Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0179

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta' l-4 ta' Ottubru 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu -Direttiva 92/43/KEE- Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa - Evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent.
    Kawża C-179/06.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08131

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:578

    Kawża C-179/06

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Taljana

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007 

    Sommarju tas-Sentenza

    1.     Ambjent — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43

    (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(3))

    2.     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni

    (Artikolu 226 KE)

    1.     L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jissuġġetta l-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-proġett in kwistjoni jkun jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. It-tħaddim ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni jeħtieġ l-eżistenza ta’ probabbiltà jew riskju li pjan jew proġett jeffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. In-natura sinjifikattiva ta’ l-implikazzjoni fuq sit għandha tkun marbuta ma’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. B’hekk, meta pjan jew proġett, minkejja li għandu effett fuq dan is-sit, ma joħloqx riskju li jippreġudika l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan ma jistax jiġi meqjus bħala li jista’ jeffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha tiġi stabbilita b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett.

    (ara l-punti 33-35)

    2.     Fil-kuntest ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Hija din li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi ta’ prova neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata minnha l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Minbarra dan, l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors bħal dan għandu jiġi ddeterminat skond it-tipi ta’ obbligi li d-Direttivi jimponu fuq l-Istati Membri u, għaldaqstant, mir-riżultati li għandhom jintlaħqu minn dawn ta’ l-aħħar .

    B’hekk, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar l-obbligi stipulati fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha sabiex tallega s-sempliċi eżistenza ta’ ftehim ta’ programm dwar proġetti ta’ kostruzzjonijiet industrijali li jinsabu ġewwa żona ta’ protezzjoni speċjali, iżda għandha wkoll tipprovdi elementi ta’ prova li huma biżżejjed konkreti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li dawn il-ftehim jissuperaw l-istadju ta’ riflessjonijiet amministrattivi preliminari u għandhom livell ta’ preċiżjoni fil-pjanifikazzjoni in kwistjoni li jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali ta’ l-effetti tagħhom. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tressaq il-prova li pjan jew proġett jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett, jolqot l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għalih.

    (ara l-punti 37-39, 41)








    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    4 ta’ Ottubru 2007 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 92/43/KEE– Konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet fuq l-ambjent”

    Fil-kawża C‑179/06,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ April 2006,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq -obbligi tagħha imposti skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 6(3) u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p.7), wara l-approvazzjoni, mill-komun ta’ Altamura u r-Regione Puglia, mix-xahar ta’ Diċembru 2000, ta’ emenda ta’ l-ippjanar ta’ belt ikkostitwit minn serje ta’ operazzjonijiet ta’ kostruzzjonijiet industrijali li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali (aktar ‘il quddiem iż-“ZPS”) u s-sit ta’ importanza għall-Komunità propost (aktar ‘il quddiem is-“SIKp”) IT91220007 ta’ Murgia Alta mingħajr ma saret minn qabel evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-imsemmija ZPS.

     Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

    2       Id-Direttiva 92/43 għandha bħala għan li tikkontribwixxi sabiex tassigura l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa fuq it-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri fejn japplika t-Trattat KE.

    3       L-Artikolu 4 tad-Direttiva jirregola l-proċedura intiża li tistabbilixxi netwerk imsejjaħ “Natura 2000”, previst fl-Artikolu 3 tagħha, kif ukoll in-nomina taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni mill-Istati Membri.

    4       L-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija Direttiva, li jistipula l-miżuri ta’ konservazzjoni għall-imsemmija żoni, jiddisponi:

    “[...]

    2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

    5       L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) għandhom jissostitwixxu kull obbligu li jirriżulta mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva 79/409”), dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) ta’ din l-aħħar Direttiva jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2), mid-data ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/43 jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew rikonoxximent minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409, meta d-data ta’ l-aħħar tkun sussegwenti.

     Iż-żona ta’ Murgia Alta

    6       Fl-1998, is-sit ta’ Murgia Alta ġie kklassifikat bħala ZPS, skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/409 (kodiċi IT 912007). dan is-sit jappartjeni lir-reġjun bioġeografiku Mediterran. L-erja tiegħu hija ta’ 143 152 ettaru.

    7       Din iż-ZPS tagħti kenn lil diversi għasafar imsemmija fl-Anness I tad- Direttiva 79/409, b’mod partikolari l-aktar popolazzjoni importanti ta’ l-ispeċi Falco naumanni fl-Italja.

