Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0442

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-3 ta' April 2008.
    Finanzamt Oschatz vs Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 4(5) u 12(3)(a) - Annessi D u H - Kunċett ta’ ‘provvista ta’ ilma’ - Rata mnaqqsa ta’ VAT.
    Kawża C-442/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:184

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    3 ta’ April 2008 ( *1 )

    “Sitt Direttiva tal-VAT — Artikoli 4(5) u 12(3)(a) — Annessi D u H — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ l-ilma’ — Rata mnaqqsa tal-VAT”

    Fil-Kawża C-442/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura

    Finanzamt Oschatz

    vs

    Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien,

    fil-preżenza ta’:

    Bundesministerium der Finanzen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Finanzamt Oschatz, minn T. Martin, bħala aġent,

    għall-Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, minn F. Schmidt, Steuerberater,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ ilma” skond il-punt 2 ta’ l-Anness D, u t-tieni kategorija ta’ l-Anness H tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4/KE tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU L 22, p. 17, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Oschatz (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u ż-Zweckverband zur Trinkwasserversorgung und Abwasserbeseitigung Torgau-Westelbien, (sindakat interkomunali ta’ provvista ta’ l-ilma għax-xorb u l-ħruġ ta’ l-ilma użat fid-distrett ta’ Torgau-Westelbien, iktar ’il quddiem iż-“Zweckverband”), rigward jekk għandhiex tiġi applikata jew le r-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fir-rigward ta’ l-operazzjoni ta’ konnessjoni individwali ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli man-netwerk ta’ provvista ta’ l-ilma.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tgħid hekk:

    “Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

    Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

    F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

    […]”

    4

    Fil-punt 2 ta’ l-Anness D ta’ din id-direttiva tissemma b’mod partikolari l-provvista ta’ ilma.

    5

    L-Artikolu 12(3)(a) ta’ din id-direttiva jgħid:

    “Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta' l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. […]

    […]

    L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin.Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta' l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta' l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.

    […]”

    6

    L-Anness H tas-Sitt Direttiva, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa ta’ VAT”, isemmi, taħt it-tieni kategorija, il-provvisti ta’ l-ilma.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7

    Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ l-1999 (Umsatzsteuergesetz 1999, iktar ’il quddiem l-“UStG”), fil-verżjoni applikabbli fi żmien il-fatti fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ il-provvisti u servizzi oħra li jsiru bi ħlas ġewwa pajjiż, minn imprenditur fil-kuntest ta’ l-impriża tiegħu.

    8

    Skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 2(3) ta’ l-UStG, il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jaġixxu b’mod kummerċjali u professjonali biss fil-kuntest ta’ l-istabbilimenti tagħhom li huma ta’ natura kummerċjali. Skond l-Artikolu 4(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz), huma b’mod partikolari stabbilimenti ta’ natura kummerċjali dawk li għandhom bħala għan il-provvista ta’ l-ilma lill-popolazzjoni.

    9

    Skond l-Artikolu 12(1) ta’ l-UStG, it-taxxa titla’, għal kull dħul mill-bejgħ taxxabbli, għal 16 % ta’ l-ammont taxxabbli.

    10

    Madankollu l-Artikolu 12(2) jipprovdi li r-rata taxxabbli hija mnaqqsa għal 7 % għad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-provvista, l-importazzjoni u l-akkwist intrakomunitarju ta’ oġġetti li jaqgħu taħt l-Anness 2 ta’ l-imsemmija liġi, fost liema, fil-punt 34 ta’ l-imsemmi anness, l-ilma.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Iż-Zweckverband jiżgura l-provvista ta’ l-ilma għax-xorb u l-ħruġ ta’ l-ilma użat għal numru ta’ bliet u komuni tad-distrett ta’ Torgau-Westelbien. Għal dan il-għan, l-attività ta’ dan is-sindakat tkopri b’mod partikolari l-ġbir, il-mogħdija, it-trattament u d-distribuzzjoni ta’ l-ilma għax-xorb lill-klijenti tiegħu, jiġifieri l-proprjetarji tal-proprjetajiet immobili konnessi man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma. F’dan il-kuntest, is-sindakat iwettaq, fuq talba tal-klijenti tiegħu, l-operazzjoni ta’ inkanalr individwali tan-netwerks ta’ provvista ta’ ilma li għaliha jitħallas darba għall-ispiża ta’ l-imsemmija operazzjoni. Din il-komunikazzjoni tibqa’ proprjetà taż-Zweckverband.

