This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0148
Judgment of the Court (Third Chamber) of 28 October 2004.#Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG v Portbridge Transport International BV.#Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht München - Germany.#Brussels Convention - Articles 20 and 57(2) - Failure by the defendant to enter an appearance - Defendant domiciled in another Contracting State - Geneva Convention on the Contract for the International Carriage of Goods by Road - Conflict between conventions.#Case C-148/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ottubru 2004.
Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG vs Portbridge Transport International BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht München - il-Ġermanja.
Konvenzjoni ta' Brussell - Artikoli 20 u 57(2) - Konvenut li jonqos milli jidher quddiem il-qorti - Konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti ieħor - Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta' merkanzija - Kunflitt ta' konvenzjonijiet.
Kawża C-148/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ottubru 2004.
Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG vs Portbridge Transport International BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht München - il-Ġermanja.
Konvenzjoni ta' Brussell - Artikoli 20 u 57(2) - Konvenut li jonqos milli jidher quddiem il-qorti - Konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti ieħor - Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta' merkanzija - Kunflitt ta' konvenzjonijiet.
Kawża C-148/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:677
*A9* Oberlandesgericht München, Beschluß vom 27/03/2003 (14 U 281/02)
- International Litigation Procedure 2003 p.727-730 (Texte anglais)
- Praxis des internationalen Privat- und Verfahrensrechts 2003 p.IX (résumé)
- Die deutsche Rechtsprechung auf dem Gebiete des internationalen Privatrechts 2005 p.409-411
*P1* Oberlandesgericht München, Urteil vom 24/03/2005 (14 U 281/02)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
28 ta' Ottubru 2004 (*)
"Konvenzjoni ta' Brussell – Artikoli 20 u 57(2) – Konvenut li jonqos milli jidher quddiem il-qorti – Konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti ieħor – Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta' merkanzija – Kunflitt ta' konvenzjonijiet"
Fil-kawża C-148/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta' Marzu segwenti, fil-kawża:
Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG
vs
Portbridge Transport International BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A . Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li ddeċidiet, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG, minn K. Demuth, Rechtsanwalt,
– għal Portbridge Transport International BV, minn J. Kienzle, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,
– għall-Ġvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn D. Beard, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud u W. Bogensberger, bħala aġenti,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 20 u 57(2)(a) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Brussell") kif emendata permezz tal-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), tal-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG (iktar 'il quddiem "Nürnberger") u l-kumpannija Portbridge Transport International BV (iktar 'il quddiem "Portbridge"), rigward talba għal kumpens għad-dannu subit minn Nürnberger minħabba t-telf ta' merkanzija li kellha tiġi ttrasportata minn Portbridge għar-Renju Unit.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skond l-Artikolu 57(1) u (2)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell:
"1. Din il-Konvenzjoni m'għandhiex effett fuq il-konvenzjonijiet li l-Istati kontraenti huma jew ser ikunu membri tagħhom u li, f'oqsma partikolari, jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent jew l-infurzar tas-sentenzi.
2. Sabiex tiġi assigurata l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, il-paragrafu 1 huwa applikat kif ġej:
a) din il-Konvenzjoni m'għandhiex tipprekludi lil qorti ta' Stat kontraenti li huwa membru ta' konvenzjoni dwar qasam partikolari milli tkun tista' tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq tali konvenzjoni, anki jekk il-konvenut ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti li mhuwiex membru ta' din il-konvenzjoni. Il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tapplika, f'kull każ, l-Artikolu 20 ta' din il-Konvenzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprovdi li:
"Meta konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat Kontraenti jitħarrek f'qorti ta' Stat kontraenti ieħor u ma jidhirx quddiemha, il-qorti għandha tiddikjara ex officio li m'għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex fondata fuq id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 Il-Konvenzjoni dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta' merkanzija, iffirmata f'Ġinevra fid-19 ta' Mejju 1956 (iktar 'il quddiem il-"KSM") tapplika, skond l-Artikolu 1 tagħha, "għal kull kuntratt ta' trasport ta' merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta' vetturi, meta l-post ta' l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna tagħha, bħalma huma indikati fil-kuntratt, jinsabu f'żewġ pajjiżi differenti, li ta' l-anqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti", […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u n-nazzjonalità tal-partijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Skond l-Artikolu 31(1) tal-KSM:
"Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mill-ġarr ta' merkanzija soġġett għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista' jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:
a) il-konvenut għandu r-residenza ordinarja tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta' trasport ġie konkluż, jew
b) il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha,
u jista' biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati."
7 Kemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll ir-Renju ta' l-Olanda huma membri tal-KSM.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Nürnberger hija kumpannija ta' assigurazzjoni ta' trasport inkorporata fil-Ġermanja. Hija qiegħda titlob mingħand Portbridge, kumpannija tat-trasport inkorporata fl-Olanda, kumpens minħabba telf, f'Ġunju 2000, ta' merkanzija li għaddiet għand din ta' l-aħħar f'Vöhringen (il-Ġermanja) u li kellha tiġi ttrasporta ta lir-Renju Unit.
9 It-trasport ikkonċernat fil-kawża prinċipali huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-KSM. Skond l-Artikolu 31(1)(b) ta' din il-Konvenzjoni, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, jiġifieri il-Landgericht Memmingen (il-Ġermanja), hija kompetenti peress illi l-post fejn tal-merkanzija li kellha tiġi ttrasportata għaddiet għand Portbridge kien jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħha. Madankollu Portbridge ikkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta' din il-qorti u ma ssottomettietx talbiet fuq il-mertu.