    8        Żewġ habitats li għandhom preċedenza msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 92/43 jinsabu fl-imsemmija ZPS, jiġifieri l-habitat 6210, intitlolat “Mergħat niexfa u medda ta’ art b’siġar mhux żviluppati u sottostrati tal-ġir (Festuco-Brometalia)”, u l-habitat 6220, intitolat “Mergħat ta’ substeppi b’ħaxix u pjanti li jikbru darba fis-sena ta’ Thero-Brachypodietea”, kif ukoll pjanta li għandha preċedenza msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 92/43, jiġifieri l-Istipa austroitalica Martinovsky.

    9       Is-sit ta’ Murgia Alta huwa deskritt fil-format ta’ tagħrif stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/266/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1996, dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU L 107, p. 1),kif ġej:

    “Karatteristiċi ġenerali tas-sit

    Klassijiet ta’ habitat                                               % kopertura

    Moxa, arbuxelli, maquis u scrubland, phrygana                   20.00

    Witat ta’ art niexfa, steppi                                              65.00

    Foresta li hija dejjem ħadra                                               15.00

    Total ta’ habitat kopert                                              100 

    Karatteristiċi oħra tas-sit

    Paesaġġ suġġestiv ikkostitwit minn dawriet mhux fondi u ħofor kbar fl-art ta’ forma ċirkulari, ma’ għamliet karstiċi mhux fondi magħmula minn forom tondi u fondi. Is-sottostrat huwa magħmul minn ġir kretaċeju, ġeneralment kopert mill-ġibs ta’ żmien Paleolitiku. Il-bijoklima hija dik ta’ isfel mill-Mediterran

    Kwalità u importanza

    Subreġjun ikkaratterizzat sew minn medda ta’ art kbira niexfa tal-ġir li titla’ sa 679 m fil-Monte Caccia. Hija tinsab fuq kollox fil-forma ta’ medda għolja ta’ ġibs fil-forma ta’ ġebel. Hija waħda miż-żoni substeppi l-aktar wiesgħin fl-Italja, b’veġetazzjoni ta’ ħaxix, dovuta għall-Festuco brometalia. Il-flora taż-żona hija partikolarment varjata, li tgħodd madwar 1 500 speċi. Mil-lat tal-fawna ta’ l-għasafar li jbejtu, ġew elenkati madwar 90 speċi, numru li jqiegħed din iż-żona fit-tieni pożizzjoni fil-livell reġjonali, wara l-Gargano. Il-formazzjoni tal-foresti residwi hija kkaratterizzata mill-prevalenza ta’ Quercus pubescens, li ħafna drabi jkunu flimkien ma’ Fraxinus ornus. Wieħed josserva wkoll xi Quercus cerris u Q. frainetto rari.

    Vulnerabbiltà

    Il-fattur prinċipali ta’ qerda huwa magħmul mit-tkissir tas-substrat tal-ġibs li huwa sussegwentement imfarrak b’mezzi mekkaniċi. B’dan il-mod, meded wiesgħin li jinkludu veġetazzjoni ta’ substeppi jinqerdu minħabba l-kultivazzjoni ta’ żoni ġodda. L-operazzjoni timplika spiss ukoll ħitan tal-ġebel niexef u forom oħra ta’ delineazzjoni, b’perikoli kbar ta’ katastrofu idroġeoloġiku. Nirien ta’ spiss, marbuta mal-prevalenza ta’ l-attività taċ-ċereali; bini ta’ residenzi ta’ villeġġatura fil-postijiet l-aktar ta’ attraenti għat-turiżmu. L-użu ħażin ta’ ħofor karstiċi sabiex jintrema skart ta’ l-ibliet solidu kif ukoll skart solidu”.

     Il-fatti

    10      Fis-27 ta’ Diċembru 2000, il-komun ta’ Altamura approva, permezz ta’ numru ta’ deċiżjonijiet tal-kunsill muniċipali tiegħu, ftehim ta’ programm, skond l-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 142, dwar l-organizzazzjoni ta’ l-awtonomija lokali (ordinamento delle autonomie locali) tat-8 ta’ Ġunju 1990 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990), dwar xi mitt proġett ta’ kostruzzjoni industrjali, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu jinsabu ġewwa ż-ZPS u s-SIKp ta’ Murgia Alta. Dawn il-ftehim jikkonċernaw b’mod partikolari 34 sit, li jirrappreżentaw 60 ettaru, previsti fil-kuntest tal-proġett tal-Consorzio di Sviluppo Murgiano u 11-il sit, li jirrapreżentaw 8 ettari, previsti fil-kuntest tal-proġett tal-Consorzio San Marco. L-imsemmija ftehim ġew approvati ulterjorment b’digriet tal-Giunta regionale (gvern reġjonali) tar-Reġjun ta’ Puglia.

