Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0108

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Mejju 2003.
    Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita SpA vs Asda Stores Ltd u Hygrade Foods Ltd.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: House of Lords - ir-Renju Unit.
    Regolament (KEE) Nru 2081/92 - Regolament (KE) Nru 1107/96 - Artikolus 29 KE u 30 KE.
    Kawża C-108/01.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:296

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    20 ta’ Mejju 2003(*)

    “Denominazzjonijiet ta’ l-oriġini protetti ─ Regolament (KEE) Nru 2081/92 ─ Regolament (KE) Nru 1107/96 ─ ‘Prosciutto di Parma’ ─ Speċifikazzjonijiet ─ Kundizzjoni li l-perżut jitqatta’ u jiġi ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni ─ Artikoli 29 KE u 30 KE ─ Ġustifikazzjoni ─ Infurzabbiltà tal-kundizzjoni fil-konfront ta’ terzi ─ Ċertezza legali ─ Pubbliċità”

    Fil-kawża C-108/01,

    li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-House of Lords (ir-Renju Unit) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

    Consorzio del Prosciutto di Parma,

    Salumificio S. Rita SpA

    u

    Asda Stores Ltd,

    Hygrade Foods Ltd,

    deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1), kif emendat bl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C.W.A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann (Relatur), D.A.O. Edward, P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: S. Alber,

    Reġistratur: F. Contet, Amministratur Prinċipali,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

    –        għall-Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita SpA, minn F. Capelli, avvocato, u A. Barone, solicitor,

    –        għal Asda Stores Ltd u Hygrade Foods Ltd, minn N. Green, QC, u M. Hoskins, barrister, inkarigati minn Eversheds, solicitors, u minn Clarke Willmott u Clarke, solicitors,

    –        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Amodeo, bħala aġent, assistita minn C. Lewis, barrister,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn M. López-Monís Gallego, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u L. Bernheim, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, avvocato dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. L. Iglesias Buhigues, C. O’Reilly u A.-M. Rouchaud, bħala aġenti,

    wara li rat ir-rapport għas-seduta,

    wara li semgħet it-trattazzjoni tal-Consorzio del Prosciutto di Parma u ta’ Salumificio S. Rita SpA, ta’ Asda Stores Ltd, ta’ Hygrade Foods Ltd, tal-Gvern Franċiż u tal-Gvern Taljan, kif ukoll tal-Kummissjoni, fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2002,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ April 2002,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’digriet tat-8 ta’ Frar 2001, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2001, il-House of Lords għamlet domanda preliminari skond l-Artikolu 234 KE dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1), kif emendat bl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2081/92”), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1).

    2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Consorzio del Prosciutto di Parma (iktar ’il quddiem il-“Consorzio”), assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-perżut ta’ Parma stabbilita fl-Italja, kif ukoll Salumificio S. Rita SpA (iktar ’il quddiem “Salumificio”), kumpannija stabbilita wkoll fl-Italja, li tipproduċi l-perżut ta’ Parma u li hija membru tal-Consorzio, u, min-naħa l-oħra, Asda Stores Ltd (iktar ’il quddiem “Asda”), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, li topera supermarkits, kif ukoll Hygrade Foods Ltd (iktar ’il quddiem “Hygrade”), stabbilita wkoll fir-Renju Unit, li timporta l-perżut ta’ Parma, dwar il-kummerċjalizzazzjoni, fir-Renju Unit, taħt id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Prosciutto di Parma” (iktar ’il quddiem id-“DOP ‘Prosciutto di Parma’”), ta’ perżut ta’ Parma mqatta’ u ppakkjat fl-istess Stat Membru.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    3        L-Artikolu 1 tal-Legge Nru 26, tutela della denominazione di origine “Prosciutto di Parma” (Liġi Nru 26 dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini “Prosciutto di Parma”), tat-13 ta’ Frar 1990 (GURI Nru 42, ta’ l-20 ta’ Frar 1990, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-13 ta’ Frar 1990”), tirriżerva esklużivament id-denominazzjoni “Prosciutto di Parma” għall-perżut li għandu marka distintiva li tippermetti l-identifikazzjoni tiegħu f’kull żmien, li jinkiseb mill-koxox friski ta’ majjali mrobbija u mbiċċra fl-Italja kontinentali u li jiġi prodott skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi u wara li jiġi staġunat fiż-żona tipika ta’ produzzjoni għal perijodu minimu stabbilit mil-liġi.

    4        L-Artikolu 2 tal-Liġi tat-13 ta’ Frar 1990 jiddefinixxi ż-żona tipika ta’ produzzjoni bħala l-parti rilevanti tal-provinċja ta’ Parma. L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-karatteristiċi speċifiċi tal-perżut ta’ Parma, b’mod partikolari l-piż, il-kulur, l-aroma u t-togħma tiegħu.

    5        L-Artikolu 6 ta’ l-istess liġi jipprovdi li:

    –        wara li titqiegħed il-marka, il-perżut ta’ Parma jista’ jiġi kkummerċjalizzat mingħajr għadam u f’biċċiet ta’ forom u piż differenti jew imqatta’ f’fetet u ppakkjat b’mod xieraq;

    –        jekk ma jkunx possibbli li l-marka tiżamm fuq il-prodott, din għandha tiġi stampata fuq il-pakkett b’mod indelibbli u li ma tkunx tista’ titneħħa, taħt is-sorveljanza tal-korp kompetenti u skond il-metodi stabbiliti fir-regolament ta’ implementazzjoni;

    –        f’dan l-aħħar każ, l-operazzjonijiet ta’ ppakkjar għandhom isiru fiż-żona tipika ta’ produzzjoni indikata fl-Artikolu 2.

    6        L-Artikolu 11 jipprovdi li l-ministri kompetenti jistgħu jagħmlu użu mill-assistenza ta’ konsorzju ta’ produtturi għall-finijiet ta’ sorveljanza u kontroll.

    7        L-Artikolu 25 tad-Decreto Nru 253, regolamento di esecuzione della legge 13 febbraio 1990, Nru 26 (Digriet Nru 253 li jimplementa l-Liġi Nru 26 tat-13 ta’ Frar 1990), tal-15 ta’ Frar 1993 (GURI Nru 173, tas-26 ta’ Lulju 1993, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-15 ta’ Frar 1993”), jipprovdi li l-tqattigħ u l-ippakkjar tal-perżut ta’ Parma għandhom isiru f’installazzjonijiet li jinsabu fiż-żona tipika ta’ produzzjoni u li jkunu approvati mill-Consorzio.

