Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CC0244

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 13 ta' Settembru 2007.
    Dynamic Medien Vertriebs GmbH vs Avides Media AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Koblenz - il-Ġermanja.
    Moviment liberu tal-merkanzija - Artikolu 28 KE- Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Direttiva 2000/31/KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità kompetenti, għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ awtorità kompetenti nazzjonali u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi - Vidjogrammi importati minn Stat Membru ieħor, li ġew suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat u li għandhom fuqhom indikazzjoni dwar limitu ta’ età" - Ġustifikazzjoni - Protezzjoni tat-tfal - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-244/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:515

    KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2007 ( 1 )

    Kawża C-244/06

    Dynamic Medien Vertriebs GmbH

    vs

    Avides Media AG

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 2000/31/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti, mill-awtorità kompetenti, għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri u li ma jinkludux indikazzjoni, li toriġina minn din l-awtorità, ta’ l-età minn meta wieħed jista’ jara dawn il-vidjogrammi — Vidjogrammi importati minn Stat Membru ieħor, li ġew suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat u li fuqhom għandhom indikazzjoni dwar limitu ta’ età — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tat-tfal — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

    I — Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”). ( 2 )

    2.

    L-imsemmija talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ deċiżjoni f’tilwima bejn Dynamic Medien Vertriebs GmbH (iktar ’il quddiem: “Dynamic Medien”) u Avides Media AG (iktar ’il quddiem: “Avides”), żewġ kumpanniji tad-dritt Ġermaniż, rigward il-bejgħ fil-Ġermanja min-naħa tat-tieni kumpannija, b’korrispondenza permezz ta’ l-Internet, ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża.

    II — Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    3.

    L-Artikolu 1(4) tal-Jugendschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri; iktar ’il quddiem: il-“JuSchuG”) tat-23 ta’ Lulju 2002 ( 3 ) jiddefinixxi l-“bejgħ b’korrispondenza” skond l-istess liġi bħala “kull operazzjoni bi ħlas li saret billi ġiet ordnata u mibgħuta merkanzija bil-posta jew elettronikament mingħajr kuntatt personali bejn min jagħmel il-konsenja u min jagħmel l-akkwist jew mingħajr ma jkun iggarantit, permezz ta’ miżuri tekniċi jew ta’ xort’oħra, li dak li ntbagħat mhux se jingħata lil tfal jew lil adolexxenti”. ( 4 )

    4.

    L-Artikolu 12(1) tal-JuSchuG jistabbilixxi li l-kassetti tal-vidjos pre-rekordjati u l-vidjogrammi l-oħra jistgħu jkunu aċċessibbli pubblikament għal tfal jew għal adolexxenti biss fejn il-programm ġie awtorizzat għall-etajiet tagħhom u ġie tikkettjat mill-awtorità suprema tal-Land jew minn organizzazzjoni ta’ awto-regolamentazzjoni volontarja fl-ambitu tal-proċedura skond l-Artikolu 14(6) tal-JuSchuG, jew inkella huwa programm ta’ informazzjoni, edukattiv jew ta’ tagħlim ittikkettjat mill-fornitur bħala “programm ta’ informazzjoni” jew bħala “programm edukattiv”.

    5.

    L-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG jipprevedi li “il-vidjogrammi mhux ittikketjati jew ittikketjati bħala ‘ipprojbit għall-minuri’ skond l-Artikolu 14(2) mill-awtorità suprema tal-Land jew minn organizzazzjoni ta’ awto-regolamentazzjoni volontarja fl-ambitu tal-proċedura skond l-Artikolu 14(6), jew inkella mill-fornitur skond l-Artikolu 14(7) ma jistgħux

    1.

    jiġu offruti, fornuti jew ikunu aċċessibbli b’xi mod ieħor lil tfal jew lil adolexxenti,

    2.

    jiġu offruti jew fornuti fil-kummerċ bl-imnut barra minn ħwienet, kjoski jew punti ta’ bejgħ oħra fejn il-klijenti ma jidħlux abitwalment, jew b’korrispondenza” ( 5 ).

    III — Il-fatti, id-domandi preliminari u l-iżvolġiment tal-proċedura

    6.

    Avides, operatriċi stabbilita fil-Ġermanja, tbigħ awdjogrammi u vidjogrammi b’korrispondenza permezz tas-sit fuq l-Internet tiegħu u permezz ta’ pjattaforma ta’ kummerċ elettroniku.

    7.

    Din il-kawża tikkonċerna l-bejgħ b’korrispondenza fil-Ġermanzja, min-naħa ta’ l-istess kumpannija, ta’ vidjogrammi (DVD jew kassetti tal-vidjo) li jinkludu cartoons animati Ġappuniżi magħrufa bħala “Anime”, importati mir-Renju Unit. Qabel ma jiġu importati, dawn il-programmi ġew ikkontrollati min-naħa tal-British Board of Film Classification (il-Kummissjoni Brittannika li tikklassifika l-films; iktar ’il quddiem: il-“BBFC”). B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-minuri fis-seħħ fir-Renju Unit, din l-awtorità vverifikat għal liema pubbliku kienu indirizzati u kklassifikathom fil-kategorija “ipprojbiti għal minuri ta’ 15-il sena”. Il-vidjogrammi in kwistjoni għandhom fuqhom tikketta tal-BBFC.

    8.

    Dynamic Medien, kompetitriċi ta’ Avides, titlob lil-Landgericht Koblenz (il-Qorti ta’ Koblenz) biex tinibixxi lil din ta’ l-aħħar milli tbigħ b’korrispondenza il-vidjogrammi in kwistjoni, peress, li dawn ma kinux suġġett għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni fil-Ġermanja b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u m’għandhom l-ebda indikazzjoni rigward età minima li tikkorrispondi għal deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni adottata minn awtorità kompetenti Ġermaniża.

    9.

    Fil-kuntest ta’ proċedura sommarja l-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Koblenz) qieset li l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi mogħnija biss bl-indikazzjoni ta’ età minima ffissata mill-BBFC kien kontra l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG u jikkostitwixxi mġiba anti-kompetittiva.

    10.

    B’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2006, li ġiet iddepożitata fil-31 ta’ Mejju 2006, il-Landgericht Koblenz issospendiet il-proċedura pendenti quddiemha biex tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

     

    “Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, skond l-Artikolu 28 KE, jipprekludi leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprojbixxi l-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi (DVD, kassetti tal-vidjo) li m’għandhomx fuqhom indikazzjoni li dawn ġew suġġetti fil-Ġermanja għal verifika ta’ kemm huma adattati għall-minuri?

    B’mod partikolari:

     

    Jekk il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni b’korrispondenza ta’ dawn il-vidjogrammi tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti, skond l-Artikolu 28 KE.

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva:

     

    Jekk projbizzjoni simili tkunx iġġustifikata, skond l-Artikolu 30 KE u d-Direttiva 2000/31/KE, anki jekk il-vidjogramm diġà jkun ġie suġġett għal verifika ta’ kemm huwa adattat għal minuri fi Stat Membru ieħor, u dan ikun indikat fuq il-vidjogramm stess; jew jekk kontroll simili min-naħa ta’ Stat Membru ieħor jikkostitwixxix mezz inqas restrittiv skond l-imsemmija dispożizzjoni”.

    11.

    Skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Avides, il-Gvern Ġermaniż, dak Irlandiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    12.

    Ir-rappreżentanti ta’ l-istess partijiet, flimkien ma’ dawk ta’ Dynamic Medien, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2007.

    IV — L-analiżi ġuridika

    A — L-eżami tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni

    13.

    L-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju hija konċentrata fuq il-projbizzjoni, stabbilita mill-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, tal-bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi mingħajr indikazzjoni li dawn ġew suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità suprema tal-Land jew minn organizzazzjoni ta’ awto-regolamentazzjoni volontarja (iktar ’il quddiem: l-“awtorità kompetenti Ġermaniża”). Huwa paċifiku li din il-projbizzjoni tikkonċerna l-bejgħ kemm bil-posta kif ukoll b’mezz elettroniku permezz ta’ l-Internet (b’ordnijiet u/jew b’konsenja bil-posta u/jew bl-Internet).

    14.

    Barra minn hekk ġie stabbilit li dan japplika kemm għall-fornituri stabbiliti fil-Ġermanja, bħal Avides, kif ukoll għall-fornituri stabbiliti fi Stati oħra. Din il-preċiżazzjoni hija importanti fuq kollox għaliex, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari li għamlet il-Landgericht Koblenz billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-imsemmija projbizzjoni fil-limiti li fihom tapplika fil-konfront ta’ operatur stabbilt fil-Ġermanja u mhux in kwantu applikabbli għal operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor. ( 6 )

    15.

    Għandu jittieħed ukoll kont li l-istess projbizzjoni tidħol fil-kuntest ta’ regoli ferm iktar wiesgħa li jinsabu fil-JuSchuG li għandhom l-għan li jiġu protetti l-minuri fis-settur tal-midja, b’mod iktar partikolari fil-kuntest tar-regoli speċifiċi previsti għal dan il-għan fl-Artikolu 12 tal-JuSchuG f'dak li jikkonċerna vidjogrammi li fihom films jew logħob.

