Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0542

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-12 ta' Mejju 2005.
    Hauptzollamt Hamburg-Jonas vs Milupa GmbH & Co. KG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Agrikoltura - Rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni - Prodotti agrikoli pproċessati u inkorporati f'oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Anness I KE) - Dikjarazzjoni mhux eżatta - Sanzjoni.
    Kawża C-542/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:291

    62003J0542



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża C-542/03

    li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Novembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Diċembru 2003, fil-proċedura

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas

    vs

    Milupa GmbH & Co. KG

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta' Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, U. Lhmus u A. Ó Caoimh, Mħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    - għal Milupa GmbH & Co. KG, minn H. Wrobel u F. Boulanger, Rechtsanwälte,

    - għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tagħti s-sentenza mingħajr konklużjonijet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 7(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1222/94 tat-30 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema għall-għoti ta' rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat, u l-kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta' dawk ir-rifużjonijiet (ĠU L 136, p. 5) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 229/96 tas-7 ta' Frar 1996 (ĠU L 30, p. 24, aktar 'il quddiem, ir-Regolament Nru 1222/94).

    2. Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kontroversja bejn Hauptzollamt Hamburg-Jonas (aktar 'il quddiem Hauptzollamt) u l-kumpannija Milupa GmbH & Co. KG (aktar 'il quddiem Milupa) dwar id-dritt li jingħataw rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni fuq prodott li fih taħlita semi-preparata manufatturata mhux minn ħhalib xkumat frisk, kif iddikjarat fid-dokument ta' l-esportazzjoni, iżda minn konċentrat ta' ħalib xkumat.

    Il-Qafas Ġuridiku Komunitarju

    Ir-Regolament (KE) Nru 3448/93

    3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għall-ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (ĠU L 318, p. 18), jistipula fl-Artikolu 8(1) li:

    Fuq l-esportazzjoni ta' l-oġġetti, il-prodotti agrikoli li jkunu ġew użati u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 (2) tat-Trattat jistgħu jikkwalifikaw għar-rifondi stabbiliti b'mod konformi mar-regolamenti fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-setturi kkonċernati.

    L-ebda rifondi fuq l-esportazzjoni ma' jistgħu jingħataw fuq il-prodotti agrikoli nkorporati fl-oġġetti mhux koperti minn organizzazzjoni komuni tas-suq li tipprovdi għar-rifondi ta' l-esportazzjoni fuq prodotti esportati fil-forma ta' l-oġġetti ta' dan it-tip.

    Ir-Regolament Nru 1222/94

    4. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' l-għoti ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli pproċessati, esportati fil-forma ta' oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Anness I KE) u li l-prodotti bażiċi tagħhom huma indikati f'wieħed mir-regolamenti bażiċi dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-setturi tal-ħalib u prodotti tal-ħalib, tal-bajd, tar-ross, taz-zokkor u taċ-ċereali. Ir-Regolament Nru 1222/94 huma applikabbli għal prodotti bażiċi elenkati fl-Anness A tar-regolament, għal prodotti mnissla mill-ipproċessar tagħhhom elenkati fl-Annessi B jew C ta' dan, u għal prodotti li l-assimilazzjoni ma' waħda minn dawk iż-żewġ kategoriji joħroġ mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(2) ta' l-istess regolament.

    5. L-Anness A tar-Regolament Nru 1222/94 jinkludi, b'mod partikolari, il-prodott bażiku bil-kodiċi NC ex 0402 10 19 u deskritt bħala trab tal-ħalib, li ma' fihx zokkor jew sustanza oħra ta' ħlewwa miżjuda, miksub permezz tal-proċess spray , b'kontenut ta' xaħam inqas minn 1.5% skond il-piż u b'kontenut ta' ilma inqas minn 5% skond il-piż (PG 2)

    6. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1222/94 jipprevedi li ċertu numru ta' prodotti jiġu assimilati ma' prodotti oħra. Għaldaqstant, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1(2)(c) u l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1(2)(f) ta' dan ir-regolament, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2915/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 (ĠU L 305, p. 33) jipprevedu:

    Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

    [...]

    c) - il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NC 0403 10 22, 0403 90 51, 0404 90 11 u 0404 90 31, mhux konċentrati u li lanqas ma fihom zokkor jew sustanza oħra ta' ħlewwa miżjuda, sew jekk iffriżati jew le, b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib, skond il-piż, li ma jeċċedix il-0.1%,

    [...]

    għandhom jiġu assimilati ma' trab tal-ħalib xkumat elenkat fl-Anness A (PG 2);

    [...]

    f) - il-ħalib, il-krema u l-prodotti tal-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NC 0403 10 22 sa 0403 10 26, il-kodiċijiet NC 0403 90 51 sa 0403 90 59 u il-kodiċijiet NC 0404 90 11 sa 0404 90 39, konċentrati, ħlief dawk fi trab, granuli jew taħt forom oħra solidi, li ma jkunx fihom zokkor jew sustanza oħra ta' ħlewwa miżjuda

    [...]

    għandhom jiġu assimilati ma':

    i) trab tal-ħalib xkumat elenkat fl-Anness A (PG2) fir-rigward tal-parti bla xaħam tal-kontenut tal-materja niexfa tal-prodott assimilat

    u

    ii) butir li ssir referenza għalih fl-Anness A (PG6) f'dak li għandu x'jaqsam max-xaħam tal-ħalib tal-prodott assimilat

    7. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1222/94 fih diversi dispożizzjonijiet dwar d-determinazzjoni tal-kwantità ta' prodotti bażiċi li għandha tittieħed fil-kalkolu ta' l-ammont tar-rifużjoni. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-Artikolu jipprevedi b'mod partikolari li, f'ċerti ċirkustanzi, din il-kwantità tista', bi qbil ma' l-awtoritajiet kompetenti, tiġi stabbilita jew mill-formuli tal-manufattura ta' l-oġġgetti in kwistjoni, jew inkella mill-kwantitajiet medji ta' prodotti użati matul perijodu speċifiku fil-manufattura ta' kwantità speċifika ta' dawn l-oġġetti.

    8. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1222/94 jipprevedi li:

    1. Id-disposiżjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 3665/87 huma applikabbli. Barra minn dan, meta oġġetti jkunu sejrin jiġu esportati, il-persuna kkonċernata għandha tiddikjara l-kwantitajiet ta' prodotti bażiċi, ta' prodotti mnissla mill-ipproċessar ta' l-istess, jew ta' prodotti assimilati ma' waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji konformement ma' l-Artikolu 1(2), li jkunu effettivament ġew użati, fis-sens ta' l-Artikolu 3(2), fil-manufattura ta' dawk l-oġġetti li fuqhom tkun sejra tintalab rifużjoni, jew b'xi mod ieħor jirreferu għhal dik il-kompożizzjoni jekk tkun ġiet stabbilita b'mod konformi mat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2).

    [...]

    2. Meta l-persuna kkonċernata ma jagħmilx id-dikjarazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 jew ma jipprovdix informazzjoni sodisfaċenti sabiex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu, m'għandux ikun intitolat għal rifużjoni.

    [...]

    5. Il-kwantitajiet ta' l-oġġetti esportati u l-kwantitajiet tal-prodotti li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jew ir-referenza għall-kompożizzjoni stabbilita skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) għandhom jitniżżlu fid-dokument li jiċċertifika l-esportazzjoni. Madankollu, meta d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 huma applikabbli, il-kwantitajiet ta' l-aħħar għandhom jiġu sostitwiti bil-kwantitajiet tal-prodotti bażiċi murija fil-kolonna 4 ta' l-Anness D, li jikkorrispondu mar-riżultati ta' l-analiżi ta' l-oġġetti esportati.

    [...]