    8        L-Artikolu 26 ta’ l-istess digriet jimponi l-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Consorzio waqt it-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott.

    9        Id-Digriet tal-15 ta’ Frar 1993 fih ukoll dispożizzjonijiet dwar l-ippakkjar u t-tikkettar.

    10      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ April 1994, il-Consorzio ġie inkarigat bis-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni tad-dispoziżżjonijiet dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini “Prosciutto di Parma”.

     Id-dritt omunitarju

    11      L-Artikolu 29 KE jipprovdi:

    “Restrizzjonijiet kwantitattiva [kwantitattivi] fuq l-esportazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”

    12      Skond l-Artikolu 30 KE, l-Artikolu 29 KE m’għandux jeskludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-esportazzjoni meta dawn ikunu ġġustifikati, inter alia, minn raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali.

    13      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:

    “1.      Il-protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

    2.      Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a)      denominazzjoni ta’ oriġini: dan ifisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

    –        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż; u

    u

    –        li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

    [...]”

    14      L-Artikolu 4 ta’ l-istess regolament jipprovdi:

    “1.      Sabiex ikunu eliġibbli biex jużaw denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) [denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)] […] il-prodotti agrikoli jew il-prodotti ta’ l-ikel għandhom jikkonformaw ma’ ċerti speċifikazzjonijiet.

    2.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandha tinkludi [għandhom jinkludu] ta’ mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)      l-isem tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel, inkluża d-deskrizzjoni [d-denominazzjoni] ta’ l-oriġini […]

    (b)      deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta’ l-ikel inkluża l-materja prima, fejn ikun xieraq, u l-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobioloġiċi u/jew organolettiċi tal-prodott jew l-ikel;

    (ċ)      id-definizzjoni taż-żona ġeografika […]

    (d)      xhieda [prova] illi l-prodott agrikolu jew l-ikel joriġina fiż-żona ġeografika skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(2) (a) […]

    (e)      deskrizzjoni tal-metodu illi jintuża sabiex jinkiseb il-prodott agrikolu jew l-ikel u, fejn ikun xieraq, il-metodi lokali awtentiċi u li ma jvarjawx;

    (f)      id-dettalji li jindikaw ir-rabta ma’ l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika skond id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(2)(a) […]

    (g)      d-dettalji ta’ l-istrutturi ta’ spezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10;

    (h)      d-dettaliji speċifiċi tat-tikketjar li jindikaw DOP […] jew l-indikazzjonijiet ekwivalenti tradizzjonali nazzjonali;

    (i)      kwalunkwe rekwiżit stabbilit mill-Komunità u/jew skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali.”

    15      L-Artikoli 5 sa 7 jipprovdu għal proċedura normali ta’ reġistrazzjoni tad-DOP. Din il-proċedura tinkludi t-tressiq ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni permezz ta’ Stat Membru (Artikolu 5(4) u (5)). Din l-applikazzjoni għandha tinkludi speċifikazzjonijiet skond l-Artikolu 4 (Artikolu 5(4)). Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tinkludix id-dettalji kollha msemmija fl-Artikolu 4 (Artikolu 6(1)). Jekk hija tilħaq konklużjoni pożittiva, hija għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod partikolari, l-isem tal-prodott, il-punti prinċipali ta’ l-applikazzjoni u r-referenzi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preparazzjoni, il-produzzjoni jew il-manifattura tal-prodott (Artikolu 6(2)). Kull Stat Membru jew kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jista’ joġġezzjona għar-reġistrazzjoni u f’dan il-każ l-oġġezzjoni għandha tiġi eżaminata skond proċedura speċifika (Artikolu 7). Fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni, il-Kummissjoni għandha tirreġistra d-denominazzjoni u tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (Artikolu 6(3) u (4)).

    16      L-Artikolu 8 jipprovdi:

    “L-indikazzjonijiet DPO [DOP] […] jew l-indikazzjonijiet tradizzjonali nazzjonali ekwivalenti jistgħu jidhru biss fuq il-prodotti agrikoli u l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.”

    17      L-Artikolu 10(1) jipprovdi:

    “L-Istati membri għandhom jiżguraw illi mhux iktar minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom, u l-funzjoni tagħom għandha tkun illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom isem protett huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet. […]”

    18      L-Artikolu 13(1)(a) jipprovdi li l-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti bir-registrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu ta’ l-isem jippermetti l-isfruttament tar-reputazzjoni ta’ l-isem protett.

    19      L-Artikolu 17 jistabbilixxi proċedura semplifikata ta’ reġistrazzjoni ta’ ismijiet li diġà huma protetti legalment:

    “1.      Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment […] huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament. […]

    2.      B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 [assistenza minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u, f’ċerti każijiet, intervent tal-Kunsill], il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma’ l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 [dwar id-dritt ta’ oġġezzjoni] m’għandux japplika. […]

    3.      L-Istati Membri jistgħu iżommu sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ l-ismijiet komunikati skond il-paragrafu 1 saż-żmien meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni.”

    20      Ir-Reglament Nru 1107/96, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 1996, jirreġistra, inter alia, id-DOP “Prosciutto di Parma”, taħt l-intestatura “Prodotti fuq bażi ta’ laħam”.

    21      Fis-26 ta’ Ottubru 1996, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-istrutturi ta’ kontroll mgħarrfa mill-Istati Membri skond l-Artikolu 10(2) tar- Regolament Nru 2081/92 (ĠU C 317, p. 3). Din il-pubblikazzjoni għandha l-għan li tgħarraf l-istrutturi ta’ kontroll li jikkorrispondu għal kull indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skond ir-Regolament Nru 2081/92. Għad-DOP “Prosciutto di Parma”, hija tirreferi għall-Consorzio u tagħti l-indirizz tiegħu.

     Il-kawża prinċipali

    22      L-Asda topera katina ta’ supermarkits fir-Renju Unit. Fihom hija tbiegħ, fost affarijiet oħra, perżut li għandu l-isem “perżut ta’ Parma”, mixtri diġà mqatta’ mingħand Hygrade, li hija stess tixtri l-perżut mingħajr għadam iżda mhux imqatta’ mingħand produttur Taljan membru tal-Consorzio. Il-perżut huwa mqatta’ f’fetet u ppakkjat ermetikament minn Hygrade f’pakketti ta’ ħames fetet kull wieħed.

