Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0264

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt

COM/2024/264 final

Brussell, 26.6.2024

COM(2024) 264 final

2024/0150(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-intelliġenza artifiċjali (AI) tiftaħ opportunitajiet kbar, iżda ċerti applikazzjonijiet u użi jistgħu jikkawżaw ukoll ħsarat u joħolqu riskji għad-drittijiet fundamentali tan-nies u għal interessi pubbliċi oħra.

Bir-Regolament (UE) 2024/[...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (“l-Att dwar l-AI”), l-Unjoni adottat l-ewwel regolament komprensiv dwar l-AI, li jistabbilixxi standard dinji. L-Att dwar l-AI ġie adottat fit-12 ta’ Ġunju 2024 1 u se jidħol fis-seħħ fi żmien 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. L-Att dwar l-AI jarmonizza għalkollox ir-regoli għat-tqegħid fis-suq, għat-tqegħid fis-servizz u għall-użu tas-sistemi tal-AI fl-Istati Membri 2 , bl-objettiv li jippromwovi l-innovazzjoni u l-adozzjoni ta’ AI affidabbli, filwaqt li jipproteġi s-saħħa, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ambjent.

Anki bosta organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom il-Kunsill tal-Ewropa, saħħew l-isforzi tagħhom biex jirregolaw l-AI billi għarfu n-natura transfruntiera tal-AI u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex jingħelbu l-isfidi komuni li qed joħolqu dawn it-teknoloġiji.

Il-Kumitat għall-Intelliġenza Artifiċjali (CAI) 3 tal-Kunsill tal-Ewropa ilu minn Ġunju 2022 jelabora Konvenzjoni Qafas legalment vinkolanti (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) biex jindirizza r-riskji potenzjali li l-AI toħloq għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt. L-Unjoni nnegozjat il-Konvenzjoni abbażi tar-raba’ alternattiva tal-Artikolu 216(1) tat-TFUE, li skontha l-Unjoni tista’ tinnegozja 4 u tikkonkludi ftehim internazzjonali, meta “[...] x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”. Il-Kummissjoni Ewropea rrappreżentat lill-Unjoni fin-negozjati tal-Konvenzjoni, f’konformità mal-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea 5 .

L-Unjoni pparteċipat b’mod attiv fin-negozjati bil-għan li tiżgura l-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni mad-dritt tal-Unjoni, il-konsistenza mal-Att dwar l-AI, kif ukoll il-kwalità u l-valur miżjud tal-Konvenzjoni bħala l-ewwel trattat internazzjonali dwar l-AI. F’dak il-kuntest, anki l-ilħuq internazzjonali tal-Konvenzjoni kien objettiv tal-Unjoni.

Wara diversi ċikli ta’ negozjati, is-CAI approva l-kontenut tal-Konvenzjoni waqt l-10 Sessjoni Plenarja tiegħu li saret bejn il-11 u l-14 ta’ Marzu 2024. Nhar is-17 ta’ Mejju 2024, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta l-Konvenzjoni, qabel li jiftaħha għall-iffirmar f’Vilnius (il-Litwanja) fil-5 ta’ Settembru 2024, waqt Konferenza informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u stieden lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lil pajjiżi terzi oħra li ħadu sehem fl-abbozzar tagħha u lill-UE biex jikkunsidraw li jiffirmawha waqt din l-okkażjoni, filwaqt li fakkar li l-Konvenzjoni hija miftuħa wkoll għall-adeżjoni minn Stati oħra li mhumiex membri 6 .

F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tniedi l-proċess biex l-Unjoni tiffirma l-Konvenzjoni bl-intenzjoni li mbagħad tirratifikaha billi tipproponi lill-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tiffirma l-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE. Il-Konvenzjoni hi kompatibbli għalkollox mad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, u mal-Att dwar l-AI b’mod partikolari, u se tippromwovi kunċetti ewlenin mill-approċċ tal-Unjoni għar-regolamentazzjoni tal-AI madwar id-dinja fost membri oħra tal-Kunsill tal-Ewropa u sħab internazzjonali ewlenin li jistgħu jsiru Partijiet għall-Konvenzjoni.

Kontenut tal-Konvenzjoni

Il-Konvenzjoni għandha l-objettiv li tiżgura li l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-AI ikunu konsistenti bis-sħiħ mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt.

Il-Partijiet għall-Konvenzjoni se jkollhom jimplimentawha permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew miżuri oħra xierqa biex jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tagħha, wara approċċ gradwat u differenzjat, skont is-severità u l-probabbiltà tal-impatti negattivi. Il-Konvenzjoni jenħtieġ li tiġi implimentata esklużivament fl-Unjoni permezz tal-Att dwar l-AI, li jarmonizza bis-sħiħ ir-regoli għat-tqegħid fis-suq, għat-tqegħid fis-servizz u għall-użu tas-sistemi tal-AI, u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, meta applikabbli. 

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni jkopri s-sistemi tal-AI li potenzjalment jinterferixxu mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt, b’approċċ differenzjat. Il-prinċipji u l-obbligi previsti fil-Konvenzjoni se japplikaw għall-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-AI imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-atturi privati li jaġixxu f’isimhom. Fir-rigward tas-settur privat, il-Partijiet huma obbligati jindirizzaw ir-riskji u l-impatti li joħolqu l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-AI mill-atturi privati b’mod li jikkonforma mal-għan u l-fini tal-Konvenzjoni iżda għandhom l-għażla jekk japplikawx l-obbligi tal-Konvenzjoni jew jekk jiħdux miżuri xierqa oħra. Il-Partijiet se jkollhom jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-għażla li jagħmlu f’dak ir-rigward meta jiffirmaw il-Konvenzjoni jew meta jaderixxu magħha. L-Unjoni jenħtieġ li toħroġ dikjarazzjoni mal-konklużjoni tal-Konvenzjoni li l-Unjoni, permezz tal-Att dwar l-AI u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, se timplimenta l-prinċipji u l-obbligi stabbiliti fil-Kapitoli II sa VI tal-Konvenzjoni għall-attivitajiet tal-atturi privati li jqiegħdu fis-suq, iqiegħdu fis-servizz, u jużaw is-sistemi tal-AI fl-Unjoni.

L-attivitajiet tal-AI relatati mas-sigurtà nazzjonali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni bil-fehim li dawn iridu, fi kwalunkwe każ, jitwettqu b’mod konsistenti mal-liġijiet internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Il-Konvenzjoni teskludi wkoll l-attivitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp rigward is-sistemi tal-AI li għadhom ma sarux disponibbli għall-użu, sakemm l-ittestjar jew attivitajiet simili ma jkollhomx il-potenzjal li jinterferixxu mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt. Bi qbil mal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-kwistjonijiet relatati mad-difiża nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni tipprevedi wkoll sett ta’ obbligi ġenerali u prinċipji fundamentali, fosthom il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-awtonomija individwali, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, din tagħti mandat għar-rispett tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data personali flimkien mat-trasparenza u s-sorveljanza biex ikunu żgurati l-akkontabbiltà u r-responsabbiltà. Hu ddedikat ukoll prinċipju partikolari għall-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni sikuri f’ambjenti kkontrollati.

