Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0140

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' April 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 43 KE u 48 KE - Ottiċi - Kundizzjonijiet ta' stabbiliment - Ftuħ u tmexxija ta' ħwienet ta' l-ottika - Restrizzjonijiet - Ġustifikazzjoni - Prinċipju ta' proporzjonalità.
    Kawża C-140/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:242

    62003J0140



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża C-140/03,

    li għandha bħala għan rikors dwar nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-27 ta' Marzu 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika Ellenika, rappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI (it-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President, R. Silva de Lapuerta, C. Gulmann (Relatur), P. Kris u G. Arestis, Mħhallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Diċembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti sabiex tiddikjara li:

    - bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79, dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta' ottiku u dwar il-ħwienet ta' oġġetti ottiċi (FEK A' 223, minn hawn 'il quddiem "il-Liġi Nru 971/79"), li tipprojbixxi lil ottiku kkwalifikat li jkun persuna naturali milli jmexxi aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, ir-Repubblika Ellenika rrestrinġiet il-kundizzjonijiet ta' stabbiliment ta' l-ottiċi li jkunu persuni fiżiċi, u b'hekk kisret l-Artikolu 43 KE, u

    - bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79 u tal-Liġi Nru 2646/98, dwar l-iżvilupp ta' sistema nazzjonali ta' assistenza soċjali u dispożizzjonijiet oħra (FEK A' 236, p. 3455, minn hawn 'il quddiem, "il-Liġi Nru 2646/98"), li jissoġġettaw il-possibbiltà li persuna ġuridika tiftaħ ħanut ta' l-ottika fil-Ġreċja għall-kundizzjonijiet

    - li l-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut ta' l-ottika jingħata f'isem ottiku rikonoxxut li jkun persuna naturali, li l-persuna li tingħata l-permess biex tmexxi l-ħanut iżżomm mill-anqas 50% tal-kapital tas-soċjetà u tipparteċipa mill-anqas f'dik il-perċentwali fil-qligħ u t-telf tas-soċjetà, li s-soċjetà tkun iffurmata bħala soċjetà f'isem kollettiv jew bħala soċjetà in akkomandita, u

    - li l-ottiku kkonċernat ikun jista' jipparteċipa f'soċjetà waħda oħra biss li tkun proprjetarja ta' ħanut ta' l-ottika bil-kundizzjoni li l-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut jingħata f'isem ottiku rikonoxxut ieħor,

    ir-Repubblika Ellenika rrestrinġiet il-kundizzjonijiet ta' stabbiliment tal-persuni ġuridiċi fis-settur ottiku fil-Greċja b'mod inkompatibbli ma' l-Artikolu 43 KE u kisret l-Artikolu 48 KE flimkien ma' l-Artikolu 43 KE billi imponiet ċerti restrizzjonijiet fuq il-persuni ġuridiċi li ma jeżistux fil-konfront tal-persuni naturali.

    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    2. L-Artikolu 6(6) tal-Liġi Nru 971/79 jiddisponi:

    "Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjoniiet tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu (stabbiliment fi spiżeriji) u tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 8 (trasferiment lil membri tal-familja), il-ħwienet ta' l-ottika għandhom jitmexxew personalment mill-persuni li f'isimhom ikun inħareġ il-permess biex imexxu l-ħwienet. Kull ottiku jista' jmexxi ħanut wieħed biss ta' l-ottika [...]"

    3. L-Artikolu 7(1) ta' l-istess liġi jipprovdi:

    "Il-ħwienet ta' l-ottika jistgħu jiġu stabbiliti biss minn persuni li għandhom liċenzja ta' ottiku u t-tmexxija tagħhom hi soġġetta għall-ħruġ ta' permess mill-awtorità pubblika kompetenti."

    4. L-Artikolu 8(1) jippreċiża li:

    "Il-permess għat-tmexxija ta' ħanut ta' l-ottika hu personali u ma jistax jiġi ttrasferit."