    23      Il-pakketti għandhom miktub fuqhom: “ASDA A taste of Italy PARMA HAM Genuine Italian Parma Ham” (“ASDA It-togħma ta’ l-Italja PERŻUT TA’ PARMA Perżut ta’ Parma Taljan awtentiku”).

    24      Fuq wara tal-pakkett, hemm miktub “PARMA HAM All authentic Asda continental meats are made by traditional methods to guarantee their authentic flavour and quality” (“PERŻUT TA’ PARMA Il-laħmijiet kontinentali awtentiċi kollha ta’ Asda huma ppreparati skond metodi tradizzjonali sabiex it-togħma u l-kwalità awtentiċi tagħhom ikunu ggarantiti”) u “Produced in Italy, packed in the UK for Asda Stores Limited” (“Prodott fl-Italja, ippakkjat fir-Renju Unit għal Asda Stores Limited”).

    25      Fl-14 ta’ Novembru 1997, il-Consorzio beda proċeduri ġudizzjarji kontra Asda u Hygrade fir-Renju Unit sabiex jinħarġu diversi ordnijiet kontrihom essenzjalment intiżi sabiex huma jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom għar-raġuni li dawn imorru kontra r-regolamenti applikabbli għall-perżut ta’ Parma.

    26      Fis-17 ta’ Novembru 1997, huwa talab li l-ordnijiet mitluba fit-talba prinċipali u fl-att ta’ ċitazzjoni tiegħu jinħarġu b’urġenza kontra dawn il-kumpanniji.

    27      Asda u Hygrade opponew it-talbiet billi sostnew, b’mod partikolari, li r-Regolament Nru 2081/92 u/jew ir-Regolament Nru 1107/96 ma kinux jagħtu lill-Consorzio d-drittijiet allegati minnu.

    28      It-talbiet ġew miċħuda.

    29      Il-Consorzio ppreżenta appell quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (ir-Renju Unit). Salumificio ġiet awtorizzata tintervjeni f’dawn il-proċeduri. L-appell ġie miċħud fl-1 ta’ Diċembru 1998.

    30      Il-Consorzio u Salumificio għalhekk appellaw quddiem il-House of Lords.

    31      Peress li kkunsidrat li l-eżitu tal-kawża kien jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 u tar-Regolament Nru 1107/96, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Fid-dritt Komunitarju, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 u mal-ispeċifikazzjonijiet għad-DOP ‘Prosciutto di Parma’, joħloq dritt Komunitarju validu, li jista’ jiġi infurzat direttament f’qorti ta’ Stat Membru, sabiex jiġi impedut il-bejgħ bl-imnut bħala ‘perżut ta’ Parma’ ta’ perżut imqatta’ u ppakkjat miksub minn prieżet debitament esportati minn Parma skond il-kundizzjonijiet tad-DOP, iżda li wara ma ġewx imqatta’, ippakkjati u ttikkettati skond l-ispeċifikazzjonijiet?”

     Fuq id-domanda preliminari

    32      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ispeċifikazzjonijiet li abbażi tagħhom id-DOP “Prosciutto di Parma” ġiet irreġistrata mir-Regolament Nru 1107/96 isemmu espressament ir-rekwiżit ta’ tqattigħ u ppakkjar tal-prodott fir-reġjun ta’ produzzjoni għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet, u jirreferu għal-Liġi tat-13 ta’ Frar 1990 kif ukoll għad-digriet tal-15 ta’ Frar 1993 bħala r-rekwiżiti li għandhom jiġu rrispettati skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2081/92.

    33      Preliminarjament ukoll, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali tikkonċerna operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar imwettqa fi stadju differenti minn dawk tal-bejgħ bl-imnut u tal-bejgħ fir-ristoranti, li għalihom huwa paċifiku li l-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu fir-reġjun ta’ produzzjoni ma tapplikax.

    34      Għaldaqstant, fejn, f’din is-sentenza, issir referenza għall-kundizzjoni ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar fir-reġjun ta’ produzzjoni, din tirrigwarda biss l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar imwettqa fi stadju differenti minn dawk tal-bejgħ bl-imnut u tal-bejgħ fir-ristoranti.

    35      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijet, id-domanda preliminari tinkludi essenzjalment erba’ elementi.

    36      L-ewwel element jikkonċerna l-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 2081/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-użu ta’ DOP ikun issuġġettat għall-kundizzjoni li operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni.

    37      It-tieni element jikkonċerna l-kwistjoni jekk il-fatt li l-użu tad-DOP “Prosciutto di Parma” għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet huwa ssuġġettat għal tali kundizzjoni jikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 29 KE.

    38      It-tielet element jikkonċerna l-kwistjoni jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-kundizzjoni in kwistjoni tistax titqies li hija ġġustifikata u għalhekk kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar.

    39      Fl-aħħar nett, ir-raba’ element jikkonċerna l-kwistjoni jekk din il-kundizzjoni tistax tiġi infurzata fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi meta ma tkunx ġiet mgħarrfa lilhom.

     Fuq il-possibbiltà li l-użu ta’ DOP jkun issuġġettat għall-kundizzjoni li operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni

    40      Il-Consorzio, Salumificio, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu essenzjalment li, bħala regola, ir-Regolament Nru 2081/92 jippermetti lil produtturi jottjenu li l-użu tad-DOP ikun issuġġettat għall-kundizzjoni li operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni.

    41      Asda u Hygrade jiddubitaw kemm tali kundizzjoni tista’ b’xi mod tkun parti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li r-Regolament Nru 2081/92 ma jagħtix lill-produtturi d-dritt li jipprojbixxu l-bejgħ bid-DOP ta’ prodott imqatta’ u ppakkjat barra mir-reġjun ta’ produzzjoni.

    42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 2081/92, jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet jikkostitwixxu l-istrument li jiddetermina l-portata tal-protezzjoni uniformi li dan ir-regolament jistabbilixxi fil-Komunità.