    16.

    Minn dawn ir-regoli speċifiċi sostanzjalment jirriżulta li l-imsemmija vidjogrammi — ħlief dawk li fihom programmi ta’ informazzjoni jew programmi edukattivi u li huma tikkettjati bħala tali mill-fornitur — meta jiġu tikkettjati bħala “ipprojbiti għall-minuri” min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża jew m’għandhom fuqhom l-ebda tikketta ta’ din l- awtorità għaliex ma ġewx suġġetti għall-kontroll tagħha, ma jistgħux ikunu aċċessibbli għal tfal u adolexxenti, u lanqas, ikunu kummerċjalizzati skond metodi determinati (bejgħ bl-imnut barra minn ħwienet, f’punti ta’ bejgħ fejn il-klijenti ma jidħlux abitwalment; bejgħ b’korrispondenza) li ma jimpedixxux li t-tfal u adolexxenti jidħlu f’kuntatt ma’ tali vidjogrammi jew dawn ta’ l-aħħar jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom.

    17.

    Il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG għaldaqstant tikkontribwixxi għal sistema regolatorja li għandha l-għan li tevita li t-tfal u l-adolexxenti jidħlu f’kuntatt jew ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill-awtorità kompetenti Ġermaniża jew li ma ġewx ikklassifikati minnha bħala “ipprojbiti għall-minuri”. Dan ġie pprovat mill-fatt, enfasizzat ferm mill-Gvern Ġermaniż, li din il-projbizzjoni mhijiex waħda assoluta peress li, skond l-Artikolu 1(4) tal-JuSchuG, tikkonċerna biss it-tranżazzjonijiet li saru bil-posta jew elettronikament li jsiru mingħajr kuntatt personali bejn min jagħmel il-konsenja u min jagħmel l-akkwist jew mingħajr ma jkun iggarantit li l-merkanzija ma tiġix ikkonsenjata lil tfal jew lil adolexxenti. Il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li anki l-vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill-awtorità kompetenti Ġermaniża jew li ma ġewx ikklassifikati minnha bħala “ipprojbiti għall-minuri” jistgħu jinbiegħu legalment b’korrispondenza fil-Ġermanja, meta jiġi garantit, permezz ta’ miżuri xierqa, li jkun adult li qed jordna u jirċievi l-merkanzija (korrispondenza “protetta”).

    18.

    Minn din il-preċiżazzjoni tal-Gvern Ġermaniż jidher li nistgħu niddeduċu li l-kontroll u l-klassifikazzjoni tal-vidjogrammi min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża mhumiex is-suġġett ta’ obbligu veru u proprju għall-fornituri, imma sempliċement oneru li jekk jiġi sodisfatt irendi inapplikabbli r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni previsti mill-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG għall-vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati minn din l-awtorità, fejn partikolarment il-fornitur li jrid ibigħ tali merkanzija b’korrispondenza jiġi eżentat milli jkollu jirrikorri għal miżuri li għandhom l-għan li jrendu l-korrispondenza “protetta” ( 7 ).

    19.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għalhekk ma tinkludi la l-obbligu li l-vidjogrammi importati jiġu suġġetti għal proċedura nazzjonali ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni u li jiġu tikkettjati skond din il-klassifikazzjoni, la projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ vidjogrammi importati u li ma ġewx suġġetti għal tali proċedura u għal tali ttikkettjar u lanqas preklużjoni assoluta għar-rikors għall-mezz tal-bejgħ b’korrispondenza biex jinbiegħu.

    20.

    Madanakollu, jibqa’ l-fatt li b’referenza għall-vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għall-proċedura nazzjonali ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni, kemm jekk ikunu importati jew le, l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG sostanzjalment jistabbilixxi projbizzjoni li tikkonċerna l-atti li jwasslu għall-bejgħ, jiġifieri li tikkonċerna kategorija partikolari ta’ xerrejja potenzjali (il-minuri), akkumpanjata, għall-istess merkanzija, mill-projbizzjoni tal-bejgħ barra minn ħwienet, f’punti ta’ bejgħ fejn il-klijenti ma jidħlux abitwalment, u bis-suġġettar tal-bejgħ b’korrispondenza għal kundizzjonijiet restrittivi li għandhom l-għan li jeskludu lill-minuri mill-kategorija tax-xerrejja.

    B — Dwar l-importanza eventwali ta’ miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni

    21.

    L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar, mal-Kummissjoni, li kwalunkwe miżura nazzjonali f’settur li huwa suġġett għal armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju, partikolarment l-Artikoli 28 KE u 30 KE. ( 8 )

    22.

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari ssemmew, bħala miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni eventwalment rilevanti, id-Direttiva 2000/31 u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod. ( 9 )

    23.

    Fejn għandha x’taqsam id-Direttiva 2000/31, l-ewwel nett nixtieq infakkar li din tfittex li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi toħloq, fejn għandu x’jaqsam il-kummerċ elettroniku, qafas ġuridiku li għandu l-għan li jassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni. Kif jindika l-Artikolu 1(2) tagħha, hija tressaq biss “ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u kooperazzjoni bejn Stati Membri” ( 10 ).

    24.

    Issa, anki jekk jiġi ammess li l-bejgħ ta’ oġġetti permezz ta’ l-Internet huwa “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” skond id-Direttiva in kwistjoni ( 11 ) u li dispożizzjoni nazzjonali bħall-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG hija inkluża fil-“qasam ikkoordinat” ta’ l-istess Direttiva, ( 12 ) l-ebda waħda mill-partijiet li intervenew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżat, u lanqas jiena ma nista’ nara, liema miżura speċifika inkluża f’dik id-Direttiva eventwalment kellha twettaq dik l-armonizzazzjoni eżawrjenti tal-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tal-minuri fil-kuntest tal-bejgħ ta’ oġġetti b’korrispondenza permezz ta’ l-Internet li teskludi l-verifika tal-kompatibbiltà ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE ta’ l-imsemmija projbizzjoni.

    25.

    Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit issottomettew li d-Direttiva 2000/31 tħalli espressament lok għal intervent min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu protetti l-minuri. Huma ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(4)(a)(i) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-“[i]strateġija pubblika”, b’mod partikolari “il-protezzjoni ta’ minuri”, fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħall-bejgħ tal-merkanzija permezz ta’ l-Internet.

    26.

    Madanakollu, nosserva li r-referenza għall-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 mhijiex importanti f’dan il-każ.

    27.

    L-Artikolu 3 jinkludi dik li tissejjaħ il-“klawżola tas-suq intern”, li sostanzjalment fuq il-bażi tagħha l-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jistgħu joperaw fl-ambitu territorjali tal-Komunità fejn jibqgħu suġġetti, fejn għandu x’jaqsam il-qasam ikkoordinat mid-Direttiva, għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. L-Artikolu 3(1) fil-fatt jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikk[o]ordinat”. Korelattivament, l-Artikolu 3(2) jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ik[o]ordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor”.

    28.

    Id-Direttiva però tipprevedi li, “independentement mir-regola dwar il-kontroll fis-sors” ta’ dawn is-servizzi, “huwa leġittimu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-moviment liberu ta[s-]servizzi” stess (il-‘premessa’ 24). L-Artikolu 3(4), li jissemma mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Ġermaniż u tar-Renju Unit, jistabbilixxi l-imsemmija kundizzjonijiet, partikolarment billi jillimita r-raġunijiet ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni għal dawn il-miżuri restrittivi u billi jissuġġetta l-adozzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar għall-osservanza ta’ formalitajiet proċedurali partikolari, bħal talba għal intervent indirizzata lill-Istat Membru ta’ l-oriġini tal-fornitur tas-servizz u n-notifika ta’ l-intenzjoni li jiġu adottati l-imsemmija miżuri lill-istess Stat u lill-Kummissjoni (mitluba tivverifika l-kompatibbiltà tal-miżuri mad-dritt Komunitarju).

    29.

    Il-miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw il-“protezzjoni tal-minuri” skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għalhekk huma dawk li Stat Membru jista’ jadotta b’deroga mill-projbizzjoni, stabbilita mit-tieni paragrafu ta’ l-istess Artikolu, li tiġi limitata, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat mid-Direttiva, “il-libertà li jkunu provduti servizz[i] minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor”. ( 13 )

    30.

    Issa, peress li Avides hija fornitriċi stabbilita fil-Ġermanja, ( 14 ) il-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, fil-konfront tagħha, tikkostitwixxi dispożizzjoni nazzjonali ta’ l-Istat ta’ l-oriġini skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31 u mhux miżura li tillimita l-libertà li jkun provdut servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor, skond l-Artikolu 3(2) ta’ l-istess Direttiva.

    31.

    Il-miżura li tissemma fl-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 għalhekk ma titqiesx, għall-finijiet tal-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ l-imsemmija projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza peress li tapplika għal operatriċi, bħal Avides, stabbilita fit-territorju nazzjonali.

    32.