Hemm kapitolu apposta dwar ir-rimedji li jipprevedi wkoll sett ta’ miżuri maħsuba biex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ rimedji aċċessibbli u effettivi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-AI. Dan jinkludi wkoll garanziji u salvagwardji proċedurali effettivi għall-persuni li d-drittijiet tagħhom ġew affettwati b’mod sinifikanti mill-użu tas-sistemi tal-AI. Barra minn hekk, l-individwi jenħtieġ li jiġu notifikati li qed jinteraġġixxu ma’ sistema tal-AI u mhux ma’ bniedem.

Il-Konvenzjoni tinkludi wkoll kapitolu dwar miżuri għall-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji u tal-impatti negattivi li jridu jitwettqu b’mod iterattiv, biex jiġu identifikati l-impatti reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jittieħdu miżuri xierqa ta’ prevenzjoni u ta’ mitigazzjoni.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tipprevedi li l-Partijiet jenħtieġ li jivvalutaw il-ħtieġa ta’ projbizzjonijiet jew moratorji fuq ċerti applikazzjonijiet tas-sistemi tal-AI meqjusa inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, mal-funzjonament tad-demokrazija, jew mal-istat tad-dritt.

Il-Konvenzjoni tipprovdi mekkaniżmu ta’ segwitu waqt Konferenza tal-Partijiet, li jkun kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet li se jikkonsultaw bejniethom minn żmien għal żmien biex jiffaċilitaw l-użu u l-implimentazzjoni effettivi tal-Konvenzjoni. Tipprevedi wkoll mekkaniżmu għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-Partijiet għall-Konvenzjoni u anki fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, biex jintlaħaq l-għan tal-Konvenzjoni.

Barra minn hekk, kull Parti jenħtieġ li tistabbilixxi jew li tiddeżinja mekkaniżmu effettiv wieħed jew bosta fil-livell domestiku biex jissorveljaw il-konformità mal-obbligi fil-Konvenzjoni, kif mogħtija effett mill-Partijiet.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi prinċipji u obbligi ġenerali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt li huma konsistenti u allinjati għalkollox mal-objettivi tal-Att dwar l-AI u mar-rekwiżiti dettaljati għas-sistemi tal-AI u mal-obbligi imposti fuq il-fornituri u l-amministraturi ta’ dawn is-sistemi.

Id-definizzjoni ta’ sistema tal-AI fil-Konvenzjoni hija allinjata għalkollox mad-definizzjoni fl-Att dwar l-AI għax it-tnejn huma bbażati fuq id-definizzjoni ta’ dawn is-sistemi fil-Prinċipji tal-AI tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) 7 , u b’hekk jiżguraw fehim komuni ta’ liema teknoloġiji diġitali jikkostitwixxu l-AI.

Kemm il-Konvenzjoni kif ukoll l-Att dwar l-AI iħaddmu approċċ ibbażat fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni tas-sistemi tal-AI u jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-impatt u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju. L-Att dwar l-AI fih, b’mod partikolari, għadd ta’ projbizzjonijiet rilevanti u każijiet ta’ użu ta’ riskju għoli għas-sistemi tal-AI fis-setturi pubbliċi u privati kollha, inkluż fil-qasam tad-demokrazija u l-ġustizzja. Għalhekk, ir-regoli u l-proċeduri dettaljati tal-Att dwar l-AI għall-iżvilupp, it-tqegħid fis-suq, u l-użu tas-sistemi tal-AI f’dawk l-oqsma se jiżguraw li d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt jiġu rispettati tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-AI.

Il-Konvenzjoni tinkludi prinċipji u obbligi li diġà huma koperti fl-Att dwar l-AI, fosthom miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tas-sikurezza u l-affidabbiltà, tal-akkontabbiltà u r-responsabbiltà, tal-governanza tad-data u l-protezzjoni tad-data, tat-trasparenza u s-sorveljanza, tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, tal-ħiliet u tal-litteriżmu diġitali.

It-trasparenza hija element komuni ieħor taż-żewġ strumenti legali, inklużi b’miżuri fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-kontenut iġġenerat bl-AI u tan-notifikar lill-persuni li jinteraġixxu mas-sistemi tal-AI. Iż-żewġ strumenti legali jinkludu wkoll dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-impatt u l-ġestjoni tar-riskju, iż-żamma tar-rekords, l-iżvelar (lill-korpi u lill-awtoritajiet awtorizzati u, kif xieraq, lill-persuni affettwati), it-traċċabbiltà u l-ispjegabbiltà, l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni sikuri f’ambjenti kkontrollati, u sett ta’ miżuri li jippermettu rimedji effettivi, inkluż id-dritt li tintalab u tinkiseb informazzjoni u li jitressaq ilment quddiem awtorità kompetenti, u salvagwardji proċedurali.

Is-sistema tas-sorveljanza prevista fil-Konvenzjoni hija wkoll konsistenti għalkollox mas-sistema komprensiva ta’ governanza u infurzar tal-Att dwar l-AI, li tikkonsisti f’infurzar fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, bi proċeduri għall-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni fl-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tipprevedi mekkaniżmu tas-sorveljanza effettiv wieħed jew aktar fil-livell domestiku li jridu jeżerċitaw id-doveri tagħhom b’mod indipendenti u imparzjali u jkollhom is-setgħat, l-għarfien espert u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu b’mod effettiv il-kompiti tas-sorveljanza tal-konformità mal-obbligi fil-Konvenzjoni, kif mogħtija effett mill-Partijiet.

Filwaqt li l-Att dwar l-AI se japplika għas-sistemi tal-AI mqiegħda fis-suq, imqiegħda fis-servizz, jew użati fl-Unjoni, il-Konvenzjoni għandha lħuq ġeografiku akbar li jinkludi lill-membri tal-Kunsill tal-Ewropa u lil stati terzi madwar id-dinja li jistgħu jsiru Partijiet għall-Konvenzjoni. Għalhekk, il-Konvenzjoni hija opportunità tad-deheb biex titrawwem AI affidabbli lil hinn mill-Unjoni fl-ewwel trattat internazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-AI li hu vinkolanti legalment u msejjes fuq approċċ sod fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

Kemm il-Konvenzjoni kif ukoll l-Att dwar l-AI huma komponenti integrali ta’ approċċ regolatorju għall-AI, b’impenji konsistenti u li jsaħħu lil xulxin f’diversi livelli internazzjonali, u t-tnejn għandhom l-objettiv komuni li jiżguraw AI affidabbli.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni għandha wkoll objettivi komuni ma’ politiki u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li għandhom l-għan li jimplimentaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni 8 .

B’mod partikolari, il-prinċipju tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni minqux fil-Konvenzjoni huwa konsistenti għalkollox mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-nondiskriminazzjoni u se jippromwovi l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza fit-tfassil, l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-AI u l-implimentazzjoni effettiva tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif previst skont il-liġi internazzjonali u domestika applikabbli tal-Partijiet.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni hija konsistenti mal-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, fosthom ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 9 fir-rigward tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali b’garanziji u salvagwardji effettivi li jridu jkunu fis-seħħ għall-individwi, f’konformità mal-obbligi legali domestiċi u internazzjonali applikabbli tal-Partijiet.