    5. L-Artikolu 27(4) tal-Liġi Nru 2646/98 jippreskrivi:

    "Huma biss l-ottiċi rikonoxxuti li jistgħu jistabbilixxu soċjetà f'isem kollettiv jew in akkomandita sabiex imexxu ħanut ta' l-ottika, bil-kundizzjoni li l-persuna li jkollha l-permess biex tmexxi l-ħanut iżżomm mill-anqas 50% tal-kapital tas-soċjetà. Ottiku jista' jipparteċipa f'soċjetà waħda oħra biss, sakemm il-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut ta' l-ottika jingħata f'isem ottiku rikonoxxut ieħhor."

    Il-proċedura li ppreċediet il-kawża

    6. Wara lment imressaq minn żewġ soċjetajiet ( public limited companies ), li minnhom, waħda hi reġistrata fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Ellenika, li kienu talbu permess biex jiftħu ħanut ta' l-ottika li ġie miċħud mill-amministrazzjoni Griega bis-saħħa tal-Liġi Nru 971/79, il-Kummissjoni, b'ittra tas-27 ta' Jannar 1998, attirat l-attenzjoni tal-Gvern Grieg għall-inkompatibbiltà ta' din il-liġi ma' l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara li li ġie emendat it-Trattat, l-Artikolu 43 KE) u l-Artikolu 58 ta' l-istess Trattat (li sar l-Artikolu 48 KE).

    7. Fis-27 ta' April 1998, il-Gvern Grieg wieġeb li l-Liġi Nru 971/79 kienet qed tiġi emendata.

    8. Fis-6 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika fejn enfasizzat li l-Liġi Nru 971/79 ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija fl-ittra preċedenti tagħha tas-27 ta' Jannar 1998. Il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward fi żmien xagħrejn.

    9. Fit-13 ta' Jannar 1999, il-Gvern Grieg wieġeb billi għarraf lill-Kummissjoni bil-Liġi Nru 2646/98, li tissupplementa l-Liġi Nru 971/79.

    10. Fit-3 ta' Awwissu 1999, il-Kummisjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni supplementari lill-Gvern Grieg, fejn sostniet li l-Liġi Nru 2646/98 ma eliminatx l-ilment imsemmi fl-ewwel intimazzjoni, billi din il-liġi stess kienet inkompatibbli ma' l-Artikoli 43 KE u 48 KE. Fis-26 ta' Jannar 2000, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra ta' intimazzjoni supplimentari fejn irrepetiet l-ilmenti magħmulin kontra r-Repubblika Ellenika.

    11. Fis-17 ta' Mejju 2000, il-Gvern Grieg wieġeb li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, kull Stat Membru hu liberu li jirregola l-eżerċizzju tal-professjonijiet fit-territorju tiegħu. Huwa sostna li l-allegati restrizzjonijiet kienu indispensabbli biex jiġi garantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa. Huwa saħaq li l-liġi in kwistjoni la kienet diskriminatorja u lanqas sproporzjonata għall-għan li riedet tilħaq.

    12. Fl-24 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika fejn irrifjutat dawn l-argumenti, u elenkat l-ilmenti tagħha dwar il-ksur ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE, filwaqt li stiednet lill-Istat Membru li kien id-destinatarju ta' din l-opinjoni jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xagħrejn.

    13. Fit-2 ta' Mejju 2001, il-Gvern Grieg wieġeb li l-pożizzjoni tiegħu baqgħet l-istess. Fid-9 ta' Diċembru 2002, il-Gvern avża lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jemenda l-liġi b'tali mod li tkun tista' tippermetti li jiġu stabbiliti u li jiġu mmexxijja ħwienet ta' l-ottika minn ottiċi li jkunu cittadini Komunitarji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn soċcjetajiet kummerċjali, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom (soċjetà f'isem kollettiv, soċjetà in akkomandita, private limited company jew public limited company ).