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 għalhekk mhumiex importanti għal dan il-każ. L-iktar, jistgħu jitqiesu rilevanti minflok l-Artikoli 28 KE u 30 KE, għall-finijiet tal-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-projbizzjoni in kwistjoni in kwantu applikabbli għal operaturi stabbiliti fi Stati Membri li mhumiex il-Ġermanja, li jbigħu permezz ta’ l-Internet fil-Ġermanja, imma kif għidt qabel, dan il-każ jikkonċerna aspett li jmur lil hinn mis-suġġett tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

    33.

    Fejn għandha x’taqsam id-Direttiva 97/7, naħseb li l-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG tidher li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-istess Direttiva. ( 15 ) Madankollu, l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva jippermetti li l-Istati Membri “jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert [mill-istess] Direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur” u jippreċiża wkoll li “[d]awn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat”. Id-Direttiva 97/7 għalhekk ma twettaqx armonizzazzjoni eżawrjenti fejn għandu x’jaqsam il-bejgħ ta’ oġġetti b’korrispondenza u ma tipprekludix, imma anzi tipprevedi espressament, il-verifika tal-kompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, tal-miżuri l-iktar ibsin li l-Artikolu 14 tagħha jippermetti li jieħdu l-Istati Membri biex jipproteġu lill-konsumaturi. ( 16 )

    34.

    Għalhekk, jiena tal-fehma li d-Direttivi msemmija ma jeskludux il-ħtieġa li tkun eżaminata l-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza tal-vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża, skond il-punt 2 l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, ma’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

    C — Dwar l-applikabbiltà f’dan il-każ ta’ l-Artikolu 28 KE: miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni?

    35.

    Bid-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Landgericht Koblenz l-ewwel nett qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imsemmija projbizzjoni hijiex miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE.

    36.

    Skond l-Artikolu 28 KE, “[r]estrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri”.

    37.

    Skond il-formula magħrufa Dassonville, ( 17 ) li sal-lum ġiet ikkonfermata kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ( 18 ) kull liġi kummerċjali ta’ l-Istati Membri li hija kapaċi li tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.

    38.

    Anki jekk miżura ma jkolliex l-għan li tirregola l-iskambji tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li huwa importanti huwa l-effett li jkollha, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Jekk jiġi applikat dan il-kriterju, skond ġurisprudenza kostanti mnedija mis-sentenza Cassis de Dijon, ( 19 ) jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 28 KE, l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet, minħabba li l-merkanzija minn Stati Membri oħra, fejn tiġi legalment immanifatturata u kkummerċjalizzata, tkun suġġetta għal miżuri li jiddettaw rekwiżiti li l-merkanzija trid tkun konformi magħhom (bħal dawk li jikkonċernaw l-isem, il-forma, id-dimensjonijiet, il-piż, il-kompożizzjoni, l-preżentazzjoni, t-tikkettjar, jew l-ippakkjar), anki jekk tali miżuri jiġu applikati indistintament għall-prodotti kollha, fejn il-fatt li l-merkanzija kienet suġġetta għall-miżuri li jissemmew iktar ’il fuq ma jkunx iġġustifikat minn finijiet ta’ interess ġenerali tali li jipprevalu fuq il-ħtiġijiet tal-moviment liberu tal-merkanzija. ( 20 )

    39.

    Wara kollox, skond ġurisprudenza mnedija mis-sentenza Keck u Mithouard, ( 21 ) l-issuġġettar ta’ prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, ma jistax jikkostitwixxi ostaklu dirett jew indirett, fil-fatt jew potenzjalment, għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza Dassonville ċċitata iktar ’il fuq, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet, min-naħa, japplikaw għan-negozjanti kkonċernati kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jeffettwaw bl-istess mod, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni kemm ta’ prodotti nazzjonali kif ukoll ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn. ( 22 )

    40.

    Avides, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jqisu li l-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza stabbilit fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG hija miżura li għandha effett ekwivalenti projbita mill-Artikolu 28 KE.

    41.

    Skond Avides mhijiex sempliċiment ikkonċernata r-regolamentazzjoni ta’ modalità ta’ bejgħ. Il-ħtieġa li l-vidjogrammi importati li diġà ġew ikkontrollati u klassifikati għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni, jiġu suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni, għall-istess finijiet, anki min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża twassal għal spejjeż addizzjonali sinjifikattivi u għal dewmien sinjifikattiv fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Ġermanja. Madankollu, anki jekk nissuponu li hija kkonċernata r-regolamentazzjoni ta’ modalità ta’ bejgħ, din ma tissodisfax l-ewwel kundizzjoni mit-tnejn li jissemmew fis-sentenza Keck u Mithouard, peress li jekk ikun hemm applikazzjoni biss fit-territorju nazzjonali, ikun hemm impatt biss fuq l-impriżi tal-kummerċ elettroniku stabbiliti fil-Ġermanja u mhux anki fuq dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    42.

    Il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li jiġi analizzat l-effett reali jew potenzjali tal-miżuri nazzjonali in kwistjoni. Hija tenfasizza li l-Artikolu 12 tal-JuSchuG sostanzjalment jinvolvi obbligu ta’ ttikkettjar tal-vidjogrammi min-naħa ta’ l-operaturi kkonċernati. Il-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 3(2) hija biss waħda mis-sanzjonijiet previsti f’każ li ma jiġix rispettat dan l-obbligu, li skond il-Kummissjoni jaqa’ taħt il-kategorija tal-miżuri nazzjonali meqjusa mill-ġurisprudenza msemmija fil-paragrafu 38 iktar ’il fuq, peress li jiddetta rekwiżit rigward it-tikkettjar li l-merkanzija trid tkun konformi miegħu. L-effett restrittiv tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża jissaħħaħ anki mill-fatt li t-tikkettjar meħtieġ jippreżupponi li twettqet proċedura nazzjonali ta’ kontroll, anki jekk fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni diġà kien hemm proċedura u tikkettjar simili. Il-miżura in kwistjoni għalhekk timponi spejjeż addizzjonali għall-bejgħ fil-Ġermanja ta’ vidjogrammi importanti u dan ikun suffiċjenti biex din tikkwalifika bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.

    43.

    Skond il-Gvern tar-Renju Unit, kull ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tikkonċerna l-karatteristiċi ta’ prodotti legalment manifatturati u kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor hija miżura li għandha effett ekwivalenti, anki jekk l-imsemmija miżura jkollha l-għamla ta’ restrizzjoni fuq modalità partikolari ta’ bejgħ. L-imsemmi Gvern jenfasizza li r-restrizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni previsti mill-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, fost l-oħrajn il-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza in kwistjoni, ma jikkonċernawx il-vidjogrammi b’mod ġenerali, imma biss vidjogrammi partikolari, jiġifieri dawk li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut tagħhom min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża. Dawn ir-restrizzjonijiet, li jiġu applikati biss fejn il-kontenut tal-vidjogrammi jitqies li mhux adattat għall-minuri jew li ma ġiex ivverifikat mill-imsemmija awtorità, għalhekk jikkonċernaw il-karatteristiċi effettivi tal-prodotti kkonċernati u mhux biss il-modalità ta’ bejgħ. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku stess irridu nqisu li f’dan il-każ għandha x’naqsmu biss mar-regolamentazzjoni ta’ modalità ta’ bejgħ, it-tieni kundizzjoni mit-tnejn li jissemmew fis-sentenza Keck u Mithouard ma ġietx sodisfatta, peress li l-vidjogrammi li ġew prodotti fil-Ġermanja, skond il-Gvern tar-Renju Unit, jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt Ġermaniż rigward l-adatattezza tal-kontenut għall-minuri iktar faċilment minn dawk li ġew prodotti x’imkien ieħor.

    44.

    Bil-maqlub, Dynamic Medien u l-Gvern Ġermaniż u dak Irlandiż isostnu li l-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza in kwistjoni tikkonċerna modalità ta’ bejgħ u tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li jisemmew fis-sentenza Keck u Mithouard, u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE.

    45.

    Dynamic Medien tosserva li r-restrizzjonijiet imposti mill-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG jikkonċernaw modalità ta’ bejgħ u jikkonċernaw il-vidjogrammi kollha, kemm dawk li ġew prodotti fil-Ġermanja kif ukoll dawk li ġew prodotti mkejjen oħra, u li jinbiegħu minn operaturi stabbilti fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra. Għalhekk m’hemm l-ebda protezzjoni tal-produzzjoni nazzjonali.

    46.