    12

    Minħabba li din il-komunikazzjoni kienet distinta mill-provvista ta’ l-ilma, il-Finanzamt iddeċiediet li tapplika r-rata normali ta’ VAT prevista taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward tagħha.

    13

    Wara applikazzjoni mill-ġdid quddiem il-Finanzamt, li ma tatx ir-riżultat mixtieq, iż-Zweckverband ippreżenta rikors quddiem il-Finanzgericht Sachsen, fejn sostna li l-imsemmi inkanalar individwali kellu jiġi suġġetta għall-istess rata mnaqqsa ta’ VAT bħal dik applikata għall-provvista ta’ l-ilma.

    14

    Il-Finanzgericht Sachsen laqgħet ir-rikors taż-Zweckverband, billi qieset li l-provvista ta’ l-ilma u l-inkanalar individwali tan-netwerks ta’ provvista ta’ ilma kienu jikkostitwixxu servizz wieħed ta’ “provvista ta’ l-ilma”, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet is-Sitt Direttiva.

    15

    B’hekk il-Finanzamt ippreżenta rikors quddiem il-Bundesfinanzhof għal “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni.

    16

    Bħal fil-każ tal-partijiet, il-qorti tar-rinviju tibda’ mill-prinċipju li, billi jwettaq inkanalar individwali, iż-Zweckverband jaġixxi bħala impriża, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, l-imsemmija qorti tippreċiża li jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ l-imsemmija partijiet, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-kawża prinċipali, li ż-Zweckverband jaġixxi skond statut irregolat mid-dritt pubbliku u fil-forom tad-dritt pubbliku, li jmur kontra l-intaxxar ta’ l-imsemmi sindakat għall-VAT, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

    17

    Rigward ir-rata ta’ VAT applikabbli, l-imsemmija qorti tfakkar li, sa l-ittra tal-Bundesministerium der Finanzen (Ministeru Federali tal-Finanzi), ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, l-inkanalar individwali kien meqjus bħala servizz li jagħmel parti mill-provvista ta’ l-ilma.

    18

    Din il-qorti hija wkoll disposta li taħseb li l-imsemmija komunikazzjoni hija dovuta għall-provvista ta’ l-ilma, iżda tqis li din il-kwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva u tat-tieni kategorija ta’ l-Anness H tagħha.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Il-komunikazzjoni ta’ l-installazzjoni tal-proprjetarju tal-proprjetà immobbli tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma (l-hekk imsejħa ‘komunikazzjoni mid-djar’) minn kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ l-ilma permezz ta’ ħlas ikkalkulat b’mod separat taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘provvista ta’ ilma’] skond is-Sitt Direttiva […] (punt 2 ta’ l-Anness D, u [t-tieni] kategorija ta’ l-Anness H)?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    20

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż esprimew dubji fuq ir-rilevanza tad-domanda preliminari safejn din tirreferi għall-punt 2 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva, peress li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-issuġġettar taż-Zweckverband mal-VAT.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix mill-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C-35/99, Ġabra p. I-1529, punt 25, u tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 33).

    22

    Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet m’hi ssodisfata f’din il-kawża.

    23

    Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet kawża li tikkonċerna l-VAT, tiddeskrivi b’mod dettaljat il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali.

    24

    Barra minn hekk, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-VAT, b’mod partikolari dwar il-kunċett ta’ “provvista ta’ ilma” li jinsab kemm fl-Anness D kif ukoll fl-Anness H tas-Sitt Direttiva, sabiex tkun f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-operazzjoni ta’ inkanalar individwali ta’ proprjetà immobbli ta’ netwerk ta’ provvista ta’ ilma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti mill-imsemmija provvista.

    25

    Jekk il-kawża prinċipali tikkonċerna prinċipalment l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-imsemmija operazzjoni, b’eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-rata normali ta’ VAT, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-issuġġettar taż-Zweckverband għall-VAT, liema kundizzjoni għandha tiġi ssodisfata għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ VAT għal din l-operazzjoni.