Il-miżuri previsti fil-Konvenzjoni maħsuba biex jipproteġu l-proċessi demokratiċi tal-Partijiet fil-kuntest tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema tal-AI huma konsistenti għalkollox mal-objettivi u mar-regoli dettaljati fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali 10 , li jirregola l-forniment tas-servizzi intermedjarji fl-Unjoni bl-għan li jkun żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, fosthom id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jirċievi u jagħti l-informazzjoni. Huma konsistenti wkoll mar-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku 11 , mal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni 12 u mal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tad-demokrazija u tal-elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti 13 , inkluż il-pjan ta’ azzjoni tal-2020 għad-Demokrazija Ewropea 14 , il-pakkett dwar l-elezzjonijiet u l-integrità 15 u riċentament, il-pakkett tal-2023 dwar id-Difiża tad-Demokrazija 16 .

Il-Konvenzjoni hi konsistenti mal-istrateġija diġitali kumplessiva tal-Unjoni permezz tal-kontribut tagħha biex tippromwovi teknoloġija li taħdem għan-nies, bħala wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-orjentazzjoni u l-objettivi ta’ politika mħabbrin fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 17 . Din tal-aħħar hi maħsuba biex tiżgura li l-AI tiġi żviluppata b’modi li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jirbħu l-fiduċja tan-nies, ħalli l-Ewropa tkun adattata għall-era diġitali u s-snin li ġejjin isiru d-Deċennju Diġitali 18 .

Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali 19 tinkludi bosta drittijiet u prinċipji diġitali li huma allinjati mal-objettivi u l-prinċipji tal-Konvenzjoni, u ż-żewġ strumenti lkoll jippromwovu approċċ sod għat-teknoloġija li hu bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Konvenzjoni hi konsistenti wkoll mal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal 20 , u mal-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal (BIK+) 21 , li għandhom l-għan jiżguraw li t-tfal ikunu protetti, jiġu rispettati u jkollhom is-setgħa online, biex jaffaċċjaw ċerti sfidi ta’ dinjiet virtwali ġodda u tal-AI.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta għal deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni hija ppreżentata lill-Kunsill skont l-Artikolu 218(5) tat-TFUE.

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(5) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-ftehim. Skont il-ġurisprudenza, jekk eżami ta’ miżura tal-Unjoni jiżvela li din għandha żewġ għanijiet jew żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, il-miżura jrid ikollha bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni jikkoinċidi ma’ dak tal-Att dwar l-AI 22 , inkluż fir-rigward tal-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni fejn jidħlu r-riċerka u l-iżvilupp, is-sigurtà nazzjonali u l-attivitajiet tad-difiża. Il-prinċipji u l-obbligi fil-Konvenzjoni jikkoinċidu mar-rekwiżiti aktar dettaljati għas-sistemi tal-AI u mal-obbligi speċifiċi tal-fornituri u l-amministraturi ta’ dawn is-sistemi skont l-Att dwar l-AI u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. Jekk il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni proposta u l-Unjoni tiffirma l-Konvenzjoni, l-Att dwar l-AI se jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni li timplimeta l-Konvenzjoni fl-ordni legali tal-Unjoni b’regoli armonizzati bis-sħiħ dwar it-tqegħid fis-suq, it-tqegħid fis-servizz, u l-użu tas-sistemi tal-AI fl-Unjoni li huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, sakemm l-Att dwar l-AI ma jkunx jipprevedi speċifikament mod ieħor 23 .

Meta jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tal-Konvenzjoni huma allinjati u konsistenti għalkollox ma’ dawk tal-Att dwar l-AI, u li l-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali taż-żewġ strumenti legali jikkoinċidu, il-bażi legali sostantiva għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni hi l-Artikolu 114 tat-TFUE, li hu l-bażi legali primarja tal-Att dwar l-AI.

In-natura tal-ftehimiet internazzjonali (“UE biss” jew “imħallta”) hi kontinġenti fuq il-kompatibbiltà tas-suġġett speċifiku mal-kompetenzi tal-Unjoni.

L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva “li tikkonkludi ftehim internazzjonali […] sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”. Ftehim internazzjonali jista’ jaffettwa r-regoli komuni u jbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom meta l-qasam kopert mill-ftehim ikun kopert fil-biċċa l-kbira tiegħu mid-dritt tal-Unjoni 24 .

Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-Konvenzjoni huwa allinjat għalkollox mal-Att dwar l-AI fis-sens li ż-żewġ strumenti legali jkopru, fil-prinċipju, lill-atturi pubbliċi u lill-atturi privati (bl-applikazzjoni fakultattiva tal-prinċipji u l-obbligi tal-Konvenzjoni għal atturi privati għajr dawk li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet pubbliċi), filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni materjali taż-żewġ strumenti legali jeskludi l-attivitajiet tal-AI relatati mas-sigurtà nazzjonali, mad-difiża u mar-riċerka mir-regoli applikabbli.

Meta jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tal-Konvenzjoni jikkoinċidu ma’ dawk tal-Att dwar l-AI, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE. Għaldaqstant, l-Unjoni jenħtieġ li titqies li tgawdi minn kompetenza esterna esklużiva biex tikkonkludi l-Konvenzjoni, u l-Konvenzjoni jenħtieġ li tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni bħala ftehim “tal-UE biss”, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

Proporzjonalità

Il-Konvenzjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika li jinħoloq approċċ koerenti għar-regolamentazzjoni tal-AI fil-livell internazzjonali.

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas legali ta’ livell għoli għall-AI li jippermetti l-flessibbiltà, u b’hekk il-Partijiet ikunu jistgħu jfasslu b’mod konkret l-oqfsa tal-implimentazzjoni. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiżgura wkoll il-proporzjonalità tar-regoli u jippermetti d-divrenzjar tal-miżuri tal-implimentazzjoni b’mod proporzjonat għar-riskji, b’mod simili għall-Att dwar l-AI.

Għażla tal-istrument

L-istrument magħżul hu proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(5) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni Ewropea ma għamlitx konsultazzjoni speċifika mal-partijiet ikkonċernati dwar din il-proposta.

L-elaborazzjoni tal-Konvenzjoni kienet sforz kollaborattiv tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, li involva lis-46 stat membru kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll stati osservaturi fosthom il-Kanada, il-Ġappun, il-Messiku, is-Santa Sede, l-Istati Uniti tal-Amerka, u l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ipparteċipaw diversi stati oħra li mhumiex membri, fosthom l-Awstralja, l-Arġentina, il-Costa Rica, Iżrael, il-Perù u l-Urugwaj.

F’konformità mal-impenn tal-Kunsill tal-Ewropa li jinvolvi ruħu ma’ diversi partijiet ikkonċernati, l-iżvilupp tal-Konvenzjoni involva wkoll il-kontribut mingħand 68 rappreżentant internazzjonali mis-soċjetà ċivili, mid-dinja akkademika, mill-industrija u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, biex jiżgura approċċ komprensiv u inklużiv. L-iżvilupp tal-Konvenzjoni involva wkoll kollaborazzjoni ma’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fosthom l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO). Barra minn hekk, għall-proċess ikkontribwew għadd ta’ korpi u kumitati rilevanti fil-Kunsill tal-Ewropa. Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni mexxietha l-Kummissjoni Ewropea. Rappreżentanti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kienu preżenti wkoll bħala osservaturi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-pożizzjonijiet tan-negozjar tal-Unjoni għall-Konvenzjoni tħejjew f’konsultazzjonijiet ma’ kumitat speċjali ddeżinjat mill-Kunsill (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar it-Telekomunikazzjoni u s-Soċjetà tal-Informazzjoni).