    Il-Gvern Ġermaniż jammetti li l-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza in kwistjoni hija marbuta ma’ ttikkettjar partikolari, anzi man-nuqqas tiegħu. Madankollu, dan m’għandux iwassal biex l-istess projbizzjoni tiġi pparagunata ma’ obbligu ta’ ttikkettjar tal-prodott u li jiġi eskluż li dan jikkonċerna modalità ta’ bejgħ. Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill- awtorità kompetenti Ġermaniża u konsegwentement ma ġewx ittikkettjati mhijiex ipprojbita, u lanqas ma jkun normalment il-bejgħ tagħhom b’korrispondenza. Li jiġi pprojbit huwa biss il-bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta”, jiġifieri bejgħ li ma jiggarantixxix li l-prodott ġie ordnat u jiġi riċevut biss minn adulti. Peress li għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti jibqgħu awtorizzati mezzi oħra ta’ distribuzzjoni, fosthom anki l-bejgħ b’korrispondenza “protetta”, l-aċċess għas-suq Ġermaniż tal-vidjogrammi importati huwa ggarantit u l-importaturi ma jiġux imġiegħla jimmodifikaw il-preżentazzjoni tal-prodotti sabiex jinbiegħu fil-Ġermanja. Għaldaqstant, din hija kwistjoni ta’ regolamentazzjoni ta’ modalità ta’ bejgħ li tiġi applikata kemm għall-merkanzija importata kif ukoll għall-merkanzija nazzjonali u li ma twassal għall-ebda nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ trattament bejniethom, kemm mil-lat ġuridiku kif ukoll minn dak sostanzjali.

    47.

    Min-naħa tiegħu, il-Gvern Irlandiż jenfasizza li l-Artikolu 12 tal-JuSchuG ma jikkonċernax il-karatteristiċi tal-prodotti, imma l-modalitajiet li bihom, u b’mod iktar partikolari, is-suġġetti li lilhom dawn jistgħu jiġu offruti u mibjugħa. Huwa jqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi applikata bl-istess mod għall-operaturi kkonċernati kollha, indipendentement mill-oriġini tagħhom, u għall-merkanzija kollha ta’ l-istess tip, kemm jekk tkun prodotta fil-Ġermanja kif ukoll jekk tkun importata.

    48.

    Fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta” tal-vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill-awtorità kompetenti Ġermaniża, l-istess bħall-imsemmija projbizzjoni li dawn il-prodotti jinbiegħu lill-minuri, mhijiex miżura relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti. Kif għidt iktar ’il fuq, il-JuSchuG ma jidhirx li qed jimponi obbligu ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni tal-vidjogrammi, importati jew le, min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża, u ta’ konsegwenti ttikkettjar konformi. Korrelattivament, lanqas mhemm projbizzjoni assoluta tal-kummerċjalizzazzjoni tal-vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati u kklassifikati minn din l-awtorità, u għaldaqstant mhumiex mogħnija b’ ittikkettjar konsegwenti. Dawn il-vidjogrammi jistgħu jinbiegħu, sakemm lil adulti, fi ħwienet fejn il-pubbliku jidħol regolarment jew permezz ta’ korrispondenza “protetta”.

    49.

    Pjuttost għandna quddiemna regoli li jikkonċernaw l-attività kummerċjali u li jintroduċu limitazzjonijiet fuq il-modalitajiet ta’ bejgħ, min-naħa, mil-lat tal-“kif” u tal-“fejn” jistgħu jinbiegħu l-prodotti (il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG) u min-naħa l-oħra — jekk inżidu man-numru ta’ kategoriji msemmija fil-formula magħrufa li ntużat mill-Avukat Ġenerali Tesauro ta’ “min, kif, fejn, meta jista’ jbiegħ il-prodotti” ( 23 ) — mil-lat tax-xerrej, jiġifieri “lil min” jistgħu jinbiegħu l-prodotti (l-Artikolu 12(1) u l-punt 1 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG).

    50.

    Naturalment, il-limitazzjonijiet in kwistjoni ma japplikawx għall-vidjogrammi kollha, imma biss għal ċerti kategoriji tagħhom (vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontrol u għal klassifikazzjoni f’kuntest nazzjonali; vidjogrammi li ġew ikklassifikati bħala “ipprojbiti għall-minuri”). Il-fatt li l-imsemmija kategoriji huma identifikati b’relazzjoni għal ċerti karatteristiċi tal-prodotti ma jfissirx però fih innifsu, li huma rregolati l-karatteristiċi tal-prodotti, almenu fil-limiti fejn, fuq il-livell formali, mhemm l-ebda obbligu ta’ adattament tal-prodotti sabiex jinbiegħu fit-territorju Ġermaniż. ( 24 ) Minn dan il-lat, dan il-każ jidher li huwa differenti minn dawk li kienu s-suġġetti tas-sentenzi Mars ( 25 ) u Familiapress, ( 26 ) fejn ingħataw importanza leġiżlazzjonijiet li, għalkemm kienu jidhru li jikkonċernaw modalitajiet ta’ bejgħ, fl-aħħar mill-aħħar kienu jispiċċaw biex jistabbilixxu r-rekwiżiti li l-prodotti riedu jkunu konformi magħhom biex ikunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati fl-Istat Membru kkonċernat.

    51.

    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni, billi tista’ titqies bħala relatata ma’ modalitajiet ta’ bejgħ, trid tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet tas-sentenza Keck u Mithouard li jissemmew fil-paragrafu 39 iktar ’il fuq sabiex tkun tista’ toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE.

    52.

    Rigward l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni għall-operaturi kollha li jwettqu l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali, inqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni tiġi applikata, skond il-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, għall-bejgħ li għandu jsir fit-territorju nazzjonali kemm minn operaturi stabbiliti fil-Ġermanja kif ukoll minn operaturi stabbliti fi Stat Membri oħra. L-ewwel kundizzjoni għalhekk ġiet sodisfatta.

    53.

    Rigward it-tieni kundizzjoni, dwar l-impatt ugwali fuq il-bejgħ tal-prodotti nazzjonali u fuq dak tal-prodotti minn Stati Membri oħra, il-portata tagħha għandna nqisuha fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza Keck u Mithouard, fejn sostanzjalment jiġi pprovdut li l-applikazzjoni għal prodotti minn Stat Membru ieħor, u li huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ bejgħ m’għandhiex “[t]impedixx[i] l-aċċess għas-suq lil [dawn il-] prodotti jew […] [t]ostakol[a] l-aċċess aktar milli jostakolawh lill-prodotti nazzjonali”. ( 27 )

    54.

    Il-Landgericht Koblenz, fid-deċiżjoni tar-rinviju, tistaqsi rigward ir-rilevanza għal dan il-każ tar-raġunament li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Deutscher Apothekerverband, ( 28 ) biex tqis li projbizzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali b’korrispondenza permezz ta’ l-Internet bħal dik li ġiet eżaminata fil-kawża li ġiet iddefinita b’dik is-sentenza ma kinitx tissodisfa t-tieni kundizzjoni li tissemma fis-sentenza Keck u Mithouard. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-differenza bejn dan il-każ u s-sitwazzjoni li kienet is-suġġett tas-sentenza Deutscher Apothekerverband qiegħda fil-fatt li Avides “l-ewwel timporta l-merkanzija mir-Renju Unit fil-Ġermanja, u mbagħad tbigħha b’korrispondenza, filwaqt li fil-każ [li kien eżaminat f’dik is-sentenza] l-importazzjoni kienet issir fil-mument tal-bejgħ mill-bogħod: fi kliem ieħor, l-impriża kkonċernata kellha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea”.

    55.

    Fis-sentenza Deutscher Apothekerverband, ( 29 ) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza partikolari li, wara li tfaċċa l-Internet bħala sistema ta’ bejgħ internazzjonali, għandu l-bejgħ b’korrispondenza biex isir bejgħ fit-territorju nazzjonali ta’ prodotti minn Stati Membri oħra. Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat dan li ġej:

    “[P]rojbizzjoni simili għal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal preġudizzju iktar sinjifkattiv fil-konfront ta’ l-ispiżeriji li jinsabu barra mill-Ġermanja milli għal dawk li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. Jekk meta pparagunati ma’ dawn ta’ l-aħħar huwa diffiċli li jiġi kkontestat jekk din il-projbizzjoni tnaqqsilhomx mezz supplementari jew alternattiv biex jilqħu s-suq Ġermaniż tal-konsumaturi finali tal-prodotti mediċinali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn għad għandhom il-possibbiltà li jbigħu l-prodotti mediċinali fl-ispiżeriji tagħhom. Bil-kontra, l-Internet huwa mezz iktar importanti għall-ispiżeriji li mhumiex stabbiliti fit-territorju Ġermaniż biex jilħqu direttament dak is-suq. Projbizzjoni li tolqot iktar lill-ispiżeriji li jinsabu barra mit-territorju Ġermaniż tista’ tkun tali li tostakola iktar l-aċċess għas-suq tal-prodotti minn Stati Membri oħra meta pparagunat ma’ l-aċċess tal-prodotti nazzjonali”.

    56.

    Fuq livell ġenerali, dan il-metodu jista’ jkun validu anki rigward dispożizzjoni bħall-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG u jista’ jwassal biex l-imsemmija projbizzjoni tiġi kkwalifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skond l-Artikolu 28 KE.

    57.