10 Il-Landgericht Memmingen, f'deċiżjoni interlocutorja, ċaħdet il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha u ċaħdet, bħala inammissibbli, ir-rikors ta' Nürnberger. Hija qieset li, minkejja r-regoli ta' ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31 tal-KSM, kellu jiġi applikat, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 57(2)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, l-Artikolu 20 ta' din il-Konvenzjoni fil-każ li ma jidhirx il-konvenut jew tar-rifjut tiegħu li jissottometti talbiet fuq il-mertu. Din id-dispożizzjoni teżiġi li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tiddikjara lilha nfisha ex officio bħala li m'għandhiex ġurisdizzjoni jekk il-ġurisdizzjoni tagħha ma kinitx fondata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
11 Nürnberger appellat din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht München, billi sostniet li d-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) tal-KSM jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam ta' ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell, anki meta l-konvenut ma jkunx issottometta talbiet fuq il-mertu, iżda jkun illimita ruħu sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża.
12 Kien f'dawn il-kundizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Għandha wkoll tingħata priorità lid-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ġurisdizzjoni ta' konvenzjonijiet oħra fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam ta' ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell meta l-konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti fil-Konvenzjoni ta' Brussell jitħarrek f'qorti ta' Stat Membru kontraenti ieħor u meta, fil-proċedura quddiem din il-qorti, dan ma jissottomettix talbiet fuq il-mertu?"
Fuq id-domanda preliminari
13 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 57(2)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta' Stat kontraenti, li quddiemha jitħarrek il-konvenut li huwa domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti ieħor, tista' tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni speċjali li l-ewwel Stat huwa wkoll membru tagħha u li tinkludi regoli speċifiċi fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati, filwaqt li teskludi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell, anke meta l-konvenut, fil-kuntest tal-proċedura in kwistjoni, ma jissottomettix talbiet fuq il-mertu.
14 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 57 jintroduċi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-Konvenzjoni ta' Brussell tieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet l-oħra ffirmati mill-Istati kontraenti fil-qasam ta' ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjonijiet. L-għan ta' din l-eċċezzjoni huwa li jiġu rrispettati r-regoli ta' ġurisdizzjoni previsti minn konvenzjonijiet speċjali, peress illi dawn ir-regoli ġew imposti fid-dawl ta' l-ispeċifiċità ta' l-oqsma li huma jikkonċernaw (ara s-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, Ġabra p. I-5439, punt 24).
15 Madankollu Portbridge issostni li r-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tal-KSM m'għandhomx jiġu kkunsidrati u għandhom iħallu lok għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 57(2)(a) tagħha, li jipprovdi li "[i]l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tapplika, f'kull każ, l-Artikolu 20 ta' din il-Konvenzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
16 Għandu jiġi mfakkar li dan l-Artikolu 20 jipprovdi li, meta l-konvenut jitħarrek quddiem qorti ta' Stat kontraenti ieħor u ma jidhirx quddiemha, il-qorti għandha tiddikjara lilha nnifisha ex officio bħala mingħajr ġurisdizzjoni jekk il-ġurisdizzjoni tagħha mhijiex fondata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
17 Madankollu, f'dan il-każ, il-kompetenza tal-qorti għandha tiġi kkunsidrata bħala fondata fuq il-Konvenzjoni ta' Brussell, peress illi l-Artikolu 57 ta' din l-istess Konvenzjoni jipprovdi preċiżament li r-regoli ta' ġurisdizzjoni previsti minn konvenzjonijiet speċjali mhumiex affettwati mill-imsemmija Konvenzjoni.
18 F'dawn il-kundizzjonijiet, meta tivverifika ex officio il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta' l-imsemmija Konvenzjoni, il-qorti ta' Stat kontraenti li quddiemha jitħarrek il-konvenut, li hu domiċiljat fi Stat kontraenti ieħor u li ma jidhirx quddiemha, għandha tikkunsidra r-regoli ta' ġurisdizzjoni previsti minn konvenzjonijiet speċjali li tagħhom l-ewwel Stat kontraenti huwa wkoll membru.
19 Dan huwa wkoll l-każ meta, bħal f'dan il-każ, il-konvenut, filwaqt li ma jissottomettiex talbiet fuq il-mertu, jikkontesta formalment il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża.
20 Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 57(2)(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta' Stat kontraenti, li quddiemha jitħarrek il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat kontraenti ieħor, tista' tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni speċjali li tagħha l-ewwel Stat huwa wkoll membru u li tinkludi regoli speċifiċi fuq il-ġurisdizzjoni, anki meta l-konvenut, fil-kuntest tal-proċedura in kwistjoni, ma jissottomettix talbiet fuq il-mertu.
Fuq l-ispejjeż
21 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 57(2)(a) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif emendata permezz tal-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, tal-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta' Stat kontraenti li quddiemha jitħarrek il-konvenut domiċiljat fuq it-territorju ta' Stat kontraenti ieħor, tista' tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni speċjali li tagħha l-ewwel Stat huwa wkoll membru u li tinkludi regoli speċifiċi fuq il-ġurisdizzjoni, anki meta l-konvenut, fil-kuntest tal-proċedura in kwistjoni, ma jissottomettix talbiet fuq il-mertu.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.