    11      Bil-għan li jiffavorixxu x-xogħol fl-unitajiet ta’ produzzjoni ta’ natura industrijali u artiġjanali, is-sindki tal-komuni interessati jistgħu jitolbu lill-Giunta regionale li tadotta ftehim ta’ programm sabiex jiġi awtorizzat it-twettiq ta’ kumplessi li jilħqu immedjatament il-livelli ta’ impjieg sinjifikattivi.

    12     Il-firma ta’ ftehim ta’ programm, li għandu jiġi awtorizzat mill-Giunta regionale, hija ammissibbli biss jekk il-pjan ta’ urbaniżmu fis-seħħ ma jipprovdix żoni b’destinazzjoni speċifika li jkunu operazzjonali u legalment effettivi għal xogħlijiet li għandhom jitwettqu jew fejn ikun meħtieġ li jitkabbru strutturi eżistenti fiż-żoni kontigwi mhux iddestinati għal attivitajiet industrijali jew artiġjanali.

    13      Matul il-perjodu bejn l-1998 sa’ l-2001, numru kbur ta’ impriżi ppreżentaw talbiet lill-komun ta’ Altamura sabiex jiksbu ftehim ta’ programm b’għan industrijali u artiġjanali, fejn uħud minn dawn jimplikaw emenda għall-pjan ġenerali ta’ urbaniżmu. Il-proċeduri miftuħa abbażi ta’ l-imsemmija talbiet ma jinkludu ebda fażi ta’ pjanifikazzjoni ġenerali, iżda jimplikaw proċeduri differenti ta’ emenda ta’ l-imsemmi pjan.

    14      L-amministrazzjoni reġjonali ssottomettiet il-proġetti li jaqgħu taħt il-Consorzio di Sviluppo Murgiano għal proċedura ta’ verifika dwar il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent, fejn tqis minbarra dan illi ma kienx hemm lok li tippreżenta proġetti oħrajn, bħal dawk tal-Consorzio San Marco, għal din il-proċedura. Abbażi ta’ l-imsemmija ftehim, il-komun ta’Altamura ħareġ ċertu numru ta’ peremssi ta’ bini.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    15      Skond l-Artikolu 226 KE, Il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Lulju 2004, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana fejn stednitha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sitwazzjoni taż-żona in kwistjoni fir-rigward ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6(3) u 7 tad-Direttiva 92/43.

    16     Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz tal-komunikazzjonijiet ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004 u tad-9 ta’ Ġunju 2005, li magħhom kienu mehmuża noti tal-Ministeru ta’ l-Ambjent u tal-Ħarsien tat-Territorju.

    17     Sussegwentement fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.

    18     Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-imsemmi opinjoni motivata billi bagħtet żewġ noti Ministerjali ġodda tat-3 u 7 ta’ Ottubru 2005.

    19     Billi qieset li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    20     Il-Kummissjoni ssostni li ebda proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 ma saret fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet kollha previsti fil-ftehim ta’ programm in kwistjoni, li jistgħu jkollhom implikazzjoni sinjifikattiva fuq iż-żona in kwistjoni.

    21     Hija ssostni illi d-deċiżjonijiet amministrattivi differenti li permezz tagħhom ġew approvati l-imsemmija operazzjonijiet huma kontra l-imsemmi Artikolu 6(3), peress li l-interventi intiżi, għalkemm jistgħu jkollhom implikazzjoni sinjifikattiva fuq iż-ZPS u s-SIKp ta’ Murgia Alta, ma kinux suġġetti għal proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet ambjentali.

    22     Il-Kummissjoni tirrileva li n-natura legali tal-ftehim ta’ programm u ta’ l-atti li jirriżultaw minnhom hija mingħajr rilevanza fir-rigward ta’ l-obbligi li huma imposti fuq l-Istati Membri skond din id-dispożizzjoni.