    Huwa minnu li, kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, il-projbizzjoni in kwistjoni mhijiex waħda assoluta, imma tikkonċerna biss il-bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta”. Madankollu, kif spjega l-istess Gvern, il-bejgħ b’korrispondenza “protetta” jimplika li l-fornituri jużaw sistemi ta’ verifika ta’ l-identità u ta’ l-età maġġuri tal-persuna li għamlet l-ordni permezz ta’ l-Internet jew bil-posta u ta’ miżuri li jiggarantixxu l-konsenja tal-merkanzija lil klijent li mhux taħt l-età. Il-Gvern Ġermaniż, fir-risposta bil-mitkub għal domanda li għamlitlu l-Qorti tal-Ġustizzja, iddeskriva n-natura ta’ dawn is-sistemi ta’ verifika li jintużaw fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku ( 30 ) u rrefera, rigward il-fażi tal-konsenja tal-merkanzija, għall-ispedizzjoni rakkomandata b’konsenja f’idejn il-klijent li ma jkunx taħt l-età. Il-Gvern Ġermaniż indika wkoll li, sabiex il-korrispondenza titqies bħala “protetta” f’każ ta’ ordni permezz ta’ l-Internet, jeħtieġ li l-fornitur jagħmel użu minn sistema ta’ verfika li l-Kommission für Jugendmedienschutz (il-Kummissjoni Ġermaniża għall-Protezzjoni tal-Minuri fil-Kuntest tal-Midja) preċedentement qieset bħala xierqa. Fis-seduta, l-imsemmi Gvern irrikonoxxa li l-użu min-naħa tal-fornituri ta’ vidjogrammi għal dawn il-forom ta’ korrispondenza “protetta” jinvolvi spejjeż supplementari li ma jsirux f’każ ta’ bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta”.

    58.

    B’hekk jirriżulta li projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza bħal dik skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG tispiċċa biex tillimita (lill-korrispondenza “protetta”) u żżid il-piżijiet addizzjonali fuq il-forom awtorizzati ta’ mezz ta’ distribuzzjoni ta’ vidjogrammi, dak tal-bejgħ b’korrispondenza permezz ta’ l-Internet li, kif jissemma fil-punt 55 iktar ’il fuq, fil-prinċipju għandu iktar importanza għall-bejgħ ta’ prodotti minn Stati Membri oħra milli għall-bejgħ ta’ prodotti li diġà huma preżenti fit-territorju nazzjonali.

    59.

    Madankollu, jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jwasslu biex l-imsemmija projbizzjoni titqies bħala li ma tissodisfax it-tieni kundizzjoni li tissemma fis-sentenza Keck u Mithouard peress li hija tiġi applikata fil-konfront ta’ operaturi stabbiliti fi Stati Membri li mhumiex il-Ġermanja, ( 31 ) jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li f’dan l-każ, l-operatriċi kkonċernata, Avides, hija stabbilita fil-Ġermanja u l-bejgħ b’korrispondenza ma jsirx minn Stat Membru ieħor lejn il-Ġermanja, imma għal kollox fit-territorju Ġermaniż, fejn il-merkanzija kienet preċedentement importata. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut fuq il-bażi tal-metodu li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deutscher Apothekerverband, li jissemma fil-punt 55 iktar ’il fuq, li l-projbizzjoni in kwistjoni tostakola l-aċċess għas-suq Ġermaniż tal-prodotti li Avides timporta mir-Renju Unit iktar milli tostakola l-aċċess tal-prodotti nazzjonali.

    60.

    Ovvjament nistgħu nimmaġinaw l-eżistenza ta’ elementi oħra adattati sabiex jiġi meqjus li, anki skond kif tiġi applikata fil-konfront ta’ operaturi stabbiliti fil-Ġermanja li jimportaw vidjogrammi minn Stati Membri oħra, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni, li tikkonċerna modalitajiet ta’ bejgħ, hija miżura li għandha effett ekwivalenti peress li ma tikkorrispondix għat-tieni kundizzjoni li tissemma fis-sentenza Keck u Mithouard.

    61.

    Per eżempju, ma jistax jiġi eskluż li l-projbizzjoni li l-minuri jiġu offruti u fornuti b’vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża u l-projbizzjoni li dawn il-prodotti jinbiegħu b’korrispondenza “mhux protetta” — li sostanzjalment tispiċċa biex timpedixxi l-akkwist dirett, b’korrispondenza, ta’ l-imsemmija prodotti min-naħa tal-minuri — jistgħu jkunu adattati saħansitra biex jimpedixxu l-aċċess għas-suq, skond il-punt 17 tas-sentenza Keck u Mithouard (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ( 32 ) almenu ta’ dawk il-vidjogrammi intiżi għal pubbliku ta’ adolexxenti. Dawn ta’ l-aħħar ġeneralment għandhom flus u kapaċità suffiċjenti biex jakkwistaw personalment, mingħajr ma jeħtieġu l-intervent ta’ ġenitur jew ta’ adult, DVD jew kassetta tal-vidjo. L-imsemmija projbizzjonijiet b’hekk jistgħu jinibixxu l-akkwist ta’ vidjogrammi proprju min-naħa ta’ dawk li jirrappreżentaw ix-xerrejja prinċipali u diretti.

    62.

    Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li — hekk kif diġà osservajt iktar ’il fuq, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni ma jista’ jiġi dedott l-ebda obbligu li l-vidjogrammi għandhom jiġu suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni mill-’ kompetenti Ġermaniża u li jiġu ttikkettjati skond l-imsemmija klassifikazzjoni — ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 12(3), jinħassu mill-fornituri bħala daqstant ibsin li jwassluhom xorta biex jagħżlu l-kontroll u l-klassfikazzjoni bil-modifika konsegwenti ta’ l-ittikkettjar, tal-prodotti tagħhom. ( 33 ) F’din l-eventwalità, l-prodotti importati li diġà għaddew minn formalitajiet simili fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni jispiċċaw biex ikunu mgħobbija b’kontrolli doppji u bi spejjeż li l-prodotti nazzjonali ma jkunux esposti għalihom fil-kuntest tal-bejgħ tagħhom fit-territorju nazzjonali. ( 34 )

    63.

    Issa, l-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li tiddetermina b’ċertezza jekk il-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG tippreġudikax iktar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti minn Stati Membri li mhumiex il-Ġermanja meta pparagunata mal-projbizzjoni tal-bejgħ tal-prodotti mill-istess Stat. Billi hemm inċertezza bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti tar-rinviju l-kompitu li tivverifika jekk din il-kundizzjoni li tissemma fis-sentenza Keck u Mithouard ġietx sodisfatta. ( 35 )

    64.

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari li għamlet il-Landgericht Koblenz għandha tkun li projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti nazzjonali, bħal dik li tissemma fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, tirregola modalità ta’ bejgħ u, billi tapplika fil-konfront ta’ l-operaturi kollha li jwettqu l-attività tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat ikkonċernat, ma tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE, sakemm ikollha l-istess impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li joriġinaw f’dak l-Istat u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti minn Stati Membri oħrajn.

    D — Dwar il-ġustifikazzjoni eventwali tal-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG

    65.

    Bit-tieni parti tad-domanda preliminari li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG tistax titqies iġġustifikata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30 KE u tad-Direttiva 2000/31 anki fil-każ li l-vidjogramm jkun diġà ġie suġġett għal verifika ta’ l-addattatezza għall-minuri fi Stat Membru ieħor u dan ikun indikat fuq il-prodott stess.

    66.

    Fil-punti 23 sa 32 iktar ’il fuq diġà ddiskutejt l-aspetti inerenti għad-Direttiva 2000/31, li ma jeħtiġux kunsiderazzjonijiet ulterjuri min-naħa tiegħi.

    67.

    Għall-bqija, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni eventwali tal-projbizzjoni in kwistjoni tirriżulta, naturalment, biss fejn jasal biex jiġi konkluż li din hija miżura li għandha effett ekwivalenti pprojbita mill-Artikolu 28 KE (per eżempju, fl-ambitu ta’ l-ispjegazzjoni li tajt iktar ’il fuq, billi jirriżulta li m’għandiex l-istess impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u fuq dik tal-prodotti minn Stati Membri li mhumiex il-Ġermanja).

    68.

    Skond ġurisprudenza kostanti, ostaklu għall-kummerċ intra-Komunitarju pprojbit mill-Artikolu 28 KE jista’ jkun iġġustifikat biss mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE — fost l-oħrajn, il-moralità pubblika, l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika, u l-protezzjoni tas-saħħa u ta’ ħajjet il-persuni — jew, jekk id-dispożizzjoni li tiddetermina dan l-ostaklu tiġi applikata indistintament, minn waħda mir-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali skond il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Cassis de Dijon iċċitata iktar ’il fuq, fejn fost l-oħrajn hemm id-difiża tal-konsumaturi. Fiż-żewġ każi, l-imsemmija dispożizzjoni trid tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan mixtieq jiġi milħuq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan. ( 36 )

    69.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ħtieġa li jiġu protetti l-minuri hija ġustifikazzjoni rilevanti skond l-Artikolu 30 KE għall-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza in kwistjoni. Fil-fehma tagħha, l-imsemmija projbizzjoni “fil-prinċipju hija adegwata, u saħansitra meħtieġa, biex tkun iggarantita l-protezzjoni tal-minuri minn vidjogrammi li ma jkunux adattati għalihom”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li f’dan il-każ il-vidjogrammi li ġew importati minn Avides u li din biegħet permezz ta’ l-Internet fil-Ġermanja ġew suġġetti għal verifika ta’ kemm huma adattati għall-minuri fir-Renju Unit min-naħa tal-BBFC. Billi tqis li l-imsemmija verifika ma tinvolvix livell ta’ protezzjoni tal-minuri inferjuri għal dak żgurat mill-kontroll li sar mill-awtorità kompetenti Ġermaniża, din il-qorti tar-rivinju tistaqsi “jekk l-għan tal-protezzjoni tal-minuri jistax u għandux jintlaħaq b’mezz inqas restrittiv, b’mod partikolari permezz tar-rikonoxximent tal-verifika ta’ kemm il-prodotti jkunu adattati għall-minuri [li saret minn awtorità] ta’ Stat Membru ieħor”.