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tindirizza r-riskji u l-ħsarat potenzjali għad-drittijiet tal-bniedem billi tiżgura li l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-AI ikunu allinjati mal-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, filwaqt li tirrikonoxxi wkoll il-potenzjal li l-AI tipproteġi u tiffaċilita l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet fl-ambjent diġitali u ttejjeb il-benesseri soċjetali u ambjentali u l-progress teknoloġiku.

Il-prinċipji u l-obbligi konkreti previsti fil-Konvenzjoni huma maħsuba biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, minquxa f’diversi strumenti internazzjonali u reġjonali 25 , kif applikabbli għall-Partijiet, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u strumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li kkonkludiet l-Unjoni.

Għalhekk, il-Konvenzjoni tistabbilixxi standard minimu komuni għall-applikazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-AI, filwaqt li tissalvagwardja l-protezzjonijiet eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tippermetti lill-Partijiet jipprovdu protezzjoni akbar b’salvagwardji aktar stretti.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-Konvenzjoni tipprevedi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ Stati li mhumiex membri għall-attivitajiet tal-Konferenza tal-Partijiet. Filwaqt li l-membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa se jikkontribwixxu għall-baġit ordinarju tal-Kunsill tal-Ewropa f’konformità mal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Partijiet li mhumiex membri se jagħmlu kontribuzzjonijiet ekstrabaġitarji. Il-kontribuzzjoni ta’ min mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tiġi stabbilita b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Ministri u minn dak li mhux membru.

Il-Konvenzjoni ma tinterferix mal-liġijiet u r-regolamenti domestiċi tal-Partijiet li jirregolaw il-kompetenzi u l-proċeduri baġitarji għall-approprjazzjonijiet baġitarji. Tippermetti wkoll li l-Istati li mhumiex membri jagħmlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fil-limiti tal-baġit approvati stabbiliti mill-fergħa leġiżlattiva tagħhom, mingħajr preġudizzju għal xi ftehim preċedenti.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Konferenza tal-Partijiet magħmula mir-rappreżentanti tal-Partijiet se tissorvelja li l-objettivi tal-Konvenzjoni jintlaħqu b’mod effettiv u li l-Partijiet jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha.

Kull Parti se tkun meħtieġa tippreżenta rapport lill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel sentejn mis-sħubija u mbagħad f’intervalli regolari, li jkun jagħti dettalji dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

Il-Partijiet huma mħeġġa wkoll jikkooperaw biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni. Din il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tinkludi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-AI u l-potenzjal tagħha li tħalli impatt negattiv jew pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Biex ikunu żgurati monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi, kull Parti se tkun meħtieġa tiddeżinja mekkaniżmu tas-sorveljanza effettiv wieħed jew aktar fil-livell domestiku.

2024/0150 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fil-21 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (“il-Konvenzjoni”). Il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat il-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni. Fis-17 ta’ Mejju 2024, in-negozjati ġew konklużi b’suċċess billi nbdiet il-Konvenzjoni u permezz tal-adozzjoni tagħha mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa 26 .

(2)Il-Konvenzjoni tistabbilixxi l-prinċipji u l-obbligi ġenerali li l-Partijiet għall-Konvenzjoni jenħtieġ li josservaw biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI).

(3)Fit-12 ta’ Ġunju 2024, l-Unjoni adottat ir-Regolament (UE) 2024/... (“l-Att dwar l-AI”) 27 , primarjament abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, li jipprovdi regoli armonizzati għalkollox li jirregolaw it-tqegħid fis-suq, it-tqegħid fis-servizz, u l-użu tas-sistemi tal-AI fl-Unjoni li huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, sakemm l-Att dwar l-AI ma jkunx jipprevedi mod ieħor b’mod espliċitu. Il-Konvenzjoni trid tiġi implimentata fl-Unjoni esklużivament permezz tal-Att dwar l-AI u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, meta applikabbli.

(4)Meta jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tal-Konvenzjoni jikkoinċidu ma’ dawk tal-Att dwar l-AI u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-Unjoni tgawdi minn kompetenza esterna esklużiva biex tiffirma l-Konvenzjoni u, għalhekk, l-Unjoni biss jenħtieġ li ssir Parti għall-Konvenzjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

(5)F’konformità mat-Trattati, hija l-Kummissjoni Ewropea li trid tiżgura l-iffirmar tal-Konvenzjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt (“il-Konvenzjoni”) hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni.

Il-kontenut tal-Konvenzjoni li trid tiġi ffirmata hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     Ir-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali), ĠU 2024 L …..
(2)    L-Att dwar l-AI, il-premessi 1 u 8.
(3)     Deċiżjoni dwar il-ħidma tas-CAI fil-132 Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri – Segwitu, CM/Inf(2022)20, DD(2022)245
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-20 ta’ Novembru 2018, il-Kawżi Magħquda C-626/15 u C-659/16, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB Antartiku), ECLI:EU:C:2018:925, il-punt 112.
(5)     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2349 tal-21 ta’ Novembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt , ĠU L 311, 2.12.2022, p. 138.
(6)    CM/Del/Dec(2024)133/4.
(7)    Id-definizzjoni tal-OECD ta’ “sistema tal-AI” ġiet aġġornata fit-8 ta’ Novembru 2023 [C(2023)151 u C/M(2023)14, il-punt 218] biex ikun żgurat li tibqa’ preċiża teknikament u tkun tirrifletti l-iżviluppi teknoloġiċi, inkluż fir-rigward tal-AI ġenerattiva.
(8)

   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391-407.

(9)    Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali), ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1-102.
(11)    Ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku, PE/90/2023/REV/1, ĠU L, 2024/900, 20.3.2024.
(12)     https://disinfocode.eu/introduction-to-the-code/
(13)     Nipproteġu d-demokrazija – il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(14)     https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/protecting-democracy_mt
(15)     https://commission.europa.eu/publications/reinforcing-democracy-and-integrity-elections-all-documents_en
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Difiża tad-Demokrazija, COM/2023/630 final.
(17)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa, COM/2020/67 final.
(18)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali , COM/2021/118 final.
(19)     Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali , COM(2022) 28 final.
(20)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, COM/2021/142 final
(21)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Deċennju Diġitali għat-tfal u ż-żgħażagħ: l-istrateġija Ewropea l-ġdida għal internet aħjar għat-tfal (BIK+), COM/2022/212 final.
(22)    Adottat mill-Kunsill fil-21 ta’ Mejju 2024 u mistenni li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali f’Lulju 2024.
(23)    Ara l-Artikolu 1 u l-premessa 1 tal-Att dwar l-AI.
(24)    Eżempju, il-Kawża C‑114/12 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Drittijiet relatati tal-organizzazzjonijiet tax-xandir) ECLI:EU:C:2014:2151, il-punti 68-69; l-Opinjoni 1/13 Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ The Hague, EU:C:2014:2303, il-punti 71-74; il-Kawża C‑66/13 Green Network, EU:C:2014:2399, il-punti 27-33; l-Opinjoni 3/15 Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat, ECLI:EU:C:2017:114, il-punti 105-108.
(25)    Bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, il-Konvenzjoni tal-1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 5), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966, il-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 (ETS Nru 35), kif ukoll il-protokolli rispettivi tagħhom, u l-Karta Soċjali Ewropea tal-1996 (Riveduta) (ETS Nru 163), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.
(26)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2349 tal-21 ta’ Novembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt , ĠU L 311, 2.12.2022, p. 138.
(27)    Ir-Regolament (UE) 2024/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali), ĠU 2024 L…...
Top