    23     Minbarra dan, hija tafferma illi hemm kontigwità bejn il-partijiet tat-territorju kkonċernati mill-proġetti in kwistjoni u li għalhekk huwa possibbli li jkun hemm implikazzjonijiet globali sinjifikattivi.

    24     Il-Kummissjoni żżid li huwa mingħajr rilevanza li l-komun ta’ Altamura ħareġ biss numru limitat ta’ permessi ta’ bini, li l-ebda permess ta’ bini ieħor ma kien inħareġ fl-2003, li l-applikazzjonijiet ta’ permess oħra huma suġġetti għal proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet u li missjoni qegħda ssir bħalissa sabiex tagħmel evalwazzjoni globali f’dak li jikkonċerna s-siti fejn hemm tagħmir diġà ppjanat.

    25     Hija tikkonstata wkoll illi ebda motiv ma tressaq sabiex jiġġustifika n-nuqqqas ta’ evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet u ebda informazzjoni ma ġiet ipprovduta sabiex jintwera li l-operazzjonijiet ta’ konstruzzjoni industrijali u artiġjanali kkonċernati ma setgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq iż-żona protetta.

    26     Ir-Repubblika Taljana tosserva illi ftehim ta’ programm la huwa att li jiddefenixxi sitwazzjoni legali, la huwa att amministrattiv u lanqas kuntratt, iżda jikkostitwixxi sistema proċedurali li fil-kuntest tagħha persuni pubbliċi u privati jiddefinixxu bil-quddiem l-aġir u l-impenji li għandhom jirrispettaw sabiex jilħqu riżultat finali. Għalhekk, għandu jkun hemm miżuri amministrattivi oħra sabiex ix-xogħlijiet msemmija fil-ftehim ta’ programm li huma suġġetti tar-rikors jiġu effettivament imwettqa.

    27     Minbarra dan, dan l-Istat Membru jirrileva illi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-promozzjoni ta’ l-impijeg ma jistgħux jidderogaw mir-regoli fil-qasam tal-ħarsien tat-territorju u ta’ l-ambjent. Madankollu, fid-dritt Taljan, iż-ZPS u s-siti ta’ importanza Komunitarja jibbenefikaw minn sistema li tixbah ħafna lis-sistema legali restrittiva ta’ parkijiet u ta’ żoni oħra naturali.

    28     Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-komun ta’ Altamura ħareġ biss numru limitat ta’ permessi ta’ bini għal proġetti individwali, minn naħa marbuta mat-tkabbir ta’ fabbriki eżistenti u li fihom hemm żoni ddestinati għal tagħmir industrijali. Wara x-xahar ta’ Ġunju 2003, ebda permess ta’ bini ieħor ma ngħata u ebda awtorizzazzjoni ma ngħatat għall-proġetti proposti mill-Consorzio di Sviluppo Murgiano kif ukoll mill-Consorzio San Marco.

    29     Dan l-Istat Membru jenfasizza illi ħmistax-il proġett biss kienu ġew effettivament implementatati, li dawn jikkonċernaw partijiet li huma distinti mit-territorju u saru b’metodi ta’ twettiq differenti, li jirrigwardaw per eżempju, tagħmir ġdid jew tkabbir. Ma hemm l-ebda kontigwità bejn dawn il-proġetti, kif ukoll li ma jeżistix pjan ġenerali jew tat-territorju li jikkonċernhom. Ċertu numru fosthom kienu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ implikazzjonijiet, filwaqt li oħrajn kienu suġġetti għal diversi awtorizzazzjonijiet konnessi ma’ l-aspetti ambjentali u tal-paesaġġ.

    30     Ir-Repubblika Taljana tindika illi, għall-proġetti kollha, il-komun ta’ Altamura dalwaqt ser jagħmel evalwazzjoni globali ta’ l-implikazzjonijiet u ser jippromwovi l-inizjattivi initiżi sabiex jimmoderaw l-effetti possibbli fuq l-ambjent.

    31     Dan l-Istat Membru jżid illi l-proċeduri kollha dwar l-applikazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ fabbrika fil-komun ta’ Altamura ġew sospiżi sakemm joħorġu r-riżultati ta’ studji xjentifiċi dwar l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet tal-proġetti kkonċernati fuq l-ambjent.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li d-dispożizzjoni li l-ksur tagħha huwa allegat mill-Kummissjoni hija parti minn ġabra kumplessa ta’ regoli li għandhom bħala għan, kif jirriżulta mit-tielet sas-sitt premessa tad-Direttivi, l-istabbiliment u t-tmexxija taż-żoni li jappartjenu lin-netwerk Ewropew Natura 2000.