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3665/87

    9. L-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1)Nru 3665/87, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94 tat-2 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 310, p. 57, aktar 'il quddiem ir-Regolament Nru 3665/87), jistipula li:

    Id-dokument użat fl-esportazzjoni sabiex persuna tibbenefika minn rifużjoni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, u b'mod partikolari:

    a) deskrizzjoni tal-prodotti skond in-nomenklatura użata għar-rifużjonijiet;

    b) il-massa netta tal-prodotti jew, fejn applikabbli, il-kwantità espressa fl-unità ta' kejl li tintuża meta jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet;

    c) fejn huwa meħtieġ li jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet, il-kompożizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew referenza għal din il-kompożizzjoni.

    Fil-każ li d-dokument imsemmi f'dan il-paragrafu huwa d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, dan għandu jkun fih xorta waħda tali informazzjoni kif ukoll il-kodiċi tar-rifużjoni.

    10. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87, li huwa applikabbli għall-esportazzjonijiet li għalihom il-formalitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 ta' l-istess regolament ġew ikkompletati mill-1 ta' April 1995, jipprevedi li:

    1. Meta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni jkun applika għal rifużjoni li teċċcedi r-rifużjoni applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni relevanti għandha tkun dik applikabbli għall-prodotti attwalment esportati, imnaqqsa b'ammont ekwivalenti għal:

    a) nofs id-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli għall-esportazzjoni attwali;

    b) id-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni u dik applikabbli meta l-esportatur intenzjonalment jipprovdi informazzjoni falza.

    L-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni provduta skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 jew ta' l-Artikolu 25(2) jkun meqjus bħala rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni. [...]

    Is-sanzjoni in kwistjoni m'għandhiex tkun applikabbli:

    [...]

    - fil-każijiet meta t-talba għal rifużjoni tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1222/94 [...], u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu, u li tkun kkalkolata fuq il-bażi tal-medja tal-kwantitajiet użati matul perijodu speċifiku,

    [...]

    3. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jitħallas l-ammont negattiv skond ir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 1, il-benefiċjarju għandu jħallas lura ir-rifużjonijiet akwistati mhux kif suppost - li jinkludu kull sanzjoni applikabbli bis-saħħa ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 - u l-imgħax ikkalkolat fuq iż-żmien li jkun għadda bejn il-pagament u l-ħlas lura.

    [...]

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3846/87

    11. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta' prodotti agrikoli għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni (ĠU L 366, p. 1), jintroduċi nomenklatura ta' prodotti agrikoli għall-użu b'konnessjoni mar-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni, ibbażata fuq in-nomenklatura magħquda.

    12. L-Artikolu 3 tiegħu jgħid dan li ġej:

    In-nomenklatura tar-rifużjoni għandha tiġi wżata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu mar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli, u għandhom jiddaħħlu l-kodiċijiet numeriċi fuq id-dokumenti pprovduti għal dan l-iskop.

    [...]

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-verżjoni sħiħa tan-nomenklatura tar-rifużjoni, kif issegwi mid-disposizzjonijiet regolatorji fuq l-arranġamenti ta' l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, jiġifieri biex tkun użata mill-1 ta' Jannar ta' kull sena.

    Il kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13. Fl-1996, Milupa esportat lejn it-Turkija oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat, u kisbet, fuq talba tagħha, rifużjoni ta' l-esportazzjoni. Fid-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni u l-kopja ta' kontroll T5, hija indikat, abbażi ta' spjegazzjonijiet mogħtija mill-manifattur ta' dawn l-oġġetti, li giet użata taħlita semi-preparata b'ħalib xkumat frisk b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' 0,05% skond il-piż bħala prodott intermedjarju.