Brussell, 26.6.2024

COM(2024) 264 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt


Il-kontenut tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt

Preambolu

L-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-firmatarji l-oħra tagħha,

Filwaqt li jikkunsidraw li l-għan tal-Kunsill tal-Ewropa hu li tinkiseb unità akbar bejn il-membri tiegħu, abbażi b’mod partikolari tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur li jrawmu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni u li jestendu din il-kooperazzjoni għal Stati oħra li għandhom l-istess valuri;

Filwaqt li konxji mill-iżviluppi mgħaġġlin fix-xjenza u fit-teknoloġija u mill-bidliet profondi li saru bl-attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, li għandhom il-potenzjal li jippromwovu l-prosperità tal-bniedem kif ukoll il-benesseri individwali u soċjetali, l-iżvilupp sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha, kif ukoll għanijiet u interessi importanti oħra, billi jtejbu l-progress u l-innovazzjoni;

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jiftħu opportunitajiet bla preċedent għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Filwaqt li mħassbin li ċerti attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jimminaw id-dinjità tal-bniedem u l-awtonomija individwali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

Filwaqt li mħassbin dwar ir-riskji tad-diskriminazzjoni fil-kuntesti diġitali, b’mod partikolari dawk li jinvolvu s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, u l-effett potenzjali tagħhom li joħolqu jew jaggravaw l-inugwaljanzi, inkluż dawk li jġarrbu n-nisa u l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, fir-rigward tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u tal-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u effettiva tagħhom fl-affarijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi;

Filwaqt li mħassbin dwar l-użu ħażin tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u filwaqt li qed jopponu l-użu ta’ dawn is-sistemi għal finijiet repressivi bi ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ prattiki ta’ sorveljanza u ta’ ċensura arbitrarji jew illegali li jdgħajfu l-privatezza u l-awtonomija individwali;

Filwaqt li konxji mill-fatt li d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma intrinsikament minsuġa flimkien;

Filwaqt li konvinti mill-bżonn li bħala kwistjoni ta’ prijorità jitwaqqaf qafas legali applikabbli globalment li jistabbilixxi prinċipji u regoli ġenerali komuni li jirregolaw l-attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u li effettivament iħares il-valuri komuni u jaħtaf il-benefiċċji tal-intelliġenza artifiċjali għall-promozzjoni ta’ dawn il-valuri b’mod li jwassal għal innovazzjoni responsabbli;

Filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn li jiġu promossi l-litteriżmu diġitali, l-għarfien, u l-fiduċja fit-tfassil, fl-iżvilupp, fl-użu u fid-dekummissjonar tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali;

Filwaqt li jirrikonoxxu n-natura tal-qafas ta’ din il-Konvenzjoni, li tista’ tiġi ssupplimentata bi strumenti oħra li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali;

Filwaqt li jenfasizzaw li din il-Konvenzjoni hija maħsuba biex tegħleb ċerti sfidi speċifiċi li jinħolqu tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u biex tħeġġeġ il-kunsiderazzjoni tar-riskji u l-impatti usa’ relatati ma’ dawn it-teknoloġiji fosthom, iżda mhux biss, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u aspetti soċjoekonomiċi, bħall-impjiegi u d-dinja tax-xogħol;

Filwaqt li jinnotaw l-isforzi rilevanti minn organizzazzjonijiet u fora internazzjonali u supranazzjonali oħra biex imexxu ’l quddiem il-fehim u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-intelliġenza artifiċjali;

Filwaqt li konxji mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet internazzjonali, bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, il-Konvenzjoni tal-1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 5), il-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Karta Soċjali Ewropea tal-1961 (ETS Nru 35), kif ukoll il-protokolli rispettivi tagħhom, u l-Karta Soċjali Ewropea tal-1996 (Riveduta) (ETS Nru 163);

Konxji wkoll mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà;

Konxji wkoll mid-drittijiet tal-privatezza tal-persuni u tal-protezzjoni tad-data personali, kif applikabbli u mogħtija pereżempju mill-Konvenzjoni tal-1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali (ETS Nru 108) u l-protokolli tagħha;

Filwaqt li jaffermaw l-impenn tal-Partijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jrawmu l-affidabbiltà tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali permezz ta’ din il-Konvenzjoni,

Ftiehmu kif ġej:

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 – Suġġett u għan

(1)Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jkunu konsistenti għalkollox mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt.

(2)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew oħra xierqa biex tagħti effett lid-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din il-Konvenzjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu gradwati u differenzjati kif jista’ jkun meħtieġ fid-dawl tas-severità u l-probabbiltà tal-okkorrenza ta’ impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali. Dawn jistgħu jinkludu miżuri speċifiċi jew orizzontali li japplikaw irrispettivament mit-tip tat-teknoloġija użata.

(3)Biex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet, din il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ segwitu u tipprevedi l-kooperazzjoni internazzjonali.

Artikolu 2 – Definizzjoni ta’ sistemi tal-intelliġenza artifiċjali

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, “sistema tal-intelliġenza artifiċjali” tfisser sistema bbażata fuq il-magni li għal objettivi espliċiti jew impliċiti, mill-input li tirċievi tiddeduċi kif tiġġenera outputs bħal previżjonijiet, kontenut, rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw l-ambjenti fiżiċi jew virtwali. Sistemi tal-intelliġenza artifiċjali differenti jvarjaw fejn jidħol il-livelli ta’ awtonomija u ta’ adattabbiltà tagħhom wara l-varar.

Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni

(1)Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jkopri l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li jkollhom il-potenzjal jinterferixxu mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt kif ġej:

(a)Kull Parti għandha tapplika din il-Konvenzjoni għall-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi, jew minn atturi privati li jaġixxu f’isimhom.

(b)Kull Parti għandha tindirizza r-riskji u l-impatti li joħolqu l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali minn atturi privati sal-punt mhux kopert fis-subparagrafu (a) b’mod li jikkonforma mal-għan u l-fini ta’ din il-Konvenzjoni.

Kull Parti għandha tispeċifika f’dikjarazzjoni ppreżentata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-mument tal-iffirmar jew meta tiddepożita l-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħha, kif beħsiebha timplimenta dan l-obbligu: billi tapplika l-prinċipji u l-obbligi stabbiliti fil-Kapitoli II sa VI ta’ din il-Konvenzjoni għall-attivitajiet tal-atturi privati jew billi tieħu miżuri xierqa oħra biex tissodisfa l-obbligu stabbilit f’dan is-subparagrafu. Il-Partijiet jistgħu, fi kwalunkwe ħin u bl-istess mod, jemendaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Meta timplimenta l-obbligu skont dan is-subparagrafu, Parti ma tistax tidderoga minn jew tillimita l-applikazzjoni tal-obbligi internazzjonali tagħha li tkun ħadet biex tħares id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(2)Parti ma għandhiex tkun meħtieġa tapplika din il-Konvenzjoni għall-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali relatati mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali tagħha, bil-fehim li dawk l-attivitajiet jitwettqu b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b’rispett għall-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tagħha.

(3)Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 u għall-Artikolu 25, il-paragrafu 2, din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-attivitajiet tar-riċerka u tal-iżvilupp rigward is-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li jkun għadhom ma sarux disponibbli għall-użu, sakemm l-ittestjar jew attivitajiet simili ma jitwettqux b’tali mod li jkollhom il-potenzjal li jinterferixxu mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt.