    33     L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jissuġġetta l-obbligu li ssir evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-proġett in kwistjoni jkun jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 40, aktar ‘il quddiem is-sentenza “Waddenzee”).

    34     Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fil-punt 43 ta’ l-imsemmija sentenza, illi t-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jeħtieġ l-eżistenza ta’ probabbiltà jew riskju li pjan jew proġett jeffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv.

    35     Rigward dan l-aħħar kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 46 sa 48 ta’ l-istess sentenza, illi, kif jirriżulta mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(3) ta’ l-imsemmija Direttiva, li tinqara flimkien ma’ l-għaxar premessa tagħha, in-natura sinjifikattiva ta’ l-implikazzjoni fuq sit, ta’ pjan jew proġett għandha tkun marbuta ma’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. B’hekk, meta pjan jew proġett, minkejja li għandu effett fuq dan is-sit, ma joħloqx riskju li jippreġudika l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan ma jistax jiġi meqjus bħala li jista’ jeffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha tiġi stabbilita b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett.

    36     Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ilment magħmul kontra r-Repubblika Taljana huwiex fondat, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, kif inhu ppreċiżat fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, għandu jitqiegħed fil-kuntest ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 226 KE.

    37     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett illi, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija fil-fatt il-Kummissjoni li, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni, għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi ta’ prova neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata minnha l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (ara, s-sentenza ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-342/05, għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.).

    38     Minbarra dan, l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq għandu jiġi ddeterminat skond it-tipi ta’ obbligi li d-Direttivi jimponu fuq l-Istati Membri u, għaldaqstant, mir-riżultati li għandhom jintlaħqu minn dawn ta’ l-aħħar (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-60/01, Ġabra p. I-5679, punt 25).

    39     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq il-prova li pjan jew proġett jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat jolqot l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal dan is-sit.

    40     Rigward il-miżuri li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors u sabiex tevalwa l-fondatezza tagħhom, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-ftehim ta’ programm differenti, min-naħa, u x-xogħlijiet imwettqa wara l-ħruġ, mill-komun ta’Altamura, ta’ permess ta’ bini, min-naħa l-oħra.

    41     F’dak li jikkonċerna fl-ewwel lok, il-ftehim ta’ programm li jinsabu fi stadji differenti ta’ żvolġiment, fir-rigward ta’ l-argument tal-konvenuta skond liema dawn il-ftehim m’għandhomx il-karatteristiċi legali ta’ pjan jew proġett skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, għandu jiġi osservat li fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha sabiex tallega s-sempliċi eżistenza ta’ dawn il-ftehim, iżda għandha wkoll tipprovdi elementi ta’ prova li huma biżżejjed konkreti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li dawn il-ftehim jissuperaw l-istadju ta’ riflessjonijiet amministrattivi preliminari u għandhom livell ta’ preċiżjoni fil-pjanifikazzjoni in kwistjoni li jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali ta’ l-effetti tagħhom.

    42     Issa, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu ddeterminati l-portata u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-ftehim ta’ programm kontenzjużi skond id-dritt nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat illi l-Kummissjoni, peress li tillimita ruħha li ssemmi dawn il-ftehim, mhijiex iġġustifikata b’elementi ta’ prova biżżejjed preċiżi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra li huma in kwistjoni miżuri li jistgħu jolqtu s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

    43     Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ xogħlijiet imwettqa u elementi ta’ provi li fuqhom jinsab l-oneru tal-prova dwar l-obbligu li ssir evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet ambjentali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja indikazzjonijiet preċiżi fuq il-pożizzjoni ġeografika u l-firxa tal-bini li saru fir-rigward tas-sit. Minbarra dan hija aċċettat, matul is-seduta, li m’għandhiex din l-informazzjoni.

    44     Il-Kummissjoni lanqas ma pprovdiet informazzjoni dwar in-natura teknika tax-xogħlijiet in kwistjoni u lanqas ma ressqet preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ safejn l-imsemmija xogħlijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit, ikunu jistgħu jeffettwawh b’mod sinjifikattiv.

    45     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tal-prova dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

    46     Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż

    47     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi :

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top