    14. Fis-27 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    Dwar ir-rikors

    15. Għandhom jiġu eżminati l-kwistjonijiet li ġejjin:

    - L-effet, fuq dan ir-rikors, tal-Liġi Nru 3204/03, li temenda u tissupplementa l-liġi dwar is-sistema nazzjonali tas-saħħa u li tirregola kwistjonijiet oħra ta' kompetenza tal-Ministeru tas-Saħħa u ta' l-Assistenza Soċjali (FEK A' 296, p. 4997), li ġgiet invokata mir-Repubblika Ellenika fil-proċedura orali;

    - l-eżistenza ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment tal-persuni naturali u tal-persuni ġuridiċi;

    - il-ġustifikazzjoni eventwali għal tali restrizzjonijiet.

    Dwar l-effett tal-Liġgi Nru 3204/03 li ġiet invokata mir-Repubblika Ellenika

    Argumenti tal-partijiet

    16. Matul il-proċedura orali, ir-Repubblika Ellenika sostniet li, permezz tal-Liġi Nru 3204/03, li ġiet notifikata lill-Kummissjoni reċentement, hija eliminat l-allegat ksur ta' l-Artikoli 43 KE u 48 KE.

    17. Skond din il-liġi, l-ottiċi li jkunu persuni naturali issa jistgħu jmexxu aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, bil-kundizzjoni li kull ħanut jitmexxa minn ottiku kkwalifikat u rikonoxxut.

    18. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, il-liġi Nru 3204/03 bħalissa tippermetti lil soċjetajiet tkun xi tkun il-forma legali tagħhom, li jistabbilixxu ħwienet ta' l-ottika.

    19. Iżda din il-liġi teżiġi:

    - fir-rigward ta' soċjetajiet f'isem kollettiv, li l-maġġoranza tas-soċji u min imexxi jew il-maġġoranza ta' min imexxi jkunu ottiċi;

    - fir-rigward ta' private limited companies , li aktar minn nofs il-membri li jkunu jirrappreżentaw aktar min-nofs tal-kapital azzjonarju ikunu ottiċi;

    - fir-rigward ta' public limited companies , li mill-anqas 51 % tal-kapital azzjonarju jkun miżmum minn ottiċi.

    20. Il-Kummissjoni tosserva li dawn il-proċeduri jirrigwardaw il-qafas ġuridiku riżultanti mil-Liġijiet Nri 971/79 u 2646/98 u li, f'kull każ, analiżi preliminari tal-Liġi Nru 3204/03 turi li għad hemm ċerti restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment imsemmija f'dan ir-rikors.

    Evalwazzjoni tal-Qorti

    21. Skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza jew le ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi determinata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru lejn l-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti ma tistax tieħu konjizzjoni ta' tibdil li jsir wara (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-103/00, Ġabra. p. I-1147, paragrafu 23, u tat-12 ta' ĠGunju 2003, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu, C-97/01, Ġabra p. I-5797, paragrafu 30).

    22. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Liġi Nru 3204/03, li għaddiet wara t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata indirizzata, f'dan il-każ, lir-Repubblika Ellenika, ma tistax tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' l-eżami tal-leġittimità ta' dan ir-rikors dwar nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.

    Dwar l-eżistenza ta' restrizzjonijiet tal-libertà ta' stabbiliment tal-persuni naturali u tal-persuni ġuridiċi

    Argumenti tal-partijiet

    23. Il-Kummissjoni targumenta li l-Liġi Nru 971/79, safejn tipprojbixxi lil ottiku li jkun persuna naturali milli jmexxi aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta' stabbiliment, skond l-Artikolu 43 KE.

    24. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi Nru 2646/98 ukoll timponi restrizzjoni fuq il-libertà ta' stabbiliment, bi ksur ta' l-Artikolu 48 KE, safejn tissoġġetta l-ftuħ ta' ħanut ta' l-ottika għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27(4) ta' dik il-liġi.

    25. Skond ir-Repubblika Ellenika, l-Artikolu 6(6) tal-Liġi Nru 971/79 ma toħloq l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn il-professjonisti nazzjonali u barranin. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tiksirx l-Artikolu 43 KE.

    26. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li l-liġi Griega timponi restrizzjonijiet fuqhom.

    Evalwazzjoni tal-Qorti

    27. Skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 43 KE ma jippermettix miżuri nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jostakolaw jew jagħmlu anqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertà ta' stabbiliment garantita mit-Trattat (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra, p. I-1663, paragrafu 32, u ta' l-14 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-299/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 15).