    43      Fil-fatt, l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2081/92 jissuġġetta l-eliġibbiltà għall-użu ta’ DPO għall-konformità ta’ prodott ma’ ċerti speċifikazzjonijiet. L-Artikolu 8 ta’ l-istess regolament jissuġġetta t-twaħħil ta’ l-indikazzjoni “DPO [DPO]” fuq prodott għall-konformità ta’ dan ta’ l-aħħar ma’ l-imsemmi regolament u għalhekk ma’ l-ispeċifikazzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 13 imbagħad jiddetermina l-kontenut tal-protezzjoni uniformi mogħtija lill-isem irreġistrat. L-Artikolu 10(1) jispeċifika li l-funzjoni ta’ l-istruttura ta’ spezzjoni mwaqqfa f’kull Stat Membru hija li tassigura li l-prodotti li għandhom DOP jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet.

    44      Skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2081/92, l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jinkludu ta’ l-inqas l-elementi elenkati, b’mod mhux eżawrjenti, f’din id-dispożizzjoni.

    45      Għalhekk, huma għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-elementi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni taħt l-ittri (b), (d), (e), (h) u (i), jiġifieri:

    –        deskrizzjoni tal-prodott u l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobioloġiċi u/jew organolettiċi prinċipali tiegħu;

    –        prova li l-prodott joriġina f’żona ġeografika definita;

    –        deskrizzjoni tal-metodu li jintuża sabiex jinkiseb il-prodott u, fejn ikun xieraq, il-metodi lokali, awtentiċi u li ma jvarjawx;

    –        id-dettalji speċifiċi tat-tikkettar li jindikaw DOP;

    –        kwalunkwe rekwiżit stabbilit b’dispożizzjonijiet Komunitarji u/jew nazzjonali.

    46      L-ispeċifikazzjonijiet għalhekk jinkludu d-definizzjoni dettaljata tal-prodott protett, stabbilita mill-produtturi kkonċernati, taħt il-kontroll ta’ l-Istat Membru li jittrażmettihom, imbagħad tal-Kummissjoni li tirreġistra d-DOP, fil-kuntest jew tal-proċedura normali ta’ l-Artikoli 5 sa 7 jew tal-proċedura semplifikata ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92.

    47      Din id-definizzjoni tiddetermina kemm il-portata ta’ l-obbligi li għandhom jiġu osservati għall-finijiet ta’ l-użu tad-DOP kif ukoll, bħala l-korollarju tagħha, il-portata tad-dritt protett fil-konfront ta’ terzi b’effett tar-reġistrazzjoni tad-DOP, li tistabilixxi fuq livell Komunitarju r-regoli stabbiliti jew imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet.

    48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2081/92 bl-ebda mod ma jeskludi li jiġu adottati regoli tekniċi partikolari applikabbli għall-operazzjonijiet li jwasslu għal diversi preżentazzjonijiet fis-suq ta’ l-istess prodott, sabiex dan ta’ l-aħħar, minn naħa, jissodisfa, għal kull waħda minn dawn il-preżentazzjonijiet, il-kriterju ta’ kwalità li l-konsumaturi, skond it-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, qegħdin jagħtuh importanza ikbar f’dawn l-aħħar snin u sabiex, minn naħa l-oħra, huwa joffri garanzija ta’ oriġini ġeografika li tista’ tiġi identifikata, li skond l-istess premessa hija ħaġa dejjem iktar imfittxija.

    49      Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ għanijiet, regoli tekniċi partikolari jistgħu għaldaqstant jiġu adottati għal operazzjonijiet bħalma huma tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott.

    50      Għandu għalhekk jiġi konkluż li r-Regolament Nru 2081/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-użu ta’ DOP jkun issuġġettat għall-kundizzjoni li operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni, meta din il-kundizzjoni tkun prevista fl-ispeċifikazzjonijiet.

     Jekk il-kundizzjoni għad-DOP “Prosciutto di Parma” li l-prodott jitqatta’ u jiġi ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni

    51      Asda u Hygrade isostnu li kundizzjonijiet dwar l-ippakkjar ta’ prodott jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikoli 28 KE u 29 KE. B’mod partikolari, l-applikazzjoni fir-Renju Unit ta’ regola li skondha l-perżut ta’ Parma kkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet jista’ jibbenefika mid-DOP biss jekk ikun ġie mqatta’ u ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni tista’ manifestament tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju.

    52      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-kundizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni.

    53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, iżda wkoll għall-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1997, Kieffer u Thill, C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27, u tat-13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf, C-169/99, Ġabra p. I-5901, punt 37).

    54      L-Artikolu 29 KE jipprojbixxi kull miżura li għandha l-għan jew l-effett li tirrestrinġi speċifikament l-iżvolġiment tal-kummerċ u li b’hekk tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu, b’mod li tassigura vantaġġ partikolari għall-produzzjoni nazzjonali jew għas-suq intern ta’ l-Istat ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus, C-209/98, Ġabra p. I-3743, punt 34).

    55      Kif ġie kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Prosciutto di Parma” isemmu espressament ir-rekwiżit ta’ tqattigħ u ppakkjar tal-prodott fir-reġjun ta’ produzzjoni għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet u jirreferu għal-Liġi tat-13 ta’ Frar 1990 kif ukoll għad-digriet tal-15 ta’ Frar 1993 bħala r-rekwiżiti li għandhom jiġu rrispettati skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2081/92. Għalhekk, meta jirreġistra d-DOP “Prosciutto di Parma”, ir-Regolament Nru 1107/96 jagħmel it-tqattigħ u l-ippakkjar fir-reġjun ta’ produzzjoni kundizzjoni għall-użu tad-DOP “Prosciutto di Parma” għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet.

    56      Il-konsegwenza ta’ din il-kundizzjoni hija li l-perżut prodott fir-reġjun ta’ produzzjoni, li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex tkun tista’ tintuża d-DOP “Prosciutto di Parma”, ma jistax jitqatta’ barra mill-imsemmi reġjun bla ma jitlef din id-denominazzjoni.

    57      Għall-kuntrarju, il-perżut ta’ Parma ttrasportat fi ħdan ir-reġjun ta’ produzzjoni iżomm id-dritt tiegħu għad-DOP jekk jitqatta’ u jiġi ppakkjat f’dan ir-reġjun skond ir-regoli previsti fl-ispeċifikazzjonijiet.