(4)Il-kwistjonijiet relatati mad-difiża nazzjonali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Kapitolu II – Obbligi ġenerali

Artikolu 4 – Protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex tiżgura li l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jkunu konsistenti mal-obbligi li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, kif minqux fid-dritt internazzjonali applikabbli u fid-dritt domestiku tagħha.

Artikolu 5 – Integrità tal-proċessi demokratiċi u rispett għall-istat tad-dritt

(1)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri maħsuba biex jiżguraw li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali ma jintużawx biex jimminaw l-integrità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi, inkluż il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, ir-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja.

(2)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri maħsuba biex jipproteġu l-proċessi demokratiċi tagħha fil-kuntest tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż l-aċċess ġust tan-nies għad-dibattitu pubbliku u l-parteċipazzjoni fih, kif ukoll l-abbiltà libera tagħhom li jsawru opinjonijiet.

Kapitolu III – Prinċipji relatati mal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali

Artikolu 6 – Approċċ ġenerali

Dan il-Kapitolu jistabbilixxi prinċipji komuni ġenerali li kull Parti għandha timplimenta fir-rigward tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali b’mod xieraq għas-sistema legali domestika tagħha u għall-obbligi l-oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 7 – Dinjità tal-bniedem u awtonomija individwali

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u l-awtonomija individwali fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 8 – Trasparenza u sorveljanza

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ rekwiżiti adegwati ta’ trasparenza u ta’ sorveljanza mfassla għall-kuntesti u r-riskji speċifiċi fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-kontenut iġġenerat mis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 9 – Akkontabbiltà u responsabbiltà

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex tiżgura l-akkontabbiltà u r-responsabbiltà għall-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt li jħallu l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 10 – Ugwaljanza u nondiskriminazzjoni

(1)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex tiżgura li l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jirrispettaw l-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif previst fid-dritt internazzjonali u domestiku applikabbli.

(2)Kull Parti timpenja ruħha li tadotta jew iżżomm miżuri maħsuba biex jixxejnu l-inugwaljanzi biex jinkisbu eżiti ġusti, ugwali u ekwi, bi qbil mal-obbligi domestiċi u internazzjonali applikabbli tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 11 – Privatezza u protezzjoni tad-data personali

Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri biex, fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, tiżgura:

(a)il-protezzjoni tad-drittijiet għall-privatezza tal-individwi u tad-data personali tagħhom, inkluż bil-liġijiet, l-istandards u l-oqfsa domestiċi u internazzjonali applikabbli; u

(b)it-twaqqif ta’ garanziji u salvagwardji effettivi għall-individwi, f’konformità mal-obbligi legali domestiċi u internazzjonali applikabbli.

Artikolu 12 – Affidabbiltà

Kull Parti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tippromwovi l-affidabbiltà tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali u l-fiduċja fl-eżiti tagħhom, li jistgħu jinkludu rekwiżiti għal kwalità u sigurtà adegwati tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 13 – Innovazzjoni sikura

Bil-ħsieb li trawwem l-innovazzjoni filwaqt li tevita l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kull Parti qed tintalab tippermetti, kif xieraq, l-istabbiliment ta’ ambjenti kkontrollati għall-iżvilupp, l-esperimentazzjoni u l-ittestjar ta’ sistemi tal-intelliġenza artifiċjali bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tagħha.

Kapitolu IV – Rimedji

Artikolu 14 – Rimedji

(1)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri, sa fejn ir-rimedji jkunu meħtieġa mill-obbligi internazzjonali tagħha u b’mod konsistenti mas-sistema legali domestika tagħha, biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ rimedji aċċessibbli u effettivi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jikkaġunaw l-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

(2)Bl-għan li tappoġġa l-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri fosthom:

(a)miżuri li jiżguraw id-dokumentazjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar is-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw b’mod sinifikanti d-drittijiet tal-bniedem u l-użu rilevanti tagħhom, u li din tingħata lill-korpi awtorizzati biex jaċċessawha u, meta xieraq u applikabbli, tkun disponibbli għall-persuni affettwati jew tiġi kkomunikata lilhom;

(b)miżuri li jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fis-subparagrafu (a) tkun biżżejjed biex il-persuni affettwati jikkontestaw id-deċiżjoni(jiet) li jittieħdu jew ibbażata sostanzjalment mill-użu tas-sistema, u, meta rilevanti u xieraq, mill-użu tas-sistema nnifisha; u

(c)possibbiltà effettiva għall-persuni kkonċernati li jressqu lment lill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 15 – Salvagwardji proċedurali

(1)Kull Parti għandha tiżgura li, meta sistema tal-intelliġenza artifiċjali tħalli impatt sinifikanti fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-persuni affettwati minn dan ikollhom disponibbli garanziji, salvagwardji u drittijiet proċedurali effettivi, f’konformità mad-dritt internazzjonali u domestiku applikabbli.

(2)Kull Parti għandha taħdem biex tiżgura li, skont kif ikun xieraq fil-kuntest, il-persuni li jinteraġixxu mas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jiġu notifikati li qed jinteraġixxu ma’ dawn is-sistemi minflok ma’ bniedem.

Kapitolu V – Valutazzjoni u mitigazzjoni tar-riskji u tal-impatti negattivi

Artikolu 16 – Qafas ta’ ġestjoni tar-riskji u tal-impatt

(1)Filwaqt li tqis il-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu III, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li jidentifikaw, jivvalutaw, jipprevjenu u jimmitigaw ir-riskji li joħolqu s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali billi tqis l-impatti reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(2)Dawk il-miżuri għandhom ikunu gradwati u differenzjati kif xieraq, u jkunu:

(a)iqisu kif xieraq il-kuntest u l-użu maħsub tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, b’mod partikolari fejn jidħlu r-riskji għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija, u għall-istat tad-dritt;

(b)iqisu kif xieraq is-severità u l-probabbiltà tal-impatti potenzjali;

(c)jikkunsidraw, meta xieraq, il-perspettivi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-persuni li d-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu affettwati;

(d)japplikaw b’mod iterattiv tul l-attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema tal-intelliġenza artifiċjali;

(e)jinkludu monitoraġġ tar-riskji u tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

(f)jinkludu dokumentazzjoni tar-riskji, tal-impatti reali u potenzjali, u tal-approċċ tal-ġestjoni tar-riskji; u

(g)jeżiġu, meta xieraq, l-ittestjar tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali qabel ma jagħmluhom disponibbli għall-ewwel użu u meta jiġu modifikati b’mod sinifikanti;

(3)Kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li jistinkaw biex jiżguraw li jindirizzaw b’mod adegwat l-impatti negattivi tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt. Dawn l-impatti negattivi u l-miżuri li jindirizzawhom għandhom jiġu ddokumentati u jservu ta’ tagħrif għall-miżuri rilevanti tal-ġestjoni tar-riskji deskritti fil-paragrafu 2.

(4)Kull Parti għandha tivvaluta l-ħtieġa ta’ moratorju jew projbizzjoni jew ta’ miżuri xierqa oħra fir-rigward ta’ ċerti użi tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali meta jkun jidhrilha li dawk l-użi jkunu inkompatibbli mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, mal-funzjonament tad-demokrazija jew mal-istat tad-dritt.