    14. F'Diċembru ta' l-1996, Milupa ġiet mgħarrfa li t-taħlita kienet ġiet manufatturata minn konċentrat ta' ħalib xkumat b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' bejn 0,14 sa 0,19% skond il-piż u b'kontenut ta' materja niexfa bla xaħam ta' 29,31 % skond il-piż. Permezz ta' ittra tat-22 ta' Jannar 1997, hija, min-naħa tagħha, għaddiet l-informazzjoni korretta lil Hauptzollamt. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 u 12 ta' Frar 1998, Hauptzollamt talbet lil Milupa sabiex tħallas lura r-rifużjoni ta' l-esportazzjoni li kienet ingħatat.

    15. Fuq rikors ta' Milupa, il-Finanzgericht Hamburg annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati f'dak li jirrigwarda t-talba ta' Hauptzollamt għall-ħlas lura minn Milupa ta' ammont li jikkorrispondi għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni li kellu jingħata kieku ntuża konċentrat ta' ħalib xkumat fil-manufattura ta' l-oġġetti esportati. Id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li huwa suffiċjenti li l-persuna kkonċernata tagħmel dikjarazzjoni li hija sostanzjalment korretta. Meta jkun hemm biss varjazzjonijiet żgħar bejn in-natura tal-prodotti użati għall-manufattura ta' l-oġġetti esportati kif indikata minn min qed jitlob rifużjoni u n-natura attwali tagħhom, it-telf tad-dritt li tingħata rifużjoni mhijiex sanzjoni adegwata u lanqas ma hija neċessarja sabiex jiġu evitati abbużi, u dan peress li l-persuna li għamlet it-talba kienet tirċievi prattikamemt l-istess ammont bħala rifużjoni ta' l-esportazzjoni li kieku d-dettalji kienu korretti.

    16. Hauptzollamt ippreżentat rikors għar-Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    It-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 1222/94, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 229/96, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna kkonċernata mhijiex intitolata għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni jekk fil-manufattura ta' l-oġġetti esportati ma ntużax il-prodott indikat minnha, li skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1222/94 huwa assimilat ma' trab tal-ħalib xkumat tat-tip kif elenkat fl-Anness A (PG 2), iżda ntuża prodott ieħor li, f'dak li jirrigwarda l-kontenut ta' materja niexfa bla xaħam u skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 1(2)(f) ta' dan ir-Regolament, huwa assimilat ukoll ma' trab tal-ħalib xkumat tat-tip kif elenkat fl-Anness A (PG 2)?

    Dwar id-domanda preliminari

    17. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1222/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata mhijiex intitolata għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

    18. Kemm Milupa kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-esportatur ma jistax jiġi mċaħħad mir-rifużjoni kollha. Waqt li Milupa ssostni li l-Artikolu 7 tar-Regol ament Nru 1222/94 ma jipprekludix tali rifużjoni, il-Kummissjoni tallega min-naħa tagħha li l-Artikolu 11 ta' Regolament Nru 3665/87 jipprovdi għal din ir-rifużjoni.

    19. Milupa targumenta b'mod partikolari li hija indikat prodott li huwa soġġett għall-istess regola ta' assimilazzjoni bħall-prodott li attwalment ġie użat u li r-rifużjoni li hija ngħatat kienet kważi għall-istess ammont li kellha dritt għalih. Hija ssostni għaldaqstant li ż-żamma tad-dritt għar-rifużjoni mhijiex inkonsistenti ma' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1222/94. Ċaħda totali tar-rifużjoni ma tkun la utli u lanqas neċessarja u tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

    20. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1222/94, ir-Regolament Nru 3665/87 huwa applikabbli għal dak li jirrigwarda r-rifużjonijiet mitluba għall-prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat u li huma koperti bir-Regolament Nru 1222/94.

    21. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1222/94 fih ċerti dispożizzjonijiet speċjali li huma speċifiċi għan-natura tal-prodotti koperti b'dan ir-Regolament. Għaldaqstant, it-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmi regolament tipprevedi li meta jiġu esportati oġġetti, il-persuna kkonċernata għandha tiddikjara l-kwantitajiet ta' prodotti bażiċi, ta' prodotti mnissla mill-ipproċessar ta' l-istess jew ta' prodotti assimilati ma' waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji konformement ma' l-Artikolu 1(2), li jkunu effettivament ġew użati, fis-sens ta' l-Artikolu 3(2), fil-manufattura ta' dawk l-oġġetti li fuqhom tkun sejra tintalab rifużjoni, jew b'xi mod ieħor jirreferu għal dik il-kompożizzjoni jekk tkun ġiet stabbilita b'mod konformi mat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2).