    58      Għalhekk, dawn ir-regoli għandhom l-effett li jirrestrinġu speċifikament l-iżvolġiment ta’ l-esportazzjoni ta’ perżut li jista’ jkollu d-DOP “Prosciutto di Parma” u b’hekk jikkostitwixxu differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, huma jinvolvu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 29 KE (ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Spanja, C-388/95, Ġabra p. I-3123, punti 38 u 40 sa 42).

    59      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-fatt li l-użu tad-DOP “Prosciutto di Parma” għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet huwa ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 29 KE.

     Fuq il-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni li l-prodott jitqatta’ u jiġi ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni

    60      Il-Consorzio, Salumificio, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li, fis-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni, ikkostitwita bl-obbligu li inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini għandu jiġi bbottiljat fir-reġjun ta’ produzzjoni tiegħu sabiex ikun jista’ juża d-denominazzjoni ta’ oriġini, kienet iġġustifikata inkwantu kienet intiża sabiex tippreżerva r-reputazzjoni tad-denominazzjoni billi tiggarantixxi, minbarra l-awtentiċità tal-prodott, iż-żamma tal-kwalitajiet u tal-karatteristiċi tiegħu. Huma jikkunsidraw illi l-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza tista’ tiġi applikata għall-kundizzjoni li l-perżut ta’ Parma jitqatta’ u jiġi ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni, peress li din il-kundizzjoni hija ġġustifikata għall-finijiet tal-garanzija ta’ l-awtentiċità u tal-kwalità tal-prodott. Il-Gvern Franċiż jenfasizza li din il-kundizzjoni tippermetti li jiġi ggarantit li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika.

    61      Asda, Hygrade u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar ma jaffettwawx il-kwalità tal-perżut ta’ Parma u ma jippreġudikawx l-awtentiċità tiegħu. Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-approċċ adottat fis-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, li għandu effettivament jiġi segwit f’din il-kawża, għandu jwassal għal eżitu kuntrarju għal dak adottat f’dik is-sentenza.

    62      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 30 KE, l-Artikolu 29 KE m’għandux jeskludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-esportazzjoni meta dawn ikunu ġġustifikati, inter alia, minn raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.

    63      Għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja turi tendenza ġenerali li ttejjeb il-kwalità tal-prodotti li jaqgħu fil-qafas tal-politika agrikola komuni, sabiex tippromwovi r-reputazzjoni ta’ l-imsemmija prodotti, b’mod partikolari, permezz ta’ l-użu ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini li jgawdu protezzjoni partikolari (ara s-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). Din it-tendenza ġiet ikkonkretizzata fis-settur ta’ l-inbejjed ta’ kwalità bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 823/87 tas-16 ta’ Marzu 1987 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali dwar l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 84, p. 59), li ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU L 179, p. 1). Din it-tendenza ntweriet ukoll, fir-rigward ta’ prodotti agrikoli oħra, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2081/92 li, fid-dawl tal-premessi tiegħu, ifittex, b’mod partikolari, li jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti ta’ kwalità u ta’ oriġini ġeografika li tista’ tiġi identifikata kif ukoll li jiffaċilita l-kisba min-naħa tal-produtturi, f’kundizzjonijiet ta’ kompetenza ġusta, ta’ dħul aħjar bħala korrispettiv għal sforz ġenwin sabiex tittejjeb il-kwalità.

    64      Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini jaqgħu taħt id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipproteġi lill-benefiċjarji tagħhom minn użu abbużiv ta’ l-imsemmija denominazzjonijiet minn terzi li japprofittaw mir-reputazzjoni li dawn ikunu kisbu. Tali denominazzjonijiet huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-prodott kopert bihom ikun ġej minn żona ġeografika speċifika u li għandu ċerti karatteristiċi partikulari. Huma jistgħu jgawdu reputazzjoni kbira fost il-konsumaturi u jikkostitwixxu għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jużawhom mezz essenzjali sabiex jattiraw klijentela. Ir-reputazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tiddependi mill-impressjoni tagħhom li jkollhom il-konsumaturi. Min-naħa tagħha, din l-impressjoni tiddependi essenzjalment mill-karatteristiċi partikolari u, b’mod iktar ġenerali, mill-kwalità tal-prodott. Hija din ta’ l-aħħar li, fl-aħħar mill-aħħar, tifforma l-bażi tar-reputazzjoni tal-prodott (ara s-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 56). Fil-perċezzjoni tal-konsumatur, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-produtturi u l-kwalità tal-prodotti tiddependi wkoll mill-konvinzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa bid-denominazzjoni ta’ oriġini huma awtentiċi.

    65      Bil-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Prosciutto di Parma” jimponu li t-tqattigħ u l-ippakkjar isir fir-reġjun ta’ produzzjoni, huma jfittxu li jippermettu lill-benefiċjarji tad-DOP jżommu l-kontroll fuq wieħed mill-modi kif il-prodott jiġi ppreżentat fis-suq. Il-kundizzjoni li huma jimponu għandha l-għan li tissalvagwarda aħjar il-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott, kif ukoll, konsegwentement, ir-reputazzjoni tad-DOP, li għaliha l-benefiċjarji tagħha jassumu r-responsabbiltà sħiħa u kollettiva.

    66      F’dan il-kuntest, kundizzjoni bħal dik in kwistjoni għandha tkun ikkunsidrata li hija konformi mad-dritt Komunitarju, minkejja l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kummerċ, jekk jintwera li hija tikkostitwixxi mezz neċessarju u proporzjonat li huwa ta’ natura li jippreżerva r-reputazzjoni tad-DOP “Prosciutto di Parma” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59).

    67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-perżut ta’ Parma huwa kkunsmat prinċipalment f’fetet u li l-operazzjonijiet kollha li jwasslu għal din il-preżentazzjoni huma intiżi sabiex jinkisbu, b’mod partikolari, togħma, kulur u mod kif jinħass speċifiċi, li jiġu apprezzati mill-konsumatur.

    68      Għalhekk, it-tqattigħ u l-ippakkjar tal-perżut jikkostitwixxu operazzjonijiet importanti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-kwalità u, konsegwentement, lir-reputazzjoni tad-DOP jekk jitwettqu f’kundizzjonijiet li jwasslu għal prodott li ma jikkonformax mal-kwalitajiet organolettiċi marbuta ma’ tali DOP. Dawn l-operazzjonijiet jistgħu wkoll jikkompromettu l-garanzija ta’ awtentiċità tal-prodott, peress li l-konsegwenza neċessarja tagħhom hija l-eliminazzjoni tal-marka ta’ oriġini minn fuq il-koxox sħaħ użati.