Kapitolu VI – Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni

Artikolu 17 – Nondiskriminazzjoni

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet għandha tiġi żgurata mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 18 – Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tat-tfal

F’konformità mad-dritt domestiku tagħha u mal-obbligi internazzjonali applikabbli, kull Parti għandha tqis kif xieraq kull ħtieġa u vulnerabbiltà speċifiċi fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tat-tfal.

Artikolu 19 – Konsultazzjoni pubblika

Kull Parti għandha tistinka biex tiżgura li l-kwistjonijiet importanti li jinħolqu b’rabta mas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jiġu ikkunsidrati kif xieraq b’dibattiti pubbliċi u b’konsultazzjoni ma’ diversi partijiet ikkonċernati fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi, legali, etiċi, ambjentali u implikazzjonijiet rilevanti oħra.

Artikolu 20 – Litteriżmu u ħiliet diġitali

Kull Parti għandha tħeġġeġ u tippromwovi l-litteriżmu diġitali u l-ħiliet diġitali adegwati għas-segmenti kollha tal-popolazzjoni, inkluż ħiliet esperti speċifiċi għal dawk responsabbli biex jidentifikaw, jivvalutaw, jipprevjenu u jimmitigaw ir-riskji li joħolqu s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 21 – Salvagwardja għad-drittijiet tal-bniedem eżistenti

Xejn f’din il-Konvenzjoni ma għandu jiġi interpretat li jillimita, li jidderoga minn jew li jaffettwa b’xi mod ieħor id-drittijiet tal-bniedem jew xi drittijiet u obbligi legali relatati oħra li jistgħu jiġu ggarantiti skont il-liġijiet rilevanti ta’ Parti jew xi ftehim internazzjonali rilevanti ieħor li għalih hija parti.

Artikolu 22 – Protezzjoni akbar

L-ebda dispożizzjoni f’din il-Konvenzjoni ma għandha tiġi interpretata bħala dispożizzjoni li tillimita jew li taffettwa b’xi mod ieħor il-possibbiltà għal Parti li tipprovdi miżura ta’ protezzjoni akbar minn dik stipulata f’din il-Konvenzjoni.

Kapitolu VII – Mekkaniżmu ta’ segwitu u kooperazzjoni

Artikolu 23 – Konferenza tal-Partijiet

(1)Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tkun magħmula mir-rappreżentanti tal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni.

(2)Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw minn żmien għal żmien:

a) biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe problema u l-effetti ta’ xi riżerva li ssir skont l-Artikolu 34, il-paragrafu 1, jew ta’ xi dikjarazzjoni li ssir skont din il-Konvenzjoni;

b) biex jikkunsidraw is-supplimentazzjoni jew l-emendar possibbli ta’ din il-Konvenzjoni;

c) jikkunsidraw xi materji u jagħmlu rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni;

d) jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni dwar żviluppi legali, ta’ politika jew teknoloġiċi sinifikanti ta’ rilevanza, inkluż fl-insegwiment tal-objettivi definiti fl-Artikolu 25, għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni;

e) jiffaċilitaw, meta meħtieġ, ir-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwim relatat mal-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni; u

f) jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar aspetti pertinenti tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż b’seduti pubbliċi, meta xieraq.

(3)Il-Konferenza tal-Partijiet għandu jlaqqagħha s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa kull meta jkun meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, meta l-maġġoranza tal-Partijiet jew il-Kumitat tal-Ministri jitolbu l-konvokazzjoni tagħha.

(4)Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess b’kunsens fi żmien 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni.

(5)Il-Partijiet għandhom jiġu assistiti mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ewropa fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan l-Artikolu.

(6)Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tipproponi modi xierqa lill-Kumitat tal-Ministri biex jinvolvi l-għarfien espert rilevanti b’appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din il-Konvenzjoni.

(7)Kull Parti li ma tkunx membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Konferenza tal-Partijiet. Il-kontribuzzjoni ta’ min mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tiġi stabbilita b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Ministri u minn dak li mhux membru.

(8)Il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tiddeċiedi li tillimita l-parteċipazzjoni f’ħidmitha ta’ xi Parti li ma tkunx għadha membru tal-Kunsill tal-Ewropa skont l-Artikolu 8 tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 1), meta dik tkun wettqet xi ksur serju tal-Artikolu 3 tal-Istatut. Bl-istess mod, jistgħu jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti li ma tkunx Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ministri li twaqqaf ir-relazzjonijiet tagħha ma’ dak l-Istat għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Istatut.

Artikolu 24 – Obbligu tar-rappurtar

(1)Kull Parti għandha tipprovdi rapport lill-Konferenza tal-Partijiet fl-ewwel sentejn minn meta ssir Parti, u mbagħad perjodikament bid-dettalji tal-attivitajiet li twettaq biex tagħti effett lill-Artikolu 3, il-paragrafu 1, is-subparagrafi (a) u (b).

(2)Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddetermina l-format u l-proċess tar-rapport f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha.

Artikolu 25 – Kooperazzjoni internazzjonali

(1)Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fit-twettiq tal-għan ta’ din il-Konvenzjoni. Il-Partijiet huma mħeġġa wkoll, kif xieraq, biex jassistu lill-Istati li mhumiex Partijiet għal din il-Konvenzjoni biex jaġixxu b’mod konsistenti mat-termini ta’ din il-Konvenzjoni u jsiru Parti għaliha.

(2)Il-Partijiet għandhom, kif xieraq, jiskambjaw informazzjoni rilevanti u utli bejniethom dwar aspetti relatati mal-intelliġenza artifiċjali li jista’ jkollhom effetti pożittivi jew negattivi sinifikanti fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-funzjonament tad-demokrazija u l-osservanza tal-istat tad-dritt, inkluż ir-riskji u l-effetti li jinħolqu f’kuntesti ta’ riċerka u fir-rigward tas-settur privat. F’dawn l-iskambji tal-informazzjoni, il-Partijiet huma mħeġġa jinvolvu, kif xieraq, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-Istati li mhumiex Partijiet għal din il-Konvenzjoni.

(3)Il-Partijiet huma mħeġġa jsaħħu l-kooperazzjoni, inkluż mal-partijiet ikkonċernati rilevanti meta xieraq, biex jipprevjenu u jimmitigaw ir-riskji u l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-kuntest tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali.

Artikolu 26 – Mekkaniżmi effettivi ta’ sorveljanza

(1)Kull Parti għandha tistabbilixxi jew tiddeżinja mekkaniżmu effettiv wieħed jew aktar biex tissorvelja l-konformità mal-obbligi f’din il-Konvenzjoni.

(2)Kull Parti għandha tiżgura li dawk il-mekkaniżmi jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom b’mod indipendenti u imparzjali u li jkollhom is-setgħat, l-għarfien espert u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu b’mod effettiv il-kompiti tagħhom tas-sorveljanza tal-konformità mal-obbligi f’din il-Konvenzjoni, kif mogħtija effett mill-Partijiet.

(3)Jekk Parti tkun ipprevediet aktar minn mekkaniżmu wieħed bħal dan, għandha tieħu miżuri, meta prattikabbli, biex tiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejniethom.

(4)Jekk Parti tkun ipprevediet mekkaniżmi differenti mill-istrutturi eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem, din għandha tieħu miżuri, meta prattikabbli, biex tippromwovi l-kooperazzjoni effettiva bejn il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 u dawk l-istrutturi domestiċi eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem.