    22. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1222/94 jipprevedi li [m]eta l-esportatur ma jagħmilx id-dikjarazzjoni [...] jew ma jipprovdix informazzjoni sodisfaċenti bħala appoġġ għad-dikjarazzjoni tiegħu, m'għandux ikun intitolat għal rifużjoni. Madankollu, ma jidhirx li Milupa tinsab fis-sitwazzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni.

    23. Min-naħa l-oħra, kif jingħad fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, li huma applikabbli permezz ta' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1222/94 imsemmi f'punt 20 ta' din is-sentenza, is-sanzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni tapplika [m]eta jinstab li l-esportatur bil-ħsieb li jakkwista għotja ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni jkun applika għal rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli. Huwa ċar mill-kliem użat li m'hemm l-ebda referenza għar-regoli ta' assimilazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1222/94.

    24. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1222/94 fih ċerti dispożizzjonijiet speċjali li huma speċifiċi għan-natura tal-prodotti koperti b'dan ir-regolament, għandu jiġi osservat li l-ebda waħda minn dawn m'hi konfliġġenti ma' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87 f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali.

    25. Ir-raba' inċiż tat-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jindika li s-sanzjoni prevista f'dan l-Artikolu mhijiex applikabbli meta t-talba għal rifużjoni hija skond ir-Regolament Nru 1222/94. Għaldaqstant, jista' jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li tali sanzjoni tapplika meta talba għal rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli, ippreżentata skond ir-Regolament Nru 1222/94, mhijiex konformi ma' dan ta' l-aħħar.

    26. Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-prinċcipju ta' proporzjonalità, ta' din l-istess sanzjoni applikabbli għall-esportatur li, mingħajr ebda ħtija min-naħa tiegħu, talab rifużjoni li teċċedi r-rifużjoni applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din is-sanzjoni ma tiksirx dan il-prinċipju peress li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mhux adatta sabiex jintlaħaq l-għan li dritt komunitarju jipprova jikseb, jiġifieri l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi, u lanqas li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan l-għan (sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I 6453, punt 68).

    27. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1222/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta esportatur ikun iddikjara, f'talba għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni, li fil-manufattura ta' l-oġġetti in kwistjoni ntuża prodott assimilat, permezz ta' l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi regolament, ma' trab tal-ħalib xkumat elenkat fl-Anness A (PG 2), meta fil-verità ntuża prodott ieħor assimilat ukoll ma' l-istess trab tal-ħalib xkumat permezz ta' l-istess dispożizzjoni, huwa jkun intitolat għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni, ikkorreġuta jekk neċessarju konformement ma' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

    Dwar l-ispejjeż

    28. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-ĠGustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

    It-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 7(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1222/94 tat-30 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema għall-għoti ta' rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni fuq ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta' oġġetti li mhumiex koperti bl-Anness II tat-Trattat, u l-kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta' dawk ir-rifużjonijiet, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 229/96 tas-7 ta' Frar 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta esportatur ikun iddikjara, f'talba għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni, li fil-manufattura ta' l-oġġetti in kwistjoni ntuża prodott assimilat, permezz ta' l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmi regolament, mat-trab tal-ħalib xkumat elenkat fl-Anness A (PG 2), meta fil-verità ntuża prodott ieħor assimilat ukoll ma' l-istess trab tal-ħalib xkumat permezz ta' l-istess dispożizzjoni, huwa jkun intitolat għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni, ikkorreġuta jekk neċessarju konformement ma' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94 tat-2 ta' Diċembru 1994.

    Top