    28. F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni, fir-rigward ta' ottiku kkwalifikat, milli jmexxi aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, effettivament tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta' stabbiliment tal-persuni naturali fis-sens ta' l-Artikolu 43 KE, minkejja l-allegata assenza ta' diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-professjonisti kkonċernati.

    29. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, għandu jingħad ukoll li, kif ġie rikonoxxut mir-Repubblika Ellenika, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(4) tal-Liġi Nru 2646/98 jirrestrinġu l-libertà ta' stabbiliment tagħhom, u skond l-Artikolu 48 KE,fl-eżerċizzju ta' dik il-libertà, il-persuni ġuridiċi huma assimilati mall-persuni naturali.

    Dwar il-ġustifikazzjonijiet għar-res trizzjonijiet tal-libertà ta' stabbiliment

    Argumenti tal-partijiet

    30. Il-Kummissjoni hi ta' l-opinjoni li r-restrizzjonijiet tal-libertà ta' stabbiliment ikkunsidrati f'din il-kawża jew mhumiex adegwati sabiex jilħqu l-allegat għan ta' ħarsien tas-saħħa pubblika, jew huma sproporzjonati għal dak l-għan. Is-saħħa pubblika tista' tiġi mħarsa billi jiġi ggarantit li ċerti atti jiġu effettwati minn jew jitwettqu taħt is-superviżjoni ta' ottiċi kkwalifikati u salarjati. Għal dak li għhandu x'jaqsam mal-kwistjoni ta' responsabbiltà, ikun possibbli li jiġu stipulati dispożizzjonijiet legali li jkunu anqas restrittivi u li jħarsu l-interessi tal-klijenti li jkunu vittmi ta' l-attivatijiet professjonali ta' l-ottiċi.

    31. Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-projbizzjoni tat-tmexxija ta' aktar minn ħanut wieħed applikabbli għall-persuni naturali, ġiet promulgata għal motivi urġenti ta' interess pubbliku relatati mal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Il-leġiżlatur Grieg ried jissalvagwardja r-relazzjoni personali ta' fiduċja fil-ħanut li jbigħ oġġetti ottiċi, kif ukoll ir-responsabbiltà illimitata u assoluta ta' l-ottiku li jmexxi jew li jkun il-proprjetarju tal-ħanut, f'każ ta' ħtija. Fil-fatt, hu biss l-ottiku, professjonista speċjalizzat, li jipparteċipa personalment fit-tmexxija tal-ħanut tiegħu mingħajr ma jaħli l-forza fiżika u mentali tiegħu fit-tmexxija ta' diversi ħwienet, li jista' jiggarantixxi r-riżultat mixtieq.

    32. Skond il-Gvern Grieg, l-għanijiet imfittxija ma setgħux jintlaħqu li kieku ttieħdu miżuri anqas restrittivi tal-libertà ta' stabbiliment.

    33. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, il-livell għoli ta' parteċipazzjoni ta' l-ottiċi fil-kapital azzjonarju, kif meħtieġ mill-Liġi Nru 2646/98, inaqqas ir-riskju ta' kummerċjalizzazzjoni totali tal-ħwienet ta' prodotti ottiċi. Il-prinċipju ta' proporzjonalità għandu jiġi kkonċiljat mal-ħtieġa li tiġi mħarsa s-saħħa pubblika. Għall-finijiet ta' dan il-ħarsien, ir-Repubblika Ellenika tkompli tipprova tippreżerva l-kuntatt personali ta' l-ottiku mal-klijent tiegħu u timponi responsabbiltà assoluta u illimitata ta' l-ottiċi.

    Evalwazzjoni tal-Qorti

    34. Miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista' tostakola jew tagħmel anqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fondamentali garantiti mit-Trattat, tista' tiġi ġustifikata minħabba f'raġunijiet urġenti ta' interess pubbliku, bil-kundizzjoni li tkun tista' tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li sabiex jintlaħaq dan l-għan, ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex l-għan jintlaħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Kraus, hawn fuq ċitata, paragrafu 32).