    70.

    Il-Gvern Ġermaniż, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sostna li jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza in kwistjoni għandha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti li hija pprojbita mill-Artikolu 28 KE, din xorta tkun iġġustifikata minn ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-minuri, li jikkostitwixxu raġunijiet ta’ ordni pubbliku skond l-Artikolu 30 KE. Huwa jgħid ukoll li l-protezzjoni tal-minuri hija marbuta mill-qrib mal-garanzija tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem — li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 37 ) — u għaldaqstant tirrappreżenta interess leġittimu tali li jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali.

    71.

    L-ebda parti oħra li intervjeniet f’din il-proċedura preliminari ma tikkonstesta sostanzjalment li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-minuri u li din il-protezzjoni tikkostitwixxi interess leġittimu li jista’ jiġi invokat biex tkun iġġustifikata restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija.

    72.

    Avides, madankollu, tqis li l-imsemmija leġiżlazzjoni mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din tiġi applikata anki għal vidjogrammi li, bħal dawk li hija importat fil-Ġermanja mir-Renju Unit, diġà kienu suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni u li għandhom fuqhom it-tikketta korrispondenti.

    73.

    F’dan ir-rigward, Avides tenfasizza li l-kriterji ta’ kontroll sabiex jiġu protetti l-minuri li ntużaw mill-awtorità kompetenti Brittanika u Ġermaniża huma ekwivalenti, peress li kemm ir-Renju Unit kif ukoll il-Ġermanja ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li ġiet adottata fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989, li l-preambolu tagħha jimpenja lill-Istati biex “jippreparaw b’mod sħiħ lit-tfal biex ikollhom ħajja individwali fis-soċjetà, u jiġu edukati fl-ispirtu ta’ l-ideali mħabbra fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fi spirtu ta’ paċi, ta’ dinjità, ta’ tolleranza, ta’ libertà, ta’ ugwaljanza u ta’ solidarjetà”.

    74.

    F’kull każ, Avides tqis li għall-vidjogrammi li diġà kienu suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni u li għandhom fuqhom it-tikketta korrispondenti mhijiex prevista lanqas, quddiem l-awtorità kompetenti Ġermaniża, proċedura ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni semplifikata, bħal dik li jiġu suġġetti għaliha tipi partikolari ta’ vidjogrammi (per eżempju, mużika, dokumentarji jew cartoons animati).

    75.

    Il-Gvern Ġermaniż iqis li l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi nazzjonali trid tkun evalwata fid-dawl ta’ l-għanijiet li jridu jilħqu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn għandhom l-intenzjoni jiżguraw. Il-livell ta’ protezzjoni tal-minuri rigward il-kontenut ta’ vidjogrammi bilfors li jkun funzjoni, b’mod partikolari, tal-kunċetti morali u kulturali u ta’ l-esperjenza storika ta’ kull pajjiż. Għalhekk, dak li jitqies aċċettabbli fi Stat Membru għal kategorijia partikolari ta’ minuri jista’ jitqies inaċċettabbli għall-istess kategorija fi Stat Membru ieħor. ( 38 ) Għaldaqstant, l-imsemmi Gvern isostni li r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-proċeduri ta’ kontroll tal-vidjogrammi għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri mhux mezz suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tal-minuri li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom l-intenzjoni li jiżguraw.

    76.

    Il-leġiżlatur Ġermaniż illimita l-portata tal-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill-awtorità nazzjonali kompetenti f’miżura kompatibbli ma’ l-imperattiv li tkun żgurata protezzjoni suffiċjenti tal-minuri. Huwa jfakkar li l-bejgħ b’korrispondenza ta’ din il-merkanzija huwa permess meta jkun hemm kuntatt dirett bejn min jagħmel il-konsenja u min jirċievi l-istess merkanzija jew meta b’xi mod ikun iggarantit, per eżempju permezz ta’ miżuri tekniċi xierqa, li l-merkanzija mhijiex ser tiġi riċevuta minn minuri.

    77.

    Il-Kummissjoni, il-Gvern Irlandiż u dak tar-Renju Unit, u Dynamic Medien sostanzjalment jaqblu mal-konsiderazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, billi jqisu li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    78.

    Min-naħa tiegħi, inqis li l-protezzjoni tal-minuri rigward il-kontenut ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża żgur hija raġuni xierqa biex tiġġustifika, skond l-Artikolu 30 KE u sakemm ikun hemm konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ostakli għall-kummerċ intra-Komunitarju li eventwalment jirriżultaw mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Kif uriet il-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-minuri tista’ taqa’ taħt id-difiża tal-moralità pubblika jew ta’ l-ordni pubbliku, jew tal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni. L-espożizzjoni tal-minuri għal immaġni meqjusa li mhumiex adattati għalihom (per eżempju minħabba kontenut vjolent, vulgari jew sesswali) tista’ titqies minn kull Stat Membru bħala moralment inaċċettabbli, perikoluża minħabba li l-minuri jistgħu jippruvaw jimitaw il-kontenut jew dannuża għall-iżvilupp psiko-fiżiku tal-minuri.

    79.

    Kemm il-projbizzjoni ta’ offerta u forniment lil minuri kif ukoll il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta” ta’ vidjogrammi li ma ġewx ikkontrollati mill-awtorità kompetenti Ġermaniża manifestament jidhru li għandhom l-għan li jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri li jiġu protetti l-minuri.

    80.

    Minflok jeħtieġ li jiġi vverifikat, peress li huwa kkontestat f’din il-proċedura preliminari, jekk l-imsemmija miżuri jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-istess għan, jiġifieri billi jitqies il-fatt li dawn jiġu applikati anki għal vidjogrammi li diġà ġew ikkontrollati u kklassifikati għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni u li għandhom fuqhom tikketta korrispondenti.

    81.

    Kif fakkru sew il-Kummissjoni u l-Gvernijiet intervjenenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li “fil-prinċipju għandu jkun kull Stat Membru li jiddetermina l-imperattivi tal-moralità pubblika fil-kuntest tat-territorju tiegħu fuq il-bażi ta’ l-iskala ta’ valuri tiegħu u fil-forma li jagħżel huwa stess” ( 39 ) u li “ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw li ssir referenza għall-kunċett ta’ ordni pubblika jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u minn żmien għall-ieħor”, għaldaqstant “għandu, f’dan ir-rigward, jiġi rrikonoxxut lill-awtoritajiet kompetenti marġni ta’ evalwazzjoni fil-limiti imposti mit-Trattat”. ( 40 ) Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, bejn il-beni jew l-interessi protetti mill-Artikolu 30 KE, is-saħħa u ħajjet il-persuni jinsabu fl-ewwel post u għandhom ikunu l-Istati Membri, fil-limiti imposti mit-Trattat, li jistabbilixxu l-livell safejn huma għandhom l-intenzjoni jiżguraw il-protezzjoni tagħhom. ( 41 )

    82.

    Is-setgħa diskrezzjonali li ġiet rikonoxxuta b’dan il-mod lill-awtoritajiet nazzjonali timplika li biss il-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik li jkun adotta Stat Membru ieħor ma jistax jitqies inqas importanti, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni, tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni. Dawn għandhom jiġu evalwati biss skond l-għanijiet li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat u skond il-livell ta’ protezzjon li għandhom l-intenzjoni jiżguraw. ( 42 )

    83.

    Għalhekk jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-suġġett in kwistjoni, it-Trattat KE jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu b’mod diskrezzjonali l-limiti ta’ l-etajiet għall-finijiet ta’ aċċess għal vidjogrammi, skond is-sensibbiltajiet kulturali, reliġjużi, morali u storiċi ta’ kull Stat, u biex jafdaw il-kompitu tal-kontroll u tal-klassifikazzjoni għall-kategoriji ta’ l-etajiet tal-kontenut ta’ dawn il-vidjogrammi lil awtorità nazzjonali maħtura għalhekk.

    84.

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni inerenti għal din il-klassifikazzjoni tirrifletti l-livell ta’ valuri ta’ kull Stat, għalhekk bl-ebda mod ma jista’ jiġi sostnut, fil-fehma tiegħi, li l-kontroll u l-klassifikazzjoni ta’ vidjogrammi mwettaq fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri huwa suffiċjenti biex jiġi garantit il-livell ta’ protezzjoni tal-minuri li l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ l-importazzjoni għandhom l-intenzjoni li jiżguraw.

