpen), taħt id-direzzjoni tal-Ministère Français de l’Agriculture et de la Pêche kif ukoll il-Ministère Français de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables, kif tindika l-imsemmija ċirkulari u kif juru d-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ANPER—TOS.

    ( 25 ) Ara l-informazzjoni fit-tabella A, bit-titolu — “Quantités d’éléments maîtrisables produits, après déduction des pertes en bâtiment et au stockage (en g par animal sauf Cu et Zn en mg)”, annessa mal-imsemmija ċirkulari.

    ( 26 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-assoċjazzjonijiet rikorrenti u intervenjenti fil-kawża prinċipali jirreferu, fl-osservazzjonijiet bil-mitkub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal emissjonijiet ta’ fosforu, ram u żingu, li huma sustanzi u metalli msemmija wkoll fit-tabelli mfassla mill-Corpen u annessi maċ-ċirkulari ministerjali msemmija iktar ’il fuq. Abbażi tal-informazzjoni li tidher f’dawn it-tabelli, il-kontenut ta’ fosforu, ta’ ram u ta’ żingu provenjenti mill-eskrementi ta’ 240000 summiena, 120000 perniċi jew 120000 ħamiema huwa ogħla, jew xi kultant ħafna ogħla, minn dak kontenut fl-eskrementi ta’ 40000 kapuċċell standard.

    Top