Kapitolu VIII – Klawżoli finali

Artikolu 27 – Effetti tal-Konvenzjoni

(1)Jekk żewġ Partijiet jew aktar ikunu diġà kkonkludew ftehim jew trattat dwar il-materji ttrattati f’din il-Konvenzjoni, jew inkella jkunu stabbilew relazzjonijiet dwar materji bħal dawn, dawn għandhom ikunu intitolati wkoll li japplikaw dak il-ftehim jew it-trattat jew li jirregolaw dawk ir-relazzjonijiet kif xieraq, diment li jagħmlu dan b’mod li ma jkunx inkonsistenti mal-għan u l-fini ta’ din il-Konvenzjoni.

(2)Il-Partijiet li huma membri tal-Unjoni Ewropea għandhom, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, japplikaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-materji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mingħajr preġudizzju għall-għan u l-fini ta’ din il-Konvenzjoni u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha ma’ Partijiet oħra. L-istess japplika għall-Partijiet l-oħra sal-punt li huma marbuta b’dawk ir-regoli.

Artikolu 28 – Emendi

(1)L-emendi ta’ din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu proposti minn xi waħda mill-Partijiet, mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jew mill-Konferenza tal-Partijiet.

(2)Kull proposta għal emenda għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(3)Kull emenda proposta minn xi Parti jew mill-Kumitat tal-Ministri għandha tintbagħat lill-Konferenza tal-Partijiet, li min-naħa tagħha għandha tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar l-emenda proposta lill-Kumitat tal-Ministri.

(4)Il-Kumitat tal-Ministri għandu jikkunsidra l-emenda proposta u l-opinjoni ppreżentata mill-Konferenza tal-Partijiet u jista’ japprova l-emenda.

(5)It-test ta’ kull emenda approvata mill-Kumitat tal-Ministri f’konformità mal-paragrafu 4 għandu jintbagħat lill-Partijiet għall-aċċettazzjoni.

(6)Kull emenda approvata f’konformità mal-paragrafu 4 għandha tidħol fis-seħħ fit-30 jum wara dak meta l-Partijiet kollha jkunu infurmaw lis-Segretarju Ġenerali li aċċettawha.

Artikolu 29 – Riżoluzzjoni tat-tilwim

Fil-każ ta’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, dawn il-Partijiet għandhom jistinkaw favur riżoluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ negozjati jew ta’ xi mezz paċifiku ieħor tal-għażla tagħhom, inkluż permezz tal-Konferenza tal-Partijiet, kif previst fl-Artikolu 23, il-paragrafu 2, is-subparagrafu (e).

Artikolu 30 – Iffirmar u dħul fis-seħħ

(1)Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, mill-Istati li mhumiex membri u li pparteċipaw fl-abbozzar tagħha, u mill-Unjoni Ewropea.

(2)Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(3)Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data li fiha ħames firmatarji, fosthom mill-inqas tliet Stati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, ikunu ddikjaraw il-kunsens tagħhom li jintrabtu b’din il-Konvenzjoni f’konformità mal-paragrafu 2.

(4)Fir-rigward ta’ xi firmatarji li sussegwentement jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu biha, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tad-depożitar tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħhom.

Artikolu 31 – Adeżjoni

(1)Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni u wara li jkun kiseb il-kunsens unanimu tagħhom, jistieden lil xi Stat li mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa u li ma jkunx ipparteċipa fl-elaborazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, biex jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni, b’deċiżjoni meħuda bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20(d) tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Partijiet intitolati li jkunu fil-Kumitat tal-Ministri.

(2)Għal kull Stat aderenti, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tad-depożitar tal-istrument ta’ adeżjoni għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 32 – Applikazzjoni territorjali

(1)Kwalunkwe Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu, waqt l-iffirmar jew id-depożitar tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħhom, jispeċifikaw it-territorju jew it-territorji li għalihom għandha tapplika din il-Konvenzjoni.

(2)B’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Parti tista’, f’xi data aktar tard, testendi l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għal xi territorju ieħor speċifikat fid-dikjarazzjoni. Fir-rigward ta’ dan it-territorju, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tal-wasla tad-dikjarazzjoni għand is-Segretarju Ġenerali.

(3)Kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skont iż-żewġ paragrafi preċedenti tista’, fir-rigward ta’ kwalunkwe territorju speċifikat f’dik id-dikjarazzjoni, tiġi rtirata b’notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika għand is-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 33 – Klawżola federali

(1)Stat federali jista’ jirriżerva d-dritt li jassumi obbligi skont din il-Konvenzjoni b’mod konsistenti mal-prinċipji fundamentali tiegħu li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-gvern ċentrali tiegħu u l-istati kostitwenti tiegħu jew entitajiet territorjali simili oħra, diment li din il-Konvenzjoni tkun tapplika għall-gvern ċentrali tal-Istat federali.

(2)Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-istati kostitwenti jew ta’ entitajiet territorjali simili oħra li mhumiex obbligati mis-sistema kostituzzjonali tal-federazzjoni li jieħdu miżuri leġiżlattivi, il-gvern federali għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-istati dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija u l-opinjoni favorevoli tiegħu, u jħeġġiġhom jieħdu azzjoni xierqa biex jingħataw effett.

Artikolu 34 – Riżervi

(1)B’notifika bil-miktub indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Stat jista’, waqt l-iffirmar jew id-depożitar tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tiegħu, jiddikjara li qed juża r-riżerva prevista fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1.

(2)L-ebda riżerva oħra ma tista’ ssir fir-rigward ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 35 – Denunzja

(1)Kull Parti tista’, fi kwalunkwe mument, tiddenunzja din il-Konvenzjoni permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(2)Dik id-denunzja għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tal-wasla tan-notifika għand is-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 36 – Notifikar

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati li mhumiex membri li pparteċipaw fl-abbozzar ta’ din il-Konvenzjoni, lill-Unjoni Ewropea, lil kull firmatarju, lil kull Stat kontraenti, lill kull Parti u lil kull Stat ieħor li jkun ġie mistieden jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni, dwar:

(a)kwalunkwe firma;

(b)id-depożitu ta’ kull strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni;

(c)kwalunkwe data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 30, il-paragrafi 3 u 4 u mal-Artikolu 31, il-paragrafu 2;

(d)kwalunkwe emenda adottata f’konformità mal-Artikolu 28 u d-data meta dik l-emenda tidħol fis-seħħ;

(e)kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 1, is-subparagrafu (b);

(f)kwalunkwe riżerva u irtirar ta’ riżerva li jkunu saru skont l-Artikolu 34;

(g)kwalunkwe denunzja li tkun saret skont l-Artikolu 35;

(h)kwalunkwe att, dikjarazzjoni, notifika jew komunikazzjoni oħra relatati ma’ din il-Konvenzjoni.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji ta’ hawn taħt, awtorizzati kif xieraq biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul fi [post], nhar ... jum tax-xahar ta’ ... 202[4], bl-Ingliż u bil-Franċiż, biż-żewġ testi awtentiċi indaqs, f’kopja waħdanija li trid tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jibgħat kopji ċċertifikati lil kull Stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati li mhumiex membri u li pparteċipaw fl-abbozzar ta’ din il-Konvenzjoni, lill-Unjoni Ewropea u lil kull Stat li ġie mistieden jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni

Top