    26

    L-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju għaldaqstant tippreżenta, mingħajr ma hija ipotetika, relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    27

    B’hekk, id-domanda magħmula hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    28

    Ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tingħata, fl-ewwel lok, safejn hija relatata ma’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u mal-punt 2 ta’ l-Anness D tagħha, imbagħad, fit-tieni lok, safejn tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ waħda mir-rati mnaqqsa ta’ VAT imsemmija fl-Artikolu 12(3)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva, flimkien mat-tieni kategorija ta’ l-Anness H tagħha.

    Fuq l-Artikolu 4(5) u l-punt 2 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva

    29

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-provvista ta’ l-ilma msemmija fil-punt 2 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva tinkludix l-inkanalar individwali tan-netwerks ta’ provvista ta’ ilma.

    30

    Fin-nuqqas ta’ definizzjoni fis-Sitt Direttiva, għandu jiġi mfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, bħall-punt 2 ta’ l-Anness D ta’ l-imsemmija Direttiva, hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 50, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-53/05, Ġabra p. I-6215, punt 20).

    31

    Mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, billi tipprovdi li l-korpi rregolati taħt id-dritt pubbliku għandhom, f’kull każ, jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet elenkati fl-Anness D safejn dawn ma jkunux ta’ importanza żgħira wisq, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmel ebda limitazzjoni għar-regola ta’ nuqqas ta’ taxxabbiltà ta’ dawn il-korpi, li tingħadd ma’ dawk li jirriżultaw mill-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, jiġifieri attivitajiet eżerċitati bħala awtoritajiet pubbliċi, u d-deroga prevista fit-tieni subparagrafu meta n-nuqqas ta’ taxxabbiltà ta’ l-attivitajiet in kwistjoni jagħti lok għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. It-tielet subparagrafu ta’ l-istess Artikolu huwa għalhekk intiż sabiex jiżgura li ċerti kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi li l-importanza tagħhom tirriżulta mill-għan tagħhom ma jaħarbux mill-VAT minħabba li dawn jiġu eżerċitati minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, 231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 26).

    32

    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-provvista ta’ l-ilma hija kkaratterizzata mill-provvista ta’ l-ilma lill-pubbliku u li, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija distribuzzjoni ssir permezz ta’ netwerks fissi intiżi biex jipprovdu servizz lil dan il-pubbliku.

    33

    Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-inkanalar individwali tan-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma jikkonsisti fit-tqegħid, miż-Zweckverband, ta’ l-inkanalar li jippermetti l-konnessjoni ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli ma’ l-imsemmija netwerks.

    34

    Huwa paċifiku li, mingħajr it-twettiq ta’ din il-komunikazzjoni, il-provvista ta’ ilma lill-proprjetarju jew lill-okkupant ta’ din il-proprjetà immobbli hija impossibbli. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni hija indispensabbli għall-provvista ta’ l-ilma.

    35

    Safejn, l-ewwel nett, l-għan tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, huwa li jassigura li ma jkunux suġġetti għall-VAT, minħabba l-karatteristika ta’ persuna pubblika ta’ min jipprovdi s-servizz, il-kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ ċertu importanza msemmija fl-Anness D, fost liema hemm il-provvista ta’ l-ilma, fejn, sussegwentement, il-provvista ta’ l-ilma tiġi kkaratterizzata mill-provvista ta’ l-ilma lill-pubbliku, u fejn, fl-aħħar nett, l-inkanalar individwali huwa indispensabbli għal din il-provvista ta’ ilma, hemm lok sabiex jitqies li l-imsemmi inkanalar jaqa’ taħt il-provvista ta’ l-ilma msemmija fil-punt 2 ta’ l-imsemmi anness.

    36

    B’hekk jirriżulta li, anki fl-ipoteżi fejn iż-Zweckverband iwettaq l-inkanalar individwali fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, minħabba l-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-imsemmi Artikolu, huwa jikseb il-karatteristika ta’ persuna taxxabbli fir-rigward ta’ l-imsemmi inkanalar individwali.