    69      Bir-regoli li jimponu u bir-rekwiżiti li għandhom jiġu rrispettati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jagħmlu referenza, l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Prosciutto di Parma” jistabbilixxu regoli li jirregolaw b’mod dettaljat u rigoruż it-tlett stadji li jwasslu għat-tqegħid fis-suq tal-perżut imqatta’ diġà ppakkjat. L-ewwel stadju jinvolvi t-tneħħija ta’ l-għadam mill-perżut, il-preparazzjoni tal-biċċiet u r-refriġerazzjoni u l-iffriżar tagħhom għall-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ tqattigħ. It-tieni stadju jikkorrispondi għall-operazzjonijiet ta’ tqattigħ. It-tielet stadju jikkonsisti fl-ippakkjar tal-perżut imqatta’ f’pakketti li minnhom tinġibed l-arja jew f’atmosfera protetta.

    70      Tliet regoli prinċipali għandhom jiġu rrispettati waqt il-proċess industrijali.

    71      L-ewwel nett, wara kontroll ta’ l-awtentiċità tal-koxox tal-majjal użati, għandha ssir għażla minn fosthom. Huma biss il-koxox li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet addizzjonali iktar restrittivi, li jirreferu b’mod partikolari għall-piż, għat-tul ta’ l-istaġunar, għall-kontenut ta’ ilma, għall-livell ta’ umdità interna u għan-nuqqas ta’ difetti viżibbli, li jistgħu jitqattgħu u jiġu ppakkjati. L-għażla tkompli fid-diversi stadji tal-proċess, jekk jidhru anomaliji fil-prodott, bħal tbajja’ li jirriżultaw minn mikroemoraġiji, minn żoni bojod fil-muskolu, jew mill-preżenza ta’ grass intramuskolari eċċessiv, li ma setgħux jiġu osservati qabel it-tneħħija ta’ l-għadam jew it-tqattigħ.

    72      It-tieni nett, l-operaturi kollha fir-reġjun ta’ produzzjoni li jkollhom l-intenzjoni li jqattgħu u jippakkjaw il-perżut ta’ Parma għandhom ikunu approvati mill-istruttura ta’ spezzjoni, li tapprova wkoll il-fornituri tal-pakketti.

    73      It-tielet nett, rappreżentanti ta’ l-istruttura ta’ spezzjoni għandhom ikunu preżenti f’kull waħda mit-tliet stadji tal-proċess. Huma jissorveljaw, b’mod permanenti, ir-rispett tar-rekwiżiti kollha ta’ l-ispeċifikazzjonijiet, inkluż l-immarkar tal-prodott f’kull stadju. Fi tmiem l-operazzjonijiet, huma jiċċertifikaw in-numru ta’ pakketti prodotti.

    74      Id-diversi stadji jagħtu lok għal interventi tekniċi u ta’ kontroll preċiżi ħafna, li jirrigwardaw l-awtentiċità, il-kwalità, l-iġjene u t-tikkettar. Uħud minnhom jirrikjedu evalwazzjonijiet speċjalizzati, b’mod partikolari waqt l-istadji tar-refriġerazzjoni u ta’ l-iffriżar tal-biċċiet.

    75      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrikonoxxut li kontrolli mwettqa barra mir-reġjun ta’ produzzjoni joffru inqas garanziji tal-kwalità u ta’ l-awtentiċità tal-prodott minn dawk imwettqa ġewwa r-reġjun ta’ produzzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-ispeċifikazzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). Fil-fatt, minn naħa, il-kontrolli mwettqa skond din il-proċedura ta’ l-aħħar huma ta’ natura approfondita u sistematika u jsiru minn professjonisti li għandhom konoxxenza speċjalizzata tal-karatteristiċi tal-perżut ta’ Parma. Min-naħa l-oħra, ftit li xejn huwa konċepibbli li r-rappreżentanti tal-benefiċjarji tad-DOP jistgħu jintroduċu tali kontrolli b’mod effettiv fl-Istati Membri l-oħra.

    76      Għaldaqstant, ir-riskju għall-kwalità u għall-awtentiċità tal-prodott finalment offrut għall-konsum huwa ikbar meta huwa jkun tqatta’ u ġie ppakkjat barra mir-reġjun ta’ produzzjoni milli meta dan ikun sar f’dan ta’ l-aħħar (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

    77      Din il-konstatazzjoni mhijiex affettwata mill-fatt, li ġie enfasizzat f’din il-kawża, li t-tqattigħ tal-perżut jista’ jsir, għall-inqas taħt ċerti kundizzjonijiet, minn bejjiegħa bl-imnut jew minn maniġers ta’ ristoranti barra mir-reġjun ta’ produzzjoni. Fil-fatt, bħala regola, din l-operazzjoni għandha ssir quddiem il-konsumatur, jew, għall-inqas, dan ta’ l-aħħar jista’ jistaqsi li jsir hekk sabiex, b’mod partikolari, jivverifika l-preżenza tal-marka ta’ oriġini fuq il-koxxa użata. Fuq kollox, operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar imwettqa iktar ’il fuq mill-istadju tal-bejgħ bl-imnut u tal-bejgħ fir-ristoranti, jikkostitwixxu, minħabba l-kwantitajiet tal-prodotti kkonċernati, riskju ħafna iktar reali għar-reputazzjoni ta’ DOP, fil-każ ta’ kontroll insuffiċjenti ta’ l-awtentiċità u tal-kwalità tal-prodott, minn dak ikkostitwit minn operazzjonijiet imwettqa minn bejjiegħa bl-imnut u minn maniġers ta’ ristoranti.

    78      Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar fir-reġjun ta’ produzzjoni, li għandha l-għan li tippreżerva r-reputazzjoni tal-perżut ta’ Parma permezz ta’ tisħiħ tal-kontroll fuq il-karatteristiċi partikolari u l-kwalità tiegħu, tista’ tkun ikkunsidrata ġġustifikata bħala miżura li tipproteġi d-DOP li minnha jibbenefikaw l-operaturi kollha kkonċernati u li għandha importanza deċiżiva għal dawn ta’ l-aħħar (ara, fl-istess sens, is-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

    79      Ir-restrizzjoni li tirriżulta minnha tista’ tkun ikkunsidrata neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, fis-sens li ma jeżistux miżuri alternattivi inqas restrittivi li jistgħu jilħquh.