    35. Fil-każ in eżami, hu biżżejjed li jiġi rilevat li l-għan tal-ħarsien tas-saħħa pubblika invokat mir-Repubblika Ellenika jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu anqas restrittivi tal-libertà ta' stabbiliment kemm tal-persuni naturali, kif ukoll tal-persuni ġuridiċi, pereżempju, permezz tal-kundizzjoni tal-preżenza ta' ottiċi kkwalifikati, li jirċievu salarju jew li jkunu membri, f'kull ħanut ta' l-ottika, ta' regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-ħsara kkawżata minn terzi, kif ukoll ta' regoli li jeżiġu assigurazzjoni ta' indennizz professjonali.

    36. Jidher ukoll li r-restrizzjonijiet in kwistjoni jmorru lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex. Konsegwentement, ir-restrizzjonijiet m'humiex ġustifikati.

    37. Għaldaqstant, l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni huma fondati.

    38. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddikjarat li,

    - bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79, li tipprojbixxi lil ottiku kkwalifikat li jkun persuna naturali milli jmexxi aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 43 KE, u li,

    - bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79 u tal-Liġi Nru 2646/98, li jissoġġettaw il-possibbiltà li persuna ġuridika tiftaħ ħanut ta' l-ottika fil-Ġreċja għall-kundizzjonijiet

    - li l-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut ta' l-ottika jingħata f'isem ottiku rikonoxxut li jkun persuna naturali, li l-persuna li tingħata l-permess biex tmexxi l-ħanut iżżomm mill-anqas 50% tal-kapital tas-soċjetà u tipparteċipa mill-anqas f'dik il-perċentwali fil-qligħ u t-telf tas-soċjetà, li s-soċjetà tkun iffurmata bħala soċjetà f'isem kollettiv jew bħala soċjetà in akkomandita, u

    - li l-ottiku kkonċernat ikun jista' jipparteċipa f'soċjetà waħda oħra biss li tkun proprjetarja ta' ħanut ta' l-ottika bil-kundizzjoni li l-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut jingħata f'isem ottiku rikonoxxut ieħor,

    ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 43 KE u 48 KE.

    Dwar l-ispejjeż

    39. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Ellenika tilfet, għandha tiġi kkundannata sabiex tħallas l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

    Parti operattiva


    Għhal dawn il-motivi, il-Qorti (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

    1) Bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79, dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta' ottiku u dwar il-ħwienet ta' oġġetti ottiċi, li tipprojbixxi lil ottiku kkwalifikat li jkun persuna naturali milli jmexxi aktar minn ħanut wieħed ta' l-ottika, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 43 KE.

    2) Bl-adozzjoni u biż-żamma fis-seħħ tal-Liġi Nru 971/79 u tal-Liġi Nru 2646/98, dwar l-iżvilupp ta' sistema nazzjonali ta' assistenza soċjali u dispożizzjonijiet oħra, li jissoġġettaw il-possibbiltà li persuna ġuridika tiftaħ ħanut ta' l-ottika fil-Ġreċja għall-kundizzjonijiet

    - li l-permess għall-istabbiliment u t-tmexxija tal-ħanut ta' l-ottika jingħata f'isem ottiku rikonoxxut li jkun persuna naturali, li l-persuna li tingħata l-permess biex tmexxi l-ħanut iżżomm mill-anqas 50% tal-kapital tas-soċjetà u tipparteċipa mill-anqas f'dik il-perċentwali fil-qligħ u t-telf tas-soċjetà, li s-soċjetà tkun iffurmata bħala soċjetà f'isem kollettiv jew bħala soċjetà in akkomandita, u

    - li l-ottiku kkonċernat ikun jista' jipparteċipa f'soċjetà waħda oħra biss li tkun proprjetarja ta' ħanut ta' l-ottika bil-kundizzjoni li l-permess għall-istabbiliment u tmexxija tal-ħanut jingħata f'isem ottiku rikonoxxut ieħor,

    ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 43 KE u 48 KE.

    3) Tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

    Top