    37

    Fir-rigward ta’ kull ma ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u l-punt 2 ta’ l-Anness D tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ l-ilma, li tinsab fl-imemmi anness, tinkludi l-operazzjoni ta’ inkanalar individwali li tikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, fl-inkanalar li jippermetti l-konnessjoni ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli man-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma., b’mod li korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kompetenzi tiegħu bħala awtorità pubblika għandu l-karatteristika ta’ persuna taxxabbli fir-rigward ta’ l-imsemmija operazzjoni.

    Fuq l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva u t-tieni kategorija ta’ l-Anness H tagħha

    38

    Peremezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-inkanalar individwali tan-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma jaqax taħt il-provvista ta’ l-ilma msemmija fit-tieni kategorija ta’ l-Anness H tas-Sitt Direttiva.

    39

    Mill-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ rata jew żewġ rati mnaqqsa ta’ VAT hija possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri b’deroga għall-prinċipju li jgħid li hija applikabbli r-rata normali. Barra minn hekk, skond din id-dispożizzjoni, ir-rati mnaqqsa ta’ VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.

    40

    Jekk is-Sitt Direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-provvista ta’ l-ilma, lanqas ma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tagħha li din l-espressjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjonijiet differenti skond l-anness li fiha tissemma. Peress li l-inkanalar individwali huwa indispensabbli għall-provvista ta’ l-ilma lill-pubbliku, kif jirriżulta fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkunsidrat li din tinkludi wkoll il-provvista ta’ l-ilma msemmija fit-tieni kategorija ta’ l-Anness H tas-Sitt Direttiva.

    41

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li mkien fit-test ta’ l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma jiġi imponut li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li teżiġi li r-rata mnaqqsa għandha tapplika biss jekk tinkorpora l-aspetti kollha tal-provvista ta’ l-ilma msemmija fl-Anness H ta’ l-istess direttiva, b’tali mod li applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ma tistax tiġi eskluża, sakemm din ma twassalx għal ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-384/01, Ġabra p. I-4395, punt 27).

    42

    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT li jkunu inqas mir-rata normali ffissata fl-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva huma ammissibbli biss sakemm ma jiksrux il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li jipprekludi li merkanzija jew provvisti ta’ servizzi simili, li b’hekk jikkompetu kontra xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-481/98, Ġabra p. I-3369, punti 21 u 22, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20).

    43

    Għalhekk, bla ħsara li jiġi rrispettat il-prinċipju tan-newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward ta’ l-aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista ta’ l-ilma msemmija fit-tieni kategorija ta’ l-Anness H tas-Sitt Direttiva, bħall-inkanalar individwali.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun ukoll li l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva u t-tieni kategorija ta’ l-Anness H tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ l-ilma tinkludi l-operazzjoni ta’ inkanalar individwali li tikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, fit-tqegħid, mis-sindakat interkomunali, ta’ l-inkanalar li jippermetti l-konnessjoni ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli man-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista ta’ l-ilma, bħall-operazzjoni ta’ inkanalar individwali in kwistijoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, u l-punt 2 ta’ l-Anness D tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ l-ilma, li tinsab fl-imemmi anness, tinkludi l-operazzjoni ta’ inkanalar individwali li tikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, fl-inkanalar li jippermetti l-konnessjoni ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli man-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma, b’mod li korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi fil-kompetenzi tiegħu bħala awtorità pubblika għandu l-karatteristika ta’ persuna taxxabbli fir-rigward ta’ l-imsemmija operazzjoni.

     

    2)

    L-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 u t-tieni kategorija ta’ l-Anness H tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ l-ilma tinkludi l-operazzjoni ta’ inkanalar individwali li tikkonsisti, bħal fil-kawża prinċipali, fit-tqegħid, mis-sindakat interkomunali, ta’ l-inkanalar li jippermetti l-konnessjoni ta’ l-installazzjoni idrolika ta’ proprjetà immobbli man-netwerks fissi ta’ provvista ta’ ilma. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għal aspetti konkreti u speċifiċi tal-provvista ta’ l-ilma, bħall-operazzjoni ta’ inkanalar individwali in kwistijoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top