    80      F’dan ir-rigward, id-DOP “Prosciutto di Parma” ma tiġix protetta b’mod komparabbli permezz ta’ obbligu, impost fuq l-operaturi stabbiliti barra mir-reġjun ta’ produzzjoni, li jinformaw lill-konsumaturi, permezz ta’ tikkettar adegwat, li t-tqattigħ u l-ippakkjar saru barra minn dan ir-reġjun. Fil-fatt, dannu lill-kwalità jew lill-awtentiċità ta’ perżut imqatta’ u ppakkjat barra mir-reġjun ta’ produzzjoni, li jirriżulta mill-materjalizzazzjoni tar-riskji marbuta ma’ l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar, jista’ jkun ta’ detriment għar-reputazzjoni tal-perżut kollu kkumerċjalizzat bid-DOP “Prosciutto di Parma”, inkluż dak imqatta’ u ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni, taħt il-kontroll tal-grupp ta’ produtturi li jibbenefika mid-DOP (ara, fl-istess sens, is-sentenza Il-Belġju vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77).

    81      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-fatt li l-użu tad-DOP “Prosciutto di Parma” għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet huwa ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni jista’ jitqies li huwa ġġustifikat u, għaldaqstant, kompatibbli ma’ l-Artikolu 29 KE.

     Fuq l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi tal-kundizzjoni ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar fir-reġjun ta’ produzzjoni

     Osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

    82      Il-Consorzio u Salumificio jikkunsidraw li l-kundizzjoni ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar fir-reġjun ta’ produzzjoni, prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Prosciutto di Parma”, tista’ tiġi invokata quddiem il-qrati nazzjonali. Fl-opinjoni tagħhom, operatur jista’ biss jeċepixxi li ma jafx b’din il-kundizzjoni li tirriżulata minn atti u dispożizzjonijiet li huwa m’għandux aċċess għalihom fil-każ li tintalab l-applikazzjoni ta’ sanzjoni fil-konfront tiegħu. Bl-istess mod bħall-Gvern Taljan, huma jsostnu li, min-naħa l-oħra, l-operatur ma jistax jeċepixxi li ma jafx bil-kundizzjoni f’każijiet fejn, bħal fil-kawża prinċipali, huwa jintalab biss li, fil-futur, jieqaf ibigħ il-perżut ta’ Parma mqatta’ u ppakkjat barra mir-reġjun ta’ produzzjoni. Huma jżidu li, f’kull każ, Asda u Hygrade ma sabu ebda diffikultà fil-kawża prinċipali sabiex jiksbu u jużaw liberament u leġittimament l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji kollha, b’mod partikolari verżjoni bl-Ingliż ta’ l-ispeċifikazzjonijiet, li ilha disponibbli mill-1997.

    83      Il-Gvern Franċiż isostni li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 249 KE, kull individwu jista’ jinvoka regolament Komunitarju direttamant quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

    84      Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet jirriżulta mill-istruttura tar-Regolament Nru 2081/92 u mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni speċifika applikata. Fl-opinjoni tagħha, id-domanda preliminari magħmula tolqot l-essenza stess tal-leġiżlazzjoni u tqiegħed in diskussjoni l-proċedura kollha ta’ reġistrazzjoni prevista fir-Regolament Nru 2081/92. In-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet jirriżulta minn għażla deliberata tal-leġiżlatur Komunitarju fil-kuntest tal-proċedura semplifikata. Din il-proċedura ġabret flimkien l-ismijiet kollha li kienu diġà protetti mil-liġijiet nazzjonali. L-ismijiet irreġistrati fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienu diġà magħrufa sewwa mhux biss mill-pubbliku, iżda wkoll, probabbilment, mill-operaturi ekonomiċi, kemm jekk kienu importaturi, distributuri jew bejjiegħa bl-imnut. Għandu jitqies ukoll li dawn l-operaturi ekonomiċi kienu jikkummerċjalizzaw il-prodotti kkonċernati qabel ir-reġistrazzjoni tad-DOP. L-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet biss li jagħti lill-ismijiet diġà protetti fuq livell nazzjonali l-benefiċċju tal-protezzjoni Komunitarja wara li l-Kummissjoni tkun ivverifikat il-konformità tagħhom mat-termini u mal-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2081/92.

    85      Asda u Hygrade jsostnu li miżura li ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ma tistax tiġi applikata kontra individwu meta, bħal fil-kawża prinċipali, dan ta’ l-aħħar m’għandu ebda dritt legali li jikseb kopja ta’ din il-miżura, kemm jekk tkun fil-lingwa tiegħu kemm jekk tkun f’lingwa oħra. Minkejja l-prinċipju ta’ l-effett dirett tar-regolamenti, previst fl-Artikolu 249 KE, miżura Komunitarja tista’ toħloq drittijiet individwali biss jekk hija tkun suffiċjentement ċara, preċiża u inkondizzjonata. Il-portata u l-effett ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja għandhom ikunu ċari u prevedibbli għall-individwi għaliex altrimenti jinkisru l-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ trasparenza. Ir-regoli adottati għandhom jippermettu lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu preċiżament il-portata ta’ l-obbligi imposti fuqhom. In-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ att jimpedixxi l-impożizzjoni ta’ l-obbligi stabbiliti b’dan l-att fuq individwu. Barra minn hekk, obbligu impost mid-dritt Komunitarju għandu jkun faċilment aċċessibli fil-lingwa ta’ l-Istat Membru fejn huwa għandu jiġi applikat. Fin-nuqqas ta’ traduzzjoni uffiċjali, miżura Komunitarja ma tista’ timpedixxi d-drittijiet ta’ individwi kemm fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili kif ukoll f’dak ta’ proċeduri kriminali. Kieku l-Consorzio kellu jkun awtorizzat jassigura, quddiem qorti nazzjonali, li speċifikazzjonijiet mhux ippubblikati jiġu rrispettati, jinkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma jistax ikollhom effett dirett.