    85.

    Inqis manifestament infondat l-argument ta’ Avides li l-iffirmar u r-ratifika, min-naħa tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal jimplikaw ekwivalenza fil-kriterji ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni tal-vidjogrammi min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati. Kif osservaw waqt is-seduta r-rappreżentanti ta’ Dynamic Medien, tal-Kummissjoni u tal-Gvernijiet ta’ l-istess żewġ Stati, l-imsemmija Konvenzjoni ma tiffissa l-ebda standard komuni għall-protezzjoni tal-minuri rigward il-kontenut tal-vidjogrammi jew ta’ prodotti medjatiċi oħra. L-Artikolu 17(e) tagħha jipprevdi biss li l-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni “jiffavorixxu l-elaborazzjoni tal-prinċipli li direttivi xierqa li għandhom l-għan li jipproteġu lit-tfal minn informazzjoni u minn materjali [li ġejjin mill-mass midja] li jagħmlulhom ħsara”.

    86.

    Rigward il-possibbiltà dedotta li l-vidjogrammi li diġà ġew ikkontrollati u kklassifikati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ l-esportazzjoni fil-Ġermanja jiġu suġġetti biss għal proċedura ta’ kontroll semplifikata, bħal mhuwa previst fil-Ġermanja għal tipi partikolari ta’ vidjogrammi, inqis li Avides ma pprovdiet l-ebda informazzjoni rigward il-karatteristiċi li jiddistingwu din il-proċedura minn dik ordinarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk, fil-fehma tiegħi, m’għandiex elementi suffiċjenti biex tevalwa jekk l-użu tal-proċedura semplifikata għall-vidjogrammi li diġà ġew ikkontrollati u kklassifikati fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni huwiex xorta adattat biex jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tal-minuri li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom l-intenzjoni jiżguraw fil-Ġermanja. F’kull każ, iktar ’il fuq semmejt kif l-evalwazzjoni ta’ dak li jista’ jkun dannuż għall-minuri u għalhekk, indirettament, għall-moralità pubblika, għall-ordni pubbliku u għal saħħet il-persuni, tiddependi ferm mill-iskala ta’ valuri li jkollu kull Stat Membru. Għalhekk ma naħsibx li l-fatt li vidjogramm partikolari jkun diġà ġie suġġett għal kontroll u għal klassifikazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni bilfors jikkostitwixxi fattur tali li jtaffi r-riskju li l-viżwalizzazzjoni ta’ dak il-vidjogramm tikkomprometti l-imsemmija ħtiġijiet ta’ interess pubbliku fil-Ġermanja u li jeħtieġ għalhekk formalitajiet iktar tal-kontroll u l-klassifikazzjoni mill-awtorità kompetenti Ġermaniża.

    87.

    Għalhekk, ma naħsibx illi, safejn tipprojbixxi l-offerta u l-forniment lil minuri jew ikun ipprojbit il-bejgħ b’korrispondenza “mhux protetta” ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża jew b’xi mod nieqsa minn tikketta korrispondenti, imma li diġà ġew ikkontrollati u kklassifikati għall-istess finijiet mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ l-esportazzjoni, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-protezzjoni tal-minuri rigward il-vidjogrammi hija sproporzjonata rigward il-finijiet li għandha.

    88.

    L-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-ħtieġa, invokata minn Avides fis-seduta, li dawn ir-regoli jiġu interpertati u applikati fid-dawl ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jistabbilixxi d-dritt tat-tfal għal-libertà ta’ l-espressjoni. Skond l-Artikolu 13(1), dan id-dritt “jinkludi l-libertà li jfittxu, jirċievu u jxerrdu informazzjoni u ideat ta’ kull xorta, indipendentement mill-fruntieri, f’forma orali, miktuba, stampata jew artistika, u bi kwalunkwe mezz li jagħżlu t-tfal ”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

    89.

    Naturalment il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, meta Stat Membru jinvoka ħtiġijiet imperattivi biex jiġġustifika leġiżlazzjoni adattata biex timpedixxi l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-merkanzija, din il-ġustifikazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali. ( 43 )

    90.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal torbot lil kull Stat Membru u hija fost l-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li hija tqis għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. ( 44 )

    91.

    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar, mal-Kummissjoni, li l-libertà ta’ espressjoni, li tinkludi fost l-oħrajn “il-libertà li wieħed jirċievi […] informazzjoni jew ideat mingħajr ma l-awtoritajiet pubbliċi jeħduha kontra tiegħu u mingħajr limiti ta’ fruntiera”, ġiet stabbilta anki mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertaijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem: il-“KEDB”), li l-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha minnha biex tiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali jiġu osservati.

    92.

    Issa, f’dan ir-rigward nosserva, l-ewwel nett, kif għamlu l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-istess Artikolu 13(2) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistabbilixxi li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet bil-liġi għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni li jkunu meħtieġa b’mod partikolari “biex ikunu salvagwardjati s-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u s-saħħa jew il-moralità pubblika”; filwaqt li l-Artikolu 17(e) ta’ l-istess Konvenzjoni, kif diġà semmejt, jimpenja lill-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni biex jiffavorixxu “l-elaborazzjoni ta’ prinċipji direttivi xierqa li għandhom l-għan li jipproteġu lit-tfal minn informazzjoni u minn materjali li jagħmlulhom ħsara ”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    93.

    It-tieni nett, jirriżulta mill-istess formulazzjoni ta’ l-Artikolu 10(2) tal-KEDB li l-libertà ta’ l-espressjoni hija suġġetta għal ċerti limitazzjonijiet li huma ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali, jekk dawn ikunu previsti mil-liġi, stabbiliti minn fini leġittimu wieħed jew iktar skond l-imsemmija dispożizzjoni u meħtieġa f’soċjetà demokratika, jiġifieri li jkunu ġġustifikati minn ħtieġa soċjali imperattiva, u b’mod partikolari, proporzjonati għall-fini leġittimu mixtieq. ( 45 ) Fost l-għanijiet ta’ interess ġenerali espressament imsemmija mill-Artikolu 10(2) tal-KEDB hemm, partikolarment, id-“difiża ta’ l-ordni”, l-“prevenzjoni tar-reati” u l-“protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali”. Issa, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni ġiet stabbilita bil-liġi, taqdi oġġettivament il-proċedura biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, billi tirrispondi għall-ħtieġa soċjali imperattiva tal-protezzjoni tal-minuri rigward kontenut medjatiku li mhux adattat għalihom, u tibqa’ proporzjonata għall-fini leġittimu mixtieq.

    94.

    Għaldaqstant, inqis li r-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Koblenz għandha tkun li projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrsipondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti, kif imsemmija fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, fejn kellha titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE, hija ġġustifikata skond l-Artikolu 30 KE, minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku u ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-persuni, anki fil-każ li l-vidjogramm kien diġà ġie suġġett għal verifika ta’ kemm huwa adattat għall-minuri fi Stat Membru ieħor, u dan ikun indikat fuqu stess.

    V — Konklużjoni

    95.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerrixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Landgericht Koblenz kif ġej:

     

    “Projbizzjoni ta’ bejgħ b’korrispondenza ta’ vidjogrammi li ma ġewx suġġetti għal kontroll u għal klassifikazzjoni għal finijiet ta’ protezzjoni tal-minuri min-naħa ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti, bħal dik imsemmija fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-Jugendschutzgesetz, tirregola modalità ta’ bejgħ, u billi tapplika fil-konfront ta’ l-operaturi kollha li jwettqu l-attività tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat ikkonċernat, ma tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE, sakemm ikollha l-istess impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li joriġinaw f’dak l-Istat u fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti minn Stati Membri oħra.

     

    Jekk il-qorti nazzjonali, meta tagħmel dan l-eżami, tikkonkludi li din il-projbizzjoni hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni skond l-Artikolu 28 KE, din tkun iġġustifikata, skond l-Artikolu 30 KE, minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku u ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-persuni, anki fil-każ li l-vidjogramm kien diġà ġie suġġett għal verifika ta’ kemm huwa adattat għal minuri fi Stat Membru ieħor, u dan ikun indikat fuqu stess”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) ĠU L 178, p. 1.

    ( 3 ) BGBl. 2002 I, p. 2730.

    ( 4 ) Traduzzjoni mhux uffiċjali mit-test oriġinali tal-JuSchuG.

    ( 5 ) Ibid.

    ( 6 ) Dan il-każ jaqa’, f’kull każ, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, peress li jikkonċerna l-bejgħ fil-Ġermanja ta’ prodotti provenjenti mir-Renju Unit.