    86      Il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li r-Regolament Nru 1107/96 isemmi biss li l-isem “Prosciutto di Parma” huwa DOP. Xejn f’din id-DOP ma jindika li operatur li xtara perżut ta’ Parma ma jistax iqattgħu u jippakkjah sabiex ibigħu lill-konsumatur. Xejn fin-natura ta’ l-operazzjonijiet ma jiġbed l-attenzjoni ta’ l-operatur għall-fatt li d-DOP “Prosciutto di Parma” ma tistax tintuża għall-fetet imqatta’ barra mir-reġjun ta’ produzzjoni minn perżut li kellu leġittimament id-DPO. Kull projbizzjoni milli tintuża d-DOP “Prosciutto di Parma” għandha tkun trasparenti u faċilment aċċessibbli. Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ aċċessibbiltà jkunu rrispettati biss jekk ir-restrizzjoni tista’ tiġi faċilment iddeterminata abbażi ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali tal-Komunità.

     Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    87      Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, regolament, li huwa att li għandu applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    88      Bħala tali, huwa joħloq mhux biss drittijiet, iżda wkoll obbligi għall-individwi, li dawn jistgħu jinvokaw kontra individwi oħra quddiem il-qrati nazzjonali.

    89      Madankollu, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeżiġi li regola Komunitarji għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata ta’ l-obbligi li hija timponi fuqhom (ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-209/96, Ġabra p. I-5655, punt 35).

    90      Fit-tnax-il premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2081/92 jgħid li sabiex igawdu minn protezzjoni f’kull Stat Membru, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom jiġu rreġistrati fuq livell Komunitarju, u l-iskrizzjoni fir-reġistru tipprovdi wkoll l-informazzjoni lil dawk involuti fil-kummerċ u lill-konsumaturi.

    91      Madankollu, huwa ma jipprovdix għall-pubblikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet jew ta’ elementi ta’ dawn ta’ l-aħħar fil-kuntest tal-proċedura semplifikata.

    92      Ir-Regolament Nru 1107/96 jipprovdi sempliċement li l-isem “Prosciutto di Parma” għandu jiġi rreġistrat bħala DOP skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92.

    93      L-effett ta’ din ir-reġistrazzjoni huwa li jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju l-kundizzjonijiet previsti jew imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet, b’mod partikolari l-kundizzjoni li timponi li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni. Din il-kundizzjoni timplika obbligu negattiv għal terzi, li l-ksur tiegħu jista’ jagħti lok għal sanzjonijiet ċivili jew saħansitra kriminali.

    94      Issa kif irrikonoxxew waqt il-proċeduri l-intervenjenti kollha li esprimew ruħhom f’dan ir-rigward, il-protezzjoni mogħtija minn DOP normalment ma testendix għal operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ jew l-ippakkjar ta’ prodott. Dawn l-operazzjonijiet huma pprojbiti għal terzi barra mir-reġjun ta’ produzzjoni biss jekk tkun prevista kundizzjoni espressa f’dan is-sens fl-ispeċifikazzjonijiet.

    95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kien jirrikjedi li l-kundizzjoni in kwistjoni tiġi mgħarrfa lil terzi permezz ta’ pubbliċità adegwata fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, pubbliċità li setgħet saret billi din il-kundizzjoni tissemma fir-Regolament Nru 1107/96.

    96      Billi l-imsemmija kundizzjoni ma ġietx mgħarrfa lil terzi, hija ma tistax tiġi infurzata kontrihom quddiem qorti nazzjonali, kemm għall-finijiet ta’ sanzjoni kriminali kif ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

    97      Ma jistax jiġi effettivament sostnut li l-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet li hemm fl-ispeċifikazzjonijiet ma kinitx neċessarja fil-kuntest tal-proċedura semplifikata skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, peress li l-ismijiet irreġistrati kienu diġà magħrufa sewwa mill-pubbliku u mill-operaturi ekonomiċi u l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet biss li jestendi għal-livell Komunitarju protezzjoni li kienet diġà teżisti fuq livell nazzjonali.

    98      Fil-fatt, qabel ma ġie adottat ir-Regolament Nru 2081/92, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini kienu protetti b’dispożizzjonijiet nazzjonali ppubblikati u applikabbli biss, bħala regola, fit-territorju ta’ l-Istat Membru li kien adottahom, ħlief fil-każ ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li kienu jestendu l-protezzjoni għat-territorju ta’ Stati Membri oħra, bi qbil komuni bejn il-kontraenti. Ħlief fil-każ ta’ din l-aħħar riżerva, ma jistax jiġi preżunt li, b’konsegwenza ta’ tali sitwazzjoni, il-kundizzjonijiet relattivi għall-imsemmija denominazzjonijiet ta’ oriġini kienu neċessarjament magħrufa mill-pubbliku u mill-operaturi ekonomiċi tal-Komunità kollha, inklużi dawk relattivi għall-estensjoni eżatta tal-protezzjoni kif iddefinita minn speċifikazzjonijiet u minn dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura teknika, redatti fil-lingwa nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    99      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni li l-prodott jitqatta’ u jiġi ppakkjat fir-reġjun ta’ produzzjoni ma tistax tiġi infurzata fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi, billi ma ġietx mgħarrfa lilhom permezz ta’ pubbliċità adegwata fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

     Fuq l-ispejjeż

    100    L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    b’risposta għad-domanda magħmula lilha mill-House of Lords, b’digriet tat-8 ta’ Frar 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel, kif emendat bl-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-użu ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jkun issuġġettat għall-kundizzjoni li operazzjonijiet bħalma huma t-tqattigħ u l-ippakkjar tal-prodott isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni, meta din il-kundizzjoni tkun prevista fl-ispeċifikazzjonijiet.

    2)      Il-fatt li l-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Prosciutto di Parma” għall-perżut ikkummerċjalizzat imqatta’ f’fetet huwa ssuġġettat għall-kundizzjoni li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar isiru fir-reġjun ta’ produzzjoni jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 29 KE, iżda jista’ jitqies li huwa ġġustifikat u, għaldaqstant, kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar.

    3)      Madankollu, il-kundizzjoni in kwistjoni ma tistax tiġi infurzata fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi, billi ma ġietx mgħarrfa lilhom permezz ta’ pubbliċità adegwata fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    Rodríguez Iglesias

    Puissochet

    Wathelet

    Schintgen

    Timmermans

    Gulmann

    Edward

    Jann

    Skouris

    Macken

     

          Colneric

    von Bahr

     

          Cunha Rodrigues

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Mejju 2003.

    R. Grass

     

          G. C. Rodríguez Iglesias

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top