    ( 7 ) Barra minn dan, ma nista’ nsib xejn fit-test tal-JuSchuG, li huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Bundesministerium für Familie, Senioren, Frauen und Jugend (il-Ministeru Ġermaniż għall-Familja, għall-Anzjani, għan-Nisa u għaż-Żgħażagħ), b’mod partikolari fl-Artikolu 14 li jikkonċerna “It-tikkettjar tal-films u tal-programmi ta’ films u tal-logħob”, li jindika l-eżistenza ta’ obbligu li l-vidjogrammi intiżi għall-bejgħ fil-Ġermanja għandhom jiġu suġġetti għall-kontroll u għall-klassifikazzjoni min-naħa ta’ l-awtorità Ġermaniża kompetenti. Barra minn hekk, l-Artikoli 27 u 28 tal-JuSchuG, li jistabbilixxu sanzjonijiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess JuSchuG, ma jipprevedu l-ebda sanzjoni għan-nuqqas ta’ suġġettar ta’ vidjogramm għall-kontroll ta’ l-awtorità kompetenti Ġermaniża.

    ( 8 ) Ex multis, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, C-324/99, DaimlerChrysler (Ġabra, p. I-9897, punt 32); ta’ l-24 ta’ Ottubru 2002, C-99/01, Linhart u Biffl (Ġabra, p. I-9375, punt 18), u tal-11 ta’ Diċembru 2003, C-322/01, Deutscher Apothekerverband (Ġabra, p. I-14887, punt 64).

    ( 9 ) ĠU L 144, p. 19.

    ( 10 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 11 ) Donnha qed tgħid l-istess ħaġa anki l-premessa 18 tad-Direttiva, li tgħid illi “[is-s]ervizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jifirxu fuq medda iktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on-line” li “jistgħu … jikkonsistu fil-bejgħ ta’ oġġetti online”.

    ( 12 ) Skond l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva, dan il-qasam ikkoordinat ikopri “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom […] ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’ kemm il-bidu kif ukoll il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” (partikolarment il-“ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġiba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti”).

    ( 13 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 14 ) L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2000/31 jippreċiża li għall-finijiet ta’ l-istess Direttiva “min hu stabbilit li jipprovdi servizz” tfisser “dak li jipprovdi servizz li effettivament isegwi attività ekonomika billi juża stabbiliment fiss għal perjodu indefinit”, “[il-]preżenza u l-użu ta’ mezzi tekniċi u teknoloġija meħtieġa biex jipprovdi s-servizz mhumiex, minnhom infushom, dak li jikkostitwixxi stabbiliment għal min jipprovdi s-servizz”.

    ( 15 ) Fis-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni simili b’referenza għal projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom għandu jsir mill-ispiżeriji biss, bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li ġiet eżaminata f’dik is-sentenza.

    ( 16 ) Ibid, punti 64-65.

    ( 17 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, 8/74, Dassonville (Ġabra, p. 837, punt 5).

    ( 18 ) Fl-aħħar nett, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, C-254/05, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Ġabra p. I-4269, punt 27).

    ( 19 ) Sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 1979, 120/78, Rewe-Zentral (Ġabra, p. 649).

    ( 20 ) Sentenzi ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, C-267/91 u C-268/91, Keck u Mithouard (Ġabra, p. I-6097, punt 15), u Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67.

    ( 21 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punt 16.

    ( 22 ) Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, C-292/92, Hünermund et (Ġabra p. I-6787, punt 21); tad-9 ta’ Frar 1995, C-412/93, Leclerc-Siplec (Ġabra p. I-179, punt 21), u tat-23 ta’ Frar 2006, C-441/04, A-Punkt Schmuckhandels (Ġabra p. I-2093, punt 15).

    ( 23 ) Konklużjonijiet ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 1993 fil-kawża deċiża bis-sentenza Hünermund et iċċitata iktar ’il fuq (punt 11).

    ( 24 ) Fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, C-390/99, Canal Satélite Digital (Ġabra p. I-607, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “[i]l-ħtieġa li eventwalment il-prodotti in kwistjoni jiġu adattati għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru tal-kummerċjalizzazzjoni teskludi […] li jkunu kkonċernati modalitajiet ta’ bejgħ fit-tifsira tas-sentenza […]Keck u Mithouard […]”.

    ( 25 ) Sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, C-470/93 (Ġabra p. I-1923), dwar projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati prodotti li fl-ippakkjar ikollhom reklami li jqarrqu.

    ( 26 ) Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, C-368/95 (Ġabra p. I-3689), dwar projbizzjoni biex jinbigħu rivisti li fihom logħob bi premju.

    ( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, C-405/98, Gourmet International Products (Ġabra p. I-1795, punt 18), u tal-15 ta’ Lulju 2004, C-239/02, Douwe Egberts (Ġabra p. I-7007, punt 51).

    ( 28 ) Iċċitata iktar ’il fuq, punti 73-75.

    ( 29 ) Ibid.

    ( 30 ) Sostanzjalment, dawn huma sistemi ta’ protezzjoni ta’ gruppi magħluqa ta’ utenti, li diġà ġew utlizzati għall-finijiet ta’ benefiċċju dirett, per eżempju permezz ta’ tniżżil ta’ kontenut medjatiku rriżervat għall-adulti.

    ( 31 ) Dejjem, naturalment għall-finijiet tal-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-projbizzjoni tal-bejgħ b’korrispondenza skond il-punt 2 ta’ l-Artikolu 12(3) tal-JuSchuG, peress li tiġi applikata fil-konfront ta’ operaturi stabbiliti fi Stati Membri li mhumiex il-Ġermanja, għandhom jitqiesu l-Artikoli 28 KE u 30 KE u mhux il-miżura ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, li tissemma fil-punti 27 sa 32 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Naqbel ma’ l-Avukat Ġenerali Kokott fejn, fil-konklużjonijiet li ġew ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża C-142/05, Mickelsson u Roos (li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 31), tinterpreta dan il-kunċett ta’ ostakolu għall-aċċess tas-suq b’mod wiesa’ u komprensiv, jiġifieri mhux biss tal-“preklużjoni” imma anki tal-“piż kunsiderevoli” ta’ l-aċċess għas-suq.

    ( 33 ) Dwar dan il-punt, lill-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatilha l-ebda informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura preliminari preżenti.

    ( 34 ) Fi prospettiva differenti, il-ħtieġa fuq il-livell ekonomiku li l-prodotti importati jiġu suġġetti għall-proċedura nazzjonali ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni u li jkun provdut ittikkettjar adegwat konsegwenti, minflok ma tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni li tissemma fis-sentenza Keck u Mithouard, tista’ titqies bħala obbligu ġuridiku veru u proprju u jwassal biex il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni tikkwalifika bħala regolamenti rigward il-karatteristiċi tal-prodotti li timplika adattatament ta’ dawn ta’ l-aħħar biex jinbiegħu fit-territorju Ġermaniż. F’dak il-każ għalhekk tkun skema ta’ analiżi alternattiva għal dik li ddeskrivejt fil-punt 50 iktar ’il fuq. Ikun xi jkun il-każ, ir-riżultat ta’ l-analiżi jkun l-istess, fis-sens li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, fejn jiġi aċċertat li, anki jekk l-operaturi ma jiġux obbligati fuq il-livell formali, tkun tali li twassalhom biex il-prodott li jkunu importaw ikun suġġett għall-proċedura nazzjonali ta’ kontroll u ta’ klassifikazzjoni u li l-ittikkettjar tiegħu jiġi adegwat skond dan, jkollha tiġi kwalfikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti fit-tifsira ta’ l-Artikolu 28 KE.

    ( 35 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C-34/95 sa C-36/95 (Ġabra p. I-3843), punt 44; tas-26 ta’ Mejju 2005, C-20/03, Burmanjer et (Ġabra p. I-4133), punti 31 u 32, u A-Punkt Schmuckhandels, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25.

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, C-14/02, ATRAL (Ġabra p. I-4431), punt 64; tal-5 ta’ Frar 2004, C-270/02, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Ġabra p. I-1559), punti 21-22; Douwe Egberts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, u ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, C-366/04, Schwarz (Ġabra p. I-10139), punt 30.

    ( 37 ) Il-Gvern Ġermaniż jirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, C-36/02, Omega (Ġabra p. I-9609, punt 34).

    ( 38 ) Il-Gvern Ġermaniż josserva li l-livell ta’ tolleranza rigward immaġni ta’ vjolenza jew ta’ pornografija jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, u allura ċerti films ikunu pprojbiti lill-minuri f’ċerti Stati Membri imma mhux f’oħrajn. Huwa jsemmi wkoll is-sensibbiltà partikolari tal-pubbliku Ġermaniż, u għalhekk is-severità akbar fl-evalwazzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet ta’ kontroll, tar-rappreżentazzjonijiet tan-nazzjonalsoċjaliżmu.

    ( 39 ) Sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1979, 34/79, Henn u Darby (Ġabra p. 3795, punt 15).

    ( 40 ) Sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 41 ) Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 42 ) Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, C-124/97, Läärä et (Ġabra p. I-6067, punt 36), u tal-11 ta’ Settembru 2003, C-6/01, Anomar et (Ġabra p. I-8621, punt 80).

    ( 43 ) Sentenza Familiapress, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24.

    ( 44 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, C-540/03, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Ġabra p. I-5769, punt 37).

    ( 45 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, C-112/00, Schmidberger (Ġabra p. I-5659, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top